Kawża C-290/07 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Scott SA

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Prezz preferenzjali għax-xiri ta’ art żviluppata — Determinazzjoni tal-valur tas-suq — Proċedura ta’ investigazzjoni formali — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali — Portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Metodu tal-ispejjeż — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju”

Sommarju tas-sentenza

1.        Appell — Aggravji — Aggravju bbażat fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ diliġenza tal-istituzzjonijiet — Kwistjoni ta’ liġi

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

3.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

4.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Eżami diliġenti u imparzjali

(Artikolu 88(2) KE)

5.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni tal-legalità skont l-elementi ta’ informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

1.        Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali tistax tikkonkludi, fuq il-bażi tal-fatti ppreżentati quddiemha, li l-istituzzjonijiet Komunitarji naqsux jew le mid-dmir tagħhom tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

(ara l-punt 62)

2.        Fir-rigward tal-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika valutazzjonijiet ta’ natura ekonomika li għandhom iseħħu fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni minn stħarriġ tal-interpretazzjoni li saret mill-Kummissjoni tad-data ta’ natura ekonomika.

Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha.

Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha b’dik tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li saru mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li jillimita ruħu għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punti 64-66)

3.        Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ ta’ art minn awtorità pubblika lil persuna privata jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tapplika l-kriterju ta’ investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq, sabiex jiġi vverifikat jekk il-prezz imħallas mill-benefiċjarju preżunt tal-għajnuna jikkorrispondix mal-prezz li investitur privat, li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, seta’ jiffissa. Inġenerali, l-użu ta’ dan il-kriterju jimplika minn naħa tal-Kummissjoni evalwazzjoni ekonomika komplessa.

F’każ bħal dan, il-Qorti Ġenerali tkun eċċediet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, jekk hija tkun sempliċement illimitat ruħha li tiddeċiedi li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ diliġenza mingħajr ma wriet li l-elementi b’hekk injorati setgħu jwasslu għal evalwazzjoni differenti fir-rigward tal-valutazzjoni tal-ammont tal-għajnuna u jekk hija tonqos milli turi li billi tagħmel dan, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 68-72)

4.        Il-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat, li twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-informazzjoni l-iktar kompluta u affidabbli possibbli għal dan il-għan.

Il-Kummissjoni mhix obbligata la li tikkunsidra d-dokumenti li ma ġewx fornuti lilha fil-proċedura amministrattiva, iżda li waslu għandha fi ħdan terminu estiż eċċezzjonalment, anki fit-tmiem tiegħu, u li, b’hekk, jikkontjenu biss affermazzjonijiet vagi, u lanqas li terġa’ tiftaħ il-proċedura ta’ eżami.

(ara l-punti 90, 95)

5.        Il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha.

(ara l-punt 91)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Settembru 2010 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Prezz preferenzjali għax-xiri ta’ art żviluppata – Determinazzjoni tal-valur tas-suq – Proċedura ta’ investigazzjoni formali – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali – Portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Metodu tal-ispejjeż – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑290/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-14 ta’ Ġunju 2007,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Flett, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Scott SA, stabbilita f’Saint-Cloud (Franza), irrappreżentata minn J. Lever, QC, R. Griffith u M. Papadakis, solicitors, kif ukoll minn P. Gardner u G. Peretz, barristers, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Département du Loiret, irrappreżentat minn A. Carnelutti, avocat,

intervenjent fl-appell,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, S. Seam u F. Million, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), J.‑J. Kasel, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tad-29 ta’ Marzu 2007, Scott vs Il-Kummissjoni (T‑366/00, Ġabra p. II‑797, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”) li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/14/KE tat-12 ta’ Lulju 2000, li tikkonċerna għajnuna mogħtija minn Franza favur Scott Paper SA/Kimberly-Clark (ĠU L 12, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ prezz preferenzjali għax-xiri ta’ art żviluppata.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti; Kapitolu 8, Vol. 1 p. 339) huwa intiż, essenzjalment, skont it-tieni premessa tiegħu, sabiex tinġabar u tkun rinforzata l‑prassi kostanti tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3        L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li d-deċiżjoni li tinbeda l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali notifikata “[i]ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar” u li jista’ jiġi pprorogat f’ċerti każijiet debitament ġustifikati.

4        L-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru°659/1999 jindika:

“Fejn, minkejja kif imfakkar [...] l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l‑informazzjoni meħtieġa fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni, jew fejn tipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha permezz ta’ deċiżjoni teħtieġ li l-informazzjoni tkun provvduta [...]”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Scott Paper Company hija kumpannija Amerikana li tipproduċi karta għall-użu sanitarju u domestiku. Sabiex tkun tista’ tiftaħ fabbrika għal produzzjoni fi Franza, Bouton Brochard Scott SA li bħala avventi tagħha daħlet Scott SA (iktar ’il quddiem “Scott”), sussidjarja Franċiża tal-kumpannija Amerikana, id‑Département du Loiret u l-belt ta’ Orléans għaddew, skont il-ftehim tat-12 ta’ Settembru 1987, il-kompitu li jsiru l-istudji kollha u x-xogħlijiet neċessarji għall-iżvilupp tal-art meħtieġa għal din il-fabbrika, liema art kellha kejl superfiċjali ta’ bejn wieħed u ieħor 68 ettaru, lis-Société d’économie mixte pour l’équipement du Loiret (iktar ’il quddiem “Sempel”).

6        L-art ikkonċernata kienet inbiegħet lil Sempel, għas-somma simbolika ta’ FRF 1, mill-belt ta’ Orléans li minn naħa tagħha kienet xtratha preċedentement permezz ta’ tliet tranżazzjonijiet, jiġifieri 30 ettaru fl-1975, 32.5 ettaru fl-1984 u 5.5 ettaru fl-1987. Il-belt ta’ Orléans u d-Département du Loiret obbligaw ruħhom li jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-iżvilupp tas-sit għal total ta’ FRF 80 miljun.

7        Fit-tmiem tas-sena 1987, Sempel biegħet lil Scott parti mill-art żviluppata, jiġifieri 48 ettaru mis-68 ettaru disponibbli, għal total ta’ FRF  31 miljun, jiġifieri bejn wieħed u ieħor EUR 4.7 miljun, b’mod konformi mal-ftehim konkluż fil-31 ta’ Awwissu 1987 bejn il-belt ta’ Orléans, id-département du Loiret u Scott (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim Scott”).

8        Dan il-bejgħ ma ġiex notifikat lill-Kummissjoni skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

9        F’Jannar 1996, l-azzjonijiet ta’ Scott inxtraw mill-impriża Kimberly-Clark Corp. (iktar ’il quddiem “KC”). Din tal-aħħar ħabbret l-għeluq tal-fabbrika f’Jannar 1998. L-assi tal-fabbrika, jiġifieri l-art u l-iżvilupp li sar fuqha, inxtraw minn Procter & Gamble (iktar ’il quddiem “P & G”) f’Ġunju 1998.

10      Wara rapport tal-Cour des comptes Franċiż għas-sena 1996 li kkumentat dwar it-trasferiment tal-art lil Scott, il-Kummissjoni rċeviet ilment. F’Mejju 1998, din iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri previsti mill-Artikolu 88(2) KE, li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

11      Fil-verżjoni tagħha kif emendata mill-corrigendum tat-2 ta’ Marzu 2001, din id‑deċiżjoni tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ prezz preferenzjali tal-bejgħ ta’ art ta’ kejl superfiċjali ta’ 48 ettaru, għal total stmat ta’ FRF 39.588 miljun, jiġifieri bejn wieħed u ieħor EUR 6.03 miljun jew, valur preżenti għal total ta’ FRF 80.77 miljun, jiġifieri EUR 12.3 miljun, u ta’ rata preferenzjali fuq il-levy tat-trattament tal-ilma implementata fir-rigward ta’ Scott li l-awtoritajiet Franċiżi għandhom jistabbilixxu. L-imsemmija deċiżjoni timponi, fl-Artikolu 2 tagħha, l-irkupru tas-somom diġà imħallsa illegalment b’dan il-mod.

 Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni

12      Bejn ix-xahar ta’ Jannar 1997 u x-xahar ta’ April 1998, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Franċiżi numru ta’ talbiet għal informazzjoni li għalihom din irrispondiet parzjalment.

13      Fl-20 ta’ Mejju 1998, il-Kummissjoni ddeċidiet tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE u informat lill-awtoritajiet Franċiżi b’ittra tal-10 ta’ Lulju 1998. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Settembru 1998 (ĠU C 301, p. 4) u tat lill-partijiet ikkonċernati terminu ta’ xahar mill-pubblikazzjoni, għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet tagħhom.

14      Scott u l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni rispettivament fit-23 u fil-25 ta’ Novembru 1998.

15      Peress li t-talbiet għal informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Franċiżi bil-għan tad-determinazzjoni tal-valur tas-suq tal-art kontenzjuża ġew biss parzjalment sodisfatti, il-Kummissjoni ordnatilhom, fit-8 ta’ Lulju 1999, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jagħtuha “id-dokumenti, informazzjoni u d-data kollha neċessarja sabiex tevalwa l-elementi ta’ għajnuna u l-kompatibbiltà tal-miżuri favur [Scott]”. Barra minn hekk, din l-ordni identifikat ċerti dokumenti u informazzjoni speċifiċi. Din it-talba rċeviet biss risposta parzjali tal-awtoritajiet Franċiżi fil-15 ta’ Ottubru 1999.

16      Wara laqgħa tas-7 ta’ Diċembru 1999 bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u dawk tal-Gvern Franċiż akkumpanjati mir-rappreżentanti ta’ Scott, il‑Kummissjoni awtorizzat il-produzzjoni ta’ provi ġodda fir-rigward tal-għajnuna kontenzjuża sal-aħħar tas-sena 1999.

17      Bħala risposta għal din l-istedina, Scott bagħtet ittra lill-Kummissjoni fl-24 ta’ Diċembru 1999 li kienet tikkontjeni ċerta informazzjoni addizzjonali (iktar ’il quddiem l-“l-ittra ta’ Scott”), l-awtoritajiet Franċiżi bagħtulha informazzjoni simili permezz ta’ ittri tas-7 ta’ Jannar 2000 u tal-21 ta’ Frar 2000.

18      Fit-12 ta’ Jannar u fit-22 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni informat lil Scott li hija ma setgħetx tinkludi fil-proċess l-osservazzjonijiet addizzjonali kontenuti fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Diċembru 1999.

19      Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-informazzjoni u tal-provi kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

20      Wara li kkonstatat, fil-punt 29 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-art kontenzjuża ma kinitx inbiegħet lil Scott fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti inkondizzjonata u lanqas ma kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-prezz tagħha minn espert indipendenti, u filwaqt li sostniet numru ta’ drabi, b’mod partikolari fil-punti 31, 32, 97, 160, 166 u 168 tal-istess deċiżjoni, li hija kienet ippruvat mingħajr suċċess tikseb mill-awtoritajiet Franċiżi l-informazzjoni kollha li tippermettilha tipproċedi bl-eżami tal-għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont tal-għajnuna illegali li kellha terġa’ tinġabar.

21      Għal dan il-għan, hija kkomparat il-prezz tas-suq ta’ art simili mal-prezz effettivament imħallas minn Scott.

22      Sabiex tiddetermina x’seta’ kien fl-1987, il-prezz tas-suq tal-art kontenzjuża, il‑Kummissjoni kkunsidrat l-ispejjeż li għamlet il-belt ta’ Orléans sabiex takkwista l-imsemmija art u tiżviluppaha sabiex tinbena l-fabbrika ta’ Scott.

23      Fir-rigward tal-art mhux żviluppata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-prezz medju mħallas mill-belt ta’ Orléans fit-tliet xirjiet tal-artijiet li minnu 48 ettaru ta’ art kontenzjuża jiffurmaw parti minnha, mil-1975 sal-1987, jiġifieri FRF 10.9 miljun. Dan il-valur huwa korroborat mill-minuti tal-laqgħa tal-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Orléans tas-27 ta’ Mejju 1994 u li jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor mal-valutazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi fl-ittri tagħhom tas-17 ta’ Marzu u tad-29 ta’ Mejju 1997, hekk kif jirriżulta mill-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata.

24      Fir-rigward tal-iżvilupp li sar tal-art kontenzjuża, il-Kummissjoni aċċettat l‑ispejjeż li saru minn Sempel hekk kif jirriżultaw mill-karta tal-bilanċ fil-mument tal-istralċ, jiġifieri FRF 140.4 miljun, hekk kif ġie espost fil-punt 19 tal-imsemmija deċiżjoni.

25      Wara li naqqset minn din is-somma b’mod partikolari l-ispejjeż marbuta mas-self ta’ Sempel kif ukoll il-prezz ta’ FRF 31 miljun imħallas minn Scott għall-art kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat FRF 39.588 miljun bħala s-somma ta’ għajnuna pubblika mħallsa lil Scott.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ġie redatt hekk kif ġej:

“L-ewwel Artikolu

L-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ prezz preferenzjali ta’ art u ta’ rata preferenzjali fuq il-levy tat-trattament tal-ilma, li Franza implementat favur Scott, f’ammont ta’ FRF 39.58 miljun (EUR 6.03 miljun) jew, f’valur materjali, ta’ FRF 80.77 miljun ta’ (EUR 12.3 miljun), għal dak li jirrigwarda l-prezz preferenzjali tal-art, u għal ammont li l-awtoritajiet Franċiżi għandhom jiddeterminaw skont il‑metodu ta’ kalkolu stabbilit mill-Kummissjoni, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

         1.     Franza għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra mill-benefiċjarja tagħha l-għajnuna indikata fl-ewwel Artikolu u li diġà tqiegħdet għad-dispożizzjoni tagħha illegalment.

         2.     L-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal-preżenti deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data li fiha tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarja, sad-data tal-irkupru tagħha. L-interessi għandhom jiġu kkalkulati abbażi tar-rati ta’ riferiment użati għall-kalkolu tas-sussidji ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuniet b’finalitajiet reġjunali.

Artikolu 3

Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, tal-miżuri adottati sabiex tikkonforma magħhom.

Artikolu 4

Ir-Repubblika Franċiża hija destinatarja ta’ din d-Deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

27      Insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, Scott issollevat erba’ aggravji bbażati, b’mod partikolari, fuq il-ksur tal-forom sostanzjali ta’ din id-deċiżjoni peress li l-Kummissjoni ma kkunsidratx ċerti dokumenti u informazzjoni mogħtija minn Scott fl-iskadenza tat-terminu previst fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ eżami. Barra minn hekk, hija sostniet, permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li l-Kummissjoni kienet wettqet numru ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-għajnuna, b’mod partikolari fid-distribuzzjoni tal-FRF 31 miljun imħallsa minn Scott għall-art kontenzjuża.

28      Il-Kummissjoni kkonkludiet favur iċ-ċaħda tar-rikors fl-intier tiegħu, iżda fir-risposta tagħha ammettiet ukoll li hija kienet wettqet żball meta kkunsidrat li s‑somma ta’ FRF 31 miljun imħallsa minn Scott kienet għax-xiri tal-biċċa art ta’ 68 ettaru u mhux għal dik tal-art kontenzjuża. B’hekk, hija kkoreġiet id-deċiżjoni kkontestata fil-21 ta’ Marzu 2001 u konsegwentement naqqset l-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata.

29      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali analiżżat l-ammissibbiltà, ikkontestata mill-Kummissjoni, ta’ erba’ dokumenti annessi minn Scott mar-rikors tagħha. B’dan il‑mod, hija ppreċiżat, fil-punt 44 tas-sentenza kkontestata, li l-imsemmija dokumenti kienu validament annessi mar-rikors promotur u li minħabba dan il‑fatt, hija kienet tifforma parti mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali. B’hekk, hija kkunsidrat li l-ammissibbiltà tagħhom ma kinitx qed tiġi kkontestata. Hija ppreċiżat li l-Kummissjoni kienet fir-realtà qiegħda tikkontesta l-fatt li dawn id‑dokumenti jkunu kkunsidarti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn huma ma jiffurmawx parti mill-proċess tal-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva.

30      Wara li esprimiet ruħha fuq tlieta minn dawn id-dokumenti, fejn aċċettat l‑argumenti tal-Kummissjoni għall-ewwel tnejn u ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għat-tielet wieħed, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet, b’mod żbaljat, irrifjutat li tinkludi fil-proċess l-ittra ta’ Scott.

31      B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali sostniet fil-punti 58 sa 61 tas-sentenza kkontestata li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ u minħabba l-fatt li l‑Kummissjoni kienet aċċettat informazzjoni simili inkluża fl-ittri tal-awtoritajiet Franċiżi tas-7 ta’ Jannar u tal-21 ta’ Frar 2000, hija kellha tikkunsidra l‑informazzjoni kontenuta fl-ittra ta’ Scott.

32      B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 63 tas-sentenza kkontestata, li din l-ittra setgħet tiġi invokata minn Scott sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fuq dan il-bażi, hija eżaminat direttament ir-raba’ aggravju għall-annulament li jirrigwarda l-fatt li kienu twettqu l-iżbalji ta’ evalwazzjoni fil-valutazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża.

33      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali pproċediet b’raġunament fi tliet stadji.

34      Fl-ewwel lok, hija rrilevat żbalji fil-metodu u fil-kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni, kif ukoll ta’ nuqqas ta’ preċiżjoni fid-data li hija użat fil-valutazzjonijiet tagħha.

35      Il-Qorti Ġenerali sostniet b’mod partikolari li, billi għażlet li tuża l-metodu tal-ispejjeż sabiex tevalwa l-valur tas-suq tal-art kontenzjuża, il-Kummissjoni wettqet żbalji, kemm fl-għażla ta’ dan il-metodu kif ukoll fl-applikazzjoni stess tiegħu.

36      B’hekk, minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 106 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq informazzjoni sekondarja u indiretta meta għażlet il-metodu tal-ispejjeż tax-xiri sabiex tiddetermina l-valur tal-art kontenzjuża mhux żviluppata.

37      Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat, fil-punti 110 u 111 tas-sentenza kkontestata, li l‑Kummissjoni wettqet żball ta’ kalkolu meta stabbilixxiet il-prezz tax-xiri tal-art kontenzjuża mill-belt ta’ Orléans li wasslet għall-valur tal-art kontenzjuża mhux żviluppata joqrob l-istima li saret mill-awtoritajiet Franċiżi fil-proċedura amministrattiva msemmija fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 111 tas-sentenza kkontestata, li dan l-iżball, għalkemm kien favur Scott, kien intollerabbli. Issa, mingħajr dan l-iżball, il-Kummissjoni setgħet possibbilment tirrimarka li d-data kontenuta fil-minuti tal-laqgħa tal-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Orléans tas-27 ta’ Mejju 1994 ma kinitx neċessarjament tikkonferma l-evalwazzjonijiet tagħha.

38      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 114 sa 119 tal-imsemmija sentenza, li d-data użata mill-Kummissjoni ma kinitx preċiża. B’hekk, billi l-art mibjugħa lil Scott kienet inxtrat mill-awtoritajiet lokali Franċiżi fi tliet darbiet f’perijodu mill-1975 sal-1984, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra l-prezz medju li jirriżulta minn dawn it-tranżazzjonijiet sabiex tevalwa l-valur tas-suq tal-art kontenzjuża mhux żviluppata fl-1987.

39      Bl-istess mod, fir-rigward tal-valutazzjoni tal-valur tal-iżvilupp fuq l-art kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali identifikat, fil-punti 120 sa 122 tas-sentenza kkontestata, evidenza li kellha twassal lill-Kummissjoni tiddubita l-affidabbiltà tal-metodu li kienet qiegħda tuża f’dan ir-rigward, jiġifieri l-ispejjeż li saru minn Sempel għall-kostruzzjoni tal-imsemmi żvilupp. B’mod partikolari, hija ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat id-differenza bejn is-superfiċi tal-fabbrika li kellha tinbena kif imsemmi fil-Ftehim Scott u s-superfiċi tal-fabbrika li effettivament inbniet kif imsemmi fil-minuti tal-laqgħa tal-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Orléans tas-27 ta’ Mejju 1994. Bl-istess mod, ma ġietx ikkunsidrata d‑differenza bejn l-ammont tax-xogħlijiet li kellhom jitwettqu skont il-Ftehim Scott u l-ispiża tax-xogħolijiet hekk kif jirriżulta mill-karta tal-bilanċ fil-mument tal-istralċ ta’ Sempel. Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li għall-inqas, il-Kummissjoni kellha tistaqsi lil Scott dwar id-differenzi li rriżultaw minn dawn il-provi.

40      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li jekk il-Kummissjoni kienet debitament ikkunsidrat l-informazzjoni u l-valutazzjonijiet kontenuti fl-ittra ta’ Scott u fl-osservazzjonijiet suċċessivi tal-awtoritajiet Franċiżi, hija kellha tinduna bid-differenzi kbar fir-rigward tal-valutazzjoni tal-valur tas-suq tal-art kontenzjuża. Issa, hija sostniet fil-punti 137 u 138 tas-sentenza kkontestata, li kkonfrontata b’dubji bħal dawn, il-Kummissjoni kellha tagħmel użu minn metodi oħra ta’ valutazzjoni, bħall-opinjoni ta’ espert indipendenti, sabiex jiddetermina l-valur tas-suq tal-art kontenzjuża, jew, għall-inqas, tista’ titlob iktar informazzjoni lil Scott u lill-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward tal-valutazzjonijiet li rreferew għalihom fl-osservazzjonijiet tagħhom.

41      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx tistaħba wara d-dritt tagħha li tadotta deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fuq il‑bażi biss tal-evidenza disponibbli, meta, wara ordni sabiex tingħata informazzjoni, l‑Istat Membru kkonċernat ma wriex il-kooperazzjoni meħtieġa.

42      Fuq il-bażi ta’ dan ir-raġunament fi tliet partijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l‑Kummissjoni kisret, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-obbligu tagħha li twettaq, b’mod diliġenti, l-istadju tal-eżami previst fl-Artikolu 88(2) KE u b’hekk, konsegwentement, laqgħet ir-raba’ aggravju tar-rikors. B’hekk, mingħajr ma teżamina t-tliet aggravji l-oħra, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

 It-talbiet tal-partijiet

43      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza kkontestata u tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-appell, jew, għal kwalunkwe kwistjoni li fir-rigward tagħha hija tikkunsidra li l-istat tal-proċedimenti ma jippermettix sentenza finali, li tirrinvija l-każ lill-Qorti Ġenerali għal valutazzjoni mill-ġdid;

–        tikkundanna lill-Scott tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-proċedimenti kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża tbati l-ispejjeż tagħha, sostnuti fil-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

44      Scott titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell.

45      Id-Département du Loiret, li, permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tas-17 ta’ Lulju 2008, tħalla jintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Scott, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

46      L-aggravji mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha huma indirizzati b’mod partikolari kontra l-partijiet differenti tar-raġunament li sar mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza kkontestata.

47      B’hekk, b’mod partikolari, id-disa’ u t-tnax-il aggravju, li jeħtieġu li jiġu eżaminati l-ewwel, huma indirizzati kontra l-ewwel parti tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali.

 Fuq id-disa’ u t-tnax-il aggravju bbażati, essenzjalment, fuq li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-poteri tagħha fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha

 L-argumenti tal-partijiet

48      Skont id-disa’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat, b’mod partikolari fil-punti 105 sa 108 tas-sentenza kkontestata, li fil-valutazzjoni tal-valur tal-art kontenzjuża u tal-iżvilupp tagħha, hija kienet żbaljata meta użat il-metodu tal-ispejjeż li ntużaw mill-awtoritajiet Franċiżi u, b’hekk, kisret l-obbligu tagħha li teżamina b’mod imparzjali u diliġenti l-fatti tal-kawża.

49      Issa, fin-nuqqas, fid-data tal-għoti tal-għajnuna kontenzjuża, ta’ kull valutazzjoni ta’ dik l-art jew tal-organizzazzjoni ta’ sejħa pubblika għall-offerti, hija kienet ġustifikata li tuża metodu bħal dan.

50      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-metodu tal-valutazzjoni tal-valur tal-art u tal-iżvilupp tagħha.

51      Min-naħa l-oħra, il-metodu tal-ispejjeż ikun partikolarment xieraq għal dak li jirrigwarda tranżazzjoni li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ art li tinkludi żvilupp adattat għall-bżonnijiet tal-benefiċjarju.

52      Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali imponiet fuq il-Kummissjoni li titlob informazzjoni supplimentari lill-awtoritajiet Franċiżi u lil Scott jew inkella li tirreferi għal espert indipendenti f’ċirkustanzi li fihom hija kienet madankollu ġustifikata li tuża l-metodu tal-ispejjeż, hekk kif jirriżulta mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat kontenuti fil-bejgħ ta’ artijiet u tal-bini minn awtoritajiet pubbliċi (ĠU 1997, C 209, p. 3).

53      Finalment, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 139 tas-sentenza kkontestata, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda raġuni sabiex tippreferi l‑prezz tal-art kontenzjuża hekk kif jirriżulta mill-bejgħ bejn Scott/Kimberly-Clark u Procter & Gamble, li sar fl-1998, sabiex jiġi ddeterminat il-valur li kellha l‑proprjetà ħdax-il sena qabel.

54      Scott issostni li l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata. B’hekk, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kienet żbaljat mhux għaliex ibbażat ruħha fuq il-metodu tal-ispejjeż, iżda għaliex ma kkunsidratx metodi oħra ta’ valutazzjoni tal-valur tal-art kontenzjuża.

55      Id-Département du Loiret isostni li l-Kummissjoni kellha obbligu tivverifika l‑metodi kollha ta’ valutazzjoni tal-valur tal-art kontenzjuża sabiex tagħżel il‑metodu l-iktar affidabbli. Issa, l-metodu tal-ispejjeż użat mill-Kummissjoni huwa biss wieħed sekondarju meta kkomparat mal-metodi diretti ta’ valutazzjoni.

56      Fir-rigward tal-għaxar aggravju tal-appell, il-Kummissjoni ssostni li hija bbażat ruħha fuq valutazzjoni tal-valur tal-proprjetà inkwistjoni li tkun l-iktar vantaġġuża għal Scott. Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali, ma hijiex responsabbiltà tagħha li tikkjarifika d-differenzi eżistenti bejn l‑ispejjeż li jirriżultaw mill-kontijiet ta’ Sempel u l-ammont imsemmi fil-Ftehim Scott.

57      F’dak ir-rigward, Scott tirrispondi li l-Qorti Ġenerali sempliċement iġġudikat li l‑Kummissjoni ma setgħetx tieħu l-ispejjeż li għamlet Sempel bħala l-punt tat-tluq għal valutazzjoni tal-valur tas-suq tal-iżvilupp li sar fuq l-art kontenzjuża.

58      Għal dak li jirrigwarda l-ħdax-il aggravju tal-appell, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat, fil-punt 118 tas-sentenza kkontestata, li l-minuti tal-laqgħa tal-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Orléans tas-27 ta’ Mejju 1994 kienu jinkludu biss sunt qasir ħafna u mingħajr spjegazzjoni dettaljata tal-ispiża tal-art mhux żviluppata. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-poteri tagħha ta’ stħarriġ f’qasam li fih il-Kummissjoni kellha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa.

59      Għall-kuntrarju, Scott issostni li r-referenzi għal-laqgħa tal-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Orléans, indikati mill-Kummissjoni fl-appell tagħha, ma humiex korretti fir-rigward tal-annessi mogħtija mill-Kummissjoni stess. Scott b’hekk ikkonkludiet li dan l-element għandu jiġi miċħud.

60      Għal dak li jirrigwarda t-tnax-il aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta kkunsidrat, fil-punt 125 tas-sentenza kkontestata, li hija kellha tikkunsidra l-valutazzjoni tal-valur tal-art kontenzjuża mhux żviluppata hekk kif tirriżulta mill-istħarriġ fiskali li sar mill-amministrazzjoni Franċiża fl-1993. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-kompetenza tagħha.

61      Scott issostni li kien ikun iktar xieraq kieku bbażat ruħha fuq il-valutazzjoni tal-art kontenzjuża li saret mill-amministrazzjoni fiskali, milli fuq il-metodu tal-ispejjeż.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, ġustament, tikkonkludi fuq il-bażi tal-fatti ppreżentati quddiemha li l‑istituzzjonijiet Komunitarji naqsux jew le mid-dmir tagħhom tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C‑535/06 P, Ġabra p. I-7051, punt 34).

63      B’hekk jirriżulta li l-aggravji tal-Kummissjoni li għandhom bħala għan valutazzjoni bħal din huma inammissibbli.

64      Fir-rigward tal-mertu ta’ dawn l-aggravji, għandu jiġi kkonstatat li fir-rigward tal-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jekk il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika valutazzjonijiet ta’ natura ekonomika li għandhom iseħħu fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni minn stħarriġ tal-interpretazzjoni li saret mill-Kummissjoni tad-data ta’ natura ekonomika.

65      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti Komunitarja ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l‑elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39).

66      Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha b’dik tal-Kummissjoni (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja u Il-Kummissjoni vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 57). Fil-fatt, l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l‑evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li saru mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li jillimita ruħu għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 163).

67      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li jirrigwardaw il-portata tal-istħarriġ rikonoxxut mill-ġurisprudenza lill-qrati tal-Unjoni li fih għandhom jiġu eżaminati d-disa’ sal-ħdax-il aggravju tal-appell li permezz tagħhom, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li eċċediet l-kompetenzi ġudizzjarji tagħha billi ddeċidiet li hija kienet kisret l-obbligu tagħha ta’ diliġenza fl-iddeterminar tal-valur tas-suq tal-art kontenzjuża u, konsegwentement, l-ammont tal-għajnuna mill-Istat kontenzjuża. F’dan ir-rigward, id-disa’ u l-għaxar aggravju jittrattaw l‑evalwazzjoni tal-valur tal-iżvilupp li sar fuq l-art kontenzjuża, il-ħdax u t-tnax-il aggravju jirreferu għall-valutazzjoni tal-proprjetà tal-imsemmija art.

–       Fir-rigward tal-għażla tal-metodu tal-ispejjeż u tal-valutazzjoni tal-valur tas-suq tal-art kontenzjuża mhux żviluppata

68      Preliminarjament, u hekk kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punti 138 u 139 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ ta’ art minn awtorità pubblika lil persuna privata jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, huwa meħtieġ li l‑Kummissjoni tapplika l-kriterju ta’ investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq, sabiex jiġi vverifikat jekk il-prezz imħallas mill-benefiċjarju preżunt, jikkorrispondix mal-prezz li investitur privat, li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, seta’ jiffissa. Inġenerali, l-użu ta’ dan il-kriterju jimplika minn naħa tal-Kummissjoni evalwazzjoni ekonomika komplessa (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑56/93, Ġabra p. I‑723, punti 10 u 11 kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punti 38 u 39).

69      Fil-każ preżenti, huwa stabbilit li l-Kummissjoni kellha tagħmel valutazzjoni tal-valur tas-suq tal-art mibjugħa fl-1987, jiġifieri tlettax-il sena wara li seħħ il-bejgħ kontenzjuż.

70      Barra minn hekk, ma ġiex ikkontestat li l-bejgħ tal-art kontenzjuża lil Scott huwa kkaratterizzat minn nuqqas kemm ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti inkondizzjonata kif ukoll ta’ valutazzjoni minn espert indipendenti. B’hekk, hekk kif sostniet il-Qorti Ġenerali, fil-punt 96 tas-sentenza kkontestata, il-kompitu tal-Kummissjoni kien tant kumpless u seta’ jwassal biss għal stima approssimattiva tal-valur tas-suq tal-art kontenzjuża.

71      Sabiex tasal għal valutazzjoni tal-valur tal-art kontenzjuża kif ukoll tal-iżvilupp li sar, u b’hekk tiddetermina l-ammont ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ispejjeż tax-xiri u tal-iżvilupp tal-art kontenzjuża.

72      Għalkemm, hekk kif jirriżulta mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq għajnuna mill-Istat f’bejgħ ta’ art u ta’ bini mill-awtoritajiet pubbliċi, l-użu ta’ espert indipendenti huwa metodu li jippermetti li tinkiseb valutazzjoni tal-valur tas-suq ta’ art, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tagħha tal-istħarriġ ġudizzjarju, sa fejn sempliċement illimitat ruħha li ssostni li, billi ppreferiet il‑metodu tal-ispejjeż, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ diliġenza mingħajr ma wriet li l-elementi b’hekk injorati setgħu jwasslu għal evalwazzjoni differenti fir-rigward tal-valutazzjoni tal-ammont tal-għajnuna. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma identifikat l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

73      Issa, permezz tal-applikazzjoni ta’ dan il-metodu, il-Kummissjoni waslet għal valur tas-suq tal-art kontenzjuża mhux żviluppata, jiġifieri FRF 10.9 miljun, li, minn naħa, tikkorrispondi bejn wieħed u ieħor mal-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi kkomunikati fil-proċedura amministrattiva u, min-naħa l‑oħra, hija korroborata mill-minuti tal-laqgħa tal-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Orléans tas-27 ta’ Mejju 1994.

74      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-element ewlieni li fuqu bbażat ruħha l‑Kummissjoni f’dawn il-minuti huwa faċilment identifikabbli. Fil-fatt, issemmiet stima tal-valur tal-proprjetà tal-art kontenzjuża mhux żviluppata fiż-żmien tal-bejgħ tagħha lil Scott. Konsegwentement, l-unika ċirkustanza allegata minn Scott li r-referenzi tal-Kummissjoni għall-minuti ma jikkorrispondux manifestament mad-dokument mehmuż mal-appell tagħha ma hijiex suffiċjenti sabiex ikun hemm dubju dwar l-ammissibbiltà tagħhom.

75      Barra minn hekk, u għar-raġunijiet imsemmija mill-Avukat Ġenerali fil-punti 160 sa 163 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda raġuni sabiex tiddubita l-affidabbiltà ta’ dik id-data, sa fejn din ġiet minn waħda mill-awtoritajiet pubbliċi involuti fit-tranżazzjoni u li kienu jikkonsistu, mill-kliem stess tal-minuti, fi stima uffiċjali inizjali tal-“valur tal-proprjetà” tal-art kontenzjuża.

76      Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni ċertament wettqet żball materjali fil-kalkolu tal-ammont tal-vantaġġ li rċeviet Scott meta kkunsidrat li l-biċċiet kollha ta’ art mixtrija mill-belt ta’ Orléans bejn is-sena 1975 u s-sena 1987 jikkorrespondu mal-art attribwita lil Scott. Madankollu, ma ġiex muri li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali fil-punt 113 tas-sentenza kkontestata, mingħajr dan l-iżball, il-Kummissjoni kienet inevitabbilment saqsiet dwar l-affidabbiltà tad-data li hija użat.

77      Fil-fatt, minn naħa, il-valur tas-suq tal-art kontenzjuża aċċettat mill-Kummissjoni, jiġifieri FRF 16/m², jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor mal-prezz medju mressaq mill-awtoritajiet Franċiżi fl-ittri tagħhom tas-17 ta’ Marzu u d-29 ta’ Mejju 1997, jiġifieri FRF 15/m².

78      Min-naħa l-oħra, peress li l-Kummissjoni sostniet numru ta’ drabi, li hija kienet użat stima moderata ħafna tal-imsemmi valur, għandu jingħad li l-iżball fil-kalkolu identifikat mill-Qorti Ġenerali kien ta’ vantaġġ għal Scott.

79      Finalment, anki jekk wieħed jista’ jiddeplora li l-Kummissjoni ma wrietx loġika perfetta meta ġiet biex tiddetermina l-ispejjeż tax-xiri tal-art kontenzjuża mhux żviluppata sa fejn ikkunsidrat il-prezz medju tat-tliet tranżazzjonijiet separati bejn is-snin 1975 u 1987 sabiex tiddetermina l-valur tas-suq tal-art kontenzjuża fejn il‑biċċa art oriġinali ma ġietx identifikata, xorta jibqa’ l-fatt li, kkonfrontata b’tranżazzjoni tant kumplessa bħal dik inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali eċċediet il‑limitu tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, fejn sostniet permezz ta’ preżunzjoni li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu tagħha ta’ diliġenza. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tidentifika żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni setgħet wettqet fl-għażla tal-metodu kif ukoll fl-applikazzjoni tagħha.

80      B’mod partikolari, kien totalment leġittimu li l-Kummissjoni ppreferiet tibbaża ruħha fuq informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi kif ukoll fil-minuti tal-laqgħat tal-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Orléans tas-27 ta’ Mejju 1994, milli fuq valutazzjoni stabbilita mill-amministrazzjoni fiskali Franċiża użata fl-istħarriġ fiskali fis-sena 1993. Fi kwalunkwe każ, fiċ-ċirkustanzi fil-kawża preżenti, kkaratterizzati, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 140 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn nuqqas notevoli ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Franċiżi, għażla bħal din ma tistax tammonta għal żball manifest ta’ evalwazzjoni.

–       Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-valur tas-suq tal-iżvilupp li sar fuq l-art kontenzjuża

81      Għandu jingħad li, għal dak li jirrigwarda ukoll il-valur tas-suq tal-iżvilupp li sar fuq l-art kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali naqset milli tidentifika żball manifest ta’ evalwazzjoni li allegatament wettqet il-Kummissjoni meta użat il-metodu tal-ispejjeż u, b’hekk, eċċediet il-limiti tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

82      Jekk huwa minnu li, hekk kif il-Qorti Ġenerali sostniet fil-punti 120 u 121 tas-sentenza kkontestata, jirriżultaw xi differenzi fl-ispejjeż tal-iżvilupp kif ukoll fis-superfiċi tagħhom li jirriżultaw mill-proċess, madankollu għandu jingħad li l‑estensjoni tas-superfiċi tal-fabbrika kkomparata ma’ dik li kienet oriġinarjament prevista fil-Ftehim Scott tikkorrispondi bejn wieħed u ieħor mal-qabża fl-ispiża li saret minn Sempel hekk kif jirriżulta mill-karta tagħha tal-bilanċ fil-mument tal-istralċ, jiġifieri 75.5 % ta’ qabża fl-ispiża għal 80 % ta’ estensjoni.

83      B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma talbitx lil Scott għal kjarifiki fuq is-suġġett, sa fejn rabta bejn l-estensjoni tas-superfiċi tal-fabbrika u l‑qabża tal-ispiża tista’ tkun verament dedotta. Il-Qorti Ġenerali għall-inqas ikkonstatat, fil-punt 122 tas-sentenza kkontestata, li l-partijiet stess ma kinux f’pożizzjoni, fis-seduta, li jispjegaw kif iż-żieda fid-daqs tal-fabbrika setgħet tpoġġi fid-dubju l-ispejjeż hekk kif jirriżulta mill-karta tal-bilanċ fil-mument tal-istralċ ta’ Sempel.

84      Konsegwentement, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, sa fejn il‑Qorti Ġenerali ma wrietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-valur tas-suq tal-art kontenzjuża u tal-iżvilupp tagħha, hija eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha billi kkunsidrat, fuq il‑bażi tal-fatti li hija kkonstatat, li l-Kummissjoni kienet, fl-eżami tagħha tal-valur tas-suq tal-art kontenzjuża, kisret l-obbligu tagħha ta’ diliġenza.

85      Fi kwalunkwe każ, jekk huwa minnu li l-Qorti Ġenerali identifikat żball fil-kalkolu u ċerti approssimazzjonijiet fil-metodu fil-kalkoli tal-Kummissjoni, għandu jingħad li, fid-dispożittiv tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma annullatx l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod li ma kkunsidratx li, f’din il-kawża, l-iżbalji u l-approssimazzjonijiet li vvizzjaw l-proċedura ta’ eżami kienu ta’ gravità tali li ġiet iddubitata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

86      Konsegwentement, id-disa’ u t-tnax-il aggravju għandhom jintlaqgħu.

 Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq allegazzjonijiet minflok fuq provi sabiex jiġu kkontestati l-istimi tal-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

87      Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li hija kellha tikkontesta l-istimi tagħha fuq il-bażi tal-informazzjoni kontenuta fl-ittri tal-awtoritajiet Franċiżi u ta’ Scott. F’dan ir-rigward, din kienet tikkonsisti mhux f’provi tant tanġibbli li setgħet titfa’ dubju fir-rigward tal-fondatezza tal-valutazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni, iżda biss allegazzjonijiet li hija mhux neċessarjament kellha tikkunsidra.

88      Scott tikkunsidra li l-Kummissjoni injorat iċ-ċirkustanza li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq provi. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet kontenuti fl-ittra ta’ Scott fihom infushom jammontaw għall-provi.

89      Fi kwalunkwe każ, id-Département du Loiret sostna li d-dokumenti li minnhom jirriżultaw il-valutazzjonijiet li għalihom saret referenza fl-ittra ta’ Scott jeżistu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90      Hekk kif sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punti 56 u 95 tas-sentenza kkontestata, il‑Kummissjoni hija obbligata, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat, li twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-informazzjoni l-iktar kompluta u affidabbli possibbli għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 62).

91      Għandu jitfakkar ukoll li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni skont l-informazzjoni li l‑Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha (sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra p. I‑2577, punt 54).

92      F’dan il-kuntest, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma kkritikatx id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija ma kellhiex fil-mument tal-adozzjoni tagħha.

93      Fil-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 124 sa 142 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni kienet injorat informazzjoni li setgħet effettivament tkun utli fl-iffissar tal-valur tal-art kontenzjuża.

94      B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punt 125 tas-sentenza kkontestata, il‑Qorti Ġenerali rreferiet għall-ittra ta’ Scott kif ukoll għal dik tal-awtoritajiet Franċiżi tal-21 ta’ Frar 2000 li, l-ewwel nett irreferew għal valutazzjoni tal-art kontenzjuża stabbilita mill-amministrazzjoni fiskali Franċiża fis-sena 1987. It‑tieni nett, dawn l-ittri rreferew ukoll għal valutazzjoni professjonali tal-art kontenzjuża mill-uffiċċju tal-konsulenza Galtier fl-1996 kif ukoll għal valutazzjoni tal-assi mibjugħa minn Scott lil Kimberly-Clark Corp., li twettqet mill-commissaire aux apports fix-xahar ta’ Jannar tas-sena 1996.

95      Issa, fir-rigward ta’ dawn it-tliet dokumenti, għandu jingħad l-ewwel nett li la Scott u lanqas l-awtoritajiet Franċiżi ma tawhom lill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, dawn l-ittri waslu għand il-Kummissjoni, għall-inqas, fit-terminu estiż eċċezzjonalment mill-Kummissjoni, għal dak li jirrigwarda l-ittra ta’ Scott, jew fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, għal dak li jirrigwarda l-ittra tal-awtoritajiet Franċiżi. Fl-aħħar nett, hekk kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punti 120 u 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, kemm l-ittra ta’ Scott kif ukoll dik tal-awtoritajiet Franċiżi jikkontjenu biss dikjarazzjonijiet vagi fuq il-valur tal-proprjetà inkwistjoni li ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jobbligaw lill-Kummissjoni la li tikkunsidrahom u lanqas li terġa’ tiftaħ il-proċedura ta’ eżami.

96      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rapport li sar mill-uffiċċju ta’ konsulenza Galtier u l-valutazzjoni li saret mill-commissaire aux apports seħħew disa’ snin wara l-bejgħ tal-art kontenzjuża lil Scott. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet ġustifikata li ma teżaminax il-kontenut tal-imsemmija stimi, peress li hija kienet tibbenefika minn informazzjoni iktar affidabbli li kienet tirriżulta minn stima li toħroġ mill-minuti tal-laqgħa tal-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Orléans tas-27 ta’ Mejju 1994.

97      Fit-tieni lok, u hekk kif sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 125 tas-sentenza kkontestata, il-valur tal-art kontenzjuża kkunsidrat fil-kuntest tal-istħarriġ fiskali mhux neċessarjament jirrefletti l-valur tas-suq ta’ din l-art. B’hekk, u kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkunsidra li ma kienx rilevanti li tintalab li tiġi ppreżentata l‑imsemmija valutazzjoni tal-art kontenzjuża mill-amministrazzjoni fiskali.

98      Konsegwentement, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta kkunsidrat li, abbażi tal-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet naqset mill-obbligu tagħha ta’ diliġenza għas-sempliċi raġuni li, minn naħa, hija ma talbitx la lil Scott u lanqas lil awtoritajiet Franċiżi sabiex jippreżentaw il‑valutazzjonijiet tal-art kontenzjuża li għalihom dawn sempliċement irreferew għalihom sabiex jikkontestaw il-valutazzjoni użata mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li hija ma pproċedietx iktar bil-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ eżami.

99      B’hekk, is-seba’ aggravju għandu jintlaqa’.

100    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li s-sentenza kkontestata għandha tiġi annulata, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti u imparzjali.

 Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

101    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d‑deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija għalhekk tista’ tiddeċiedi hi stess fuq il‑kawża, meta din tkun fi stat li tista’ tiġi deċiża.

102    Peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat biss ir-raba’ aggravju invokat minn Scott insostenn tar-rikors tagħha, il-kawża preżenti għandha tiġi rrinvijata quddiem il‑Qorti Ġenerali.

103    Peress li l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura tal-appell għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta’ Marzu 2007, Scott vs Il-Kummissjoni (T‑366/00), hija annullata.

2)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.