Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62023CJ0146
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 25 February 2025.#XL and Others v Sąd Rejonowy w Białymstoku and Lietuvos Respublika.#Requests for a preliminary ruling from the Sąd Rejonowy w Białymstoku and Vilniaus apygardos administracinis teismas.#References for a preliminary ruling – Freezing or reduction of remuneration in the national public administration – Measures specifically aimed at judges – Article 2 TEU – Article 19(1), second subparagraph, TEU – Article 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Obligations on Member States to provide remedies sufficient to ensure effective judicial protection – Principle of judicial independence – Powers of the legislatures and executives of the Member States to set the detailed rules for determining judges’ remuneration – Possibility of derogating from those rules – Conditions.#Joined Cases C-146/23 and C-374/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Frar 2025.
XL et vs Sąd Rejonowy w Białymstoku u Lietuvos Respublika.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Sąd Rejonowy w Białymstoku u Vilniaus apygardos administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Iffriżar jew tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-servizz pubbliku nazzjonali – Miżuri li jirrigwardaw speċifikament lill-Imħallfin – Artikolu 2 TUE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligi għall-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin – Kompetenza tal-awtoritajiet leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-modalitajiet għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin – Possibbiltà ta’ deroga minn dawn il-modalitajiet – Kundizzjonijiet.
Kawżi magħquda C-146/23 u C-374/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Frar 2025.
XL et vs Sąd Rejonowy w Białymstoku u Lietuvos Respublika.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Sąd Rejonowy w Białymstoku u Vilniaus apygardos administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Iffriżar jew tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-servizz pubbliku nazzjonali – Miżuri li jirrigwardaw speċifikament lill-Imħallfin – Artikolu 2 TUE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligi għall-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin – Kompetenza tal-awtoritajiet leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-modalitajiet għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin – Possibbiltà ta’ deroga minn dawn il-modalitajiet – Kundizzjonijiet.
Kawżi magħquda C-146/23 u C-374/23.
Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2025:109
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
25 ta’ Frar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Iffriżar jew tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-servizz pubbliku nazzjonali – Miżuri li jirrigwardaw speċifikament lill-Imħallfin – Artikolu 2 TUE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligi għall-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin – Kompetenza tal-awtoritajiet leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-modalitajiet għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin – Possibbiltà ta’ deroga minn dawn il-modalitajiet – Kundizzjonijiet”
Fil-Kawżi magħquda C‑146/23 (Sąd Rejonowy w Białymstoku) u C‑374/23 (Adoreikė) ( i ),
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali ta’ Białystok, il-Polonja) (C-146/23) u mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) (C-374/23), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Marzu 2023 u tal-1 ta’ Ġunju 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Marzu 2023 u fit-13 ta’ Ġunju 2023 rispettivament, fil-proċeduri
XL
vs
Sąd Rejonowy w Białymstoku (C‑146/23),
u
SR,
RB
vs
Lietuvos Respublika (C‑374/23),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. L. Arastey Sahún, N. Jääskinen, D. Gratsias u M. Gavalec (Relatur), Presidenti ta’ Awla, E. Regan, J. Passer, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal XL, minnu nnifsu, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, S. Grigonis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, A. Steiblytė u P. Van Nuffel, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, fil-Kawża C‑146/23, XL, Imħallef, u s-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali ta’ Białystok) u, fil-Kawża C‑374/23, SR u RB, żewġ Imħallfin, u l-Lietuvos Respublika (ir-Repubblika tal-Litwanja) dwar l-ammont tar-remunerazzjoni tagħhom. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Pollakk
|
3 |
L-Artikolu 178 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja), dwar l-indipendenza tal-Imħallfin, jipprovdi: “1. Fl-eżerċizzju tal-kariga tagħhom, l-Imħallfin għandhom ikunu indipendenti u suġġetti biss għall-Kostituzzjoni u għal-liġijiet. 2. L-Imħallfin għandhom jingħataw kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa u għandhom jingħataw remunerazzjoni li tixraq lid-dinjità tal-kariga tagħhom u lill-portata tad-dmirijiet tagħhom. 3. L-Imħallfin la jistgħu jkunu affiljati ma’ ebda partit politiku jew ma’ sindakat, u lanqas ma jistgħu jeżerċitaw attività politika inkompatibbli mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati u tal-Imħallfin.” |
|
4 |
L-ustawa ‑ Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas-27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. tal-2001, Nru 98, punt 1070), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑146/23 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji”) tinkludi l-Artikolu 91 dwar ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin, li huwa fformulat kif ġej: “[...] 1c. Il-bażi sabiex jiġi stabbilit is-salarju bażiku tal-Imħallfin għal sena partikolari għandha tkun is-salarju medju matul it-tieni trimestru tas-sena preċedenti ppubblikat fid-[Dziennik Urzędowy Rzeczypospolitej Polskiej ‘Monitor Polski’ (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja ‘Monitor Polski’)] mill-President tal-[Głównego Urzędu Statystycznego (l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika, il-Polonja)], konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 20 tal-[l’ustawa o emeryturach i rentach z Funduszu Ubezpieczeń Społecznych (il-Liġi dwar il-Benefiċċji tax-Xjuħija u l-Invalidità tal-Fondi tas-Sigurtà Soċjali), tas-17 ta’ Diċembru 1998 (Dz. U. tal-1998, Nru 162, punt 1118)] u dan bla ħsara għall-paragrafu 1d. 1d. Jekk l-ammont tas-salarju medju msemmi fil-paragrafu 1c ikun inqas minn dak tas-salarju medju ppubblikat għat-tieni trimestru tas-sena preċedenti, dan l-aħħar ammont għandu jiġi adottat bħala l-ammont bażiku għad-determinazzjoni tas-salarju bażiku tal-Imħallfin. 2. Is-salarju tal-Imħallef għandu jiġi ddeterminat skont skala ta’ rati, li l-valur tagħhom għandu jkun kkalkolat permezz tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti multiplikaturi għall-bażi tal-kalkolu tas-salarju bażiku msemmija fil-paragrafu 1c. Ir-rati tas-salarju bażiku tal-Imħallfin, skont il-karigi li huma jaqdu, u l-koeffiċjenti multiplikaturi użati sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tas-salarju bażiku bid-diversi rati, jinstabu fl-anness għal din il-liġi. [...] 6. L-Imħallef għandu dritt għal allowance għall-kariga b’rabta mal-kariga tiegħu. 7. Barra minn hekk, ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin tvarja wkoll skont l-allowance tal-anzjanità fis-servizz, li tirrapreżenta, b’effett mis-sitt sena ta’ servizz, 5 % tas-salarju bażiku u sussegwentement tiżdied kull sena b’1 %, mingħajr madankollu ma taqbeż l-20 % tas-salarju bażiku. [...]” |
|
5 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 8 tal-ustawa o szczególnych rozwiązaniach służących realizacji ustawy budżetowej na rok 2022 (il-Liġi dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġi baġitarja għas-sena 2022), tas-17 ta’ Diċembru 2021 (Dz. U. tal-2021, punt 2445, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2022 li takkumpanja l-baġit”): “1. Għas-sena 2022, is-salarju bażiku tal-Imħallfin imsemmi fl-Artikolu 91(1c) tal-[Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji] huwa bbażat fuq is-salarju medju tat-tieni trimestru tas-sena 2020, ippubblikat fl-Avviż tal-President tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika. 2. Il-bażi msemmija fil-paragrafu 1 tiżdied b’ammont ta’ 26 [zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 6)]. 3. Meta dispożizzjonijiet differenti jagħmlu riferiment għas-salarju bażiku tal-Imħallfin imsemmi fl-Artikolu 91(1c) tal-[Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji], dan jikkorrispondi, għas-sena 2022, għas-salarju medju tat-tieni trimestru tas-sena 2020, ippubblikat fl-Avviż tal-President tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika u miżjud b’PLN 26. 4. Meta dispożizzjonijiet differenti jagħmlu riferiment għar-remunerazzjoni tal-Imħallfin, din ir-remunerazzjoni tikkorrispondi, għas-sena 2022, għar-remunerazzjoni kkalkolata skont il-paragrafi 1 u 2.” |
|
6 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 8 tal-ustawa o szczególnych rozwiązaniach służących realizacji ustawy budżetowej na rok 2023 (il-Liġi dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġi tal-2023 li takkumpanja l-baġit), tal-1 ta’ Diċembru 2022 (Dz. U. tal-2022, punt 2666, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2023 li takkumpanja l-baġit”), kien jipprovdi: “1. Għas-sena 2023, il-bażi tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin, imsemmija fl-Artikolu 91(1c) tal-[Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji] tammonta għal PLN 5 444.42 (madwar EUR 1274). 2. Meta dispożizzjonijiet differenti jagħmlu riferiment għas-salarju bażiku tal-Imħallfin imsemmi fl-Artikolu 91(1c) tal-[Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji], għas-sena 2023, l-ammont tiegħu jkun PLN 5 444.42.” |
Id-dritt Litwan
|
7 |
L-Artikolu 3 tal-Lietuvos Respublikos teisėjų darbo apmokėjimo įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar ir-Remunerazzjoni tal-Imħallfin), tas-6 ta’ Novembru 2008 (Žin., 2008, Nru 131-5022, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi li r-remunerazzjoni tal-Imħallfin għandha tiġi kkalkolata bi tluq mill-ammont bażiku tar-remunerazzjoni tal-persuni li jfasslu l-politika nazzjonali, tal-Imħallfin, tal-uffiċjali u tal-aġenti tal-Istat kif ukoll tal-ħaddiema tal-istituzzjonijiet baġitarji tal-Istat u tal-komuni, stabbilit għal sena partikolari mill-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja, fuq proposta tal-Gvern ta’ dan l-Istat membru. Dan l-ammont bażiku ma setax ikun inqas mill-ammont bażiku tas-sena preċedenti, ħlief jekk jiġu ddikjarati ċirkustanzi eċċezzjonali. Dan kellu jiġi stabbilit b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ inflazzjoni annwali medja għas-sena preċedenti, li kienet ikkalkolata skont l-indiċi nazzjonali tal-prezzijiet għall-konsumatur, skont l-ammont tas-salarju minimu fix-xahar u skont l-impatt tal-fatturi l-oħra li jaffettwaw il-livell u l-evoluzzjoni tas-salarju medju fis-settur pubbliku. |
|
8 |
Skont l-Artikolu 4(2) tal-Liġi dwar ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin, ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin tal-qrati tal-ordinament ġudizzjarju u tal-qrati speċjalizzati kienet komposta mis-salarju bażiku, mill-allowance tal-anzjanità fis-settur pubbliku, mill-allowance għax-xogħol tal-għassa mwettaq fi ġranet ta’ mistrieħ u ta’ vaganzi pubbliċi, u ta’sostituzzjoni u, fl-aħħar nett, mill-bonus għal żieda fil-volum ta’ xogħol. |
|
9 |
Ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin tal-apygardos teismai (il-Qrati Reġjonali, il-Litwanja) kienet ikkalkolata billi s-salarju bażiku jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent tas-salarju li, skont il-kliem tal-Kapitolu II tal-Anness ta’ din il-liġi, kien ta’ 17.2 għal dawn l-Imħallfin. |
It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑146/23
|
10 |
Fl-4 ta’ Diċembru 2003, XL inħatar Imħallef mas-Sąd Rejonowy w Suwałkach (il-Qorti Distrettwali ta’ Suwałki, il-Polonja). Mit-3 ta’ April 2007, huwa eżerċita l-karigi tiegħu fis-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali ta’ Białystok). Ir-remunerazzjoni bażika tiegħu tikkonsisti fil-bażi ta’ kalkolu tas-salarju bażiku tiegħu, li għalih japplika koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 u li miegħu tiżdied b’mod partikolari allowance tal-anzjanità li tikkorrispondi għal 20 % tas-salarju bażiku. L-ammont tal-bażi ta’ kalkolu tas-salarju bażiku tiegħu kien ta’ PLN 5 050.48 (madwar EUR 1181) għas-sena 2022 u ta’ PLN 5 444.42 (madwar EUR 1274) għas-sena 2023. |
|
11 |
Għalhekk XL irċieva remunerazzjoni fix-xahar ta’ PLN 15 151.44 (madwar EUR 3544) għax-xhur minn Lulju sa Novembru 2022, ta’ PLN 15 033.51 (madwar EUR 3517) għax-xahar ta’ Diċembru 2022 u ta’ PLN 16 333.26 (madwar EUR 3821) għax-xahar ta’ Jannar 2023. |
|
12 |
Wara li fuq talba tiegħu ġie informat, mill-persuna li timpjegah, li huwa kien jirċievi PLN 10000 (madwar EUR 2339) iktar minn dak li huwa rċieva bħala remunerazzjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sal-31 ta’ Jannar 2023 li kieku r-remunerazzjoni tiegħu kellha tiġi kkalkolata konformement mal-Artikolu 91(1c) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji, XL ippreżenta rikors kontra s-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali ta’ Białystok), quddiem dik il-qorti, li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex jikseb il-ħlas ta’ din is-somma, flimkien mal-interessi moratorji legali. |
|
13 |
L-imsemmija qorti, qabel kollox, tfakkar li mis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 42 sa 45) jirriżulta li l-fatt li l-Imħallfin jirċievu remunerazzjoni li l-livell tagħha jkun xieraq meta mqabbel mal-importanza tal-karigi li huma jaqdu jikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-Imħallfin. L-istess qorti tqis li din il-garanzija għandha tiġi osservata, anki meta l-emendi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin iwasslu għal aggravazzjoni tas-sitwazzjoni materjali tagħhom minħabba tnaqqis fit-tul fil-livell tar-remunerazzjoni tagħhom. |
|
14 |
Il-qorti tar-rinviju sussegwentement tenfasizza li l-Artikolu 91(1c) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji jipprevedi li s-salarju bażiku tal-Imħallfin għal sena partikolari għandu jiġi ddeterminat oġġettivament abbażi tas-salarju medju tat-tieni trimestru tas-sena preċedenti, kif ikkomunikat mill-President tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika. |
|
15 |
Hija tkompli tesponi li dan il-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni tas-salarju bażiku tal-Imħallfin madankollu ġie emendat reċentement, u dan fi tliet okkażjonijiet. Għalhekk, għas-sena 2021, is-salarju bażiku ġie stabbilit abbażi tas-salarju medju tat-tieni trimestru tas-sena “n — 2”, jiġifieri dak tas-sena 2019, u mhux abbażi tas-salarju medju tat-tieni trimestru tas-sena “n — 1”, jiġifieri dak tas-sena 2020, bil-konsegwenza li dan ipproduċa “iffriżar” tar-rivalutazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin. Għas-sena 2022, intgħażel is-salarju medju tat-tieni trimestru tas-sena 2020, flimkien ma’ żieda ta’ PLN 26. Fl-aħħar nett, għas-sena 2023, ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin ġiet ikkalkolata abbażi ta’ ammont bażiku ddeterminat mil-leġiżlatur Pollakk u mhux abbażi tas-salarju medju tat-tieni trimestru tas-sena 2022. |
|
16 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-ġustifikazzjoni tal-Gvern Pollakk għal dawn l-emendi kienet is-sitwazzjoni ekonomika tal-Polonja kkawżata, għas-sena 2021, mill-pandemija tal-COVID-19 u, għas-sena 2023, kemm minn din il-pandemija kif ukoll mill-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa. Min-naħa l-oħra, ma ssemmiet ebda raġuni partikolari bħala ġustifikazzjoni għas-sena 2022. |
|
17 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), il-President tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) u l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) adixxew lit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) bi tliet rikorsi separati intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8 tal-Liġi tal-2023 li takkumpanja l-baġit imur kontra l-kostituzzjoni. Fil-kuntest ta’ dawn it-tliet rikorsi, ġie sostnut, essenzjalment, li dan l-artikolu jikser il-garanziji li jiżguraw li l-Imħallfin jirċievu remunerazzjoni li tixraq id-dinjità tal-kariga tagħhom, il-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin, kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-fiduċja fl-Istat. Fil-fatt, l-imsemmi artikolu jipprevedi metodu ta’ determinazzjoni tas-salarju bażiku tal-Imħallfin, li jmur kontra d-dritt tagħhom li jirċievu remunerazzjoni ddeterminata abbażi ta’ kriterji oġġettivi u indipendenti minn kull deċiżjoni arbitrarja tal-leġiżlatur u li tkun tixraq id-dinjità tal-kariga tagħhom. Peress li l-ammont bażiku tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin jiġi ddeterminat kull sena mil-leġiżlatur, il-mudell adottat għad-determinazzjoni ta’ din ir-remunerazzjoni huwa, sa ċertu punt, imprevedibbli. Barra minn hekk, għalkemm kien ippjanat li l-“iffriżar” tas-salarji jiġi introdott b’mod temporanju, iż-żamma tiegħu għas-sena 2023 turi l-intenzjoni li r-remunerazzjoni tal-Imħallfin titnaqqas b’mod permanenti, bi ksur tal-Artikolu 178(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja. Fl-aħħar nett, kull intervent fil-funzjonament u fl-organizzazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja jista’ jitwettaq biss b’mod eċċezzjonali u għandu jkun ir-riżultat ta’ azzjoni miftiehma bejn l-awtorità leġiżlattiva u l-awtorità ġudizzjarja. |
|
18 |
Il-qorti tar-rinviju, li, bħala l-persuna li timpjega lil XL, tqis li ma hijiex awtorizzata twarrab id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati, taqbel mal-argumenti esposti fil-punt preċedenti. F’dan il-każ, huma l-“iffriżar” fit-tul, għal tliet snin, tar-rivalutazzjoni tar-remunerazzjoni tagħhom u l-abbandun de facto, matul is-sena 2023, tal-mekkaniżmu għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin ibbażat fuq is-salarju medju tat-tieni trimestru tas-sena preċedenti, kif previst fl-Artikolu 91(1c) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji li jippreġudikaw l-indipendenza tal-Imħallfin. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan l-aġġustament fit-tul, repetut u ta’ daqs kunsiderevoli tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin ma huwiex iġġustifikat fid-dawl tas-sitwazzjoni stabbli tal-finanzi pubbliċi tar-Repubblika tal-Polonja u huwa intiż sabiex awtorità ġudizzjarja indipendenti u awtonoma tbaxxi rasha u taġixxi b’mod arbitrarju skont kunsiderazzjonijiet ta’ natura politiċi ddettati mill-awtorità eżekuttiva u minn dik leġiżlattiva. |
|
19 |
Bi qbil ma XL, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), u tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel (C‑49/18, EU:C:2019:106), ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-kawża, sa fejn, f’dan il-każ, id-deroga mill-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin hija permanenti, u mhux temporanja bħal fil-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenzi, u sa fejn hija tirrigwarda prinċipalment lill-Imħallfin, li ma kienx il-każ f’dawk il-kawżi. |
|
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali ta’ Białystok) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 2 tat-[TUE], li, billi jistabbilixxi l-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-osservanza tal-Istat tad-dritt, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] li skonthom l-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva bbażata fuq id-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-Imħallfin jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, bil-għan li tillimita l-ispejjeż baġitarji, tidderoga mill-mekkaniżmu li r-remunerazzjoni tal-Imħallfin tiġi stabbilita abbażi ta’ kriterji oġġettivi, indipendenti mill-indħil arbitrarju tas-setgħa eżekuttiva u dik leġiżlattiva u li twassal għal tnaqqis permanenti tal-livell ta’ remunerazzjoni tal-Imħallfin, bi ksur tal-garanziji kostituzzjonali li jiżguraw lill-Imħallfin remunerazzjoni li tikkorrispondi mad-dinjità tal-funzjoni [tixraq id-dinjità tal-kariga] tagħhom u mal-portata tad-dmirijiet tagħhom u li jiggarantixxu l-amministrazzjoni tal-ġustizzja minn qrati indipendenti u mħallfin indipendenti?” |
|
21 |
Bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar, b’mod partikolari, l-eventwali effett, fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari, tas-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), tat-8 ta’ Novembru 2023 (Kawża Nru K 1/23), li permezz tagħha ġie kkonstatat li l-Artikolu 8 tal-Liġi tal-2023 li takkumpanja l-baġit ma huwiex konformità mal-Artikolu 178(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, il-qorti tar-rinviju indikat li hija kellha l-intenzjoni żżomm din it-talba, peress li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma eżaminatx jekk dan l-Artikolu 8 kienx konformi mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 178. Barra minn hekk, dik is-sentenza tirrigwarda biss il-Liġi tal-2023 li takkumpanja l-baġit, filwaqt li t-tilwima fil-kawża prinċipali timplika wkoll li jiġi ddeterminat jekk il-Liġi tal-2022 li takkumpanja l-baġit tosservax dan il-prinċipju. |
Il-Kawża C‑374/23
|
22 |
SR u RB, li huma Mħallfin fil-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), ippreżentaw rikors għad-danni kontra r-Repubblika tal-Litwanja quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex jiksbu l-ħlas ta’ danni fl-ammont ta’ EUR 74 286.09 għal SR u fl-ammont ta’ EUR 95 620.17 għal RB. Huma jsostnu li r-remunerazzjoni tagħhom hija stabbilita skont ir-rieda politika tal-awtorità eżekuttiva u tal-awtorità leġiżlattiva u dan il-fatt jikser b’mod partikolari l-prinċipju kostituzzjonali ta’ indipendenza tal-Imħallfin. |
|
23 |
SR u RB jiddenunzjaw l-assenza ta’ mekkaniżmu legali li jippermetti li qorti jew Imħallef iġiegħlu lill-awtorità eżekuttiva u lill-awtorità leġiżlattiva jistabbilixxu remunerazzjoni xierqa, ibbażata fuq indikaturi ekonomiċi nazzjonali u li tikkorrispondi kemm għar-responsabbiltajiet tal-Imħallfin, kif ukoll għar-restrizzjonijiet stretti imposti fuqhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ attività oħra. |
|
24 |
Ir-Repubblika tal-Litwanja tallega, min-naħa tagħha, li l-programmazzjoni tal-baġit tal-Istat u, b’mod partikolari, tal-ammont tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Istat u tal-ħaddiema tas-settur pubbliku taqa’ taħt il-prerogattivi tal-Gvern previsti mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja. Barra minn hekk, l-ammont bażiku tar-remunerazzjonijiet ta’ dawn l-uffiċjali u ħaddiema huwa ffissat kull sena skont ir-riżorsi u r-restrizzjonijiet finanzjarji tal-Istat, b’tali mod li dan tal-aħħar ma setax iżid dan l-ammont bażiku iktar malajr milli għamel. Barra minn hekk, mis-sena 2018 sas-sena 2023, l-imsemmi ammont bażiku żdied b’mod regolari u kellu impatt ekonomiku dirett fuq is-salarji fis-settur privat u fuq is-salarju nazzjonali medju, kif ukoll impatt sinjifikattiv fuq it-tkabbir tal-ammont tas-salarji tal-qrati. Fl-aħħar nett, dan l-Istat Membru jqis li l-istabbiliment tas-sistema għar-remunerazzjoni tal-Imħallfin taqa’ fid-diskrezzjoni kostituzzjonali u esklużiva tal-Istat u tal-istituzzjonijiet tiegħu. |
|
25 |
Il-Qorti tar-rinviju tindika li, skont l-applikazzjoni flimkien tal-Artikolu 3 u tal-Anness tal-Liġi dwar ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin, ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin tal-apygardos teismai (il-Qrati Reġjonali) hija kkalkolata billi l-ammont bażiku, li kien ta’ EUR 181 għas-sena 2022 u ta’ EUR 186 għas-sena 2023, jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent tas-salarju ta’ 17.2, u li dan il-koeffiċjent baqa’ l-istess sa mill-1 ta’ Ottubru 2013, ħlief għall-Imħallfin tal-apylinkės teismai (il-Qrati Distrettwali, il-Litwanja). |
|
26 |
Mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-allowance tal-anzjanità, ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin tal-apygardos teismai (il-Qrati Reġjonali) kienet ta’ EUR 2 440.85 (gross) għas-sena 2008 u ta’ EUR 2362 (gross) għas-sena 2021, fid-dawl tar-riforma fiskali li seħħet matul is-sena 2019. Għalhekk, filwaqt li r-remunerazzjonijiet tal-Imħallfin donnhom li żdiedu b’madwar 8 % fi 13-il sena, fir-realtà, ir-remunerazzjoni nominali ta’ Mħallef naqset bi 3.2 % sempliċement minħabba din ir-riforma fiskali. Barra minn hekk, sa minn tmiem is-sena 2021, ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin qiegħda tonqos, u toqrob lejn il-livell tas-salarju medju nazzjonali. Fil-fatt, fl-ewwel trimestru tas-sena 2022, is-salarju medju nazzjonali kien ta’ EUR 1 729.90 filwaqt li s-salarju medju ta’ mħallef kien ta’ EUR 3 113.20. Barra minn hekk, l-Imħallfin huma suġġetti għal obbligi tabilħaqq stretti li huma, b’mod partikolari, li jadottaw aġir impekkabbli, li jaqdu l-karigi tagħhom għall-istess remunerazzjoni fix-xahar indipendentement mill-ammont ta’ xogħol attribwit lilhom u li ma jeżerċitawx attivitajiet oħra, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-tagħlim u mal-kreazzjoni. |
|
27 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi, barra minn hekk, li, skont ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-ammont massimu tal-onorarji dovuti abbażi tal-assistenza ta’ avukat jew ta’ avukat stagiaire fil-kawżi ċivili, li ġew approvati fl-2004 mill-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja u mill-Bord tal-Kamra tal-Avukati tal-Litwanja, l-ammont tas-salarju fis-siegħa għal avukat huwa ta’ EUR 179.9, filwaqt li l-ammont gross tar-remunerazzjoni fis-siegħa ta’ Mħallef ta’ apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali, il-Litwanja), minbarra l-allowance tal-anzjanità, huwa ta’ madwar EUR 20. Tali differenza tikkostitwixxi diskriminazzjoni, li tmur kemm kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza kif ukoll kontra l-Artikolu 2 TUE, għad-detriment tagħhom meta mqabbla mal-ġuristi li jeżerċitaw professjonijiet paragunabbli. |
|
28 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), jirriżulta li l-indipendenza tal-Imħallfin timplika li r-remunerazzjoni tal-Imħallfin nazzjonali tiġi ddeterminata skont kriterji indipendenti mill-intervent arbitrarju tal-awtorità eżekuttiva u tal-awtorità leġiżlattiva u li l-livell ta’ remunerazzjoni tal-Imħallfin ikun xieraq meta mqabbel mal-importanza tal-kariga li huma jaqdu, li ma huwiex il-każ fiċ-ċirkostanzi tal-kawża prinċipali. |
|
29 |
F’dan il-kuntest, dik il-qorti ssostni li hija obbligata li tivverifika jekk sistema nazzjonali ta’ remunerazzjoni tal-Imħallfin li tiddependi direttament mir-rieda politika tal-awtorità leġiżlattiva u tal-awtorità eżekuttiva hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u tiggarantixxix kemm il-valuri protetti mill-Artikolu 2 TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
31 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Jannar 2024, il-Kawżi C‑146/23 u C‑374/23 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑374/23
|
32 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Litwan isostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju peress li d-dritt tal-Unjoni la jirregola l-livell tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin nazzjonali u lanqas il-modalitajiet ta’ stabbiliment, ta’ kalkolu jew ta’ ħlas ta’ din ir-remunerazzjoni. |
|
33 |
Madankollu, dan l-argument jirrigwarda, fil-verità, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha. Issa, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet taqa’ manifestament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, għalkemm huma l-Istati Membri li huma kompetenti għall-organizzazzjoni tal-ġustizzja tagħhom stess, l-istess Stati Membri xorta waħda jibqgħu obbligati li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw l-obbligi li huma għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 111, kif ukoll tad-9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-Imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja),C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punti 57 u 58), b’mod partikolari meta jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin. |
|
34 |
Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li japplika, minn perspettiva sostantiva, fir-rigward ta’ kull Imħallef jew qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan huwa l-każ, b’mod partikolari, taż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑374/23, fil-kwalità tagħhom ta’ Mħallfin tal-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnjus). |
|
35 |
Minn dan isegwi li d-domandi magħmula fil-Kawża C‑374/23 jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
36 |
Fit-tieni lok, il-Gvern Litwan jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba li d-domandi magħmula ma għandhom ebda rabta mal-fatti u mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, u peress li, għaldaqstant, l-interpretazzjoni mitluba ma hijiex neċessarja sabiex tiġi deċiża din it-tilwima. Għalhekk, huwa jenfasizza li, f’dan il-każ, ebda miżura nazzjonali intiża speċifikament sabiex tnaqqas ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin ma hija kkontestata u li, matul il-perijodu inkwistjoni, ir-remunerazzjonijiet tal-Imħallfin Litwani żdiedu regolarment. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex il-punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor Din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 115 u 116 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors għad-danni ppreżentat kontra r-Repubblika tal-Litwanja li fil-kuntest tiegħu huwa allegat, essenzjalment, li s-setgħa diskrezzjonali li l-awtorità leġiżlattiva u l-awtorità eżekuttiva ta’ dan l-Istat Membru għandhom sabiex jistabbilixxu r-remunerazzjoni tal-Imħallfin tikser il-prinċipju ta’ indipendenza ta’ dawn tal-aħħar. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar dan ir-rikors, jekk kemm il-modalitajiet ta’ determinazzjoni ta’ din ir-remunerazzjoni kif ukoll l-ammont tagħha humiex konformi ma’ dan il-prinċipju, li jirriżulta kemm mill-Artikolu 2 u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
39 |
Konsegwentement, jidher li, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju li tingħata risposta għad-domandi magħmula fil-Kawża C‑374/23, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
40 |
Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑374/23 hija ammissibbli. |
Fuq id-domandi preliminari
|
41 |
Preliminarjament, sa fejn, fil-Kawża C‑374/23, it-tieni domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi enfasizzat li r-rikonoxximent tad-dritt għal rimedju effettiv, f’każ partikolari, jippreżupponi li l-persuna li tibbaża ruħha fuqu tkun qiegħdha tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jew li tkun is-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tat-22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li SR u RB jissodisfaw xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. |
|
43 |
Għalhekk, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Artikolu 47 tagħha ma huwiex, bħala tali, applikabbli fil-Kawża C‑374/23. Madankollu, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri kollha l-obbligu li jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex tiġi żgurata, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenzi tal-20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 44 u 45, kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 36 u 37). |
|
44 |
Dan speċifikat, id-domandi magħmula fil-Kawżi C‑146/23 u C‑374/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandhom jinftiehmu bħala intiżi sabiex isir magħruf, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin jipprekludi li:
|
|
45 |
F’dan ir-rigward, la l-Artikolu 2 TUE, la t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jimponu fuq l-Istati Membri mudell kostituzzjonali preċiż li jirregola r-relazzjonijiet u l-interazzjoni bejn it-tliet awtoritajiet tal-Istat, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni u d-delimitazzjoni tal-kompetenzi tagħhom. Skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom. Madankollu, fl-għażla tal-mudell kostituzzjonali rispettiv tagħhom, l-Istati Membri huma obbligati li jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, għalkemm huma l-Istati Membri li huma kompetenti għall-organizzazzjoni tal-ġustizzja tagħhom stess, dawn huma madankollu obbligati li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, taħt l-Artikolu 2 kif ukoll taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan jgħodd b’mod partikolari meta dawn jiddeċiedu l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin. |
|
47 |
L-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-individwi għandhom taħt dan id-dritt. Għal dan il-għan, il-preżervazzjoni tal-indipendenza ta’ dawn l-istanzi hija primordjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors)C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 108 u 115 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-missjoni ta’ għoti ta’ deċiżjoni, jagħmel effettivament parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanzija tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u mill-preżervazzjoni tal-valuri komuni għall-Istati Membri stipulati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 49, kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2024,Valančius, C‑119/23, EU:C:2024:653, punt 46). |
|
49 |
Il-kunċett ta’ indipendenza tal-qrati jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-istanza kkonċernata taqdi l-karigi ġudizzjarji tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, u b’tali mod tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Issa, l-istess bħall-irremovibbiltà tal-membri tal-istanza kkonċernata, il-fatt li huma jirċievu livell ta’ remunerazzjoni xieraq meta mqabbel mal-importanza tal-karigi li jaqdu tikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-Imħallfin (sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses,C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 44 u 45, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 66). |
|
50 |
B’mod iktar speċifiku, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha tiġi ggarantita fil-konfront tal-awtorità leġiżlattiva u tal-awtorità eżekuttiva (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 124; tal-20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 54, kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 42). |
|
51 |
Dan espost, is-sempliċi fatt li l-awtorità leġiżlattiva u l-awtorità eżekuttiva ta’ Stat Membru jkunu involuti fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin la huwa, bħala tali, ta’ natura li joħloq dipendenza tal-Imħallfin fuq dawn l-awtoritajiet u lanqas li joħloq dubji dwar l-indipendenza jew l-imparzjalità tagħhom. Kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fit-tfassil tal-baġit tagħhom u fit-tweżin fost id-diversi partiti tan-nefqa pubblika. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ jinkludi d-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż u, b’mod partikolari, tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin. L-awtorità leġiżlattiva nazzjonali u l-awtorità eżekuttiva nazzjonali effettivament jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest soċjoekonomiku partikolari tal-Istat Membru li fih għandu jitfassal dan il-baġit u li fih għandha tiġi ggarantita l-indipendenza tal-Imħallfin. |
|
52 |
Xorta jibqa’ l-fatt li r-regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin ma għandhomx joħolqu, f’moħħ l-individwi, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-Imħallfin ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 56 u 57). |
|
53 |
Għal dan l-għan, il-karti, ir-rapporti u d-dokumenti l-oħra mfassla mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-preżenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’dan il-qasam. |
|
54 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin, huwa importanti li, l-ewwel nett, konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dawn il-modalitajiet ikunu ddeterminati mil-liġi, li tista’ tipprevedi l-intervent tal-imsieħba soċjali, b’mod partikolari tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-Imħallfin ikkonċernati. F’dan il-kuntest, it-trasparenza tal-proċedura leġiżlattiva tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-Imħallfin. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, il-punt 11 tal-“Prinċipji Bażiċi dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura”, adottati mis-Seba’ Kungress tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u għat-Trattament tad-Delinkwenti li nżamm f’Milano mis-26 ta’ Awwissu 1985 sas-6 ta’ Settembru 1985, jipprevedi li r-remunerazzjoni xierqa tal-Imħallfin għandha tkun “iggarantita mil-liġi”. Bl-istess mod, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2010)12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, intitolata “L-Imħallfin: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet” adottata fis-17 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tas-sena 2010”) tistipula, fil-punt 53 tagħha, li “r-regoli prinċipali tas-sistema ta’ remunerazzjoni għall-Imħallfin professjonali għandhom jiġu stabbiliti fil-liġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
56 |
Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, jeżiġi li l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tagħhom ikunu oġġettivi, prevedibbli, stabbli u trasparenti, b’tali mod li jkun eskluż kull intervent arbitrarju tal-awtorità leġiżlattiva u tal-awtorità eżekuttiva tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
57 |
It-tieni nett, kif imsemmi fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-Imħallfin jirċievu remunerazzjoni li l-livell tagħha jkun xieraq meta mqabbel mal-importanza tal-karigi li huma jaqdu jikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tagħhom. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel (C‑49/18, EU:C:2019:106, punti 70, 71 u 73), jirriżulta li l-livell ta’ remunerazzjoni tal-Imħallfin għandu jkun għoli biżżejjed, fid-dawl tal-kuntest soċjoekonomiku tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex jagħtihom indipendenza ekonomika ċerta ta’ natura li tipproteġihom kontra r-riskju li eventwali interventi jew pressjonijiet esterni jkunu jistgħu jippreġudikaw in-newtralità tad-deċiżjonijiet li huma għandhom jieħdu. Għalhekk, il-livell ta’ din ir-remunerazzjoni għandu jkun ta’ natura li jipproteġi lill-Imħallfin kontra r-riskju ta’ korruzzjoni. |
|
59 |
Il-punt 54 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tas-sena 2010 jistipula li “[i]r-remunerazzjoni tal-Imħallfin għandha tkun proporzjonata mal-professjoni u r-responsabbiltajiet tagħhom, u tkun suffiċjenti sabiex tipproteġihom kontra tentazzjonijiet immirati sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-punt 57 tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ din ir-rakkomandazzjoni jippreċiża li “[l]ivell ta’ remunerazzjoni xieraq huwa element ewlieni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni tal-Imħallfin u huwa intiż li jipproteġihom minn pressjonijiet li jistgħu jiġu eżerċitati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
60 |
Għalhekk, ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin tista’ tvarja skont l-anzjanità u n-natura tal-karigi fdati lilhom. Fi kwalunkwe każ, hija għandha dejjem tkun xierqa meta mqabbla mal-importanza tal-karigi li huma jaqdu. |
|
61 |
L-evalwazzjoni tan-natura xierqa tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin tippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni, minbarra s-salarju ordinarju bażiku, id-diversi allowances u l-benefiċċji li huma jirċievu, b’mod partikolari għall-anzjanità tagħhom jew tal-karigi fdati lilhom, iżda wkoll eventwali eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet soċjali. |
|
62 |
Barra minn hekk, in-natura xierqa tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu. F’din il-perspettiva, huwa xieraq li r-remunerazzjoni medja tal-Imħallfin titqabbel mas-salarju medju fl-imsemmi Stat, kif ġie b’mod partikolari enfasizzat fir-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji Ewropej stabbilit fl-2020 mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ) (p. 68). |
|
63 |
Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta minn dan ir-rapport (p. 67), sabiex l-indipendenza tal-Imħallfin u, b’mod iktar wiesa’, il-kwalità tal-ġustizzja tiġi ggarantita fi Stat tad-dritt, “[i]l-politiki tal-ġustizzja għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll is-salarji tal-professjonijiet legali l-oħra sabiex jagħmlu l-professjoni ġudizzjarja attraenti għall-prattikanti legali bi kwalifiki għoljin”. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin jipprekludi li r-remunerazzjoni tal-Imħallfin tiġi stabbilita f’livell inqas minn dak tar-remunerazzjoni medja ta’ professjonisti legali oħra, b’mod partikolari dawk li jeżerċitaw professjoni indipendenti, bħall-avukati, peress li dawn jinsabu f’sitwazzjoni manifestament differenti minn dik tal-Imħallfin. |
|
64 |
It-tielet nett, il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv skont il-modalitajiet proċedurali previsti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
65 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li l-awtorità leġiżlattiva u l-awtorità eżekuttiva ta’ Stat Membru jidderogaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiddefinixxi b’mod oġġettiv il-modalitajiet għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin, billi jiddeċiedu li ż-żieda ta’ din ir-remunerazzjoni tkun inqas minn dik prevista minn din il-leġiżlazzjoni, jew saħansitra li jiffriżaw jew inaqqsu l-ammont tal-imsemmija remunerazzjoni, l-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ deroga għandha, din ukoll, tissodisfa ċertu numru ta’ rekwiżiti. |
|
66 |
L-ewwel nett, miżura ta’ deroga bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti għandha, l-istess bħar-regoli ġenerali dwar id-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin li minnha hija tidderoga, tkun prevista mil-liġi. Barra minn hekk, il-modalitajiet ta’ remunerazzjoni tal-Imħallfin previsti minn din il-miżura ta’ deroga għandhom ikunu oġġettivi, prevedibbli u trasparenti. |
|
67 |
It-tieni nett, l-imsemmija miżura ta’ deroga għandha tkun iġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali, bħal ma hija l-ħtieġa ta’ eliminazzjoni ta’ defiċit pubbliku eċċessiv, fis-sens tal-Artikolu 126(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 46, u tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 67). |
|
68 |
Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-possibbiltà li Stat Membru jinvoka tali ħtieġa ma tippreżupponix il-ftuħ kontrih ta’ proċedura abbażi tal-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, anness mat-Trattati UE u FUE. |
|
69 |
Ir-raġunijiet baġitarji li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżura li tidderoga mir-regoli tad-dritt komuni fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin għandhom jiġu spjegati b’mod ċar. Barra minn hekk, bla ħsara għal ċirkustanzi eċċezzjonali debitament iġġustifikati, dawn il-miżuri ma għandhomx ikollhom bħala l-mira speċifika tagħhom biss il-membri tal-qrati nazzjonali u għandhom ikunu jifformaw parti minn qafas iktar ġenerali intiż sabiex numru ikbar ta’ membri tas-servizz pubbliku nazzjonali jikkontribwixxu għall-isforz fiskali mfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 49, u tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 67). |
|
70 |
F’dan ir-rigward, il-punt 54 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tas-sena 2010 jipprevedi li “[d]ispożizzjonijiet legali speċifiċi għandhom jiġu introdotti bħala salvagwardja kontra tnaqqis fir-remunerazzjoni mmirat speċifikament għall-Imħallfin” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, kif jippreċiża l-punt 57 tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ din ir-rakkomandazzjoni, “[p]olitiċi pubbliċi intiżi għat-tnaqqis ġenerali tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali pubbliċi ma humiex f’kontradizzjoni mar-rekwiżit li jiġi evitat tnaqqis speċifikament tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
71 |
Għalhekk, meta Stat Membru jadotta miżuri ta’ restrizzjoni baġitarja li jaffettwaw lill-uffiċjali u lill-aġenti pubbliċi tiegħu, huwa jista’, f’soċjetà kkaratterizzata mis-solidarjetà, kif jenfasizza l-Artikolu 2 TUE, jiddeċiedi li japplika dawn il-miżuri wkoll għall-Imħallfin nazzjonali. |
|
72 |
It-tielet nett, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 31), miżura ta’ deroga bħal dik imsemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi r-realizzazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex, għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq u ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-imsemmi għan, li jimplika li l-importanza ta’ dan tal-aħħar għandha tiġi mwieżna mal-gravità tal-indħil fil-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin. |
|
73 |
F’dan ir-rigward, miżura ta’ din in-natura, għalkemm tidher adatta għar-realizzazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali msemmi fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, għandha madankollu tibqa’ l-eċċezzjoni u tkun temporanja, sa fejn ma għandhiex tapplika lil hinn mit-tul neċessarju għar-realizzazzjoni tal-għan leġittimu mfittex, bħall-eliminazzjoni ta’ defiċit pubbliku eċċessiv. |
|
74 |
Barra minn hekk, l-effett tal-imsemmija miżura fuq ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin ma għandux ikun sproporzjonat meta mqabbel mal-għan imfittex. |
|
75 |
Ir-raba’ nett, il-preżervazzjoni tal-indipendenza tal-Imħallfin teżiġi li, minkejja l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ miżura ta’ restrizzjoni baġitarja, u minkejja li tali miżura tkun marbuta mal-eżistenza ta’ kriżi ekonomika, soċjali u finanzjarja serja, il-livell tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin għandu dejjem ikun xieraq meta mqabbel mal-importanza tal-karigi li huma jaqdu, sabiex jibqgħu protetti minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tal-ġudizzju tagħhom u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza. |
|
76 |
Il-ħames nett, miżura ta’ deroga bħal dik imsemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza. |
|
77 |
Għalkemm, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex il-kompitu li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, madankollu hija tista’, sabiex tagħti risposta utli lill-qrati tar-rinviju, tagħtihom indikazzjonijiet ibbażati kemm fuq il-proċessi tal-kawżi prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub li hija għandha, b’tali mod li tippermetti lil dawn il-qrati jiddeċiedu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 1991, Newton, C‑356/89, EU:C:1991:265, punt 10; tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria,C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 71, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2024, Centro di Assistenza Doganale Mellano, C‑503/23, EU:C:2024:933, punt 85). |
|
78 |
Fil-Kawża C‑146/23, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, hekk kif sostna l-Gvern Pollakk quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri li jidderogaw mill-Artikolu 91(1c) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji li kienu applikabbli fl-2022 u fl-2023 kinux jissodisfaw għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti fl-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi baġitarji f’kuntest ikkaratterizzat mill-pandemija tal-COVID-19, mill-aggressjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa u miż-żieda mingħajr preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija li rriżultat minnha. |
|
79 |
Peress li l-Artikolu 8 tal-Liġi tal-2022 li takkumpanja l-baġit u l-Artikolu 8 tal-Liġi tal-2023 li takkumpanja l-baġit kienu jirrigwardaw speċifikament ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin u tal-prosekuturi, tali miżuri għandhom jitqiesu, prima facie, bħala li jistgħu jippreġudikaw il-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza u fid-dawl tal-elementi mressqa mill-Gvern Pollakk quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż, punt li għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li dawn il-miżuri, għalkemm kienu jirrigwardaw speċifikament l-Imħallfin, jifformaw parti mill-kuntest ta’ riformi usa’ li affettwaw ukoll ir-remunerazzjoni ta’ kategoriji oħra ta’ uffiċjali jew ta’ aġenti pubbliċi. B’mod partikolari, skont dawn l-elementi, l-imsemmija miżuri jistgħu fir-realtà jkunu intiżi għall-applikazzjoni ddifferita, fil-konfront tal-Imħallfin, ta’ miżuri ta’ restrizzjoni baġitarja li kienu diġà ġew applikati, fil-konfront ta’ kategoriji oħra ta’ uffiċjali jew ta’ aġenti pubbliċi, matul is-snin preċedenti. |
|
80 |
Barra minn hekk, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li ż-żewġ dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punt preċedenti ġew applikati biss matul sena waħda. Għalhekk jidher li n-natura tal-miżuri dwar il-pagi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet eċċezzjonali u temporanja, u dan donnu huwa kkonfermat mill-fatt li l-mekkaniżmu għall-kalkolu tar-remunerazzjonijiet, previst fl-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji, ma ġiex imħassar u ġie applikat mill-ġdid fl-2024, hekk kif ġie osservaw mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
81 |
Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, dejjem bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-effett ta’ dawn il-miżuri ma kienx dak li XL jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jirċievi remunerazzjoni li kienet, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku, soċjali u finanzjarju tal-Istat Membru kkonċernat u tas-salarju medju f’dan l-Istat, xierqa meta mqabbla mal-importanza tal-karigi li huwa jaqdi. Fil-fatt, minkejja li dawn il-miżuri setgħu rriżultaw f’telf fil-kapaċità tal-akkwist ta’ XL, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu f’dan il-proċess, ma jidhirx li l-imsemmija miżuri naqqsu l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu, li kienet ġiet iffriżata matul is-sena 2021 u li kienet żdiedet b’4.37 % matul is-sena 2022 u b’7.8 % matul is-sena 2023. Mill-kumplament, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni enfasizzaw li, jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-diversi allowances kif ukoll l-eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li minnha jibbenefikaw l-Imħallfin Pollakki, li tirrappreżenta ekonomija ta’ madwar 14 % tar-remunerazzjoni grossa, ir-remunerazzjoni tagħhom baqgħet, matul dan il-perijodu, iktar minn tliet darbiet għola mis-salarju medju fil-Polonja. |
|
82 |
Fl-aħħar nett, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul mis-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali ta’ Białystok) fil-Kawża C‑146/23 huwa biżżejjed sabiex juri li huwa possibbli li l-miżuri dwar il-pagi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkun s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv. |
|
83 |
Għalhekk, u bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-Artikolu 8 tal-Liġi tal-2022 li takkumpanja l-baġit u l-Artikolu 8 tal-Liġi tal-2023 li takkumpanja l-baġit kisru r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE. |
|
84 |
F’dak li jirrigwarda l-Kawża C‑374/23, minn naħa, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin tal-apygardos teismai (il-Qrati Reġjonali) hija msejjsa fuq bażi legali, jiġifieri l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin, li tipprevedi li l-awtorità leġiżlattiva u l-awtorità eżekuttiva għandhom ta’ kull sena jistabbilixxu l-ammont bażiku ta’ din ir-remunerazzjoni f’livell li ma jistax ikun inqas minn dak tas-sena preċedenti, u li dan l-ammont bażiku għandu jieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji oġġettivi, bħar-rata annwali tal-inflazzjoni tas-sena preċedenti, li tiddependi mill-indiċi nazzjonali tal-prezzijiet għall-konsumatur, il-paga minima fix-xahar u l-impatt tal-fatturi l-oħra li jaffettwaw il-livell u l-iżvilupp tas-salarju medju fis-settur pubbliku. Min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li dawn il-modalitajiet huma oġġettivi, prevedibbli, stabbli u trasparenti. |
|
85 |
Jekk jitqies li l-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li tikkontesta n-natura adegwata tar-remunerazzjoni rċevuta minn SR u RB, fil-punt 62 ta’ din is-sentenza ġie rrilevat li n-natura xierqa tar-remunerazzjoni tal-Imħallfin għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat u billi r-remunerazzjoni medja tal-Imħallfin tiġi mqabbla mas-salarju medju fl-imsemmi Stat. |
|
86 |
Issa, kif jirriżulta mir-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji Ewropej stabbilit fl-2022 miċ-CEPEJ (p. 80), fl-2020, ir-remunerazzjoni grossa medja tal-Imħallfin Litwani kienet, fil-bidu tal-karriera, 2.1 ’il darba ogħla mis-salarju gross medju fil-Litwanja u li, għall-Imħallfin tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), din ir-remunerazzjoni kienet 2.9 ’il darba ogħla minn dan is-salarju gross medju. |
|
87 |
Il-qorti tar-rinviju ċertament issemmi wkoll riforma fiskali li seħħet fl-2019, li wasslet għal tnaqqis tar-remunerazzjoni nominali ta’ dawn l-Imħallfin. Madankollu, sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda indikazzjoni dwar din ir-riforma, is-sempliċi indikazzjoni li din ġiet applikata għall-Imħallfin ma tistax, waħedha, tkun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin. |
|
88 |
Konsegwentement, u bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, fil-Kawża C‑374/23 ma jidhirx li l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni rċevuta minn SR u RB matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali kisru dan il-prinċipju. |
|
89 |
Fl-aħħar nett, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus) f’din il-kawża huwa biżżejjed sabiex juri l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-miżuri dwar il-pagi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
90 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula fil-Kawżi C‑146/23 u C‑374/23 għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin ma jipprekludix:
|
Fuq l-ispejjeż
|
91 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawk il-qrati li għandhom jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-Imħallfin ma jipprekludix: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Pollakk u l-Litwan.
( i ) L-isem tal-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.