Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62020CJ0532

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-24 ta’ Frar 2022.
Alstom Transport SA vs Compania Naţională de Căi Ferate CFR SA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/13/KEE – Proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti tal-entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet – Artikolu 1(1) u (3) – Aċċess għall-proċeduri ta’ rikors – Artikolu 2ċ – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Kalkolu – Rikors kontra deċiżjoni ta’ ammissjoni ta’ offerent.
Kawża C-532/20.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2022:128

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

24 ta’ Frar 2022 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/13/KEE – Proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti tal-entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet – Artikolu 1(1) u (3) – Aċċess għall-proċeduri ta’ rikors – Artikolu 2ċ – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Kalkolu – Rikors kontra deċiżjoni ta’ ammissjoni ta’ offerent”

Fil-Kawża C‑532/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

Alstom Transport SA

vs

Compania Naţională de Căi Ferate CFR SA,

Strabag AG – Sucursala Bucureşti,

Swietelsky AG Linz – Sucursala Bucureşti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Alstom Transport SA, minn O. Gavrilă, C. Ciolan u I. Nedelcu, avocați,

għal Compania Naţională de Căi Ferate CFR SA, minn I. Pintea,

għal Strabag AG – Sucursala Bucureşti, minn S. Neagu, A. Viespe, Ş. Dinu u L. Savin, avocați,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils, P. Ondrůšek u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 2ċ tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist [għall-għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 82, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Alstom Transport SA u, min-naħa l-oħra, Compania Națională de Căi Ferate CFR SA (iktar ’il quddiem “CFR”), Strabag AG – Sucursala Bucureşti (iktar ’il quddiem “Strabag”) u Swietelsky AG Linz – Sucursala București dwar il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt marbuta ma’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13 jipprevedu:

“1.   […]

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243)] jew id-Direttiva 2014/23/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni], deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, fuq il-bażi li tali deċiżjonijiet jiksru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli ddettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

4

Skont l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 92/13:

“[…]

Il-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ l-għoti lil kull offerent u kandidat ikkonċernat għandha tkun akkumpanjata minn dan li ġej:

sommarju tar-raġunijiet rilevanti kif jinsabu fl-Artikolu 75(2) tad-Direttiva 2014/25/UE, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 75(3) ta’ dik id-Direttiva jew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2014/23/UE, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(2) ta’ dik id-Direttiva, […]

[…]”

5

L-Artikolu 2ċ tad-Direttiva 92/13/KEE jipprovdi:

“Meta l-Istati Membri jipprovdu li kwalunkwe applikazzjoni għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti meħuda fil-kuntest ta’, jew b’konnessjoni ma’, proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE jew Direttiva 2014/23/UE għandha ssir qabel l-iskadenza ta’ perijodu speċifikat, dan il-perijodu għandu jkun ta’ mill-anqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, dan il-perijodu għandu jkun jew ta’ mill-anqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-entita’ kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti. Il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti lil kull offerent jew kandidat għandha tkun akkumpanjata minn sommarju tar-raġunijiet rilevanti. Fil-każ ta’ applikazzjoni għal reviżjoni dwar deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-Direttiva li mhumiex soġġetti għal notifika speċifika, il-perijodu ta’ żmien għandu jkun ta’ mill-anqas għaxart ijiem kalendarju mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata.”

Id-dritt Rumen

6

L-Artikolu 2(1) tal-Legea nr. 101/2016 privind remediile și căile de atac în materie de atribuire a contractelor de achiziție publică, a contractelor sectoriale și a contractelor de concesiune de lucrări și concesiune de servicii, precum și pentru organizarea și funcționarea Consiliului Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Liġi Nru 101/2016 dwar ir-Rimedji fil-Qasam tal-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, ta’ Kuntratti Settorjali u ta’ Konċessjonijiet għal Xogħlijiet u għal Servizzi, kif ukoll dwar l-Organizzazzjoni u l-Funzjonament tal-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) huwa fformulat kif ġej:

“Kull persuna li tqis li wieħed mid-drittijiet jew mill-interessi leġittimi tagħha ġie ppreġudikat b’att ta’ awtorità kontraenti jew b’nuqqas li tittieħed deċiżjoni fuq talba fit-terminu previst fil-liġi tista’ titlob l-annullament tal-att, l-obbligu tal-awtorità kontraenti li toħroġ att jew li tieħu miżuri korrettivi kif ukoll ir-rikonoxximent tad-dritt allegat jew tal-interess leġittimu, [quddiem il-Consiliu Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim) jew quddiem korp ġudizzjarju], konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

7

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[…]

(f)

‘persuna li tqis li ġarrbet preġudizzju’ tfisser kull operatur ekonomiku li jissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi segwenti:

(i)

għandu jew kellu interess marbut ma’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt; u

(ii)

ġarrab, qiegħed iġarrab jew hemm ir-riskju li jġarrab preġudizzju b’konsegwenza ta’ att tal-awtorità kontraenti li jista’ jipproduċi effetti legali jew b’konsegwenza ta’ nuqqas ta’ tweġiba għal talba dwar proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt fit-terminu previst fil-liġi.

[…]

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(f)(i), persuna titqies li għandha jew kellha interess marbut ma’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt jekk hija tkun għadha ma ġietx definittivament eskluża minn din il-proċedura. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet innotifikata lill-kandidat/offerent interessat u, jew tkun tqieset bħala legali mill-Consiliu [Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim)] jew minn qorti, jew ma tkunx għadha tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors.”

8

Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi:

“1.   Il-persuna li tqis li ġarrbet preġudizzju minħabba att tal-awtorità kontraenti tista’ tadixxi lill-Consiliu [Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim)] sabiex titlob l-annullament ta’ dan l-att, l-impożizzjoni fuq l-awtorità kontraenti tal-obbligu li tadotta att jew miżuri korrettivi kif ukoll ir-rikonoxximent tad-dritt allegat jew tal-interess leġittimu, fit-termini li ġejjin:

(a)

għaxart ijiem, mill-jum ta’ wara dak li fih kiseb għarfien tal-att tal-awtorità kontraenti kkunsidrat illegali, meta l-valur stmat tal-kuntratt pubbliku/settorjali jew ta’ konċessjoni jkun daqs jew ogħla mill-valuri ta’ limitu li fil-każ li jinqabżu tkun obbligatorja t-trażmissjoni għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviżi ta’ kuntratti pubbliċi, konformement mal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, mal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti settorjali jew mal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ konċessjonijiet għal xogħlijiet u għal servizzi; […]”

9

L-Artikolu 49(1) tal-istess liġi jipprevedi:

“Sabiex tikseb riżoluzzjoni ġudizzjarja tar-rikors tagħha, il-persuna li tqis li ġarrbet preġudizzju tista’ tadixxi lill-qorti kompetenti, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

CFR ippubblikat sejħa għal offerti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt settorjali li jirrigwarda kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fir-rigward tar-riabilitazzjoni ta’ linja ferrovjarja.

11

Fit‑13 ta’ Marzu 2018, l-offerta ppreżentata mill-konsorzju RailWorks, immexxi minn Alstom Transport, ġiet iddikjarata ammissibbli, iżda fil‑5 ta’ Lulju 2018 din l-offerta ġiet eskluża minn CFR minħabba kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kapaċità ta’ twettiq tas-suġġett tal-kuntratt minn RailWorks.

12

Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2018, it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija) ċaħdet ir-rikors ta’ Alstom Transport kontra d-deċiżjoni ta’ CFR li eskludiet l-offerta ta’ RailWorks u li għażlet lill-konsorzju BraSig bħala l-offerent rebbieħ tal-kuntratt. Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2018, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), laqgħet l-appell ippreżentat minn Alstom Transport kontra din is-sentenza u annullat din id-deċiżjoni. Hija kkonstatat ukoll li l-offerta ta’ RailWorks kienet ammissibbli u li CFR kellha tevalwa mill-ġdid l-offerta ta’ BraSig billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kritika magħmula fil-konfront tagħha minn RailWorks.

13

Fit‑12 ta’ Frar 2019, wara l-evalwazzjoni mill-ġdid ordnata mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), l-offerta ta’ RailWorks ġiet iddikjarata ammissibbli u, permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Alstom Transport intgħażlet bħala l-offerenti rebbieħa tal-kuntratt inkwistjoni.

14

Fil‑5 ta’ Lulju 2019, Alstom Transport ippreżentat rikors ġdid quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest) intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ CFR li tiddikjara l-offerta ta’ BraSig bħala ammissibbli u konformi, kif ukoll għall-annullament tar-rapport tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u tal-atti kollha relatati mal-modalitajiet ta’ evalwazzjoni ta’ din l-offerta. Barra minn hekk, Alstom Transport talbet lil dik il-qorti tobbliga lil CFR teskludi l-imsemmija offerta, għar-raġuni li BraSig kienet ipprovat tinfluwenza, b’mod repetut, lill-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ta’ CFR sabiex tisfavorixxi l-offerta ta’ RailWorks.

15

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Awwissu 2019, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest) ċaħdet dan ir-rikors bħala tardiv. F’dan ir-rigward, dik il-qorti kkunsidrat li t-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 8(1)(a) tal-Liġi Nru 101/2016 ma bediex jiddekorri mid-data li fiha Alstom Transport kisbet għarfien tar-rapport tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, iżda beda jiddekorri mid-data fiha li l-eżitu ta’ din il-proċedura ġie kkomunikat lilha.

16

Alstom Transport ippreżentat appell minn dik is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), il-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tagħha, hija indikat li, permezz tal-ittra tad‑19 ta’ Ġunju 2019 dwar l-eżitu tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, hija kienet ġiet informata biss bl-evalwazzjoni tal-offerta tagħha stess u li minn din l-ittra ma kienet tirriżulta ebda informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-offerta ppreżentata minn BraSig. Alstom Transport sostniet li kien biss fil‑25 ta’ Ġunju 2019, id-data li fiha hija kellha aċċess għall-fajl tal-għoti tal-kuntratt wara li għamlet talba għal dan l-aċċess fl‑20 ta’ Ġunju 2019, li hija kisbet għarfien tar-rapport tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, u, impliċitament, ta’ dawn il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, kien mill‑25 ta’ Ġunju 2019 li t-terminu ta’ għaxart ijiem imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza beda jiddekorri.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3), kif ukoll l-Artikolu 2ċ tad-Direttiva [92/13], għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu sabiex jiġi ppreżentat rikors mill-offerent rebbieħ, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tiddikjara ammissibbli l-offerta magħmula mill-offerent ikklassifikat f’pożizzjoni iktar l-isfel fil-klassifika li tirriżulta mill-proċedura, għandu jkun ikkalkolat b’referenza għad-data li fiha jitnissel l-interess tal-offerent rebbieħ bħala riżultat tar-rikors ippreżentat mill-offerent mhux rebbieħ kontra r-riżultat tal-proċedura għall-għoti[?]”

Fuq id-domanda preliminari

18

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju mhux qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/13 iżda dwar dik tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.

19

B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3), kif ukoll l-Artikolu 2ċ tad-Direttiva 92/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-terminu li fih l-offerent rebbieħ ta’ kuntratt jista’ jippreżenta rikors kontra deċiżjoni tal-entità kontraenti li tiddikjara ammissibbli l-offerta ta’ offerent eskluż jista’ jiġi kkalkolat billi tittieħed bħala punt ta’ riferiment id-data ta’ riċezzjoni ta’ din id-deċiżjoni minn dan l-offerent rebbieħ, anki jekk, f’din id-data, minn naħa, dan l-offerent eskluż ma kienx ippreżenta jew ma kienx għadu ppreżenta rikors kontra l-eżitu tal-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt u, min-naħa l-oħra, l-offerent rebbieħ ma jkunx irċieva l-informazzjoni rilevanti dwar il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-offerta tal-imsemmi offerent eskluż.

20

Peress li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3), kif ukoll l-Artikolu 2ċ tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/23, huma analogi, rispettivament, għar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u għall-Artikolu 1(3), kif ukoll għall-Artikolu 2ċ tad-Direttiva 92/13, il-ġurisprudenza dwar dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2014/23, hija rilevanti wkoll għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva 92/13.

21

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/13 jimponi fuq l-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25 jew tad-Direttiva 2014/23, l-obbligu li jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-entitajiet kontraenti jkunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedji effettivi u kemm jista’ jkun rapidi. Issa, l-iffissar ta’ termini għall-preżentata ta’ rikors taħt piena ta’ dekadenza jippermetti li jintlaħaq l-għan ta’ rapidità mfittex minn din id-direttiva billi jobbliga lill-operaturi jikkontestaw f’termini qosra l-miżuri preparatorji jew id-deċiżjonijiet intermedji adottati fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑14 ta’ Frar 2019, Cooperativa Animazione Valdocco, C‑54/18, EU:C:2019:118, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

L-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività li jirriżulta mid-Direttiva 92/13, sa fejn jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali u sa fejn huwa kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑14 ta’ Frar 2019, Cooperativa Animazione Valdocco, C‑54/18, EU:C:2019:118, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għalhekk, konformement mal-Artikolu 2ċ tad-Direttiva 92/13, meta Stat Membru jipprevedi termini għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ entità kontraenti meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25 jew tad-Direttiva 2014/23, jew b’rabta ma’ tali proċedura, it-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni għandhom jiġu ddeterminati skont il-modalitajiet ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-entità kontraenti lill-offerenti.

24

B’hekk, it-terminu għandu jkun ugwali għal mill-inqas għaxart ijiem kalendarji mill-jum ta’ wara d-data li fiha din id-deċiżjoni tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jekk jintuża faks jew mezz elettroniku. Fil-każ li jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħra, dan it-terminu għandu jkun jew ekwivalenti għal mill-inqas ħmistax-il jum kalendarji mill-jum wara dak li fih l-imsemmija deċiżjoni tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat, jew għal mill-inqas għaxart ijiem kalendarji mill-jum wara dak tar-riċezzjoni tal-istess deċiżjoni. Fil-każ li jiġi ppreżentat rikors dwar id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 92/13, li ma humiex is-suġġett ta’ notifika speċifika, it-terminu għandu jkun minn tal-inqas ta’ għaxart ijiem kalendarji mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata.

25

F’dan il-każ, id-dritt Rumen jipprevedi li t-terminu ta’ għaxart ijiem jibda jiddekorri, għall-offerenti kollha, inkluż l-offerent rebbieħ, mill-jum ta’ wara dak li fih jiksbu għarfien tal-att tal-entità kontraenti. B’hekk, l-offerent rebbieħ li jkollu l-intenzjoni jikkontesta deċiżjoni li tiddikjara ammissibbli l-offerta ta’ offerent eskluż, għandu jippreżenta r-rikors tiegħu f’dan it-terminu, indipendentement, minn naħa, mill-kwistjoni ta’ jekk dan l-offerent eskluż ippreżentax rikors kontra din id-deċiżjoni jew, jekk ikun il-każ, meta ppreżentah, u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li dan l-offerent rebbieħ ma kellu ebda informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-offerta tal-imsemmi offerent eskluż.

26

Għalkemm kemm il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari kif ukoll il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom iqajmu l-kundizzjoni tal-interess ġuridiku, għandu jiġi kkonstatat li dik il-qorti għażlet li tillimita d-domanda tagħha għall-kwistjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri ta’ rikors ikunu aċċessibbli, skont il-modalitajiet li l-Istat Membri jistgħu jiddeterminaw, mill-inqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt speċifiku u li tkun ġarrbet preġudizzju jew ikun hemm ir-riskju li ġġarrab preġudizzju minħabba allegat ksur.

28

Din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika, b’mod partikolari, għas-sitwazzjoni ta’ kull offerent li jqis li deċiżjoni ta’ ammissjoni ta’ kompetitur fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku hija illegali u toħloq ir-riskju li jġarrab preġudizzju, riskju dan li huwa suffiċjenti sabiex iservi ta’ bażi għal interess immedjat fil-preżentata ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni, u dan minbarra l-preġudizzju li, barra minn hekk, jista’ jirriżulta mill-għoti ta’ dan il-kuntratt lil kandidat ieħor (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑14 ta’ Frar 2019, Cooperativa Animazione Valdocco, C‑54/18, EU:C:2019:118, punt 36).

29

B’hekk, id-Direttiva 92/13 ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li kull rikors kontra deċiżjoni tal-awtorità kontraenti għandu jiġi ppreżentat f’terminu previst għal dan il-għan u li kull irregolarità tal-proċedura ta’ għoti invokata insostenn ta’ dan ir-rikors għandha titqajjem fl-istess terminu, taħt piena ta’ dekadenza, b’tali mod li, ladarba jiddekorri dan it-terminu, ma jibqax possibbli li tiġi kkontestata tali deċiżjoni jew li titqajjem tali irregolarità, u dan kemm-il darba t-terminu inkwistjoni jkun raġonevoli (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑14 ta’ Frar 2019, Cooperativa Animazione Valdocco, C‑54/18, EU:C:2019:118, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Minn dan isegwi li offerent rebbieħ jista’ jkun obbligat josserva terminu għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-entità kontraenti li tirrigwarda l-ammissjoni tal-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ offerent eskluż, u dan anki fil-każ li din id-deċiżjoni tagħmel parti mid-deċiżjoni li tagħżel lill-offerent rebbieħ bħala tali u anki jekk, f’din id-data, dan l-offerent eskluż ma jkunx ippreżenta jew ikun għadu ma ppreżentax rikors kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar.

31

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, fil-kuntest ta’ ċirkustanzi partikolari jew fid-dawl ta’ wħud mill-modalitajiet tagħhom, l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ dekadenza tista’ tippreġudika d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑14 ta’ Frar 2019, Cooperativa Animazione Valdocco, C‑54/18, EU:C:2019:118, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li rimedji effettivi kontra ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jistgħu jiġu żgurati biss jekk it-termini previsti għall-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi jibdew jiddekorru biss mid-data li fiha r-rikorrent kellu għarfien jew kien imissu kellu għarfien tal-allegat ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑14 ta’ Frar 2019, Cooperativa Animazione Valdocco, C‑54/18, EU:C:2019:118, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għal dan il-għan, id-deċiżjoni tal-entità kontraenti kkomunikata lill-offerenti għandu jkollha magħha, skont l-Artikolu 2ċ tad-Direttiva 92/13, espożizzjoni fil-qosor tal-motivi rilevanti.

34

Din l-espożizzjoni fil-qosor tal-motivi rilevanti, li għandha tingħata kemm mad-deċiżjonijiet tal-entitajiet kontraenti nnotifikati speċifikament lill-offerenti kif ukoll dawk ippubblikati li ma jkunux is-suġġett ta’ notifika speċifika, hija intiża li tiżgura li l-offerenti kkonċernati jkollhom għarfien jew jista’ jkollhom għarfien ta’ eventwali ksur tar-regoli applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti.

35

F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-motivi rilevanti tad-deċiżjoni tal-entità kontraenti li tirrigwarda l-ammissjoni tal-parteċipazzjoni ta’ BraSig fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħu jiġu dedotti mir-rapport tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt imsemmi fil-punti 14 sa 16 ta’ din is-sentenza, li għandu, skont id-dritt Rumen, ikun aċċessibbli għall-offerenti kkonċernati permezz ta’ konsultazzjoni fil-preżenza tagħhom.

36

Madankollu, tali garanzija legali ta’ aċċess għall-motivi tad-deċiżjonijiet ta’ entitajiet kontraenti ma hijiex ekwivalenti għal komunikazzjoni, fil-kuntest tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika ta’ dawn id-deċiżjonijiet, tal-motivi rilevanti ta’ dawn id-deċiżjonijiet lill-offerenti.

37

B’hekk, f’tali ċirkustanzi fejn il-motivi rilevanti ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti ma ġewx ikkomunikati lill-offerenti, la permezz ta’ pubblikazzjoni u lanqas fil-kuntest tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, it-terminu li fih l-offerent rebbieħ jista’ jippreżenta rikors kontra deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tiddikjara ammissibbli l-offerta ta’ offerent eskluż ma jibdiex jiddekorri mid-data tar-riċezzjoni ta’ din id-deċiżjoni iżda jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni, lil dan l-offerent rebbieħ, tal-motivi rilevanti tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li jiġi żgurat li l-imsemmija offerent rebbieħ kellu għarfien jew seta’ jkollu għarfien ta’ eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni li jivvizzja tali deċiżjoni.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) kif ukoll l-Artikolu 2ċ tad-Direttiva 92/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu li fih l-offerent rebbieħ ta’ kuntratt jista’ jippreżenta rikors kontra deċiżjoni tal-entità kontraenti li tiddikjara ammissibbli, fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, l-offerta ta’ offerent eskluż jista’ jiġi kkalkolat billi tittieħed bħala punt ta’ riferiment id-data tar-riċezzjoni ta’ din id-deċiżjoni tal-għoti minn dan l-offerent rebbieħ, u dan anki jekk, f’din id-data, dan l-offerent eskluż ma jkunx ippreżenta jew ma jkunx għadu ppreżenta rikors kontra tagħha. Għall-kuntrarju, jekk, fil-kuntest tan-notifika jew tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, espożizzjoni fil-qosor tal-motivi rilevanti tagħha, bħalma hija l-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija offerta, ma tkunx ġiet ikkomunikata lill-imsemmi offerent rebbieħ konformement ma’ dan l-Artikolu 2ċ, dan it-terminu għandu jiġi kkalkolat billi tittieħed bħala punt ta’ riferiment il-komunikazzjoni ta’ tali espożizzjoni lill-istess offerent rebbieħ.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) kif ukoll l-Artikolu 2ċ tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist [għall-għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu li fih l-offerent rebbieħ ta’ kuntratt jista’ jippreżenta rikors kontra deċiżjoni tal-entità kontraenti li tiddikjara ammissibbli, fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, l-offerta ta’ offerent eskluż jista’ jiġi kkalkolat billi tittieħed bħala punt ta’ riferiment id-data tar-riċezzjoni ta’ din id-deċiżjoni tal-għoti minn dan l-offerent rebbieħ, u dan anki jekk, f’din id-data, dan l-offerent eskluż ma jkunx ippreżenta jew ma jkunx għadu ppreżenta rikors kontra tagħha. Għall-kuntrarju, jekk, fil-kuntest tan-notifika jew tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, espożizzjoni fil-qosor tal-motivi rilevanti tagħha, bħalma hija l-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija offerta, ma tkunx ġiet ikkomunikata lill-imsemmi offerent rebbieħ konformement ma’ dan l-Artikolu 2ċ, dan it-terminu għandu jiġi kkalkolat billi tittieħed bħala punt ta’ riferiment il-komunikazzjoni ta’ tali espożizzjoni lill-istess offerent rebbieħ.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

( i ) Saret rettifika ta’ żball tal-kitba fil-parti tal-bidu tad-dokument, wara li li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.

Fuq