Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62020CJ0331
Judgment of the Court (Second Chamber) of 17 November 2022.#Volotea, SA and easyJet Airline Company Ltd. v European Commission.#Appeal – State aid – Article 107(1) TFEU – European Commission decision on compensation to Sardinian airports for public service obligations – Existence of unlawful State aid incompatible with the internal market, granted by the Italian Republic to airlines through airport operators – Concept of ‘State aid’ – Proof of the existence of an advantage – Determination of the amount – Market economy operator principle – Applicability and application – Test of the private acquirer of goods or services – Conditions – Burden of proof.#Joined Cases C-331/20 P and C-343/20 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Novembru 2022.
Volotea SA u easyJet Airline Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar kumpens imħallas lill-ajruporti ta’ Sardegna għal obbligi ta’ servizz pubbliku – Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern, mogħtija mir-Repubblika Taljana lil kumpanniji tal-ajru permezz ta’ operaturi tal-ajruporti – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Determinazzjoni tal-ammont tiegħu – Prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq – Applikabbiltà u applikazzjoni – Kriterju tax-xerrej privat ta’ oġġetti jew ta’ servizzi – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova.
Kawżi magħquda C-331/20 P u C-343/20 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Novembru 2022.
Volotea SA u easyJet Airline Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar kumpens imħallas lill-ajruporti ta’ Sardegna għal obbligi ta’ servizz pubbliku – Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern, mogħtija mir-Repubblika Taljana lil kumpanniji tal-ajru permezz ta’ operaturi tal-ajruporti – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Determinazzjoni tal-ammont tiegħu – Prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq – Applikabbiltà u applikazzjoni – Kriterju tax-xerrej privat ta’ oġġetti jew ta’ servizzi – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova.
Kawżi magħquda C-331/20 P u C-343/20 P.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:886
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
17 ta’ Novembru 2022 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar kumpens imħallas lill-ajruporti ta’ Sardegna għal obbligi ta’ servizz pubbliku – Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern, mogħtija mir-Repubblika Taljana lil kumpanniji tal-ajru permezz ta’ operaturi tal-ajruporti – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Determinazzjoni tal-ammont tiegħu – Prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq – Applikabbiltà u applikazzjoni – Kriterju tax-xerrej privat ta’ oġġetti jew ta’ servizzi – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova”
Fil-Kawżi magħquda C‑331/20 P u C‑343/20 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit‑22 u fit‑23 ta’ Lulju 2020,
Volotea, SA, stabbilita fi Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn M. Carpagnano, avukat, u M. Nordmann, Rechtsanwalt,
rikorrenti fil-kawża C‑331/20 P,
easyJet Airline Co. Ltd, stabbilita f’Luton (Ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Manzaneque Valverde u J. Rivas Andrés, avukati,
rikorrenti fil-kawża C‑343/20 P,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Grespan u S. Noë kif ukoll minn L. Armati u D. Recchia, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ April 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell rispettiv tagħhom, Volotea SA u easyJet Airline Co. Ltd (iktar ’il quddiem “easyJet”) jitolbu l-annullament tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Mejju 2020, Volotea vs Il‑Kummissjoni (T‑607/17, iktar ’il quddiem is- “sentenza T‑607/17”, EU:T:2020:180), u tat‑13 ta’ Mejju 2020, easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni (T‑8/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑8/18”, EU:T:2020:182) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”), li permezz tagħhom din il-qorti ċaħdet, rispettivament, ir-rikors ta’ Volotea u r-rikors ta’ easyJet intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1861 tal-Kummissjoni Ewropea, tad‑29 ta’ Lulju 2016, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA 33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) — l-Italja — Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ) (ĠU 2017, L 268, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawżi
|
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawżi, kif ippreżentati fis-sentenzi appellati kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej għall-finijiet ta’ din is-sentenza. |
Il-miżuri kontenzjużi
|
3 |
Il-gżira ta’ Sardegna (l-Italja) kellha ħames ajruporti fl-2010, fosthom dawk ta’ Cagliari-Elmas (l-Italja) u ta’ Olbia (l-Italja). |
|
4 |
L-ajruport ta’ Cagliari-Elmas huwa operat minn So.G.Aer SpA (iktar ’il quddiem “Sogaer”), kumpannija li l-kapital tagħha kien miżmum għal iktar minn 90 %, matul il-perijodu mis-sena 2010 sas-sena 2013 (iktar ’il quddiem il-“perijodu 2010/2013”), mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Cagliari, li hija entità pubblika li ma hijiex suġġetta għall-kontroll tar-Regione autonoma della Sardegna (ir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna, l-Italja) (iktar ’il quddiem ir-“Reġjun awtonomu”). Min-naħa tiegħu, l-ajruport ta’ Olbia kien operat, matul l-istess perijodu, minn Geasar SpA, kumpannija li l-kapital tagħha kien miżmum madwar 80 % minn kumpannija privata, Meridiana SpA. |
Il-Liġi Nru 10/2010
|
5 |
Fit-13 ta’ April 2010, ir-Reġjun Awtonomu adotta la legge regionali n. 10 - Misure per lo sviluppo del trasporto aereo (Liġi Reġjonali Nru 10 — miżuri għall-iżvilupp tat-trasport bl-ajru) (Bollettino ufficiale della Regione autonoma della Sardegna Nru 12, tas‑16 ta’ April 2010, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 10/2010”), li l-Artikolu 3 tagħha jistabbilixxi: “1. Għandu jkun awtorizzat infiq ta’ [EUR] 19700000 għas-sena 2010 u ta’ [EUR] 24500000 għal kull waħda mis-snin 2011 sa 2013 għall-finanzjament tal-ajruporti tal-gżira għall-finijiet tat-tisħiħ u tal-iżvilupp tat-trasport bl-ajru bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, inkluż permezz tal-aġġustamenti staġjonali tar-rotot tal-ajru, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2005/C 312/01 [tad‑9 ta’ Diċembru 2005] dwar linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat tal-bidu lill-kumpanniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali [(ĠU 2005, C 312, p. 1)]. 2. Il-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta tat-trasport kif ukoll id-direttivi għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ attivitajiet min-naħa tal-kumpanniji li jamministraw l-ajruporti […] huma ddefiniti b’riżoluzzjoni tal-eżekuttiv reġjonali […] 3. Ir-riżoluzzjoni prevista fil-paragrafu 2 u l-pjanijiet ta’ attivitajiet, inklużi dawk diġà ddefiniti mill-kumpanniji ta’ amministrazzjoni ta’ ajruporti fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, flimkien mal-atti u mal-kuntratti korrispondenti, għandhom ikunu ffinanzjati jekk ikunu stabbiliti skont il-kriterji, in-natura, it-tul tal-offerta ta’ trasport u d-direttivi previsti fil-paragrafu 2 u għandhom jiġu sottomessi minn qabel lill-kummissjoni kompetenti għal opinjoni vinkolanti.” |
L-atti ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010
|
6 |
L-eżekuttiv tar-Reġjun awtonomu adotta diversi atti intiżi sabiex jimplimentaw il-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, b’mod partikolari d-deliberazione della Giunta regionale n. 29/36, (deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali nru. 29/36), tad‑29 ta’ Lulju 2010, id-deliberazione della Giunta regionale n. 43/37 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru. 43/37), tas‑6 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem id- “Deċiżjoni Nru 43/37”), u d-deliberazione della Giunta regionale n. 52/117, (Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 52/117), tat‑23 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 52/117”) (iktar ’il quddiem, flimkien mal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010), il-“miżuri kontenzjużi”. |
|
7 |
Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni ddefinixxew tliet tipi ta’ attivitajiet li għalihom l-operaturi tal-ajruporti setgħu jingħataw finanzjament mir-Reġjun awtonomu għall-perijodu 2010/2013, jiġifieri:
|
|
8 |
Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 29/36, imsemmija fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, ippreċiżat b’mod partikolari li l-għanijiet ġenerali tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010 kienu t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-gżira ta’ Sardegna kif ukoll l-iżvilupp tal-ekonomija lokali, tat-turiżmu u tal-kultura fuqha. Dawn l-għanijiet ġenerali kellhom huma stess jintlaħqu u jiġu kkonkretizzati, fil-prattika, permezz ta’ għanijiet intermedjarji li jikkonsistu fl-iżvilupp u fit-tisħiħ tat-trasport bl-ajru minn u lejn ajruporti differenti tal-gżira, b’mod partikolari billi tiżdied il-frekwenza u l-kapaċità tat-titjiriet matul l-istaġuni intermedjarji u l-istaġun tax-xitwa kif ukoll billi jinfetħu rotot ġodda tal-ajru. |
|
9 |
Fl-aħħar nett, din id-deċiżjoni ddefinixxiet il-kriterji, in-natura u t-tul tas-servizzi ta’ trasport li għalihom seta’ jingħata finanzjament għall-perijodu 2010/2013 kif ukoll tal-linji gwida dwar il-pjanijiet ta’ attivitajiet li t-tfassil tagħhom, mill-entitajiet pubbliċi jew privati li joperaw l-ajruporti differenti tal-gżira (iktar ’il quddiem l-“operaturi tal-ajruporti”), u sussegwentement l-approvazzjoni, mir-Reġjun awtonomu, kienet tikkundizzjona l-għoti ta’ tali finanzjament. Dawn il-pjanijiet ta’ attivitajiet kienu huma stess intiżi sabiex jiġu implimentati permezz ta’ kuntratti konklużi bejn dawn l-operaturi tal-ajruporti u kumpanniji tal-ajru. |
|
10 |
B’mod partikolari, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda ż-żieda tat-traffiku tal-ajru mill-kumpanniji tal-ajru (attività 1), l-imsemmija pjanijiet ta’ attivitajiet kellhom jidentifikaw rotot ta’ interess strateġiku nazzjonali jew internazzjonali u jiddefinixxu l-għanijiet annwali li, mill-perspettiva ta’ kull operatur tal-ajruport ikkonċernat, kienu jidhru fattibbli f’termini ta’ frekwenza tat-titjiriet li kellhom jitwettqu, tan-numru ta’ passiġġieri li kellhom jiġu ttrasportati u rotot ġodda tal-ajru li għandhom jinfetħu. Barra minn hekk, fir-rigward tal-promozzjoni tal-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika mill-kumpanniji tal-ajru (attività 2), dawn l-istess pjanijiet ta’ attivitajiet kellhom jiddefinixxu s-servizzi speċifiċi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar li għandhom jiġu pprovduti sabiex jiżdied in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati u jippromwovu ż-żona ta’ attrazzjoni tal-ajruport ikkonċernat. Fiż-żewġ każijiet, il-pjanijiet ta’ attivitajiet inkwistjoni kellhom ikunu sostnuti minn previżjonijiet ekonomiċi u finanzjarji dwar il-prospetti ta’ profittabbiltà tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti. |
|
11 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet Nru 43/37 u Nru 52/117 jirriżulta li, wara li jkun approva l-pjanijiet ta’ attivitajiet inkwistjoni, ir-Reġjun Awtonomu kellu jaqsam il-fondi pubbliċi msemmija fl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010 billi jiddetermina l-ammont tal-finanzjament li għandu jingħata, mill-baġit tiegħu, lil kull operatur tal-ajruporti li jkun talab li jibbenefika minnu. |
|
12 |
F’dan ir-rigward, dawn id-deċiżjonijiet kienu jipprevedu, b’mod partikolari, li l-finanzjamenti li għandhom jingħataw lil kull operatur tal-ajruporti kkonċernat kienu jkopru d-differenza bejn, minn naħa, l-ispejjeż li d-diversi kumpanniji tal-ajru kkunsidrati minn dan l-operatur tal-ajruporti sabiex jimplimentaw il-pjan ta’ attivitajiet tiegħu kellhom jintrabtu sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fil-konfront tiegħu, kif stipulati fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet, u, min-naħa l-oħra, id-dħul mill-bejgħ ta’ biljetti, minn kull waħda minn dawn il-kumpanniji tal-ajru, lill-passiġġieri rispettivi tiegħu. Barra minn hekk, dawn il-finanzjamenti kellhom jingħataw fi tliet pagamenti, l-ewwel wieħed bil-quddiem, it-tieni bħala ħlas intermedju u t-tielet wieħed bħala bilanċ li l-ħlas tiegħu seta’ jsir biss wara verifika tas-servizzi pprovduti, tar-riżultati miksuba u tal-ispejjeż sostnuti. Fl-aħħar nett, kien previst li r-Reġjun awtonomu u l-operaturi tal-ajruporti jiżguraw, fil-kuntest tal-prerogattivi rispettivi tagħhom, kemm il-kontroll ta’ dawn is-servizzi kif ukoll il-monitoraġġ tal-prestazzjonijiet tal-kumpanniji tal-ajru li pprovdewhom. Dan il-kontroll u dan il-monitoraġġ setgħu jwasslu, b’mod partikolari, għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-għanijiet annwali differenti li għandhom jintlaħqu mill-kumpanniji tal-ajru li jkunu kkonkludew kuntratti ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ reklamar mal-operaturi tal-ajruport kif ukoll għall-irkupru ta’ kull kumpens żejjed li kien jitħallas lil dawn il-kumpanniji tal-ajru, fid-dawl tal-ispejjeż realment sostnuti minnhom. |
L-implimentazzjoni tal-miżuri kontenzjużi fir-rigward ta’ Volotea u easyJet
|
13 |
L-operaturi tal-ajruporti li talbu li jibbenefikaw mid-dispożittiv stabbilit permezz tal-miżuri kontenzjużi, fosthom Sogaer fir-rigward tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas u Geasar f’dak li jirrigwarda dak ta’ Olbia, implimentaw dan id-dispożittiv billi kkonkludew sensiela ta’ kuntratti ma’ firxa wiesgħa ta’ kumpanniji tal-ajru li jinkludu kemm kumpanniji msejħa “klassiċi” kif ukoll kumpanniji msejħa “bi prezz baxx” u “charter”, li fosthom hemm, b’mod partikolari, Volotea u easyJet. |
Is-sitwazzjoni ta’ Volotea
|
14 |
Volotea hija kumpannija tal-ajru stabbilita fi Spanja, li topera netwerk ta’ rotot qosra bi tluq u b’destinazzjoni ta’ grupp ta’ ajruporti li jinsabu fl-Unjoni Ewropea, fosthom dawk ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. |
|
15 |
Bi tweġiba għal sejħa għal espressjoni ta’ interess ippubblikata minn Geasar fil-kwalità tagħha ta’ operatur tal-ajruport ta’ Olbia, Volotea ppreżentat pjan ta’ operat u ta’ żvilupp ta’ rotot tal-ajru minn u lejn dan l-ajruport kif ukoll programm ta’ provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar. |
|
16 |
Wara li eżaminat dan il-pjan tal-operat u dan il-programm, Geasar ippreżentat quddiem ir-Reġjun Awtonomu pjanijiet ta’ attivitajiet għas-sena 2010 u għall-perijodu 2011/2013, flimkien mat-talbiet għal finanzjament korrispondenti. Permezz tad-Deċiżjonijiet Nru 43/37 u Nru 52/117, ir-Reġjun awtonomu approva dawn il-pjanijiet ta’ attivitajiet u stabbilixxa l-ammonti mogħtija lil Geasar għas-sena 2010 kif ukoll għall-imsemmi perijodu. |
|
17 |
Fl‑4 ta’ April 2012 u fl‑31 ta’ Marzu 2013, Geasar u Volotea ikkonkludew żewġ kuntratti dwar l-operat, minn din tal-aħħar, ta’ rotot tal-ajru lejn Bordeaux (Franza), lejn Genova (l-Italja), lejn Nantes (Franza), lejn Palermo (l-Italja) u lejn Venezia (l-Italja) kif ukoll il-provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar li jikkonċernaw l-istabbiliment ta’ rotot ġodda tal-ajru u ż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ akkoljenza u ta’ trasport ta’ passiġġieri. |
|
18 |
Barra minn hekk, bi tweġiba għal avviż ippubblikat minn Sogaer fil-kwalità tagħha ta’ operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas, Volotea ppreżentat pjan għall-operat u għall-iżvilupp ta’ linji tal-ajru minn u lejn dan l-ajruport kif ukoll programm ta’ provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar. |
|
19 |
Wara li eżaminat dan il-pjan tal-operat u dan il-programm, Sogaer ippreżentat lir-Reġjun awtonomu pjanijiet ta’ attivitajiet għas-sena 2010 u għall-perijodu 2011/2013, flimkien ma’ talbiet għal finanzjament korrispondenti. Permezz tad-Deċiżjonijiet Nru 43/37 u Nru 52/117, ir-Reġjun awtonomu approva dawn il-pjanijiet ta’ attivitajiet u stabbilixxa l-ammont tal-finanzjamenti mogħtija lil Sogaer għas-sena 2010 kif ukoll għall-imsemmi perijodu. |
|
20 |
Fis‑26 ta’ Frar 2012, Sogaer u Volotea ikkonkludew kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ rotot ġodda tal-ajru u ż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ akkoljenza u ta’ trasport ta’ passiġġieri. |
Is-sitwazzjoni ta’ easyJet
|
21 |
easyJet hija kumpannija tal-ajru stabbilita fir-Renju Unit, li topera netwerk ta’ rotot qosra minn u lejn ajruporti tal-Unjoni, fosthom dawk ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. |
|
22 |
Bħala risposta għal sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess ippubblikata minn Geasar fil-kwalità tagħha ta’ operatur tal-ajruport ta’ Olbia, easyJet ippreżentat pjan għall-operat u għall-iżvilupp ta’ rotot tal-ajru minn u lejn dan l-ajruport kif ukoll programm ta’ provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar. |
|
23 |
Wara l-eżami ta’ dan il-pjan ta’ operat u ta’ dan il-programm, imbagħad il-preżentazzjoni, minn Geasar, tal-pjanijiet ta’ attivitajiet imsemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza u fl-aħħar nett għall-approvazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mir-Reġjun awtonomu, Geasar u easyJet ikkonkludew tliet kuntratti li permezz tagħhom din tal-aħħar intrabtet, minn naħa, li żżomm jew li tipprovdi konnessjonijiet minn punt sa punt bejn Olbia u l-ajruporti ta’ Bâle (l-Isvizzera), ta’ Berlin-Schönefeld (il-Ġermanja), ta’ Bristol (ir-Renju Unit), ta’ Genève (l-Isvizzera), ta’ Londra Gatwick (ir-Renju Unit) ta’ Lyon (Franza), ta’ Madrid-Barajas (Spanja), ta’ Milano Malpensa (l-Italja) u ta’ Pariġi-Orly (Franza), kif ukoll li tilħaq għanijiet f’termini ta’ trasport ta’ passiġġieri u, min-naħa l-oħra, li timplimenta programm ta’ provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar. L-ewwel wieħed minn dawn il-kuntratti, li ġie ffirmat fis‑17 ta’ Marzu 2011, kien ikopri l-perijodu bejn it‑28 ta’ Marzu 2010 u s‑27 ta’ Marzu 2011. It-tieni wieħed, li ġie ffirmat fil‑25 ta’ Jannar 2012, kien ikopri l-perijodu mis‑27 ta’ Marzu 2011 sat‑30 ta’ Marzu 2013. It-tielet wieħed, li ġie ffirmat fl‑1 ta’ Marzu 2013, kien ikopri l-perijodu mis‑27 ta’ Marzu 2013 sat‑30 ta’ Marzu 2014. |
|
24 |
Barra minn hekk, b’risposta għal avviż ippubblikat minn Sogaer fil-kwalità tagħha ta’ operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas, easyJet ippreżentat pjan ta’ operat u ta’ żvilupp ta’ linji tal-ajru minn u lejn dan l-ajruport kif ukoll programm ta’ provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar. |
|
25 |
Wara l-eżami ta’ dan il-pjan ta’ operat u ta’ dan il-programm, imbagħad wara l-preżentazzjoni, minn Sogaer, ta’ pjanijiet ta’ attivitajiet imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza u fl-aħħar nett għall-approvazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mir-Reġjun awtonomu, Sogaer u easyJet ikkonkludew kuntratt li jkopri l-perijodu mid‑29 ta’ Marzu 2010 sat‑28 ta’ Marzu 2013, li permezz tiegħu easyJet intrabtet, minn naħa, li żżomm jew li tipprovdi titjiriet minn punt sa punt bejn Cagliari-Elmas u Bâle, Berlin-Schönefeld, Genève u Londra-Stansted (ir-Renju Unit), kif ukoll li tilħaq l-għanijiet f’termini ta’ trasport ta’ passiġġieri u, min-naħa l-oħra, li tipprovdi provvisti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar. |
Id-deċiżjoni kkontestata
|
26 |
Fit‑30 ta’ Novembru 2011, ir-Repubblika Taljana nnotifikat il-Liġi Nru 10/2010 lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 108(3) TFUE. |
|
27 |
Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE dwar l-iskema stabbilita mil-Liġi Nru 10/2010. Fit‑30 ta’ Mejju 2013, din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, C 152, p. 30) u l-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentawlha l-eventwali osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmija skema. Bi tweġiba għal din l-istedina, diversi partijiet ikkonċernati, fosthom Volotea u easyJet, ippreżentaw diversi drabi osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni. |
|
28 |
Fid‑29 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li d-dispożittiv tagħha jinkludi l-Artikolu 1 li huwa fformulat kif ġej: “1. L-iskema li l-Italja stabbilixxiet mil-Liġi [Nru 10/2010] ma tinvolvix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) [TFUE] favur [Sogaer] […] u [Geasar] […] (traduzzjoni mhux uffiċjali) 2. L-iskema li l-Italja stabbilixxiet permezz tal-Liġi Nru 10/2010 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1)[TFUE] favur [ħmistax-il kumpannija tal-ajru, fosthom Volotea u easyJet], fir-rigward tal-attivitajiet ta’ dawn il-kumpanniji tal-ajru fl-ajruport ta’ Cagliari-Elmas u fl-ajruport ta’ Olbia. 3. L-għajnuna mill-Istat imsemmija fil-paragrafu 2 iddaħħlet fis-seħħ mill-Italja bil-ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE]. 4. L-għajnuna mill-Istat imsemmija fil-paragrafu 2 hija inkompatibbli mas-suq intern.” |
|
29 |
L-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-deċiżjoni jimponu, b’mod partikolari, fuq ir-Repubblika Taljana l-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni mingħand il-benefiċjarji tagħha kif ukoll li tikkomunika lill-Kummissjoni ġabra ta’ informazzjoni dwar dan l-irkupru. |
|
30 |
Mill-premessi 394 sa 406 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din l-istituzzjoni qieset, essenzjalment, li l-miżuri kontenzjużi ma setgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat li bbenefikaw lill-operaturi tal-ajruporti kkonċernati għal żewġ serje ta’ motivi. Minn naħa, dawn l-operaturi ma setgħux jitqiesu li huma l-“benefiċjarji diretti” ta’ vantaġġ mogħti taħt l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat stabbilita permezz ta’ dawn il-miżuri, sa fejn huma kienu aġixxew de jure u de facto bħala “intermedjarji” f’isem ir-Reġjun awtonomu u ttrasferew il-fondi pubbliċi kollha mmobilizzati minnu bis-saħħa ta’ din l-iskema lill-kumpanniji tal-ajru li magħhom kienu marbuta kuntrattwalment. Min-naħa l-oħra, huma lanqas ma setgħu jitqiesu bħala li bbenefikaw minn “vantaġġ indirett” taħt l-imsemmija skema, peress li huma kienu bbenefikaw biss minn “sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji” maħluqa minnha, “simili” għal dawk li bbenefikaw lill-impriżi attivi f’setturi ekonomiċi oħra marbuta mat-turiżmu. |
|
31 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kklassifikat il-miżuri kontenzjużi bħala għajnuna mill-Istat li bbenefikat lill-kumpanniji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod partikolari, minn naħa, li dawn il-miżuri kienu joriġinaw minn liġi li tipprevedi l-għoti ta’ fondi pubbliċi lill-operaturi ta’ ċerti ajruporti tal-gżira ta’ Sardegna kif ukoll l-allokazzjoni sussegwenti ta’ dawn il-fondi pubbliċi għall-finanzjament ta’ kuntratti konklużi minn dawn l-operaturi tal-ajruporti ma’ kumpanniji tal-ajru, fil-kuntest ta’ mekkaniżmu li l-elementi prinċipali tiegħu kienu stabbiliti minn din il-liġi u suġġetti għall-kontroll tar-Reġjun awtonomu, elementi li fid-dawl tagħhom din l-istituzzjoni kkonkludiet li jeżistu riżorsi tal-Istat (premessi 355 sa 361). |
|
33 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-imsemmija miżuri kienu jagħtu lill-kumpanniji tal-ajru sussidju li jikkostitwixxi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat fid-dawl tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq (premessi 362 sa 388). |
|
34 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-kumpanniji tal-ajru kienet illegali (premessi 407 sa 409) u inkompatibbli mas-suq intern (premessi 410 sa 421). |
Il-Kawża T‑607/17
|
35 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Settembru 2017, Volotea ippreżentat rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din kienet tikkonċerna għajnuna mill-Istat li hija allegatament ibbenefikat minnha taħt l-iskema stabbilita mil-Liġi Nru 10/2010. |
|
36 |
Insostenn tat-talbiet tagħha, Volotea qajmet ħames motivi bbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE, it-tielet wieħed, fuq in-natura illegali tal-ordni ta’ rkupru indirizzata lir-Repubblika Taljana, ir-raba’ wieħed, fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ diliġenza li kellha l-Kummissjoni fil-kuntest tal-iżvolġiment tal-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, il-ħames wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq kontradizzjoni ta’ motivi. |
|
37 |
Fis-sentenza T-607/17, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ebda wieħed minn dawn il-motivi ma kien fondat u, konsegwentement, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Il-Kawża T‑8/18
|
38 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Jannar 2018, easyJet ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha jew, sussidjarjament, sa fejn din kienet tikkonċerna għajnuna mill-Istat li hija allegatament ibbenefikat minnha taħt l-iskema stabbilita mil-Liġi Nru 10/2010. |
|
39 |
Insostenn tat-talbiet tagħha, easyJet invokat sitt motivi bbażati, essenzjalment, l-ewwel sat-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, is-sitt wieħed, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq kontradizzjoni ta’ motivi. |
|
40 |
Fis-sentenza T‑8/18, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fl-ewwel lok, li l-imsemmi rikors kien ammissibbli biss sa fejn kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċerna easyJet. Fit-tieni lok, din il-qorti qieset li ebda wieħed mill-motivi invokati minn din tal-aħħar ma kien fondat. Għaldaqstant, hija ċaħdet ir-rikors kollu. |
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
41 |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑331/20 P, Volotea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
42 |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑343/20 P, easyJet titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
43 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dawn iż-żewġ appelli u tikkundanna lil Volotea u easyJet għall-ispejjeż. |
|
44 |
Permezz ta’ ittri tat‑12 ta’ Frar 2021, il-partijiet f’dawn il-kawżi ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq eventwali tgħaqqid ta’ dawn il-kawżi, stedina li huma wieġbu fit-termini stabbiliti. |
|
45 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Frar 2021, dawn il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukata Ġenerali. |
|
46 |
Fl‑10 ta’ Ġunju 2021, il-partijiet f’dawn il-kawżi ġew mistiedna jwieġbu bil-miktub għal ċerti domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li huma għamlu fit-termini stabbiliti għal dan il-għan. |
Fuq l-appelli
|
47 |
Insostenn tal-appell tagħha, Volotea tinvoka ħames aggravji bbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296(2) TFUE u, fil-ħames lok, fuq ksur tad-dritt għal rikors effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
48 |
L-ewwel wieħed minn dawn il-ħames motivi huwa maqsum f’erba’ lmenti distinti li jirrigwardaw rispettivament l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, in-natura selettiva ta’ dan il-vantaġġ, l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat u l-bidla tal-kompetizzjoni li l-Artikolu 107(1) TFUE jissuġġetta l-karatterizzazzjoni għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. |
|
49 |
Min-naħa tagħha, easyJet tinvoka erba’ aggravji li huma kollha bbażati, essenzjalment, fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE. |
|
50 |
Fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tagħhom, li jikkoinċidu fil-parti l-kbira, l-ewwel ilment tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑331/20 P u l-erba’ motivi fil-Kawża C‑343/20 P ser jiġu eżaminati flimkien. |
L-argumenti tal-partijiet
Fuq l-ewwel ilment tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑331/20 P
|
51 |
Fl-ewwel lok, Volotea ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji fl-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE u fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti tal-każ fid-dawl ta’ din il-kundizzjoni billi qieset, fil-punti 102 sa 110 tas-sentenza T‑607/17, li l-operaturi tal-ajruporti li magħhom hija kkonkludiet kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar ma setgħux jitqiesu li bbenefikaw minn vantaġġ mogħti mir-Reġjun awtonomu peress li huma kienu aġixxew biss meta kienu aġixxew bħala intermedjarji. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali stess fil-punti 92 u 169 ta’ din is-sentenza, dawn l-operaturi tal-ajruporti kellhom, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tas-sistema stabbilita mill-miżuri kontenzjużi, marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-kumpanniji tal-ajru li magħhom huma riedu jikkonkludu kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi u fil-aġġustament tar-remunerazzjoni li għandha titħallas lilhom inkambju għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, mingħajr ma jkunu suġġetti, f’dan ir-rigward, għall-kontroll tar-Reġjun awtonomu. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 103, 104, 115, 116 u 120 tal-imsemmija sentenza, il-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti kienet ippreżentat interess ekonomiku u kummerċjali għall-imsemmija operaturi tal-ajruporti, li kienu jikkonsistu fiż-żieda tal-attività kif ukoll l-attrattività tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, u l-finanzjament tagħhom kien żgurat, tal-inqas parzjalment, mill-fondi proprji tal-operatur ikkonċernat rispettivament, jiġifieri Sogaer u Geasar. |
|
52 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 116 sa 121 u 124 sa 151 tas-sentenza T‑607/17, li l-kwistjoni dwar jekk Volotea kinitx ibbenefikat minn vantaġġ mogħti mir-Reġjun awtonomu kellha tiġi evalwata billi jiġi applikat il-kriterju tax-xerrej privat ta’ oġġetti jew ta’ servizzi iktar milli l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. |
|
53 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq jikkostitwixxi l-kriterju ġenerali li għandu jiġi applikat sabiex jiġi evalwat jekk aġir pubbliku partikolari jiffavorixxix impriża waħda jew iktar, inkluż meta dan l-aġir jikkonsisti, bħal f’dan il-każ, fl-akkwist ta’ oġġetti jew ta’ servizzi. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punti 116 sa 121 u 124 sa 131 tas-sentenza T‑607/17, dan il-prinċipju seta’, jew saħansitra kellu, jiġi applikat f’dan il-każ, anki jekk ir-Reġjun awtonomu segwa għanijiet ta’ politika pubblika u anki jekk huwa aġixxa, għal dan il-għan, permezz ta’ operaturi tal-ajruporti li ma humiex neċessarjament huma stess l-entitajiet pubbliċi kollha. Konkretament, dan ipprova, permezz tal-miżuri kontenzjużi, jikseb, permezz tal-entitajiet pubbliċi jew privati legalment kompetenti, servizzi bl-ajru minn jew lejn il-gżira ta’ Sardegna kif ukoll servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar li għandhom bħala għan kif ukoll l-effett li jippromwovu din id-destinazzjoni, aġir li għandu dimensjoni ekonomika. |
|
54 |
Sussegwentement, il-kriterju tax-xerrej privat ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-punti 131 sa 136 tas-sentenza T‑607/17, billi ddeċidiet li kien jimplika li jiġu vverifikati żewġ kundizzjonijiet relatati, l-ewwel waħda, mal-eżistenza ta’ bżonn reali ta’ oġġetti jew ta’ servizzi għall-persuna li tixtrihom u, it-tieni waħda, mal-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, hija stess tista’ tiġi kkritikata. Fil-fatt, l-interpretazzjoni li saret minn din il-qorti tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, li ma jistabbilixxi, b’mod partikolari, ebda rabta awtomatika bejn l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti u l-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
55 |
Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-imsemmi kriterju huwa applikabbli u li ġie interpretat korrettament, dan ġie applikat b’mod żbaljat f’dan il-każ, fil-punti 137 sa 151 tas-sentenza T‑607/17. Fil-fatt, minkejja l-affermazzjonijiet lapidarji, superfiċjali u mhux sostnuti mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, ir-Reġjun awtonomu kellu bżonn reali ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru u ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kif ukoll ta’ reklamar. Fi kwalunkwe każ, fin-nuqqas ta’ prova, mill-Kummissjoni, tal-assenza ta’ bżonn reali ta’ oġġetti jew ta’ servizzi fir-rigward ta’ entità pubblika li taġixxi fil-kwalità ta’ xerrej privat ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, l-eżistenza ta’ tali ħtieġa għandha tiġi aċċettata. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, proċedura ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess daqstant effikaċi daqs proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet ġiet implimentata fuq l-inizjattiva tal-operaturi tal-ajruporti. |
|
56 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali imponiet rekwiżiti probatorji inġustifikati fuq Volotea fil-punti 105, 120, 143 u 144 tas-sentenza T‑607/17, billi kkritikatha, b’mod iterattiv u perentorju, li baqgħet ma pprovdietx provi insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha dwar l-assenza ta’ vantaġġ riċevut mir-Reġjun awtonomu, meta kienet il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, li kellha tipproduċi provi neċessarji u suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali vantaġġ, ħaġa li din l-istituzzjoni ma għamlitx fid-deċiżjoni kkontestata. |
|
57 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, Volotea ssostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, kif espost fil-punti 122 sa 145 tas-sentenza T‑607/17, jikkostitwixxi eċċess ta’ ġurisdizzjoni. Fil-fatt, din il-qorti injorat il-limiti imposti fuq il-funzjoni tagħha ta’ qorti tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni billi ssostitwixxiet il-kriterju ta’ analiżi ġuridika tagħha u l-evalwazzjonijiet fattwali tagħha stess, b’mod partikolari dwar l-eżistenza ta’ bżonn reali ta’ servizzi fir-Reġjun awtonomu, il-kriterju ġuridiku użat fid-deċiżjoni kkontestata u fl-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa abbażi tiegħu. |
|
58 |
Il-Kummissjoni tqis, fl-ewwel lok, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta evalwat u kklassifikat is-sitwazzjoni tal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia fir-rigward tal-miżuri kontenzjużi. Fil-fatt, din il-qorti qieset ġustament, fil-punti 102 sa 110, 115 u 117 sa 121 tas-sentenza T‑607/17, li l-vantaġġ mogħti mir-Reġjun Awtonomu permezz ta’ dawn il-miżuri kellu jitqies bħala li jibbenefika mhux lil dawn iż-żewġ operaturi tal-ajruporti, minkejja li dawn kienu formalment u inizjalment destinatarji tal-fondi pubbliċi mħallsa minn dan ir-Reġjun, iżda lill-kumpanniji tal-ajru li lilhom l-imsemmija operaturi, li jaġixxu bħala intermedjarji għan-nom tal-imsemmi reġjun, ittrasferew definittivament dawn il-fondi pubbliċi. |
|
59 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li r-Reġjun awtonomu kien ta vantaġġ lil Volotea permezz taż-żewġ operaturi tal-ajruporti inkwistjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 118, 119, 122 sa 133, 135 sa 139 u 144 sa 151 tas-sentenza T‑607/17, il-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat jekk l-aġir tar-Reġjun awtonomu kellux jiġi evalwat fid-dawl tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, kienet qieset li din l-entità kienet aġixxiet bil-għan li twettaq għanijiet ta’ politika pubblika, sitwazzjoni li kienet teskludi l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju, filwaqt li qieset li hija xorta waħda ma kinitx tat vantaġġ lil Volotea, billi xtrat mingħandha, permezz tal-operaturi ta’ ajruporti kkonċernati, servizzi li ma jwieġbux għall-bżonn reali. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 134, 135, 137, 140 sa 143 u 146 ta’ din is-sentenza, ir-Reġjun awtonomu astjena milli jieħu l-miżuri proċedurali, bħall-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, li ppermettietlu jakkwista dawn is-servizzi taħt il-kundizzjonijiet l-iktar vantaġġużi possibbli. |
|
60 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma imponietx rekwiżiti probatorji inġustifikati fuq Volotea iżda llimitat ruħha li tqis li l-allegazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ bżonn reali ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar fir-Reġjun Awtonomu kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ proċedura daqstant effikaċi daqs proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinux sostnuti. |
|
61 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li marret lil hinn mill-kompetenza tagħha billi wettqet analiżi legali u evalwazzjonijiet fattwali differenti minn dawk li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din il-qorti analizzat il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ħtieġa reali ta’ servizzi, fir-Reġjun awtonomu li jaġixxi bħala xerrej privat ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, biss bil-għan li tingħata risposta għall-argumenti mressqa minn Volotea stess f’dan ir-rigward, sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza tal-premessi 386 u 387 tad-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill-punt 131 tas-sentenza T‑607/17. |
Fuq l-erba’ aggravji fil-Kawża C‑343/20 P
|
62 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, easyJet issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fil-punt 107 tas-sentenza T‑8/18, billi għaqdet l-eżami tal-kundizzjonijiet distinti u kumulattivi relatati mal-eżistenza ta’ vantaġġ u ta’ riżorsi tal-Istat stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE kif ukoll billi qieset wara, abbażi ta’ dan l-eżami, li kien ingħatalha vantaġġ. |
|
63 |
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li huwa espost f’dan il-punt, il-fatt dwar jekk il-fondi li entità pubblika jew entità privata li taġixxi f’isem entità pubblika tagħti lil impriża jingħatawlhom skont kuntratt li jirrifletti kundizzjonijiet normali tas-suq huwa importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-impriża tibbenefikax minn vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ta’ “tiffavorixxi [vantaġġ]” għandha tiġi eskluża, fil-preżenza ta’ kuntratti bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, jekk dawn jistgħu jitqiesu, ex ante, bħala li jissodisfaw loġika ekonomika u kummerċjali għall-operaturi tal-ajruporti li jkunu kkonkludewhom. Fl-aħħar nett, peress li l-Qorti Ġenerali aċċettat, fil-punt 176 tas-sentenza T‑8/18, li dan kien il-każ tal-kuntratti li jorbtu easyJet mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, hija kellha tikkonstata li ebda vantaġġ ma kien ingħata lil easyJet. |
|
64 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, easyJet tikkritika lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li qieset li l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx applikabbli f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, li qieset li vantaġġ kien ingħatalha mir-Reġjun Awtonomu, li jaġixxi permezz tal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar konklużi magħhom. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tapplika l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi sa fejn hija tibbaża ruħha, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 175 sa 178 u 190 sa 193 tas-sentenza T‑8/18, fuq il-fatt li l-operaturi tal-ajruporti li permezz tagħhom ittrasferew il-fondi pubbliċi kkonċernati mill-miżuri kontenzjużi ma humiex entitajiet pubbliċi. |
|
66 |
Fil-fatt, qabelxejn, dan ir-raġunament formalistiku jikser l-Artikolu 345 TFUE, li jistabbilixxi n-newtralità tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tas-sistema ta’ proprjetà, kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Sussegwentement, l-imsemmi raġunament huwa kontradittorju sa fejn jagħti importanza determinanti lin-natura ta’ impriża privata tal-operaturi tal-ajruporti li huma inkwistjoni f’dan il-każ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, filwaqt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat prevista minn din l-istess dispożizzjoni, li l-kontroll deċiżiv eżerċitat mir-Reġjun awtonomu fuq dawn l-operaturi, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-miżuri kontenzjużi, kien jippermetti li jiġi imputat lir-Repubblika Taljana l-ħlasijiet tal-fondi minn dawn l-operaturi lill-kumpanniji tal-ajru u li dawn il-fondi jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat, minkejja din in-natura ta’ impriża privata. Barra minn hekk, tali raġunament jikser id-drittijiet tad-difiża billi jimponi fuq il-kumpanniji tal-ajru bħal easyJet preżunzjoni impossibbli li fil-prattika tiġi kkonfutata, li l-fondi pubbliċi li ġew mobilizzati mill-imsemmija operaturi sabiex iħallsu servizzi pprovduti minn dawn il-kumpanniji jikkostitwixxu vantaġġ mogħti lil dawn tal-aħħar mill-Istat, minkejja li dawn is-servizzi u l-kuntratti li jistabbilixxuhom huma razzjonali u profittabbli mill-perspettiva ekonomika, kummerċjali u finanzjarja. Fl-aħħar nett, dan iwassal sabiex il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” tkun tiddependi fuq il-forma li jistgħu jieħdu l-miżuri Statali jew il-mezzi li jistgħu jintużaw sabiex jimplimentawhom iktar milli l-effetti tagħhom. L-istess kritika tapplika għall-enfasi magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 189 u 190 tas-sentenza T‑8/18, fuq l-għanijiet ta’ politika pubblika segwiti mill-miżuri kontenzjużi. |
|
67 |
It-tieni, ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tapplika l-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq huwa kritikabbli sa fejn dan jikkostitwixxi l-kriterju ġenerali li għandu jiġi applikat, inkluż f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk ingħatax vantaġġ, direttament jew indirettament, lil ċerti impriżi u sa fejn dan in-nuqqas ta’ applikazzjoni wassal lil din il-qorti sabiex tikkonkludi b’mod żbaljat, fil-punti 216 sa 218 tas-sentenza T‑8/18, għall-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lil easyJet, filwaqt li l-kuntratti konklużi minnha mal-operaturi rispettivi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia kellhom jiġu kklassifikati bħala aġir li seħħ fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. Fil-fatt, dawn l-operaturi, li la kellhom l-obbligu legali li jikkonkludu xi kuntratti ma’ kumpanniji tal-ajru u lanqas l-obbligu li jippreċedew il-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, għażlu volontarjament li jikkonkludu tali kuntratti. Barra minn hekk, dawk li ġew konklużi ma’ easyJet kienu pprevedew li jirremuneraw għall-prezzijiet ġust tagħhom is-servizzi differenti ta’ trasport bl-ajru, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar li din tal-aħħar impenjat ruħha li tipprovdi lil Geasar u lil Sogaer. |
|
68 |
Fir-replika tagħha, easyJet iżżid li, anki fil-preżenza ta’ dubji dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, marbuta mal-implimentazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, l-Istat Membru li minnu jirriżulta aġir jew miżura li tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE jżomm, bħall-impriżi li jibbenefikaw minnu, il-possibbiltà li jistabbilixxi, permezz ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, li dan l-aġir jew din il-miżura tikkorrispondi għal dak adottat minn operatur privat f’ekonomija tas-suq. Minn dan isegwi li dawn l-elementi, li kienu jeżistu f’dan il-każ, ma kellhomx jiġu injorati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u sussegwentement mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza T‑8/18. |
|
69 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova fil-punt 217 ta’ din is-sentenza, billi akkużat lil easyJet li ma pproduċietx biżżejjed provi sabiex tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura anormali tar-remunerazzjoni li kienet tħallset lilha meta kienet din l-istituzzjoni li kellha turi minn qabel li tali remunerazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi prezz normali tas-suq, ħaġa li hija ma għamlitx fid-deċiżjoni kkontestata. |
|
70 |
It-tielet u fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 178 u 218 tal-imsemmija sentenza, meta qieset li l-vantaġġ miksub minn easyJet kien jikkorrispondi għal dan il-kumpens kollu. Fil-fatt, hija biss id-differenza bejn ir-remunerazzjoni li għaliha easyJet setgħet titlob f’kundizzjonijiet normali tas-suq u dik li effettivament tħallset lilha mill-operaturi tal-ajruporti li setgħet tiġi kklassifikata bħala “vantaġġ”. |
|
71 |
Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, easyJet tqis, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia kellhom jitqiesu li aġixxew bħala intermedjarji tar-Reġjun awtonomu anki jekk il-miżuri kontenzjużi kienu jippreżentawhom espressament bħala l-benefiċjarji tad-dispożittiv li huma kienu jistabbilixxu. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni bħala “intermedjarju” tippresupponi li l-persuni kkonċernati ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-użu tal-fondi li huma jirċievu skont skema bħal dik implimentata minn dawn il-miżuri. Issa, f’dan il-każ, filwaqt li kkonstatat, fil-punti 126 u 127 tas-sentenza T‑8/18, li l-imsemmija miżuri kienu jagħtu lill-operaturi tal-ajruporti marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ ċerti aspetti essenzjali tal-implimentazzjoni tagħhom, bħall-għażla tal-attivitajiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-fondi attribwiti mir-Reġjun awtonomu jew l-għażla tal-impriżi inkarigati mit-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet, il-Qorti Ġenerali ma siltitx il-konsegwenzi legali ta’ dawn il-konstatazzjonijiet fil-kuntest tal-eżami tagħha dwar jekk dawn l-operaturi bbenefikawx minn vantaġġ f’dan il-każ. |
|
72 |
Sussegwentement, din il-qorti naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi oġġettivi u verifikabbli oħra li juru l-eżistenza u l-importanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni inkwistjoni, li tibda biċ-ċirkustanza, imsemmija fil-punt 209 tas-sentenza T‑8/18, li l-kumpanniji tal-ajru kienu ntgħażlu permezz ta’ sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess li ppermettew lill-operaturi tal-ajruporti li jżommu l-offerti l-iktar attraenti għalihom. Bl-istess mod, dawn l-operaturi kellhom il-possibbiltà li jiddeċiedu dwar it-tul u l-istipulazzjonijiet l-oħra tal-kuntratti li huma kellhom l-intenzjoni jikkonkludu ma’ dawn il-kumpanniji. |
|
73 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza tagħha stess, li minnha jirriżulta li, fil-preżenza ta’ sistema bħal dik stabbilita mill-miżuri kontenzjużi, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-entitajiet li huma inkarigati mill-implimentazzjoni tagħha jirrigwardax id-definizzjoni tal-elementi essenzjali ta’ din is-sistema, f’liema każ dawn l-entitajiet ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala intermedjarji, jew jekk dan il-marġni huwiex limitat għall-applikazzjoni teknika tal-imsemmija sistema, f’liema każ tali klassifikazzjoni hija possibbli. |
|
74 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, easyJet tikkritika, fl-ewwel lok, il-punti 225 u 226 tas-sentenza T‑8/18, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li hija kienet il-benefiċjarja aħħarija, bl-istess mod bħal kumpanniji tal-ajru oħra, ta’ vantaġġ mogħti mir-Reġjun awtonomu u, min-naħa l-oħra, li l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, li permezz tagħhom kienu ttrasferew il-fondi kostituttivi ta’ tali vantaġġ, ma kienu huma stess ibbenefikaw minn ebda vantaġġ peress li huma kienu ttrasferew dawn il-fondi kollha lill-imsemmija kumpanniji. Fil-fatt, dan ir-raġunament imur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta li kien neċessarju, għall-Qorti Ġenerali, li tiddetermina jekk l-operaturi tal-ajruporti li kienu jikkostitwixxu l-benefiċjarji diretti tal-miżuri kkontestati kinux kisbu vantaġġ permezz tagħhom, mingħajr ma l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ tista’ tiġi kkontestata bit-trasferiment wara ta’ parti mill-fondi korrispondenti lil kumpanniji tal-ajru bħal easyJet. |
|
75 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, b’mod żbaljat, fil-punti 97, 120, 134, 179, 192, 216, 218, 225 u 226 ta’ din is-sentenza, li l-miżuri kontenzjużi kienu jagħtu vantaġġ lill-kumpanniji tal-ajru bħal easyJet filwaqt li jibbenefikaw lill-operaturi tal-ajruport biss fil-forma ta’ sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ġuridika ġusta tal-fatti tal-każ kellha twassalha għal konklużjoni opposta, peress li l-operaturi tal-ajruporti kienu użaw fondi pubbliċi sabiex jiffinanzjaw l-akkwist ta’ servizzi li kellhom jiffinanzjaw huma stess taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, filwaqt li l-kumpanniji tal-ajru kienu ġew irremunerati, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, għas-servizzi li huma kienu pprovdew. |
|
76 |
Il-Kummissjoni tqis, prinċipalment, li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli sa fejn ma jidentifikax b’mod preċiż jew suffiċjentement preċiż il-punti kollha tas-sentenza T‑8/18 dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ li huwa jirrigwarda u, sussidjarjament, li dan l-aggravju huwa ineffettiv jew infondat. Fil-fatt, il-punt 107 ta’ din is-sentenza, li huwa l-uniku li ġie identifikat bi preċiżjoni minn easyJet, jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-miżuri kontenzjużi kinux jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat u mhux dik tal-eżistenza ta’ vantaġġ. Barra minn hekk, il-punti 141 u 169 sa 238 tal-imsemmija sentenza, dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, ma jirreferux għal dan il-punt 107. |
|
77 |
Fir-rigward tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li, sa fejn huwa suffiċjentement preċiż sabiex jitqies li huwa ammissibbli, dan ma huwiex fondat sa fejn easyJet tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fil-punti 189 sa 193 tas-sentenza T‑8/18, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġustament eskludiet li l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq jista’ jiġi applikat għall-aġir tar-Reġjun awtonomu. Fil-fatt, peress li l-operaturi tal-ajruporti ma kinux miżmuma minn din l-entità, ma kienx ikun iġġustifikat li jiġi eżaminat jekk, billi tathom fondi pubbliċi skont il-modalitajiet previsti mill-miżuri kontenzjużi, din tal-aħħar aġixxietx bħala operatur privat f’ekonomija tas-suq, billi fittxet li twettaq investimenti ta’ natura li jagħtuha benefiċċju ekonomiku, kummerċjali u finanzjarju. Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati kienet motivata b’mod ċar minn għanijiet ta’ politika pubblika u, b’mod iktar preċiż, ta’ żvilupp reġjonali, u mhux minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika, kummerċjali u finanzjarja. |
|
78 |
Fit-tieni lok, easyJet lanqas ma hija fondata meta tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fil-punti 171 sa 182 tas-sentenza T‑8/18, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġustament eskludiet li l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq jista’ jiġi applikat sabiex jinftiehmu, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-kuntratti konklużi mill-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia mal-kumpanniji tal-ajru li jservu dawn l-ajruporti. |
|
79 |
Fil-fatt, minn naħa, dawn l-operaturi tal-ajruporti ma humiex entitajiet pubbliċi, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali. |
|
80 |
Min-naħa l-oħra, din il-qorti ma wettqet ebda żball fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE meta qieset li l-imsemmija operaturi kienu finalment illimitaw ruħhom, meta kkonkludew il-kuntratti inkwistjoni, li jimplimentaw l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat stabbilita mill-miżuri kontenzjużi u li jużaw il-finanzjamenti pubbliċi li kienu ġew allokati lilhom għal dan il-għan, konformement mal-istruzzjonijiet tar-Reġjun awtonomu, qabel ma ddeduċiet li tali sitwazzjoni kienet tiġġustifika li dawn jiġu kklassifikati bħala intermedjarji u kienet teskludi li dawn jistgħu jaġixxu bħala operaturi privati f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq ikun applikabbli biss, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ fejn Stat jagħti, direttament jew indirettament, vantaġġ bħala operatur ekonomiku u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li ma jikkorrispondix għal dan il-każ. Barra minn hekk, easyJet ma tistax issostni la li l-Qorti Ġenerali ammettiet li dawn il-kuntratti setgħu kienu jew jidhru profittabbli fil-mument tal-konklużjoni tagħhom u lanqas li hija wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-kontribuzzjoni tal-operaturi tal-ajruporti għall-finanzjament tagħhom kienet limitata. |
|
81 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, l-argumenti ta’ easyJet li jirrigwardaw il-punti 189 sa 218 tas-sentenza T-8/18, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali evalwat l-aġir tar-Reġjun awtonomu bħala xerrej privat ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, lanqas ma jistgħu jirnexxu, anki jekk jitqiesu li huma effettivi. Fil-fatt, easyJet ma tikkontestax il-punti speċifiċi ta’ din is-sentenza fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm bżonn reali ta’ servizzi fir-Reġjun awtonomu. Barra minn hekk, hija ma tikkontestax l-evalwazzjoni ta’ din il-qorti li tgħid li l-operaturi tal-ajruporti ma kinux inklinati li jikkonkludu kuntratti ma’ kumpanniji tal-ajru, għall-inqas f’każ ta’ numru kbir u f’każ ta’ remunerazzjoni, fl-assenza ta’ finanzjament minn fondi pubbliċi. Fl-aħħar nett, fin-nuqqas ta’ bżonn reali ta’ servizzi fir-Reġjun awtonomu, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti huma superfluwi u għalhekk ma jistgħux jiġu kkritikati b’mod utli minn easyJet. Fi kwalunkwe każ, is-sejħiet għal espressjoni ta’ interess li ppreċedew il-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni ma jkollhomx lok għal proċedura ta’ sejħa għal offerti. |
|
82 |
Fir-rigward tat-tielet aggravju, dan huwa ineffettiv sa fejn il-motivi tas-sentenza T‑8/18 li tirreferi għalihom jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-ħlasijiet magħmula mill-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia favur kumpanniji tal-ajru bħal easyJet kinux imputabbli lir-Reġjun awtonomu u kinux jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, u mhux il-kwistjoni distinta dwar jekk dawn il-kumpanniji tal-ajru kinux ibbenefikaw, minħabba f’hekk, minn vantaġġ. F’kull każ, huma jqisu li dan l-aggravju huwa infondat. Fil-fatt, fil-punti kkontestati minn easyJet fil-kuntest tal-imsemmi aggravju, il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tat-termini u tal-istruttura tal-miżuri kontenzjużi kif ukoll tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħhom, l-operaturi tal-ajruporti kellhom jitqiesu bħala inkwadrati u kkontrollati ex ante mir-Reġjun Awtonomu fuq sett ta’ punti essenzjali, filwaqt li kellhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fuq aspetti aċċessorji, u din l-evalwazzjoni, li ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell, hija nieqsa minn żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti jew ta’ kontradizzjoni interna. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tirreferi għaliha easyJet kienet tirrigwarda kwistjoni distinta, relatata mal-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna mill-Istat”. |
|
83 |
Min-naħa tiegħu, ir-raba’ aggravju huwa ineffettiv, tal-inqas parzjalment, sa fejn jirrigwarda evalwazzjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet fil-mertu, sussidjarjament, argumenti ta’ easyJet li fir-rigward tagħhom hija kienet iddeċidiet qabel li kienu inammissibbli, ħaġa li easyJet ma tikkontestax fl-appell tagħha. Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa infondat. Fil-fatt, l-operaturi tal-ajruporti kienu ġew ikkunsidrati bħala intermedjarji mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u sussegwentement mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza T‑8/18, mhux minħabba li huma kienu ttrasferew il-fondi allokati mir-Reġjun awtonomu lill-kumpanniji tal-ajru, iżda l-miżuri kontenzjużi ma kienu ġew ikkuprjati minn ebda spiża jew minn ebda piż li kien jaqa’ fuqhom f’kundizzjonijiet normali tas-suq. |
L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-ammissibbiltà
|
84 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni aggravji fil-Kawża C‑343/20 P. |
|
85 |
Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-aggravji, din l-istituzzjoni ssostni, prinċipalment, li dan ma jidentifikax bi preċiżjoni l-motivi tas-sentenza T‑8/18 li dan jirrigwarda. |
|
86 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-aggravji invokati f’appell għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-motivi tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li huma kkontestati mill-appellanti. |
|
87 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit iwassal għall-inammissibbiltà tal-aggravju li ma jissodisfax dan ir-rekwiżit (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 150, kif ukoll tat‑28 ta’ April 2022, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑666/19 P, EU:C:2022:323, punt 186). |
|
88 |
F’dan il-każ, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel aggravju invokat insostenn tal-appell fil-Kawża C‑343/20 P jidentifika l-punt speċifiku tal-motivi tas-sentenza T‑8/18 li huwa kkontestat minn easyJet, jiġifieri l-punt 107 tagħha. Barra minn hekk, dan l-aggravju jidentifika bi preċiżjoni l-iżball ta’ liġi li bih dan il-punt huwa vvizzjat, li jikkonsisti essenzjalment, għall-Qorti Ġenerali, fl-eżami ta’ tnejn mid-diversi kundizzjonijiet kumulattivi li l-eżistenza tagħhom hija neċessarja sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li teżisti għajnuna mill-Istat, jiġifieri dik dwar l-għoti ta’ vantaġġ mill-Istat, minn naħa, u dik li tgħid li dan il-vantaġġ kellu jingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat, min-naħa l-oħra. |
|
89 |
Il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li l-imsemmi aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, insuffiċjentement preċiż, jew saħansitra ineffettiv, sa fejn il-punt li jidentifika jagħmel parti mill-motivi tas-sentenza T‑8/18 li jirrigwardaw il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, u mhux mill-motivi distinti ta’ din is-sentenza li jirrigwardaw il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, li fuqha jikkonċentraw l-argumenti legali mressqa minn easyJet, għandu jingħad ukoll li, minkejja li hija eżatta, din l-osservazzjoni dwar l-istrutturazzjoni tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma timplikax madankollu l-ineffettività tal-aggravju kkonċernat. |
|
90 |
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali għamlet, meta eżaminat il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, riferiment globali għall-motivi li hija kienet preċedentement iddedikat għall-kwistjoni tal-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, kif jirriżulta mill-punt 174 tas-sentenza T‑8/18, li skontu “[f]’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fid-dawl tal-awtonomija tal-operaturi tal-ajruporti fl-użu tal-fondi pprovduti mir-Reġjun Awtonomu u fid-definizzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mal-kumpanniji tal-ajru, dan għandu jiġi miċħud għall-motivi diġà esposti iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv”. |
|
91 |
Barra minn hekk, il-punt 107 ta’ din is-sentenza, li huwa kkritikat minn easyJet, jikkostitwixxi wieħed mill-punti prinċipali tal-motivi li għalihom irreferiet il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, din il-qorti esponiet, għall-ewwel darba, fl-evalwazzjoni tagħha li “għandu jitqies li, sa fejn jista’ jiġi stabbilit, bħal f’dan il-każ, li vantaġġ li joriġina minn riżorsi tal-Istat ġie ttrasferit mill-persuna riċeventi immedjata lil benefiċjarju finali, huwa irrilevanti li dan it-trasferiment ikun twettaq mill-persuna riċeventi skont loġika kummerċjali jew, għall-kuntrarju, li dan it-trasferiment ikun laħaq għan ta’ interess ġenerali”. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni hija sussegwentement riprodotta u ppreċiżata f’diversi titoli mill-imsemmija qorti, għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tal-konstatazzjonijiet u tal-evalwazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, b’mod partikolari fil-punti tal-imsemmija sentenza li huma koperti mill-aggravji l-oħra tal-appell ta’ easyJet, fosthom il-punti 176 sa 178, 189 sa 191, 225 u 226. |
|
92 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, easyJet ma tistax tiġi kkritikata li ma identifikatx b’mod iktar preċiż li hija għamlet is-sors tal-iżball ta’ liġi li hija timputa lill-Qorti Ġenerali. |
|
93 |
Fir-rigward tat-tieni aggravju invokat minn easyJet, il-Kummissjoni tallega, b’mod ġenerali, li dan l-aggravju huwa wisq impreċiż sabiex ikun ammissibbli. |
|
94 |
F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi kkonstatat li, konformement mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura u mfakkar fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, dan l-aggravju jidentifika ġabra preċiża tal-motivi tas-sentenza T‑8/18 li easyJet tqis li hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi, jiġifieri l-punti 175 sa 178, 189 sa 193 u 216 sa 218 tagħha. |
|
95 |
Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, lil hinn minn dan ir-rekwiżit, kull appellant għandu, fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, jindika b’mod preċiż l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku kull wieħed mill-aggravji differenti li hija tinvoka, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-punt jew aggravji li ma humiex konformi ma’ din il-preskrizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 53, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 95). |
|
96 |
F’dan il-każ, easyJet osservat ukoll dan ir-rekwiżit, kif jirriżulta mill-punti 64 sa 70 ta’ din is-sentenza. |
|
97 |
Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni aggravji fil-Kawża C‑343/20 P huma ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
98 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-argumenti ta’ dritt imressqa minn Volotea insostenn tal-ewwel ilment tal-ewwel aggravju tagħha fil-Kawża C‑331/20 P u dawk imressqa minn easyJet insostenn tal-erba’ aggravji tagħha fil-Kawża C‑343/20 P ma humiex strutturati bl-istess mod, minn naħa, u jekk il-kontenut tagħhom huwa differenti fuq ċerti punti, min-naħa l-oħra, dawn iż-żewġ serje ta’ argumenti ta’ liġi jikkoinċidu madankollu fil-parti l-kbira tagħhom. B’mod partikolari, kemm Volotea kif ukoll easyJet jikkontestaw, permezz ta’ argumenti li huma fil-parti l-kbira tagħhom simili u komplementari fis-sustanza tagħhom, tliet aspetti essenzjali u determinanti tar-raġunament li l-Qorti Ġenerali għamlet, f’termini kultant identiċi kultant simili, fis-sentenzi appellati. |
|
99 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 52 sa 55, 64 sa 69, 72 u 75 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrenti t-tnejn li huma jikkritikaw, qabel kollox, l-evalwazzjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li l-kwistjoni dwar jekk huma kinux ibbenefikaw minn vantaġġ mogħti mir-Reġjun awtonomu, li jaġixxi permezz tal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, ma kellhiex tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq minħabba li dan il-prinċipju ma kienx applikabbli f’dan il-każ fid-dawl tal-għanijiet tal-politika pubblika segwiti mill-miżuri kontenzjużi, tal-fatt li l-imsemmija operaturi ta’ ajruporti ma kinux entitajiet pubbliċi u minħabba li dawn tal-aħħar ma kellhomx awtonomija sinjifikattiva meta mqabbla mar-reġjun awtonomu fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri (punti 116 sa 119 u 124 sa 127 tas-sentenza T‑607/17, kif ukoll il-punti 174 sa 177 u 190 sa 193 tas-sentenza T‑8/18). |
|
100 |
Sussegwentement, Volotea u easyJet jikkontestaw l-evalwazzjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset li l-kwistjoni dwar jekk huma kinux ibbenefikaw minn vantaġġ mogħti mir-Reġjun awtonomu, li jaġixxi permezz tal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, kellha tiġi analizzata billi jiġi applikat kriterju li jikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk dan ir-reġjun kienx aġixxa bħala xerrej privat ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li jaġixxi f’kundizzjonijiet normali tas-suq (punti 128 sa 136 tas-sentenza T‑607/17 u punti 194 sa 203 tas-sentenza T‑8/18). F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 54, 55, 66 sa 69, 72 u 75 ta’ din is-sentenza, Volotea timmira l-kritika tagħha fuq l-elementi li fuqhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li hija kellha twettaq l-istħarriġ tagħha skont dan il-kriterju, jiġifieri l-eżistenza ta’ ħtieġa reali ta’ servizzi fi ħdan l-imsemmi reġjun, minn naħa, u l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, min-naħa l-oħra, filwaqt li easyJet tinvoka t-tieni wieħed minn dawn l-elementi, li hija kienet tikkonċentra b’mod korrett il-kritiki tagħha fuq il-fatt li l-eżami tal-imsemmija elementi, essenzjalment, wassal lill-Qorti Ġenerali taħrab jew, tal-inqas, li ma titrattax korrettament il-kwistjoni dwar jekk il-kuntratti li jorbtu lill-kumpanniji tal-ajru mal-operaturi tal-ajruporti kienu ġew konklużi fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. |
|
101 |
Fl-aħħar nett, kemm Volotea kif ukoll easyjet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li wettqet klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti u li ma eżaminatx b’mod serju l-provi li huma kienu pproduċew sabiex jikkontestaw l-evalwazzjonijiet u l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-kuntratti li huma kienu kkonkludew mal-operaturi tal-ajruporti kienu jikkostitwixxu vantaġġ li ma kinux jiksbu taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (punti 139, 143 u 144 tas-sentenza T‑607/17, kif ukoll il-punti 189 sa 193 u 216 sa 218 tas-sentenza T‑8/18). |
|
102 |
Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, l-ewwel nett, li l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1990, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 25, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 103). |
|
103 |
Fost dawn hemm b’mod partikolari l-kundizzjoni li l-miżura statali inkwistjoni, f’każ partikolari, għandha tagħti vantaġġ selettiv lill-impriża jew lill-impriżi li jibbenefikaw minnha (sentenzi tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 75, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 103). |
|
104 |
Fit-tieni lok, il-kunċett ta’ “tiffavorixxi [vantaġġ]”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma jinkludix biss benefiċċji pożittivi, bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment ikunu ta’ piż għall-baġit tal-impriża jew tal-impriżi li huma benefiċjarji tagħha u li, għaldaqstant, huma tal-istess natura bħal sussidji u għandhom effetti identiċi (sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 13, u tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona), C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 59). |
|
105 |
Għalhekk, huma essenzjalment l-effetti tal-miżura Statali inkwistjoni, f’każ partikolari, fuq l-impriża jew fuq l-impriżi benefiċjarji tagħha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ, kemm jekk dan jingħata direttament mill-Istat jew minn entità pubblika jew privata li jkun stabbilixxa jew innomina għal dan il-għan (sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Steinike Weinlig, 78/76, EU:C:1977:52, punt 21, kif ukoll tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 50). |
|
106 |
Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-miżuri tal-Istat (sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 27, u tat‑13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑409/00, EU:C:2003:92, punt 46), in-natura tal-għanijiet imfittxija mill-Istat Membru li huwa l-awtur ta’ dawn il-miżuri jew li huma imputabbli għalih hija nieqsa minn kull effett fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn jagħtux vantaġġ lil impriża waħda jew lill-iktar u, b’mod iktar wiesa’, fuq il-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 17, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 122). |
|
107 |
Konsegwentement, għandha titqies li tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fil-punt 103 ta’ din is-sentenza kull miżura statali li, tkun xi tkun il-forma u l-għanijiet tagħha, tista’ tiffavorixxi direttament jew indirettament impriża waħda jew iktar, jew li tagħti lil dawn tal-aħħar vantaġġ li huma ma setgħux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 84, kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2020, Compagnie des pêches de Saint-Malo,C‑212/19, EU:C:2020:726, punt 39). |
|
108 |
Fl-aħħar nett, il-karatterizzazzjoni tal-eżistenza ta’ tali vantaġġ issir, bħala prinċipju, bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq (sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 45, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 105), sakemm ma tkun teżisti ebda possibbiltà li l-aġir statali li huwa inkwistjoni f’każ partikolari jiġi pparagunat għal dak ta’ operatur privat, għaliex dan l-aġir huwa inseparabbilment marbut mal-eżistenza ta’ infrastruttura li ebda operatur privat ma seta’ qatt jikkostitwixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et, C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, EU:C:2003:388, punti 31 sa 38) jew li l-Istat aġixxa fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika. F’dan l-aħħar rigward, hemm lok, madankollu, li jiġi osservat li s-sempliċi implimentazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, bħall-użu ta’ mezzi ta’ natura leġiżlattiva jew fiskali, ma twassalx, fiha nnifisha, għall-inapplikabbiltà ta’ dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 81 u 92; tat‑3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 30, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 48). Fil-fatt, hija n-natura ekonomika tal-intervent statali inkwistjoni u mhux il-mezzi implimentati għal dan il-għan li tirrendi l-imsemmi prinċipju applikabbli (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 27). |
|
109 |
L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq timplika hija stess, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punti 63, 71 u 74 tal-konklużjonijiet tagħha, li wieħed jirrikorri każ b’każ għal kriterji konkreti differenti li huma intiżi, kull wieħed minnhom, li jipparaguna bl-iktar mod adattat u adegwat possibbli l-miżura Statali inkwistjoni f’każ partikolari, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura tagħha, ma’ dik li setgħet tiġi adottata minn operatur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli u li jaġixxi f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punti 52 u 55). |
|
110 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-kriterji jinkludu b’mod partikolari dak tal-investitur privat, li japplika fil-preżenza ta’ miżuri Statali bħal kontribuzzjonijiet ta’ kapital (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑305/89, EU:C:1991:142, punti 18 u 19, kif ukoll tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 105). Dawn jinkludu wkoll dak tal-kreditur privat, li japplika fil-preżenza ta’ miżuri bħalma huma faċilitajiet ta’ ħlas għar-rimbors ta’ dejn (sentenzi tad‑29 ta’ April 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑342/96, EU:C:1999:210, punt 46, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punti 22 u 28), dak tad-debitur privat (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punti 123 u 156) jew ukoll dak tal-bejjiegħ privat, li japplika fil-preżenza ta’ miżuri relatati mal-fornitura, direttament jew permezz ta’ entitajiet pubbliċi jew ta’ impriżi privati li jinsabu taħt il-kontrol jew taħt l-influwenza tal-Istat, ta’ oġġetti jew ta’ servizzi kif ukoll bl-iffissar tal-kundizzjonijiet kollha ta’ bejgħ bħall-prezz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punt 28; tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 59, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, EU:C:2001:598, punti 39 u 40). |
|
111 |
Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, fil-każ fejn il-Kummissjoni tiftaħ proċedura dwar miżura Statali u tadotta, fi tmiemha, deċiżjoni li fiha hija tikklassifika din il-miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, hija din l-istituzzjoni li għandha tipprova, fid-deċiżjoni tagħha, l-eżistenza ta’ tali għajnuna u għalhekk, b’mod partikolari, li l-imsemmija miżura tagħti vantaġġ lill-impriża jew lill-impriżi li jibbenefikaw minnha, billi tibbaża ruħha, skont investigazzjoni li għandha ssir b’mod diliġenti u imparzjali, fuq il-provi l-iktar kompleti u l-iktar affidabbli possibbli biex tagħmel dan (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
112 |
Madankollu, l-osservanza ta’ dan l-obbligu għandha tiġi evalwata skont informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha fil-mument meta adottat id-deċiżjoni tagħha (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, EU:C:1986:302, punt 16, u tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 70), sa fejn din l-istituzzjoni użat is-setgħat li jippermettulha tikseb l-informazzjoni li dehrilha neċessarja jew utli, b’mod partikolari tas-setgħa tagħha li tindirizza ordni lill-Istat li huwa l-awtur tal-miżura Statali inkwistjoni u li żżomm din l-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑301/87, EU:C:1990:67, punti 19 sa 22, u tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 71). |
|
113 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq f’każ partikolari, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din timplika li l-Kummissjoni turi, wara evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li l-impriża jew l-impriżi benefiċjarji tal-miżura statali inkwistjoni ma kinux manifestament jiksbu vantaġġ paragunabbli min-naħa ta’ operatur privat normalment prudenti u diliġenti li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli u li jaġixxi f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-opzjonijiet kollha li tali operatur kien raġonevolment ippreveda, kull element ta’ informazzjoni disponibbli u li jista’ jinfluwenza b’mod sinjifikattiv id-deċiżjoni tagħha kif ukoll l-evoluzzjonijiet prevedibbli fid-data meta ttieħdet id-deċiżjoni li jingħata vantaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 28 sa 31 u 65, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punti 108 sa 113). |
|
114 |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk, f’din id-data, it-tranżazzjoni li permezz tagħha ngħata l-vantaġġ setgħetx titqies bħala li tippreżenta razzjonalità ekonomika, kummerċjali u finanzjarja, fid-dawl tal-perspettivi tagħha ta’ profittabbiltà fuq żmien qasir jew itwal kif ukoll tal-interessi kummerċjali jew ekonomiċi l-oħra involuti fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, EU:C:1986:302, punti 14 u 15; tal‑21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, EU:C:1991:136, punti 21 u 22; tat‑3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 36, kif ukoll tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 107). |
|
115 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kisret ċerti rekwiżiti li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza. |
|
116 |
Ċertament, hija naqset ġustament, b’mod impliċitu, fis-sentenza T‑607/17 u b’mod espliċitu fil-punt 185 tas-sentenza T‑8/18, milli tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li r-Repubblika Taljana ma invokatx il-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq, fid-dawl tal-assenza ta’ rilevanza ta’ tali konstatazzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 103 u 104, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada vs Il‑Kummissjoni, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 107). |
|
117 |
Madankollu, xorta waħda hija kkunsidrat li dan il-prinċipju kellu jitqies bħala inapplikabbli f’dan il-każ, għal tliet raġunijiet essenzjalment relatati, l-ewwel wieħed, il-fatt li l-operaturi tal-ajruporti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux entitajiet miżmuma mill-Istat (punti 117 sa 119, 124 u 125 tas-sentenza T‑607/17 kif ukoll il-punti 175 sa 177, 190 u 191 tas-sentenza T‑8/18), it-tieni wieħed, il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna li tistabbilixxi l-miżuri kontenzjużi kellha għanijiet ta’ politika pubblika (punti 124 sa 127 u 130 tas-sentenza T‑607/17, kif ukoll il-punti 190 sa 193 tas-sentenza T‑8/18) u, it-tielet, il-fatt li dawn l-operaturi tal-ajruporti kienu essenzjalment limitati li jimplimentaw din l-iskema u dawn il-miżuri mingħajr ma kellhom awtonomija sinjifikattiva meta mqabbla mar-Reġjun awtonomu fil-kuntest (punti 116, 118 u 119 tas-sentenza T‑607/17 kif ukoll il-punti 174, 176 u 177 tas-sentenza T‑8/18). |
|
118 |
Issa, ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma kienet ta’ natura li teskludi l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. |
|
119 |
B’hekk, la l-ewwel u lanqas it-tielet waħda mill-imsemmija raġunijiet ma jippermettu li tiġi konkluża din l-esklużjoni, peress li dan il-prinċipju jista’ japplika wkoll meta vantaġġ jingħata lil impriża jew lil diversi impriżi mill-Istat direttament jew permezz ta’ impriżi privati taħt il-kontroll tiegħu jew taħt l-influwenza tiegħu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 105 u 110 ta’ din is-sentenza u li l-Avukata Ġenerali fakkret fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tagħha. |
|
120 |
Bl-istess mod, it-tieni motiv adottat mill-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kien jeskludi l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 ta’ din is-sentenza u kif fakkret l-Avukata Ġenerali fil-punti 80, 82 u 95 tal-konklużjonijiet tagħha. It-twettiq ta’ għanijiet ta’ politika pubblika huwa, fil-fatt, inerenti għall-parti l-kbira tal-miżuri Statali li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat” u li jiġu eżaminati, għal dan il-għan, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑305/89, EU:C:1991:142, punt 20, u tal‑14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑42/93, EU:C:1994:326, punt 14). L-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju għandha madankollu l-konsegwenza li dawn il-miżuri għandhom jiġu eżaminati mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni tali għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, EU:C:1986:302, punt 14), u tal-benefiċċji marbuta mal-kwalità ta’ awtorità pubblika tal-Istat li t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet jista’ joħloq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 79, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punti 55, 57 u 58). |
|
121 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li kkonkludiet b’mod żbaljat li l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq ma huwiex applikabbli, il-Qorti Ġenerali madankollu qieset, kif jirrilevaw Volotea u easyJet, li l-kumpanniji tal-ajru li kkonkludew kuntratti ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia kellhom jitqiesu li bbenefikaw minn “vantaġġ li huma ma kinux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq”, minħabba li r-remunerazzjoni li kienet tħallset lilhom skont dawn il-kuntratti ma kinitx tikkostitwixxi l-korrispettiv tas-servizzi li jissodisfaw il-bżonnijiet reali tar-Reġjun awtonomu u li l-imsemmija kuntratti kellhom, barra minn hekk, jiġu konklużi mill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni mingħajr implimentazzjoni minn qabel ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti jew ta’ proċedura ekwivalenti (punti 128 sa 149 tas-sentenza T‑607/17 kif ukoll il-punti 174 u 194 sa 217 tas-sentenza T‑8/18). |
|
122 |
Fid-dawl ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 150 tas-sentenza T‑607/17 u fil-punt 218 tas-sentenza T‑8/18, li l-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi li l-finanzjament li r-Reġjun awtonomu, li jaġixxi permezz tal-imsemmija operaturi tal-ajruport, kien ta lil Volotea u lil easyJet, inkambju għas-servizzi ta’ trasport, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar ipprovduti minnhom, kien tahom vantaġġ li huma ma kinux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq. |
|
123 |
Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 109 u 110 ta’ din is-sentenza u tal-punt 99 tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, il-kriterju tax-xerrej privat jikkostitwixxi, bħal dak tal-bejjiegħ privat li tiegħu huwa pendenti, wieħed mill-kriterji differenti li jikkonkretizza l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżbalji ta’ liġi rrilevati fil-punti 117 sa 120 ta’ din is-sentenza huma ta’ natura li jwasslu għall-annullament tas-sentenzi appellati biss jekk jirriżulta li dawn il-motivi addizzjonali tal-Qorti Ġenerali huma wkoll żbaljati fid-dritt u, bħala tali, ma jistgħux iservu ta’ bażi għad-dispożittiv ta’ dawn is-sentenzi. |
|
124 |
Fit-tieni lok, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-imsemmija motivi huma, essenzjalment, ifformulati fir-rigward ta’ konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet magħmula minn qabel mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, Volotea tiżbalja meta tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli injorat il-limiti imposti fuq il-funzjoni tagħha ta’ qorti tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meta ddikjarat dawn l-istess motivi. |
|
125 |
Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-kriterju tax-xerrej privat, sa fejn jikkostitwixxi waħda mid-diversi varjazzjonijiet possibbli tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, għandu, konsegwentement, jiġi interpretat u applikat b’mod koerenti ma’ dan il-prinċipju kif ukoll mar-rekwiżiti probatorji li jirregolaw l-applikazzjoni tiegħu. |
|
126 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta ċertament li, fil-każ fejn Stat jew entità pubblika oħra tiddeċiedi li tbiegħ jew, permezz ta’ simetrija, li takkwista oġġetti jew servizzi direttament mingħand impriża privata waħda jew iktar, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti organizzata skont modalitajiet li jiggarantixxu n-natura miftuħa, imparzjali u nondiskriminatorja tagħha tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġi preżunt li l-kuntratti jew l-atti l-oħra li huma konklużi għal dan il-għan fi tmiem din il-proċedura, u r-remunerazzjoni li jifformulaw, jirriflettu l-kundizzjonijiet normali tas-suq u, b’mod partikolari, prezz normali jew valur normali tas-suq li jeskludu l-eżistenza ta’ “tiffavorixxi [vantaġġ]” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punti 29 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
127 |
Madankollu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-implimentazzjoni ta’ tali proċedura ma hijiex dejjem obbligatorja għall-finijiet ta’ tali tranżazzjoni ta’ bejgħ jew ta’ xiri u, barra minn hekk, li jeżistu mezzi oħra sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ tali vantaġġ. Fil-fatt, huwa possibbli li jintużaw mezzi oħra, bħat-twettiq ta’ perizja indipendenti (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew evalwazzjoni affidabbli, rigoruża u kompleta tal-ispejjeż rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punti 70 sa 75), sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjoni li saret b’dan il-mod tikkostitwixxi tranżazzjoni normali tas-suq li twassal għall-iffissar ta’ prezz normali jew ta’ valur normali tas-suq. |
|
128 |
A fortiori, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti ma tistax tikkostitwixxi l-uniku mezz sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ “[vantaġġ]”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fil-każ fejn l-Istat ibiegħ jew jakkwista oġġetti jew servizzi mingħand impriżi privati mhux direttament, iżda permezz ta’ impriżi privati oħra, li ma humiex suġġetti għall-obbligu li jirrikorru għal tali proċedura. Irrispettivament mill-mod li bih isir użu, il-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza ta’ tali vantaġġ għandhiex tiġi eskluża jew, għall-kuntrarju, adottata timponi għalhekk, fi kwalunkwe każ, li jiġi evalwat jekk il-kuntratti jew l-atti l-oħra li jipprevedu dan il-bejgħ jew dan l-akkwist jirriflettux jew le kundizzjonijiet normali tas-suq, bil-mod imfakkar fil-punti 113 u 114 ta’ din is-sentenza. |
|
129 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta minn dawn l-istess punti, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq din l-evalwazzjoni u turi l-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 111 u 112 ta’ din is-sentenza, peress li dan il-vantaġġ jista’ jikkorrispondi biss, f’dan il-każ, jekk jiġi stabbilit, għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li setgħu jistennew il-benefiċjarji inkwistjoni, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, u dik li effettivament tħallset lilhom mill-operaturi tal-ajruporti. |
|
130 |
Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali injorat dawn ir-rekwiżiti materjali u probatorji differenti. |
|
131 |
Fil-fatt, minn naħa, hija essenzjalment ikkuntentat ruħha, kemm fil-kuntest tal-analiżi tagħha tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 107(1) TFUE kif ukoll f’dak tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, li jiġi rrilevat li l-kuntratti inkwistjoni f’dan il-każ ma kinux ġew konklużi mill-entitajiet privati li huma partijiet fihom fi tmiem proċedura ta’ sejħa għal offerti, kif jirriżulta mill-punti 136, 137 u 141 tas-sentenza T‑607/17 kif ukoll mill-punti 203, 204 u 208 tas-sentenza T‑8/18, wara li jiġi kkunsidrat, b’mod ġenerali, li l-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura “setgħet tipprova l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet tas-suq u, għaldaqstant, l-assenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE”, u li, f’dan il-każ, Volotea u easyJet “jibqgħu inadempjenti” li juru li l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia kienu użaw proċedura “ekwivalenti” kif dan jirriżulta mill-punti 140, 142 u 143 tas-sentenza T‑607/17 kif ukoll mill-punti 207, 209 u 210 tas-sentenza T‑8/18. |
|
132 |
B’dan il-mod, l-imsemmija qorti tat importanza inġustifikata lill-fatt, għal impriżi privati li ma humiex suġġetti għall-obbligu li jorganizzaw proċedura ta’ sejħa għal offerti u li għandhom l-intenzjoni li jikkonkludu tali kuntratti, li jirrikorru minn qabel għal tali proċedura jew għal proċedura ekwivalenti, taħt piena li jesponu ruħhom, fl-assenza tagħha, sabiex dawn il-kuntratti jiġu awtomatikament ikklassifikati bħala “vantaġġ”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fil-każ fejn waħda minn dawn l-impriżi privati tiffinanzja l-obbligi kuntrattwali tagħha permezz ta’ fondi pubbliċi. Fil-fatt, la l-ħtieġa li tintuża tali proċedura ta’ sejħa għal offerti jew ekwivalenti u lanqas il-konsegwenza awtomatika li l-assenza ta’ rikors għaliha ma jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni jew mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jirrikjedu, għall-kuntrarju, evalwazzjoni globali u konkreta każ b’każ, kif imfakkar fil-punti 113, 114 u 128 ta’ din is-sentenza, u jimponu, barra minn hekk, fuq il-Kummissjoni li turi l-eżistenza ta’ vantaġġ u mhux fuq l-impriżi kkonċernati li juru l-assenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 111). |
|
133 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fil-punt 139 tas-sentenza T‑607/17 kif ukoll għall-punt 206 tas-sentenza T‑8/18, sabiex “tiddubita” il-punt dwar jekk is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li huma s-suġġett tal-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru kinux jissodisfaw “bżonnijiet reali” għar-Reġjun awtonomu. Issa, din l-evalwazzjoni ma tippermettilhiex tikkonkludi li jeżisti vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif ġustament issostni Volotea. |
|
134 |
Fl-istess ħin, il-Qorti Ġenerali ma pprovatx, fis-sentenzi appellati, tistħarreġ jekk il-Kummissjoni kinitx issodisfat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-obbligu tagħha li tiddetermina jekk il-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru kinux jikkostitwixxu tranżazzjonijiet normali tas-suq. Għall-kuntrarju, hija ċaħdet kull rilevanza ta’ din il-kwistjoni, filwaqt li fformulat evalwazzjonijiet ġenerali f’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 118, 125 u 143 tas-sentenza T‑607/17 kif ukoll mill-punti 176, 191 u 210 tas-sentenza T‑8/18. Issa, l-eżami tal-imsemmija kwistjoni kien meħtieġ fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 113, 114 u 128 ta’ din is-sentenza, kif ġustament issostni easyJet. |
|
135 |
Konsegwentement, billi qiesu li l-kumpanniji tal-ajru li kkonkludew kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia kellhom jitqiesu li bbenefikaw minn “vantaġġ”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għar-raġuni li r-remunerazzjoni li kienet tħallset lilhom b’applikazzjoni ta’ dawn il-kuntratti ma kinitx tikkostitwixxi l-korrispettiv għal servizzi li jissodisfaw bżonnijiet reali fir-Reġjun awtonomu u li l-imsemmija kuntratti kienu barra minn hekk ġew konklużi mill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni mingħajr l-implimentazzjoni minn qabel ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jew ta’ proċedura ekwivalenti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
136 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 150 tas-sentenza T‑607/17 u fil-punt 218 tas-sentenza T‑8/18, li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkonkludi li l-finanzjament li r-Reġjun awtonomu, li jaġixxi permezz tal-imsemmija operaturi tal-ajruporti, kien ta lil Volotea u lil easyJet, inkambju għas-servizzi ta’ trasport, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar ipprovduti minnhom, kien tahom vantaġġ li ma kinux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq. |
|
137 |
Minn dan isegwi li l-ewwel ilment tal-ewwel aggravju invokat fil-Kawża C‑331/20 P huwa fondat, l-istess bħall-erba’ aggravji invokati fil-Kawża C‑343/20 P, sa fejn dawn tal-aħħar jirrigwardaw l-interpretazzjoni, l-applikabbiltà u l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. |
|
138 |
Peress li l-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna mill-Istat” ta’ miżura partikolari li teħtieġ, fost kundizzjonijiet kumulattivi oħra, li jintwera li din il-miżura tat vantaġġ lil impriża waħda jew iktar, kif tfakkar fil-punti 102 u 103 ta’ din is-sentenza, u l-aggravji msemmija fil-punt preċedenti għandhom jintlaqgħu, hemm lok li s-sentenza T‑607/17 tiġi annullata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti u l-aggravji l-oħra invokati minn Volotea insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑331/20 P, kif ukoll is-sentenza T‑8/18, kif ukoll ir-rikors ta’ easyJet, li ġie miċħud bħala infondat. |
Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza
|
139 |
Meta l-kawża tkun fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tiddeċiedi definittivament hija stess fuq din il-kawża. |
|
140 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li tiddeċiedi definittivament fuq dawn iż-żewġ kawżi, li huma fi stat li jiġu deċiżi sa fejn kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u sa fejn ma jeħtieġu l-adozzjoni ta’ ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni tal-proċess, fid-dawl tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi sabiex jintemm. |
|
141 |
Kif ġie rrilevat fil-punti 35 sa 40 ta’ din is-sentenza, Volotea qajmet ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Min-naħa tagħha, easyJet qajmet sitt motivi insostenn tagħha. |
|
142 |
Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u l-ħames motivi invokati minn Volotea, li huma bbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq kontradizzjoni tal-motivi, u t-tieni motiv invokat minn easyJet, li huwa bbażat fuq ksur tal-istess dispożizzjoni. |
|
143 |
Peress li dawn id-diversi motivi jirrigwardaw il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni kkonkludiet li kien jeżisti vantaġġ, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li, fir-rigward ta’ dan il-vantaġġ, il-Kummissjoni adottat, f’din id-deċiżjoni, raġunament li jista’ jiġi deskritt fil-qosor kif ġej. |
|
144 |
Fl-ewwel lok, hija qieset, fil-premessi 364 sa 377 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-miżuri kontenzjużi kellhom jiġu kklassifikati bħala “sussidji” sa fejn dawn kienu jipprevedu l- “provvista” ta’ “fondi” jew bħala “ħlasijiet” mir-Reġjun Awtonomu, li jaġixxi “permezz” ta’ operaturi tal-ajruport, lil kumpanniji tal-ajru, “bi skambju għal servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni” u ta’ “żieda fit-traffiku bl-ajru” fil-forma ta’ ftuħ ta’ rotot ġodda kif ukoll ta’ tisħiħ ta’ rotot eżistenti, u fejn, b’dan il-mod, huma jeżentaw lill-kumpanniji tal-ajru minn parti tal-ispejjeż li dawn tal-aħħar kellhom normalment isostnu biex jiżviluppaw u jippromwovu l-attività tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni osservat, b’mod partikolari, li kien previst li l-operaturi tal-ajruporti kkonċernati jikkonkludu, mal-imsemmija kumpanniji tal-ajru, “ftehimiet” li jistipulaw, bi “skambju” ta’ “kumpens finanzjarju”, “għanijiet fil-qasam tat-traffiku” u ta’ “espansjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ trasport”, flimkien ma’ “penalitajiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
145 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni indirizzat, fil-premessi 378 u 380 sa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri kontenzjużi kinux “konformi mal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
146 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, din l-istituzzjoni qieset, fil-premessi 380 sa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Reġjun awtonomu “ma [kienx] aġixxa fil-konfront tal-kumpanniji tal-ajru bħala operatur privat f’ekonomija tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fuq dan il-punt, wara li indikat li r-Repubblika Taljana ma kinitx ibbażat argument fuq il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq matul il-proċedura amministrattiva, hija rrilevat, qabel kollox, li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ politika pubblika segwiti mir-Reġjun awtonomu, mill-fatt li dan tal-aħħar kien jikkontrolla biss wieħed mill-operaturi tal-ajruporti kkonċernati u mill-fatt li l-miżuri kontenzjużi kienu jirriżultaw minn skema stabbilita minn awtorità pubblika minflok minn ftehim individwali li jorbot lil operatur tal-ajruporti ma’ kumpannija tal-ajru, dan il-prinċipju ma kienx applikabbli. Sussegwentement, il-Kummissjoni osservat, essenzjalment, li kieku l-imsemmi prinċipju kien applikabbli, huwa kien jinvolvi d-determinazzjoni, abbażi ta’ analiżi tal-profittabbiltà jew ta’ evalwazzjoni komparattiva, li kieku r-Reġjun awtonomu aġixxa bħala operatur privat iggwidat minn perspettiva ta’ profittabbiltà, kif kien ikun il-każ fil-preżenza ta’ kuntratti konklużi minn operatur tal-ajruporti, qabel ma jżid li tali analiżi jew evalwazzjoni “ma kinitx rilevanti f’dan il-każ”. Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Taljana ma kienet ippreżentat ebda pjan ta’ operat, u ebda analiżi ta’ profittabbiltà lanqas li “turi b’mod ċar” l-eżistenza ta’ aġir ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq. |
|
147 |
It-tieni, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, li ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kienet ġiet organizzata sabiex jintgħażlu l-kumpanniji tal-ajru, peress li l-operaturi tal-ajruporti kienu sempliċement “ppubblikaw avviżi” u “għażlu l-aħjar offerta”, qabel ma żiedet li l-użu ta’ tali proċedura ma setax madankollu “jeskludi l-eżistenza ta’ vantaġġ” f’dan il-każ, peress li l-miżuri kontenzjużi kienu maħsuba “sabiex jitħallsu fondi pubbliċi favur kumpanniji tal-ajru”, mingħajr ma dawn il-fondi ma kienu jikkorrispondu għal “remunerazzjoni għal prodotti jew għal servizzi li jissodisfaw bżonnijiet reali tar-Reġjun” awtonomu [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
148 |
It-tielet, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 387 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “[f]’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma [kien] possibbli li jiġu evalwati r-relazzjonijiet finanzjarji individwali bejn l-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru” bil-għan li jiġi ddeterminat jekk dawn kinux konformi mal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq u li “[kien] ċar li l-operaturi tal-ajruporti ma [kinux] aġixxew bħala operaturi privati f’ekonomija tas-suq meta huma kkonkludew il-kuntratti differenti mal-kumpanniji tal-ajru”, iżda li huma “kienu implimentaw skema ta’ għajnuna maħsub mir-Reġjun [awtonomu] biex iżżid it-trasport bl-ajru”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
L-argumenti tal-partijiet
|
149 |
Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, easyJet issostni, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, l-ewwel nett, billi qieset l-eżistenza ta’ “sussidji” saħansitra qabel ma eżaminat, fid-dawl tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, il-miżuri kontenzjużi kif ukoll il-kuntratti li ġew konklużi mill-operaturi tal-ajruporti mal-kumpanniji tal-ajru sabiex jimplimentawhom. It-tieni, hija eskludiet b’mod żbaljat li twettaq dan l-eżami fid-dawl ta’ dan il-prinċipju billi bbażat ruħha fuq l-“għanijiet ta’ politika pubblika” segwiti mir-Reġjun awtonomu, mill-fatt li l-miżuri kontenzjużi u l-kuntratti li jimplimentawhom kienu allegatament joriġinaw minn “skema” li ma titlobx miżuri addizzjonali ta’ applikazzjoni u li jiddefinixxu l-benefiċjarji tagħha b’mod ġenerali u astratt, in-natura “privata” ta’ parti mill-operaturi tal-ajruport ikkonċernati kif ukoll tar-rwol ta’ “intermedjarju” li għandhom dawn tal-aħħar. It-tielet, din l-istituzzjoni wettqet żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi ma analizzatx b’mod korrett u argumentat il-profittabbiltà tal-miżuri kontenzjużi fid-dawl tad-diversi mekkaniżmi implimentati minnhom, billi tat importanza inġustifikata lill-assenza ta’ użu ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti u billi kkontestat l-eżistenza ta’ bżonn reali ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru fir-Reġjun awtonomu. Ir-raba’, hija naqset b’mod żbaljat milli tiddetermina jekk il-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru setgħux jitqiesu bħala aġir ta’ operaturi ekonomiċi li aġixxew f’kundizzjonijiet normali tas-suq fid-dawl tal-interess kummerċjali u ekonomiku tas-servizzi pprovduti skont dawn il-kuntratti, tal-prezz imħallas inkambju tagħhom kif ukoll tal-modalitajiet legali u prattiċi l-oħra ta’ konklużjoni u ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti. F’dan il-kuntest, easyJet tirreferi, inter alia, għall-pjanijiet ta’ attivitajiet li kellhom jitħejjew mill-operaturi tal-ajruporti, għar-rekwiżiti ta’ profittabbiltà li kellhom jiggwidaw kemm dawn il-pjanijiet ta’ attivitajiet kif ukoll il-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-ajru, kif ukoll il-mod kif dawn ir-rekwiżiti ġew implimentati minn Geasar u minn Sogaer f’dak li jikkonċernahom. |
|
150 |
Min-naħa tagħha, Volotea ssostni b’mod partikolari, fil-kuntest tal-ewwel u tal-ħames motiv tagħha, li l-Kummissjoni interpretat u applikat il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq b’mod żbaljat, li din l-istituzzjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova, li kien jaqa’ fuqha, billi ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ fid-dawl ta’ dan il-prinċipju u li hija ddedikat motivazzjoni insuffiċjenti għal dawn il-kwistjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, Volotea ssostni, b’mod partikolari, li, meta kkonkludew kuntratti ma’ kumpanniji tal-ajru, fosthom hija stess, wara li ppubblikaw sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess u żammew l-offerti l-iktar attraenti, Geasar u Sogaer aġixxew bħala operaturi privati f’ekonomija tas-suq, l-ewwel nett billi fittxew li jiksbu servizzi ta’ natura li joħolqu żieda fit-traffiku u l-attrazzjoni fl-ajruport rispettiv tagħhom, imbagħad billi żguraw ruħhom minn qabel għall-prospetti ta’ profittabbiltà ta’ dawn is-servizzi u finalment, b’korrispettiv, billi rremuneraw il-kokontrattanti b’prezz ġust. Volotea ssostni wkoll li, minflok ma wettqet eżami rigoruż ta’ din is-sitwazzjoni fid-dawl tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni llimitat ruħha, essenzjalment, li tgħaqqad flimkien numru ta’ dikjarazzjonijiet legali u fattwali konfużi, irrilevanti jew mhux issostanzjati, li ma kinux ta’ natura li jippermettulha tikkonkludi l-eżistenza ta’ vantaġġ. |
L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
151 |
Qabelxejn, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 107 sa 110 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri kontenzjużi u l-kuntratti li permezz tagħhom dawn ġew implimentati minn Geasar u minn Sogaer fir-rigward ta’ easyJet u ta’ Volotea kinux jikkostitwixxu, għal dawn tal-aħħar, vantaġġi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina dawn il-miżuri kif ukoll dawn il-kuntratti fid-dawl tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 105, 106, 117 u 118 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-għanijiet ta’ politika pubblika mfittxija mir-Reġjun awtonomu u n-natura privata tal-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni ma kinux jostakolaw l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju. |
|
152 |
Sussegwentement, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq kienet timponi f’dan il-każ fuq il-Kummissjoni l-obbligu li teżamina, skont il-modalitajiet imfakkra fil-punti 111 sa 114 u 125 sa 129 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk ir-Reġjun awtonomu, bħala entità pubblika li implimentat il-miżuri kontenzjużi, u l-operaturi tal-ajruporti li l-Kummissjoni tippreżenta bħala “intermedjarji”, bħala partijiet għall-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-ajru, setgħux jiġu kkunsidrati bħala li aġixxew bħal xerrejja privati ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, rispettivament, billi tipprevedi l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-ajru u billi tikkonkludi dawn il-kuntratti. |
|
153 |
Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-istess punti ta’ din is-sentenza, dan l-eżami kien jimplika li jiġi evalwat, b’mod globali u konkret, jekk dawn l-entitajiet kinux fittxew, kull waħda f’dak li jikkonċernaha, li jakkwistaw is-servizzi kkonċernati f’kundizzjonijiet normali tas-suq fid-dawl, b’mod partikolari, tar-razzjonalità ta’ tali tranżazzjoni, tal-prospetti prevedibbli ta’ profittabbiltà, tal-interess kummerċjali u ekonomiku tas-servizzi previsti għal dan il-għan, tal-prezz li għandu jitħallas bħala korrispettiv għalihom kif ukoll tal-modalitajiet legali u prattiċi li skonthom il-kuntratti li jistipulaw il-provvista tal-imsemmija servizzi u l-ħlas tal-imsemmi prezz kienu ġew konklużi. |
|
154 |
Issa, kif jirriżulta mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li huma miġbura fil-qosor fil-punti 145 sa 148 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni, minn naħa, eskludiet b’mod ċar, għal raġunijiet ibbażati b’mod żbaljat fuq l-għanijiet tal-politika pubblika segwiti mir-Reġjun Awtonomu, in-natura privata tal-operaturi tal-ajruporti li permezz tagħhom dan tal-aħħar implimenta l-miżuri kontenzjużi u dwar il-forma ta’ dawn il-miżuri, kemm l-“applikabbiltà” tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq kif ukoll ir-“rilevanza” u l-“possibbiltà” li jiġi applikat dan il-prinċipju għar-“relazzjonijiet” bejn ir-Reġjun awtonomu u l-kumpanniji tal-ajru kif ukoll għar-“relazzjonijiet finanzjarji individwali” bejn dawn u l-operaturi tal-ajruporti, b’mod partikolari bil-għan li tiġi evalwata r-razzjonalità u l-profittabbiltà prevedibbli tal-kuntratti konklużi bil-għan li timplimenta l-imsemmija miżuri [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
155 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li, minkejja dan it-teħid ta’ pożizzjoni ċara u mtennija, il-Kummissjoni fformulat, fil-premessi 382 u 384 tad-deċiżjoni kkontestata, xi evalwazzjonijiet li jistgħu jinftiehmu bħala proċess ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dawn l-evalwazzjonijiet jirrigwardaw biss l-aġir tar-Reġjun awtonomu nnifsu, peress li dak tal-operaturi tal-ajruporti fl-ebda mument ma huwa eżaminat fil-mertu. It-tieni, l-imsemmija evalwazzjonijiet huma kkonċentrati, evidentement, fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-Reġjun awonomu aġixxiex bħala investitur privat li jfittex li jikseb “dividendi”, “qligħ kapitali” jew “qligħ finanzjarju” ieħor u mhux fuq jekk huwa aġixxiex bħala xerrej privat ta’ oġġetti jew ta’ servizzi kienx jagħmel dan f’sitwazzjoni paragunabbli. It-tielet, il-Kummissjoni, li fuqha tistrieħ, fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 111 u 112 ta’ din is-sentenza, l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ, tillimita ruħha, f’dawn l-istess kunsiderazzjonijiet, essenzjalment, li ssostni, f’termini perentorji, li r-Reġjun awtonomu “ma setax jistenna ebda rendiment” jew benefiċċju ieħor li seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ analiżi fid-dawl tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, qabel ma jikkritika lir-Repubblika Taljana li ma “identifikatx l-elementi ta’ profittabbiltà” jew, “fi kwalunkwe każ”, ipprovdiet informazzjoni “li turi ċarament” li r-Reġjun awtonomu kien aġixxa bħala operatur privat f’ekonomija tas-suq. Ir-raba’, din l-istituzzjoni fl-ebda mument ma eżaminat, fil-fond, l-elementi li hija kellha effettivament, kif isostnu wkoll ġustament easyJet u Volotea [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
156 |
Issa, mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari li huma inkwistjoni f’dan il-każ kif ukoll mill-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ippreżentati fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 44 sa 46, 71 sa 75 u 79 sa 84) u mqassra fil-punti 5 sa 25 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-kuntratti li ġew konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru jikkostitwixxu l-konkretizzazzjoni bilaterali ta’ pjanijiet ta’ attività suġġetti għall-approvazzjoni minn qabel u mal-kontroll sussegwenti tar-Reġjun awtonomu, li kellhom jinkludu — u kienu jinkludu effettivament, skont il-Kummissjoni - data relatata, b’mod partikolari mal-“inizjattivi [li] l-operaturi tal-ajruporti [kienu] jiġġudikaw realizzabbli” kif ukoll mal-“previżjonijiet ekonomiċi u finanzjarji [li jsostnu] l-perspettivi ta’ profittabbiltà” servizzi li jiġu pprovduti, li fuqhom kien jaqa’ għal din l-istituzzjoni li tiddeċiedi [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
157 |
Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma turix li l-Kummissjoni użat is-setgħat li jippermettulha tikseb informazzjoni addizzjonali li dehrilha neċessarja jew utli, b’mod partikolari tas-setgħa tagħha li tindirizza lir-Repubblika Taljana ordni intiża sabiex din tal-aħħar tipprovdiha, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9), fatt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 112 ta’ din is-sentenza. |
|
158 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi ma applikatx il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq f’dan il-każ kif ukoll billi kkonstatat l-eżistenza ta’ vantaġġ abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet legali u fattwali li ma jistgħux jibbażaw tali evalwazzjoni. |
|
159 |
Għar-raġunijiet kollha preċedenti, l-ewwel u l-ħames aggravji mqajma minn Volotea u t-tieni aggravju imqajjem minn easyJet huma fondati. |
|
160 |
Peress li l-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi neċessarji sabiex miżura partikolari tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, kif tfakkar fil-punti 102, 103 u 138 ta’ din is-sentenza, u l-aggravji msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għandhom jintlaqgħu, hemm lok li jintlaqgħu r-rikorsi l-oħra ppreżentati minn Volotea u minn easyJet kif ukoll, konsegwentement, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna dawn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru, skont it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza minn kull waħda minnhom, kif imfakkra fil-punti 35 u 38 tal-imsemmija sentenza, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra mressqa insostenn ta’ dawn l-appelli. |
Fuq l-ispejjeż
|
161 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
162 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
163 |
F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet fil-Kawżi magħquda C‑331/20 P u C‑343/20 P kif ukoll fil-Kawżi T‑607/17 u T‑8/18, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż f’dawn l-erba’ kawżi, skont it-talbiet f’dan is-sens ta’ Volotea u ta’ easyJet. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.