EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0549

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2017.
E.ON Biofor Sverige AB vs Statens energimyndighet.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Förvaltningsrätten i Linköping.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Promozzjoni tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Bijokarburanti użati għat-trasport – Direttiva 2009/28/KE – Artikolu 18(1) – Sistema ta’ ‘bilanċ tal-massa’ intiża li jiġi żgurat li l-bijogass jissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti – Validità – Artikoli 34 u 114 TFUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-bilanċ tal-massa jitwettaq f’post iddefinit b’mod ċar – Prassi tal-awtorità nazzjonali kompetenti li taċċetta li din il-kundizzjoni tista’ tkun issodisfatta meta l-bijogass sostenibbli jiġi ttrasportat permezz tan-netwerk tal-gass nazzjonali – Ordni tal-imsemmija awtorità li teskludi li din l-istess kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta fil-każ ta’ importazzjoni minn Stati Membri oħra ta’ bijogass sostenibbli permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi – Moviment liberu tal-merkanzija.
Kawża C-549/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:490

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Promozzjoni tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli — Bijokarburanti użati għat-trasport — Direttiva 2009/28/KE — Artikolu 18(1) — Sistema ta’ ‘bilanċ tal-massa’ intiża li jiġi żgurat li l-bijogass jissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti — Validità — Artikoli 34 u 114 TFUE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-bilanċ tal-massa jitwettaq f’post iddefinit b’mod ċar — Prassi tal-awtorità nazzjonali kompetenti li taċċetta li din il-kundizzjoni tista’ tkun issodisfatta meta l-bijogass sostenibbli jiġi ttrasportat permezz tan-netwerk tal-gass nazzjonali — Ordni tal-imsemmija awtorità li teskludi li din l-istess kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta fil-każ ta’ importazzjoni minn Stati Membri oħra ta’ bijogass sostenibbli permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi — Moviment liberu tal-merkanzija”

Fil-Kawża C‑549/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Förvaltningsrätten i Linköping (qorti amministrattiva bis-sede tagħha f’Linköping, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura

E.ON Biofor Sverige AB

vs

Statens energimyndighet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E.ON Biofor Sverige AB, minn A. Johansson, S. Perván Lindeborg u T. Pettersson, avukati,

għall-iStatens energimyndighet, minn F. Forsberg, J. Holgersson u E. Jozsa, bħala aġenti, assistiti minn K. Forsbacka, avukat,

għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn A. Neergaard u P. Schonard, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A. Norberg u J. Herrmann, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Talabér-Ritz u E. Manhaeve, bħala aġenti, assistiti minn M. Johansson, avukat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn E.ON Biofor Sverige AG (iktar ’il quddiem “E.ON Biofor”) u l-iStatens energimyndighet (Aġenzija nazzjonali tal-enerġija, l-Isvezja, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija tal-enerġija”), dwar ordni maħruġa minn din tal-aħħar fil-konfront ta’ E.ON Biofor dwar is-sistema ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijogass implementata minn din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 12, 65, 76 u 94 tad-Direttiva 2009/28 jiddikjaraw:

“(1)

Il-kontroll tal-konsum tal-enerġija Ewropea kif ukoll iż-żieda fl-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, flimkien ma’ ffrankar ta’ enerġija u żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, jikkostitwixxu partijiet importanti mill-pakkett ta’ miżuri meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra u jkun hemm konformità mal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, u ma’ aktar impenji tal-Komunità u internazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett serra wara l-2012. […]

[…]

(12)

L-użu ta’ materjal agrikolu bħad-demel, id-demel likwidu u skart ieħor organiku u tal-annimali għall-produzzjoni tal-bijogass, minħabba l-potenzjal qawwi tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gass b’effett serra, għandu vantaġġi ambjentali sinifikanti f’termini ta’ produzzjoni ta’ sħana u ta’ enerġija kif ukoll l-użu tiegħu bħala bijokarburant. L-istallazzjonijiet tal-bijogass jistgħu, bħala riżultat tan-natura deċentralizzata tagħhom u l-istruttura ta’ investiment reġjonali, jikkontribwixxu sew għal żvilupp sostenibbli f’zoni rurali u joffru lill-bdiewa opportunitajiet ġodda ta’ dħul.

[…]

(65)

Il-produzzjoni tal-bijokarburanti għandha tkun sostenibbli. Il-bijokarburanti użati għall-konformità mal-miri stabbiliti f’din id-Direttiva, u dawk li jibbenefikaw minn skemi ta’ sostenn nazzjonali, għandhom għalhekk jiġu meħtieġa jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà.

[…]

(76)

Il-kriterji ta’ sostenibbiltà jkunu effettivi biss jekk iwasslu għal tibdiliet fl-imġiba tal-atturi fis-suq. Dawk it-tibdiliet iseħħu biss jekk il-bijokarburanti u bijolikwidi li jissodisfaw dawk il-kriterji jkunu jgwadu minn vantaġġ fil-prezz meta imqabbla ma’ dawk li ma jissodisfawhomx. Skont il-metodu tal-bilanċ tal-massa tal-verifika tal-konformità, hemm rabta fiżika bejn il-produzzjoni tal-bijokarburanti u bijolikwidi li jilħqu l-kriterji ta’ sostenibbiltà u l-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi fil-Komunità, li tipprovdi bilanċ xieraq bejn il-provvista u d-domanda u tassigura vantaġġ fil-prezz li huwa ikbar milli f’sistemi fejn m’hemmx din ir-rabta. Biex ikun żgurat li bijokarburanti u bijolikwidi li jilħqu l-kriterji ta’ sostennibiltà jistgħu jinbiegħu bi prezz ogħla, il-metodu tal-bilanċ tal-massa għandha għalhekk tintuża biex tkun ivverifikata l-konformità. Dan għandu jżomm l-integrità tas-sistema filwaqt li fl-istess ħin jevita l-impożizzjoni ta’ piż mhux raġonevoli fuq l-industrija. Madankollu, jeħtieġ li jiġu vverifikati metodi oħra ta’ verifika.

[…]

(94)

Billi l-miżuri previsti fl-Artikoli 17 sa 19 għandhom effett ukoll fuq il-funzjonament tas-suq intern billi jarmonizzaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi għall-iskopijiet tal-miri tal-kontabilità taħt din id-Direttiva, u għalhekk jiffaċilitaw, skont l-Artikolu 17(8), il-kummerċ bejn l-Istati Membri fil-bijokarburanti u bjolikwidi oħra li jikkonformaw ma’ dawk il-kondizzjonijiet, dawn huma bbażati fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat.”

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, din id-direttiva “tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. […] Hija tistabbilixxi kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi”.

5

Il-punti (a), (e) u (i) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jinkludu d-definizzjonijiet segwenti:

“(a)

‘enerġija minn sorsi rinnovabbli’ tfisser l-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’mod partikolari enerġija mir-riħ, mix-xemx, dik aerotermika, ġeotermika, idrotermika u oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass mill-miżbla, gass minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ u bijogassijiet;

[…]

(e)

‘bijomassa’ tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi ta’ oriġini bijoloġika mill-agrikoltura (inklużi sustanzi veġetali u mill-annimali), l-industriji forestali u industriji relatati inkluż is-sajd u l-akwakultura, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali;

[…]

(i)

‘bijokarburanti’ tfisser karburant likwidu jew ġassuż għat-trasport prodott mill-bijomassa”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, ikkalkulat skont l-Artikoli 5 sa 11, fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl-2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’dik is-sena, kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I. […]

[…]

4.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-forom kollha ta’ trasport fl-2020 huwa mill-inqas 10 % tal-konsum finali ta’ enerġija fit-trasport f’dak l-Istat Membru.

[…]”

7

Intitolat “Kalkolu tas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli”, l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli f’kull Stat Membru għandu jkun ikkalkulat bħala s-somma ta’:

(a)

konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

(b)

konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli għat-tisħin u t-tkessiħ; kif ukoll

(c)

konsum finali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport.

Gass, elettriku u idroġenu minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandhom ikunu kkunsidrati darba biss fil-punt (a), (b) jew (c) tal-ewwel paragrafu, biex ikun ikkalkulat is-sehem tal-konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli.

[…]il-bijokarburanti u bijolikwidi li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (6) m’għandhomx jiġu kkunsidrati.”

8

Intitolat “Kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi”, l-Artikolu 17 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Irrispettivament minn jekk il-materja prima kenitx ikkultivata ġewwa jew barra t-territorji tal-Komunità, l-enerġija mill-bijokarburanti u bijolikwidi għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) biss jekk tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6:

(a)

il-kejl tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-miri nazzjonali;

(b)

il-kejl tal-konformità mal-obbligi tal-enerġija rinnovabbli;

(c)

l-eliġibbiltà għal sostenn finanzjarju għall-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi.

[…]

2.   L-iffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett serra mill-użu ta’ bijokarburanti u bijolikwidi kkunsidrat għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandu jkun ta’ mill-anqas 35 %.

[…]

3.   Il-bijokarburanti u bijolikwidi kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 m’għandhomx isiru minn materja prima miksuba minn art b’valur għoli ta’ bijodiversità […]

4.   […] m’għandhomx isiru minn materja prima miksuba minn art b’ħażna għolja ta’ karbonju […]

5.   […] m’għandhomx isiru minn materia prima miksuba minn art li kienet art tal-peat f’Jannar 2008 […]

6.   Materja prima agrikola kkultivata fil-Komunità u użata għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti u bijolikwidi kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandhom jinkisbu skont ir-rekwiżiti u l-istandards taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija taħt l-intestatura “Ambjent” fil-Parti A u fil-punt 9 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa [ĠU 2009, L 30, p. 16], u skont ir-rekwiżiti minimi għal kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba definita skont l-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-Regolament.

[…]

8.   Għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri m’għandhomx jirrifjutaw li jikkunsidraw, għal raġunijiet oħra ta’ sostenibbiltà, bijokarburanti u bijolikwidi miksuba f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

[…]”

9

Intitolat “Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi”, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi:

“1.   Fejn bijokarburanti u bijolikwidi għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 17(1), l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ġew sodisfatti. Għal dak il-għan għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jużaw sistema ta’ bilanċ tal-massa li:

(a)

tippermetti li kunsinni ta’ materja prima jew bijokarburant b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti jiġu mħallta;

(b)

teħtieġ li informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà u d-daqsijiet tal-kunsinni msemmija fil-punt (a) tibqa’ assenjata lit-taħlita; u

(c)

tipprovdi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2010 u l-2012 dwar it-tħaddim tal-metodu ta’ verifika tal-bilanċ tal-massa deskritt fil-paragrafu 1 u dwar il-potenzjal li jkunu permessi metodi oħra ta’ verifika fir-rigward ta’ xi tipi ta’ materja prima, bijokarburanti jew bijolikwidi. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis dawk il-metodi ta’ verifika li fihom l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà m’hemmx għalfejn jibqgħu fiżikament assenjati għal konsenji jew taħlitiet partikolari. Il-valutazzjoni għandha tqis il-ħtieġa li jinżammu l-integrità u l-effikaċja tas-sistema ta’ verifika filwaqt li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ piż mhux raġjonevoli fuq l-industrija. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar permessi għal metodi oħra ta’ verifika.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw informazzjoni affidabbli u li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, fuq talba, id-data li ntużat biex tkun żviluppata l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu arranġament għal standard adegwat ta’ verifika indipendenti tal-informazzjoni ppreżentata, u li jipprovdu evidenza li dan sar. L-awditjar għandu jivverifika li s-sistemi użati mill-operaturi ekonomiċi huma preċiżi, affidabbli u mħarsa kontra l-frodi. Dan għandu jevalwa l-frekwenza u l-metodoloġija tat-teħid ta’ kampjuni u l-affidabilità tad-data.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi b’mod partikolari informazzjoni dwar il-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), informazzjoni xierqa u rilevanti dwar il-miżuri meħuda għall-protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, ir-ristawr tal-art degradata, l-evitar ta’ konsum eċċessiv ta’ ilma f’zoni fejn l-ilma ikun skars kif ukoll informazzjoni xierqa u rilevanti dwar il-miżuri meħuda biex jitqiesu l-kwistjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(7).

[…]

4.   […]

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skemi nazzjonali jew internazzjonali volontarji li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-bijomassa jkollhom data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) jew juru li l-kunsinni ta’ bijokarburant jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3) sa (5). […]

[…]

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet skont il-paragrafu 4 biss jekk […] l-iskema kkonċernat[a] [tissodisfa] standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u verifika indipendenti. […]

[…]

7.   Meta operatur ekonomiku jipprovdi prova jew data miksuba skont […] skema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 4, sal-punt kopert minn dik id-deċiżjoni, Stat Membru m’għandux jeħtieġ li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), u lanqas informazzjoni dwar il-miżuri msemmijin fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

[…]”

10

Intitolat “Sistema ta’ bilanċ tal-massa”, il-punt 2.2.3 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi fl-iskema ta’ sostenibbiltà tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi fl-UE (ĠU 2010, C 160, p. 1), jipprovdi, b’mod partikolari:

“[…]

Il-metodu li permezz tiegħu ssir konnessjoni bejn l-informazzjoni u t-talbiet li jikkonċernaw il-materja prima jew il-prodotti intermedjarji u t-talbiet dwar il-prodotti finali hu magħruf bħala l-katina ta’ informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat il-metodu. Il-katina ta’ informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat il-metodu normalment tinkludi l-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-materja prima għall-industrija sakemm dan il-fjuwil jinħareġ għall-konsum. Il-metodu stipulat fid-Direttiva għall-katina ta’ informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat huwa l-metodu ta’ bilanċ tal-massa […]

L-iskema volontarja għandha tirrikjedi verifika tas-sistema ta’ bilanċ tal-massa li għandha titwettaq simultanjament mal-verifika tal-korretezza sabiex jiġu ssodisfati l-kriterji tal-iskema […]. Dan għandu jinkludi l-verifika ta’ kwalunkwe evidenza jew sistemi użati bil-għan li jkunu konformi mar-rekwiżiti tas-sistema ta’ bilanċ tal-massa.

Is-sistema ta’ bilanċ tal-massa […] hija sistema li fiha l-’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà’ jibqgħu assenjati għal ‘kunsinni’. […]

[…]

Meta l-kunsinni li jkollhom karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti (jew li ma jkollhomx karatteristiċi ta’ sostenibbiltà) ikunu mħalltin […], id-daqsijiet separati […] u l-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà ta’ kull kunsinna jibqgħu assenjati mat-taħlita […]. Jekk xi taħlita tiġi sseparata, kwalunke kunsinna li tittieħed minnha tista’ tiġi assenjata kwalunkwe sett ta’ karettistiċi ta’ sostenibbiltà […] (akkumpanjati mad-daqsijiet) sakemm il-kombinazzjoni tal-kunsinni kollha li toħroġ mit-taħlita tkun tal-istess daqsijiet għal kull sett ta’ karatteristiċi ta’ sostenibbiltà li kienu jinsabu fit-taħlita. ‘Taħlita’ jista’ jkollha kwalunkwe forma li fiha l-kunsinni normalment ikunu f’kuntatt, bħal f’kontejner, fi proċess jew f’faċilità jew sit loġistiku jew ta’ proċessar (definiti bħala lokazzjoni ġeografika bil-limiti preċiżi li fiha l-prodotti jistgħu jitħalltu).

[…]”

Id-dritt Svediż

 Il-Liġi Nru 598

11

Il-lagen (2010:598) om hållbarhetskriterier för biodrivmedel och flytande biobränslen [Liġi (2010:598) dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u għall-bijolikwidi, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 598”] timplementa ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28.

12

L-Artikolu 3 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi Nru 598 jipprovdi:

“Hija biss l-enerġija prodotta minn bijokarburanti u minn bijolikwidi li jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà previsti fl-Artikoli 1 sa 5 tal-Kapitolu 2 li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konformità mar-rekwiżit dwar is-sehem tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali ta’ enerġija previst fl-Artikolu 3(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2009/28. […]”

13

L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-persuna marbuta li tagħmel dikjarazzjoni hija l-persuna li:

(a)

skont il-Kapitolu 4 tal-lagen (1994:1776) om skatt på energi [Liġi (1994:1776) dwar it-taxxa fuq l-enerġija] hija suġġetta għat-taxxa fuq il-karburant li jkun ikkostitwit, totalment jew parzjalment, minn bijokarburanti jew minn bijolikwidi,

[…]”

14

L-Artikolu 1a tal-Kapitolu 3 tal-Liġi Nru 598 jipprevedi:

“Il-persuna marbuta li tagħmel dikjarazzjoni għandha tiżgura, permezz ta’ sistema ta’ verifika, li l-bijokarburanti u l-bijolikwidi li għandhom ikunu s-suġġett ta’ dikjarazzjoni għandhom jitqiesu bħala sostenibbli.

Il-persuna marbuta li tagħmel dikjarazzjoni għandha tiżgura, permezz ta’ ftehimiet, diretti jew indiretti, konklużi mal-operaturi kollha fil-katina ta’ produzzjoni kollha u permezz ta’ kampjuni meħuda mingħand dawn l-operaturi, li r-rekwiżit imsemmi fl-ewwel paragrafu huwa ssodisfatt.

Is-sistema ta’ verifika implementata mill-persuna marbuta li tagħmel dikjarazzjoni għandha tiġi kkontrollata minn kontrollur indipendenti. Il-kontrollur għandu jivverifika jekk is-sistema ta’ verifika hijiex preċiża, affidabbli u mħarsa kontra l-frodi. Dan il-kontroll għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni li għandu jintuża fis-sistema ta’ verifika kif ukoll tal-frekwenza tat-teħid ta’ kampjuni.

Barra minn hekk, il-kontroll għandu jinkludi evalwazzjoni tal-informazzjoni mogħtija mill-persuna marbuta li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tas-sistema ta’ verifika tagħha.

Il-kontrollur indipendenti għandu jagħti, permezz ta’ attestazzjoni, opinjoni dwar is-sistema ta’ verifika.

Il-gvern, jew l-awtorità maħtura minnu, jista’ jieħu deċiżjonijiet supplimentari dwar is-sistema ta’ verifika u l-kontroll li għalih tkun suġġetta din is-sistema.”

Ir-Regolament Nru 1088

15

L-Artikolu 14 tal-förordning (2011:1088) om hållbarhetskriterier för biodrivmedel och flytande biobränslen [Regolament (2011:1088) dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u għall-bijolikwidi, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1088”] jipprovdi:

“Is-sistema ta’ verifika msemmija fl-Artikolu 1a tal-[Kapitolu] 3 tal-Liġi [Nru 598] għandha tinkludi proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-użu, matul id-diversi stadji tal-katina ta’ produzzjoni, ta’ sistema ta’ bilanċ tal-massa li:

1.   tippermetti li kunsinni ta’ materji primi jew ta’ bijokarburant li jkollhom karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti jiġu mħallta;

2.   teħtieġ li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà u dwar il-volum tal-kunsinni msemmija fil-punt 1 jibqgħu assoċjati mat-taħlita; u

3.   tipprevedi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinna kollha miżjuda mat-taħlita.

[…]

L-Aġenzija nazzjonali tal-enerġija tista’ tadotta dispożizzjonijiet supplimentari fir-rigward tas-sistema ta’ verifika u l-kontroll li għalih tkun suġġetta din is-sistema.”

Id-dispożizzjonijiet tal-2011 tal-Aġenzija tal-enerġija

16

L-Artikoli 2 sa 4 tal-Kapitolu 3 tal-iStatens energimyndighets föreskrifter om hållbarhetskriterier för biodrivmedel och flytande biobränslen (dispożizzjonijiet tal-Aġenzija nazzjonali tal-enerġija dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u għall-bijolikwidi, iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet tal-2011 tal-Aġenzija tal-enerġija”) jipprevedi dan li ġej:

“Artikolu 2

Il-persuna marbuta li tagħmel dikjarazzjoni għandha tiżgura, permezz tas-sistema ta’ verifika tagħha prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament [Nru 1088], li l-bijokarburanti u l-bijolikwidi sostenibbli jkunu jistgħu jiġu ttraċċati mill-post fejn tkun tkabbret, inħolqot jew miġbura l-materja prima sal-konsum tal-karburant jew sal-mument li t-taxxa tkun dovuta taħt il-Kapitolu 5 tal-Liġi (1994:1776) dwar it-taxxa fuq l-enerġija.

Artikolu 3

Skont il-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tar-Regolament [Nru 1088], il-bilanċ tal-massa għandu jitwettaq f’post iddefinit b’mod ċar u f’terminu aġġustat għall-katina ta’ produzzjoni.

L-imħażen fiskali kollha, fis-sens tal-Liġi (1994:1776) dwar it-taxxa fuq l-enerġija, ta’ persuna marbuta li tagħmel dikjarazzjoni jistgħu jikkostitwixxu post fis-sens tal-ewwel paragrafu.

Artikolu 4

Il-kunsinni li normalment jinsabu f’kuntatt fiżiku ma’ xulxin jikkostitwixxu taħlita fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tar-Regolament [Nru 1088]. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

E.ON Biofor, kumpannija stabbilita fl-Isvezja, esponiet quddiem il-qorti tar-rinviju li hija tixtri mingħand kumpannija oħt, stabbilita fil-Ġermanja, kunsinni ta’ bijogass sostenibbli prodott minn din tal-aħħar f’dan l-Istat Membru. E.ON Biofor imbagħad tittrasporta dawn il-kunsinni lejn l-Isvezja permezz tan-netwerk tal-gass Ġermaniż u ta’ dak Daniż fejn dan il-bijogass jibqa’, f’kull stadju tat-trasport, il-proprjetà ta’ kumpanniji tal-grupp. Dawn il-kunsinni, li jiġu introdotti minn din il-kumpannija oħt fin-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ gass Ġermaniż f’punt iddefinit b’mod ċar, jinħarġu minn E.ON Biofor fil-punt tal-fruntiera bejn in-netwerk ta’ distribuzzjoni Ġermaniż u n-netwerk ta’ distribuzzjoni Daniż u jibqgħu, f’kull mument, akkumpanjati minn ċertifikat ta’ sostenibbiltà REDCert DE maħruġ konformement mas-sistema nazzjonali Ġermaniża ta’ verifika permezz tal-bilanċ tal-massa u mgħoddi direttament mill-imsemmija kumpannija oħt lil E.ON Biofor. B’hekk jiġu żgurati, fl-istess ħin, is-sostenibbiltà tal-kunsinni inkwistjoni u l-fatt li dawn il-kunsinni ma nbigħux x’imkien ieħor fil-Ġermanja peress li l-imsemmija ċertifikati jistgħu jiġu rtirati mis-sistema ta’ ċertifikazzjoni darba waħda biss u peress li kull dħul u kull ħruġ min-netwerk tal-gass nazzjonali jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ operatur wieħed li jkun id-detentur ta’ kuntratt ta’ kunsinna jew ta’ xiri fil-punt tal-fruntiera.

18

Fit-3 ta’ Settembru 2013, l-Aġenzija tal-enerġija ordnat lil E.ON Biofor temenda s-sistema ta’ verifika tagħha dwar is-sostenibbiltà tal-bijogass sabiex tiżgura li l-bilanċ tal-massa jitwettaq “f’post iddefinit b’mod ċar” kif jeżiġi l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tad-dispożizzjonijiet tal-2011 tal-Aġenzija tal-enerġija (iktar ’il quddiem l-“ordni kontenzjuża”). L-osservanza tal-imsemmija ordni twassal sabiex il-bijogass prodott fil-Ġermanja li E.ON Biofor timporta fl-Isvezja permezz tan-netwerk tal-gass Ġermaniż u ta’ dak Daniż ma jkunx jista’ jiġi inkluż fl-imsemmija sistema ta’ verifika minħabba li l-imsemmija netwerks ma jistgħux jikkostitwixxu tali post iddefinit b’mod ċar u, għaldaqstant, lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala “sostenibbli” fis-sens tal-Liġi Nru 598 u tad-Direttiva 2009/28.

19

E.ON Biofor ippreżentat rikors quddiem il-Förvaltningsrätten i Linköping (qorti amministrattiva bis-sede tagħha f’Linköping, l-Isvezja) intiż għall-annullament tal-ordni kontenzjuża.

20

Filwaqt li targumenta li din l-ordni twassal sabiex iċċaħħadha minn tnaqqis kunsiderevoli fit-taxxi fuq id-dijossidu tal-karbonju u fuq l-enerġija li minnu jibbenefika l-bijogass sostenibbli taħt il-Liġi (1994:1776) dwar it-taxxa fuq l-enerġija, E.ON Biofor issostni li l-limitazzjoni tas-sistema ta’ bilanċ tal-massa għal post iddefinit b’mod ċar u għall-fruntieri tal-Isvezja li tirriżulta mill-imsemmija ordni tikser kemm id-Direttiva 2009/28 u kemm l-Artikolu 34 TFUE.

21

Fir-rigward tal-Artikolu 34 TFUE, E.ON Biofor issostni, b’mod partikolari, li, fir-rigward tal-bijogass sostenibbli introdott direttament fin-netwerk tal-gass Svediż, l-Aġenzija tal-enerġija tirrikonoxxi li dan jista’ jinbigħ bħala bijogass sostenibbli meta ma hemm ebda differenza, f’termini tat-traċċabbiltà tas-sostenibbiltà tal-bijogass, bejn tali sitwazzjoni u s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li f’dan il-każ hemm ostakolu diskriminatorju għall-importazzjoni ta’ bijogass sostenibbli minn Stati Membri oħra.

22

Min-naħa tagħha, l-Aġenzija tal-enerġija ssostni li s-sistema tal-bilanċ tal-massa teżiġi li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà jibqgħu fiżikament assoċjati mal-“kunsinni” meta dawn ikunu miżjuda ma’ “taħlita” fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, jiġifieri, skont il-punt 2.2.3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, kunċett iddefinit bħala li japplika “f’[…] lokazzjoni ġeografika bil-limiti preċiżi”.

23

Issa, filwaqt li huwa minnu li r-Renju tal-Isvezja rrikonoxxa, bħalma għamlu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, iżda b’differenza minn Stati Membri oħra, li l-bilanċ tal-massa jista’ jitwettaq f’netwerk tal-gass nazzjonali, bħala post iddefinit b’mod ċar, tali post ma jeżistix fil-każ tal-bijogass importat mill-Ġermanja minn E.ON Biofor u, għaldaqstant, lanqas ma hemm sistema ta’ verifika tal-bilanċ tal-massa. Tali sistema teżiġi li jkun hemm, fir-rigward tal-post ikkonċernat, operatur li jivverifika li l-istess volum ta’ bijokarburant sostenibbli jkun ġie introdott u sussegwentement maħruġ mill-imsemmi post u tali operatur Ewropew globali ma jeżistix fir-rigward tan-netwerk tal-gass Ewropew.

24

Peress li l-ordni kontenzjuża, għalhekk, hija konformi mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, ma hemmx lok li tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE.

25

Huwa f’dan il-kuntest li l-Förvaltningsrätten i Linköping (qorti amministrattiva bis-sede tagħha f’Linköping) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kunċetti ta’ ‘bilanċ tal-massa’ u ta’ ‘taħlita’ li jinsabu fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jawtorizzaw il-kummerċ ta’ bijogass li jseħħ bejn l-Istati Membri permezz ta’ netwerk ta’ gass interkonness?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, din id-dispożizzjoni […] hija, f’dan il-każ, kompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE, minkejja li l-applikazzjoni tagħha jista’ jkollha l-effett li tirrestrinġi l-kummerċ?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, kif jirriżulta kemm mill-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali u kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 li jikkonċerna l-verifika tal-osservanza tal-kriterji ta’ sostenibbiltà elenkati fl-Artikolu 17(2) sa (5) tal-imsemmija direttiva, meta tirreferi, fid-domandi preliminari tagħha, għall-“bijogass”, il-qorti tar-rinviju qiegħda manifestament tirreferi biss għall-bijogass li jissodisfa l-imsemmija kriterji ta’ sostenibbiltà u li jkun intiż sabiex jintuża bħala bijokarburant (iktar ’il quddiem il-“bijogass sostentibbli”).

27

B’hekk, l-ewwel domanda għandha tinftiehem fis-sens li qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 għandux jiġi interpretat fis-sens li joħloq, għall-Istati Membri, obbligu li jawtorizzaw l-importazzjonijiet, permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi tagħhom, ta’ bijogass sostenibbli.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat qabel kollox li, kif jirriżulta mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28, moqri fid-dawl tal-premessi 65 sa 94 tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li bbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-Artikolu 95 KE, li sar l-Artikolu 114 TFUE, kellu l-intenzjoni li jarmonizza l-kriterji ta’ sostenibbiltà li kellhom obbligatorjament jissodisfaw il-bijokarburanti sabiex l-enerġija prodotta minnhom tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, fi ħdan kull Stat Membru, għall-finijiet tat-tliet għanijiet identifikati rispettivament fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva. L-imsemmija għanijiet huma l-verifika ta’ kemm l-Istati Membri jissodisfaw l-għanijiet nazzjonali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28, minn naħa, u l-obbligi tagħhom fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, min-naħa l-oħra, kif ukoll il-possibbiltà li tiġi aċċettata għajnuna finanzjarja nazzjonali għall-konsum ta’ bijokarburanti.

29

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 114(1) TFUE jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li l-għan tagħhom ikun l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

30

Bl-espressjoni “miżuri għall-approssimazzjoni”, li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni, l-awturi tat-Trattat FUE xtaqu jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-iktar teknika ta’ approssimazzjoni adegwata sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, b’mod partikolari f’oqsma li huma kkaratterizzati minn karatteristiċi partikolari tekniċi kumplessi. Għaldaqstant, fl-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jipproċedi billi jwettaq biss armonizzazzjoni fi stadji u billi jeżiġi biss eliminazzjoni gradwali tal-miżuri unilaterali meħuda mill-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għalhekk, skont iċ-ċirkustanzi, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 114(1) TFUE jistgħu jinvolvu, b’mod partikolari, li l-Istati Membri kollha jiġu obbligati jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tal-prodotti kkonċernati, li tali obbligu ta’ awtorizzazzjoni jkun suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, kif ukoll li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jew ta’ ċerti prodotti tkun ipprojbita, b’mod provviżorju jew b’mod definittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, l-armonizzazzjoni magħmula permezz tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 għandha natura speċifika ħafna sa fejn tikkonċerna biss il-bijokarburanti ddefiniti, fil-punt (i) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bħala kull karburant likwidu jew f’forma ta’ gass użat għat-trasport u prodott mill-bijomassa, u sa fejn tispeċifika biss liema kriterji ta’ sostenibbiltà għandhom ikunu ssodisfatti minn tali bijokarburanti sabiex l-enerġija prodotta minnhom tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri għall-finijiet tat-tliet għanijiet partikolari msemmija fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva u mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza. F’kuntest iddefinit b’dan il-mod, l-imsemmija armonizzazzjoni hija, barra minn hekk, ta’ natura eżawrjenti sa fejn l-Artikolu 17(8) tad-Direttiva 2009/28 jispeċifika, fil-fatt, li l-Istati Membri ma jistgħux, għall-finijiet ta’ dawn l-istess tliet għanijiet, jirrifjutaw li jieħdu inkunsiderazzjoni, għal raġunijiet ta’ sostenibbiltà oħra, il-bijokarburanti li jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti f’dan l-artikolu.

33

B’hekk, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 huwa intiż, minn naħa, li jiżgura, sabiex jiġi żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent li għalih jirreferi l-Artikolu 95(3) KE, li sar l-Artikolu 114(3) TFUE, li l-bijokarburanti jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri, għall-finijiet tat-tliet għanijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, fil-każ biss li dawn il-bijokarburanti josservaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà imposti, f’dan il-każ, mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

34

Dan l-istess Artikolu 17 huwa intiż, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 94 tad-Direttiva 2009/28, li jiffaċilita l-kummerċ ta’ bijokarburanti sostenibbli bejn l-Istati Membri. Tali ffaċilitar huwa marbut prinċipalment mal-fatt li, kif ġie enfasizzat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, meta bijokarburanti, inklużi dawk li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra, jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28, l-Artikolu 17(8) ta’ din id-direttiva jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrifjutaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-bijokarburanti sostenibbli, għall-finijiet tat-tliet għanijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, “għal raġunijiet oħra ta’ sostenibbiltà” għajr dawk stabbiliti f’dan l-artikolu.

35

Għalkemm l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 jippermetti, sa dan il-punt, b’mod partikolari, li jiġi ffaċilitat il-kummerċ ta’ bijogass sostenibbli, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, madankollu, ma jistax jiġi konkluż li dan l-artikolu huwa intiż li jirregola l-importazzjonijiet ta’ bijokarburanti sostenibbli bejn Stati Membri u lanqas li, b’mod partikolari, jobbliga lill-Istati Membri jawtorizzaw mingħajr ebda kundizzjoni tali importazzjonijiet. Fil-fatt, kif għadu kemm intqal, l-għan tal-imsemmi artikolu huwa biss li jirregola, billi jarmonizzahom, il-kundizzjonijiet marbuta mas-sostenibbiltà li għandhom ikunu ssodisfatti mill-bijokarburanti sabiex dawn ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni minn Stat Membru għall-finijiet tat-tliet għanijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2009/28 barra minn hekk ma fiha ebda dispożizzjoni li tistabbilixxi moviment liberu inkundizzjonat tal-bijogass sostenibbli bejn l-Istati Membri.

36

Fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, din tipprevedi biss li, meta l-bijokarburanti jkollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tliet għanijiet previsti fl-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-operaturi ekonomiċi juru li l-kriterji ta’ sostenibbiltà previsti fl-Artikolu 17(1)(2) sa (5) ta’ dan l-artikolu kienu ġew osservati.

37

Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma b’mod partikolari meħtieġa, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, li jeżiġu li l-imsemmija operaturi jużaw sistema msejħa “tal-bilanċ tal-massa” li għandha tissodisfa ċerti karetteristiċi ġenerali li huma speċifikati fil-punti (a) sa (c) ta’ din id-dispożizzjoni. Skont dawn il-punti, tali sistema għandha, għalhekk, l-ewwel nett, tippermetti t-taħlita ta’ kunsinni ta’ materja prima jew ta’ bijokarburanti li jkollhom karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti, it-tieni nett, teżiġi li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà u dwar il-volum tal-imsemmija kunsinni tibqa’ assoċjata mat-taħlita u, it-tielet nett, tipprevedi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita.

38

Issa, tali dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li toħloq, għall-Istati Membri, obbligu li jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ bijogass sostenibbli permezz tan-netwerks tal-gass interkonnessi tagħhom.

39

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, li l-uniku għan tiegħu huwa li jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ verifika intiżi li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, ma jistax, fid-dawl tar-rabta li għalhekk hemm bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, jiġi interpretat, bħalma lanqas ma jista’ jiġi interpretat dan l-Artikolu 17, fis-sens li għandu l-għan li jobbliga b’mod inkundizzjonat lill-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ bijogass sostenibbli minn Stati Membri oħra.

40

Min-naħa l-oħra, u kif essenzjalment osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tan-natura ġenerali tat-termini li bihom huma espressi l-kriterji elenkati fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, lanqas ma jista’ jitqies li l-imsemmija dispożizzjoni wettqet armonizzazzjoni kompleta tal-metodu ta’ verifika marbut mas-sistema tal-bilanċ tal-massa. Għall-kuntrarju, mill-imsemmija punti jirriżulta li l-Istati Membri jżommu marġni ta’ diskrezzjoni u ta’ manuvra meta jkunu meħtieġa jiddeterminaw, b’mod iktar preċiż, il-kundizzjonijiet konkreti li għandhom ikunu ssodisfatti mis-sistemi ta’ bilanċ tal-massa li għandhom ikunu implementati mill-operaturi ekonomiċi. Għaldaqstant, tali dispożizzjoni, ikkunsidrata bħala tali, lanqas ma hija ta’ natura li twassal, awtomatikament, sabiex jiġi ggarantit moviment liberu tal-bijogass sostenibbli permezz tan-netwerk tal-gass transkonfinali ladarba l-imsemmi bijogass ikun ikkaratterizzat legalment bħala sostenibbli fl-Istat Membru ta’ produzzjoni.

41

Mill-bqija, għandu jitfakkar ukoll li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sistemi ta’ verifika tal-kriterji ta’ sostenibbiltà imposti, jekk ikun il-każ, fuq l-operaturi ekonomiċi mill-Istati Membri konformement mal-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2009/28, jikkostitwixxu biss waħda mill-metodi li jippermettu li tiġi żgurata tali verifika skont din id-direttiva. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 18(4) u (5) tal-imsemmija direttiva, sistemi msejħa “volontarji” nazzjonali jew internazzjonali li jinkludu, huma wkoll, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar is-sistema tal-bilanċ tal-massa, jistgħu jiġu approvati mill-Kummissjoni, filwaqt li l-Artikolu 18(7) tal-istess direttiva jipprevedi, f’dan ir-rigward, li, meta jkun hemm provi jew informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ tali sistemi, l-Istati Membri ma għandhomx jeżiġu li l-fornitur jipprovdi provi oħra ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex intiż li joħloq, għall-Istati Membri, obbligu li jawtorizzaw l-importazzjonijiet, permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi tagħhom, ta’ bijogass sostenibbli.

Fuq it-tieni domanda

43

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk, sa fejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 jista’ jkollha l-effett li tillimita l-kummerċ tal-bijogass sostenibbli, l-imsemmija dispożizzjoni hijiex valida fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE.

 Fuq il-validità tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28

44

Preliminarjament, għandu jitfakkar, minn naħa, li, meta jipprojbixxi bejn l-Istati Membri l-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, l-Artikolu 34 TFUE jkopri kull miżura nazzjonali li tista’ tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

L-imsemmija projbizzjoni ma tapplikax biss għall-miżuri nazzjonali iżda wkoll għall-miżuri li joriġinaw mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1984, Rewe-Zentrale, 37/83, EU:C:1984:89, punt 18; tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 59, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 47).

46

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 34 TFUE, madankollu, ma jipprekludix projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet li jkunu ġġustifikati minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi, liema rekwiżiti jinkludu, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ambjent. Fiż-żewġ każijiet, il-miżura kkonċernata għandha, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun ta’ natura adegwata sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan segwit u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punti 4851, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 7677).

47

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, kif diġà ġie osservat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-Artikoli 17 sa 19 tad-Direttiva 2009/28 ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE, li sar l-Artikolu 114 TFUE.

48

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 11 TFUE jipprevedi li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli (ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 2/15 tas-16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punt 146), u li l-Artikolu 114(3) TFUE jeżiġi b’mod espliċitu li għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fl-armonizzazzjoni mwettqa (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

B’hekk, meta jkun hemm ostakoli għall-kummerċ jew meta jkun mistenni li tali ostakoli jimmaterjalizzaw fil-futur, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu ħadu, jew ikunu qegħdin fil-proċess li jieħdu, fir-rigward ta’ prodott jew ta’ kategorija ta’ prodotti, miżuri diverġenti ta’ natura li jiżguraw livell ta’ protezzjoni differenti, l-Artikolu 114 TFUE jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jintervjeni billi jadotta l-miżuri adegwati b’osservanza, minn naħa, tal-Artikolu 114(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat FUE jew żviluppati permezz tal-ġurisprudenza, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Barra minn hekk, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandu jitfakkar ukoll li meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħżel li jilleġiżla f’qasam li jimplika, min-naħa ta’ dan il-leġiżlatur, għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fih ikun meħtieġ iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi, għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’tali qasam, fil-konfront tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jkollhom l-intenzjoni li jsegwu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 48, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 52; ara wkoll, f’dan is-sens, fir-rigward tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑86/03, EU:C:2005:769, punti 8788, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus, C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 46).

51

Fir-rigward tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li, kif sostnew il-Parlament u l-Kunsill, fid-dawl tan-natura ġenerali tat-termini li bihom huma fformulati l-punti (a) sa (c) ta’ din id-dispożizzjoni, il-kriterji li għandhom jissodisfaw is-sistemi tal-bilanċ tal-massa li għandhom jiġu introdotti mill-Istati Membri ma humiex a priori ta’ natura li jeskludu li tali sistema tista’ tiġi applikata fil-każ ta’ trasport, f’netwerk tal-gass nazzjonali jew f’netwerks nazzjonali interkonnessi, ta’ kunsinni ta’ bijogass sostenibbli.

52

Fil-fatt, ma jidher li hemm xejn li jipprekludi lil Stat Membri milli jobbliga lill-operaturi ekonomiċi jużaw sistema ta’ verifika li tippermetti li “taħlita”, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 2009/28, ta’ diversi kunsinni ta’ gass “b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti” li wħud minnhom jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-imsemmija direttva filwaqt li oħrajn ma jissodisfawhomx, tkun tista’ titwettaq f’tali netwerk nazzjonali jew f’tali netwerks nazzjonali interkonnessi.

53

Lanqas ma jidher li hemm xi ħaġa li għandha teskludi li, f’dan il-kuntest, ikun meħtieġ li l-imsemmija sistema tissodisfa kundizzjonijiet li jkunu adegwati sabiex jiġi żgurat li informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà u dwar il-volum tal-kunsinni inkwistjoni tibqa’ assoċjata mal-imsemmija taħlita sakemm ikun għad hemm din it-taħlita, kif jipprevedi l-Artikolu 18(1)(b) tad-Direttiva 2009/28.

54

Fl-aħħar nett, lanqas ma jidher li huwa impossibbli għall-Istati Membri li jimponu, fuq dawn l-istess operaturi, li l-karatteristiċi tas-sistema ta’ verifika inkwistjoni għandhom ikunu ta’ natura li jiġi żgurat li s-somma tal-kunsinni meħuda, minn operatur, mit-taħlita magħmula minn qabel b’dan il-mod f’netwerk tal-gass nazzjonali jew f’netwerks nazzjonali interkonnessi, li jiġu attribwiti l-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28, ma taqbiżx, f’termini ta’ volum, is-somma tal-kunsinni li jkollhom tali karatteristiċi u li kienu introdotti fi stadju preċedenti minn dan l-operatur fl-imsemmija taħlita.

55

F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi osservat li l-Aġenzija tal-enerġija rrikonoxxiet b’mod espliċitu, kemm quddiem il-qorti tar-rinviju u kemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, skont il-leġiżlazzjoni Svediża, l-introduzzjoni, fin-netwerk tal-gass nazzjonali Svediż, ta’ kunsinni ta’ bijogass li jissodisfaw il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28, u t-taħlita tagħhom, f’dan in-netwerk, ma’ gassijiet oħra, bl-ebda mod ma jipprekludu li tali kunsinni jiġu attribwiti mill-ġdid, meta jinħarġu mill-imsemmi netwerk u f’volumi korrispondenti, l-imsemmija karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tal-istess direttiva, jiġifieri sabiex ikunu jistgħu jitqiesu għal għajnuna finanzjarja fir-rigward tal-konsum tagħhom.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma jistax jitqies li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 joħloq, bħala tali, impossibbilta, fil-każ ta’ moviment ta’ bijogass sostenibbli bejn l-Istati Membri, permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi, li n-natura sostenibbli ta’ dan il-bijogass tkun irrikonoxxuta fl-Istat Membru ta’ importazzjoni għall-finijiet tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, u lanqas ma jista’ jitqies, għaldaqstant, li l-imsemmi Artikolu 18(1) jostakola, għal din ir-raġuni, il-moviment liberu tal-merkanzija ggarantit fl-Artikolu 34 TFUE.

57

Fit-tieni lok, għandu jiġi indirizzat ukoll, kif titlob il-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, il-fatt, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, li, madankollu, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 lanqas ma għandu l-effett li jobbliga lill-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ bijogass sostenibbli permezz tan-netwerks tal-gass interkonnessi tagħhom.

58

F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jitfakkar li, kif diġà ġie osservat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza u kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 17(8) tad-Direttiva 2009/28 u mill-premessa 94 ta’ din id-direttiva, l-Artikoli 17 sa 19 tagħha jiffaċilitaw il-kummerċ ta’ bijogass sostenibbli bejn l-Istati Membri, minn naħa, billi jarmonizzaw il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà li għandu jissodisfa l-bijogass għall-finijiet tat-tliet għanijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, billi jippermettu, permezz tar-regoli dwar il-verifika li jinsabu fl-Artikolu 18 tal-istess direttiva, li l-imsemmija karatteristiċi jibqgħu, għall-finijiet ta’ dawn l-istess għanijiet, marbuta mal-bijogass, minkejja li dan jitħallat ma’ gassijiet oħra.

59

B’hekk, is-sistema stabbilita f’dan is-sens permezz tal-Artikoli 17 sa 19 tad-Direttiva 2009/28 tiffavorixxi, għaldaqstant, il-moviment liberu tal-merkanzija iktar milli tillimitah (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1984, Rewe-Zentrale, 37/83, EU:C:1984:89, punt 19, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli, C‑59/11, EU:C:2012:447, punt 81).

60

Għalkemm l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28 ma għandhomx, għaldaqstant, l-għan li jiżguraw li l-bijogass sostenibbli jkun jista’, b’mod inkundizzjonat, jiġi importat minn Stat Membru lejn ieħor filwaqt li jżomm il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà tiegħu, dan il-fatt huwa l-konsegwenza inevitabbli tat-teknika ta’ armonizzazzjoni, f’dan il-każ, magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni li, kif tfakkar fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, għandu marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li jwettaq biss armonizzazzjoni fi stadji u li jeżiġi biss eliminazzjoni gradwali tal-miżuri unilaterali meħuda mill-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punti 7980).

61

Fit-tielet lok, u kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi osservat li l-fatt stess li tiġi imposta l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ bilanċ tal-massa, bħal dik prevista fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, fuq l-operaturi ekonomiċi ħerqana li jkunu jistgħu jinvokaw in-natura sostenibbli tal-bijogass ikkummerċjalizzat minnhom, b’mod partikolari fi Stati Membri oħra li fihom l-imsemmi bijogass kien esportat, huwa, min-naħa tiegħu, ta’ natura li jagħmel l-imsemmija esportazzjoni u kummerċjalizzazzjoni kemm iktar kumplessi u kemm iktar onerużi minħabba l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji li toħloq tali sistema.

62

Madankollu, fir-rigward tal-għażla magħmula, b’dan il-mod, mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li, b’mod iktar preċiż, tikkonsisti fl-għoti ta’ preferenza lis-sistema ta’ verifika tal-bilanċ tal-massa meta mqabbla maż-żewġ metodi l-oħra disponibbli a priori, jiġifieri, minn naħa, it-teknika magħrufa bħala “taż-żamma tal-identità” u, min-naħa l-oħra, dik magħrufa bħala “taċ-ċertifikati negozjabbli” jew “book and claim”, għandu jiġi osservat dan li ġej.

63

L-ewwel nett, huwa paċifiku li l-metodu taż-żamma tal-identità, billi jeskludi kull possibbiltà li kunsinna ta’ bijogass sostenibbli titħallat ma’ kunsinna ta’ gass li ma jkollhiex tali karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, ma kienx ser jikkontribwixxi bl-istess mod għall-kummerċ tal-bijogass sostenibbli bejn l-Istati Membri peress li tali metodu kien ser iwassal awtomatikament, b’mod partikolari, sabiex fil-prattika jiġi eskluż li bijogass sostenibbli jkun jista’ jiġi introdott f’netwerk tal-gass u, għaldaqstant, ittrasportat u esportat permezz ta’ tali infrastruttura, filwaqt li jżomm il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà tiegħu għall-finijiet tat-tliet għanijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2009/28.

64

It-tieni nett, fir-rigward tal-fatt li ngħatat preferenza lis-sistema tal-bilanċ tal-massa meta mqabbla mas-sistema taċ-ċertifikati negozjabbli li ma teħtieġx, min-naħa tagħha, li l-informazzjoni dwar il-karatterisitċi ta’ sostenibbiltà tibqa’ fiżikament assoċjata ma’ kunsinni jew ma’ kunsinni mħallta, minn naħa, mill-premessa 76 tad-Direttiva 2009/28 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel tali għażla sabiex jiżgura li tinżamm tali relazzjoni fiżika bejn il-mument tal-produzzjoni tal-bijokarburant sostenibbli u dak tal-konsum tiegħu. Skont din il-premessa, tali relazzjoni fiżika kienet iffavorita minħabba li hija ta’ natura li toħloq bilanċ bejn l-offerta u d-domanda u li tiżgura żieda fil-prezz tal-bijokarburant sostenibbli li tkun kbira biżżejjed sabiex twassal, fl-aġir tal-atturi tas-suq, għall-bidliet meħtieġa, u b’hekk tiżgura l-utilità stess tal-kriterji ta’ sostenibbiltà. Barra minn hekk, fl-imsemmija premessa 76 tal-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza li l-applikazzjoni tal-metodu tal-bilanċ tal-massa għall-kontroll tal-konformità kellha żżomm l-integrità tas-sistema filwaqt li tevita li l-industrija tkun suġġetta għal restrizzjonijiet inutli.

65

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li f’din l-istess premessa 76 il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza wkoll li metodi ta’ verifika oħra kellhom xorta waħda jkomplu jiġu studjati. L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2009/28 jipprevedi, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tagħmel rapport dwar il-funzjonament tal-metodu ta’ verifika permezz tal-bilanċ tal-massa u dwar il-possibbiltajiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni metodi ta’ verifika oħra, b’mod partikolari dawk li fihom l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ma jkollhiex għalfejn tibqa’ assoċjata fiżikament ma’ kunsinni jew ma’ taħlitiet partikolari, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-ħtieġa li titħares l-integrità u l-effikaċja tas-sistema ta’ verifika mingħajr ma jiġi impost piż irraġonevoli fuq l-impriżi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien opportun li jinżamm il-metodu tal-bilanċ tal-massa [ara, b’mod partikolari il-Commission Staff Working Document: Report on the operation of the mass balance verification method for the biofuels and bioliquids sustainability scheme in accordance with Article 18(2) of Directive 2009/28/EC (SEC/2010/0129 final)].

66

Issa, ma hemm xejn li jippermetti li jitqies li, meta b’hekk iddeċieda li jiffavorixxi, fil-proċess li jintlaħaq l-għan stabbilit fl-Artikolu 114(3) TFUE li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u għall-finijiet tal-għanijiet imsemmija b’mod iktar speċifiku fil-premessa 76 tad-Direttiva 2009/28, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ verifika tal-kriterji ta’ sostenibbiltà li tkun kemm integrali u kemm effikaċi u li tkun maħsuba sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ relazzjoni fiżika bejn il-produzzjoni ta’ bijokarburanti sostenibbli u l-konsum tagħhom fl-Unjoni, filwaqt li b’hekk jeżerċita influwenza iktar effikaċi fuq l-aġir tal-atturi tas-suq, il-leġiżlatur tal-Unjoni mar lil hinn mil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu, imfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, u lanqas li naqas milli josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

67

Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qasam speċifiku li fih l-imsemmi leġiżlatur kellu jilleġiżla f’dan il-każ jirrikjedi manifestament li dan il-leġiżlatur jagħmel għażliet ta’ natura kemm politika, kemm xjentifika u kemm eknomika u li jwettaq, b’hekk, evalwazzjonijiet, b’mod partikolari ta’ natura teknika u ekonomika, partikolarment kumplessi.

68

Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’, mingħajr ma jaqbeż il-limiti tal-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni, iqis li, fid-dawl, minn naħa, tal-forma ta’ traċċabbiltà stabbilita minnha u fid-dawl tal-kundizzjonijiet maħsuba sabiex tiġi żgurata l-effikaċja u l-integrità tagħha u li għalihom hija suġġetta skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28, u, min-naħa l-oħra, tal-influwenza li hija b’hekk intiża li teżerċita fuq il-prezzijiet tal-bijokarburanti sostenibbli u fuq l-atturi tas-suq, filwaqt li jitnaqqsu r-riskji ta’ frodi, is-sistema ta’ verifika bl-użu tat-teknika tal-bilanċ tal-massa kienet tidher adegwata sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent.

69

Bl-istess mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ raġonevolment iqis, f’dan ir-rigward, mingħjar ma jaqbeż il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, li tali sistema ta’ verifika kienet meħtieġa u li, b’mod partikolari, ma kienx hemm miżura alternattiva li tippermetti li l-għanijiet leġittimi segwiti b’dan il-mod jintlaħqu f’dan il-każ b’mod daqstant effikaċi filwaqt li l-operaturi ekonomiċi jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet ekonomiċi u amministrattivi minimi. B’mod partikolari, dan il-leġiżlatur seta’, mingħjar ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, jelimina s-sistema taċ-ċertifikati negozjabbli billi qies li din is-sistema ma kinitx tiżgura, min-naħa tagħha, l-eżistenza ta’ rabta fiżika bejn il-kunsinna ta’ bijogass sostenibbli prodotta u l-kunsinna ta’ gass sussegwentement ikkonsmata u li din is-sistema kienet toffri inqas garanziji f’termini ta’ effikaċja u ta’ integrità, b’mod partikolari fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat li jkun biss il-bijogass sostenibbli li jissodisfa r-rekwiżiti stretti elenkati fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 li jkun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tliet għanijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva.

70

Għall-istess raġunijiet, l-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija osservat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza li għalhekk, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, ma jistax, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din l-istess sentenza, jitqies li jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 61).

71

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE

72

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li qorti nazzjonali, minn aspett formali, tkun ifformulat id-domanda preliminari tagħha billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jwaqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli sabiex taqta’ l-kawża li l-qorti nazzjonali jkollha quddiemha, irrispettivament minn jekk dik il-qorti tkunx għamlet jew le riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

F’dan il-każ, għalkemm permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju ma staqsietx formalment lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 mal-Artikolu 34 TFUE, għandha tiġi eżaminata wkoll, kif issuġġerixxew kemm il-Kunsill u kemm E.ON Biofor u kif irrakkomanda l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 34 TFUE għandux, jekk ikun il-każ, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ordni bħall-ordni kontenzjuża.

74

Fil-fatt, kif intqal fil-punti 18 sa 20 ta’ din is-sentenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tar-rikors tagħha fil-kawża prinċipali, E.ON Biofor qiegħda titlob l-annullament tal-ordni kontenzjuża, ordni li wasslet sabiex il-bijogass sostenibbli prodott fil-Ġermanja u intiż għat-trasport li E.ON Biofor timporta fl-Isvezja permezz tan-netwerk tal-gass Ġermaniż u ta’ dak Daniż ma jistax jiġi inkluż fis-sistema ta’ verifika dwar is-sostenibbiltà tal-bijogass u, għaldaqstant, la jista’ jiġi kklassifikat bħala “sostenibbli” fis-sens tal-Liġi Nru 598 u tad-Direttiva 2009/28 u lanqas ma jibbenefika minn ċertu tnaqqis fir-rigward tat-taxxi fuq id-dijossidu tal-karbonju u fuq l-enerġija.

75

Issa, il-kundizzjoni li għalhekk teżiġi li l-bilanċ tal-massa jitwettaq “f’post iddefinit b’mod ċar” u li fuqha bbażat ruħha f’dan il-każ l-Aġenzija tal-enerġija ma tinstabx fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 iżda tirriżulta mid-dispożizzjonijiet interni Svediżi adottati bil-għan li tiġi ttrasposta l-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1088, li huwa intiż li jiżgura tali traspożizzjoni, jirripproduċi, minn naħa, it-tliet kriterji ġenerali stabbiliti fil-punti (a) sa (c) tal-imsemmi Artikolu 18(1) u jipprevedi, min-naħa l-oħra, li l-Aġenzija tal-enerġija tista’ tadotta dispożizzjonijiet supplimentari fir-rigward tas-sistema ta’ verifika u fir-rigward tal-kontroll li għalih hija suġġetta din is-sistema. L-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tad-dispożizzjonijiet tal-2011 tal-Aġenzija tal-enerġija, li fih huwa speċifikat li l-bilanċ tal-massa għandu jitwettaq “f’post iddefinit b’mod ċar”, kien adottat fuq il-bażi ta’ din l-awtorizzazzjoni.

76

F’dan ir-rigward, huwa minnu li għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali marbuta ma’ dan il-qasam għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl ta’ dawk tad-dritt primarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Madankollu, kif diġà ġie osservat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 ma armonizzax b’mod eżawrjenti l-metodu ta’ verifika marbut mas-sistema tal-bilanċ tal-massa b’tali mod li, bla ħsara għall-obbligu tagħhom li josservaw ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jżommu marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli meta jiġu sabiex jiddeterminaw, b’mod iktar preċiż, il-kundizzjonijiet konkreti li fihom l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jkunu meħtieġa jużaw tali sistema.

78

Minn dan isegwi, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, meta jimplementaw l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, l-Istati Membri jibqgħu marbuta, b’mod partikolari, li josservaw l-Artikolu 34 TFUE.

79

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ ostakolu għall-kummerċ fis-sens tal-imsemmi Artikolu 34 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li l-ordni kontenzjuża tista’ tostakola, minn tal-inqas indirettament u potenzjalment, l-importazzjonijiet tal-bijogass sostenibbli fl-Isvezja minn Stati Membri oħra, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

80

Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 75, 76 u 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija ordni għandha l-effett li tostakola t-twettiq ta’ bilanċ tal-massa tal-bijogass sostenibbli importat permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi u, għaldaqstant, li teskludi li l-imsemmi bijogass ikun jista’, ladarba jkun ġie importat b’dan il-mod fl-Isvezja, iżomm il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà proprji tiegħu sabiex ikun jista’ jibbenefika minn sistema fiskali vantaġġjuża applikabbli, fl-imsemmi Stat Membru, għall-konsum ta’ bijokarburanti sostenibbli.

81

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Aġenzija tal-enerġija affermat, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u kemm matul is-seduta, li l-bijogass sostenibbli minn Stati Membri kien eliġibbli għall-imsemmi vantaġġ fiskali fl-Isvezja, b’mod partikolari meta jitwassal fl-imsemmi Stat Membru bl-użu ta’ mezzi tat-trasport, pereżempju bit-triq, li ma jimplikawx li dan il-bijogass sostenibbli jitħallat ma’ kunsinni oħra tal-gass. Minn dan isegwi, għalhekk, li s-sempliċi impossibbiltà li tirriżulta mill-ordni kontenzjuża u mill-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tad-dispożizzjonijiet tal-2011 tal-Aġenzija tal-enerġija li jitwettaq bilanċ tal-massa fil-każ ta’ importazzjoni permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi tostakola, f’dan il-każ, li l-bijogass sostenibbli importat b’dan il-mod ikun eliġibbli sabiex jibbenefika mill-imsemmi vantaġġ fiskali.

82

Fir-rigward tal-possibbiltà li jintużaw għalhekk modi oħra ta’ trasport, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku li t-trasport permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi jikkostitwixxi, b’mod ġenerali u minħabba n-nefqa marbuta miegħu, l-uniku mod ta’ trasport transkonfinali verament kompetittiv għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

83

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-Aġenzija tal-enerġija tiddikjara li hija lesta li tirrikonoxxi n-natura sostenibbli tal-bijogass li jkun importat fl-Isvezja permezz tan-netwerks tal-gass interkonnessi, sakemm tali importazzjoni titwettaq fil-kuntest ta’ sistemi volontarji internazzjonali approvati mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija affermazzjoni tibqa’ estremament vaga. Fil-fatt, l-Aġenzija tal-enerġija bl-ebda mod ma pprovat tistabbilixxi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif is-sistemi approvati b’dan il-mod li għalihom tirreferi ser ikunu, b’mod konkret, ta’ natura li jippermettu lil E.ON Biofor twettaq taħlitiet ta’ bijogass sostenibbli f’tali netwerks b’osservanza tar-rekwiżiti proprji għas-sistema tal-bilanċ tal-massa. Barra minn hekk, u kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, E.ON Biofor sostniet, matul is-seduta, mingħajr ma kienet kontradetta fuq dan il-punt mill-Aġenzija tal-enerġija, li l-eventwali użu ta’ tali sistema volontarja approvata kien ser jikkawżalha spejjeż supplimentari.

84

Peress li b’hekk ġie kkonfermat l-ostakolu għall-kummerċ, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, u konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, jekk il-miżura nazzjonali li twassal għall-imsemmi ostakolu tistax xorta waħda tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi aċċettati, bħalma hija l-protezzjoni tal-ambjent, u jekk l-imsemmija miżura tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

85

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-bijogass, li fl-aħħar mill-aħħar il-promozzjoni tiegħu hija l-għan ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li jagħmel parti minnha l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tad-dispożizzjonijiet tal-2011 tal-Aġenzija tal-enerġija huwa, bħala prinċipju, utli għall-protezzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni hija intiża, b’estenzjoni tal-għanijiet segwiti f’dan ir-rigward mid-Direttiva 2009/28, u b’mod partikolari mill-Artikoli 17 u 18 tagħha, li tagħhom din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tiżgura l-implementazzjoni konkreta, li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jinsabu fost il-kawżi prinċipali tal-bidliet klimatiċi li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ntrabtu li jiġġieldu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-kriterji ta’ sostenibbiltà armonizzati fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 u li l-osservanza tagħhom miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bħala prinċipju intiża li tiżgura, il-premessa 65 ta’ din id-direttiva tenfasizza li l-imsemmija kriterji huma intiżi li jiżguraw li l-bijokarburanti użati sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti permezz tal-imsemmija direttiva jkunu verament sostenibbli.

87

Kif tenfasizza b’mod iktar ġenerali l-premessa 12 tad-Direttiva 2009/28, l-użu ta’ materja prodotta mill-agrikoltura bħad-demel u d-demel likwidu kif ukoll skart ieħor li joriġina mill-annimali jew skart organiku ieħor sabiex jiġi prodott il-bijogass joffri, fid-dawl tal-potenzjal qawwi li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, vantaġġi ambjentali kunsiderevoli, kemm fir-rigward tal-produzzjoni tas-sħana u tal-elettriku u kemm fir-rigward tal-produzzjoni ta’ bijokarburant.

88

F’dan ir-rigward, iż-żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jikkostitwixxi, kif tiddikjara b’mod partikolari l-premessa 1 tad-Direttiva 2009/28, wieħed mill-elementi importanti mill-pakkett ta’ miżuri meħtieġa sabiex jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet u sabiex ikun hemm konformità mal-Protokoll ta’ Kyoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla tal-klima, kif ukoll mal-impenji l-oħra meħuda fil-livell tal-Unjoni u fil-livell internazzjonali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-sena 2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata.

89

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat, tali żieda tikkonċerna wkoll il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u tal-annimali kif ukoll il-ħarsien tal-pjanti, li huma raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati juru li l-eċċezzjoni għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilita minnhom hija meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ikkonċernati u li din l-eċċezzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’hekk, meta jinvokaw raġuni sabiex jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija, l-imsemmija awtoritajiet għandhom juru b’mod konkret l-eżistenza ta’ raġuni ta’ interess ġenerali kif ukoll il-proporzjonalità ta’ din il-miżura fir-rigward tal-għan segwit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C‑14/02, EU:C:2003:265, punti 67 sa 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Aġenzija tal-enerġija naqset milli tistabbilixxi, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li miżura bħall-ordni kontenzjuża, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tad-dispożizzjonijiet tal-2011 ta’ din l-aġenzija, tissodisfa l-imsemmija rekwiżiti.

92

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmi Artikolu 3 jispeċifika li l-bilanċ tal-massa għandu jitwettaq “f’post iddefinit b’mod ċar” u li, meta adottat l-ordni kontenzjuża, l-Aġenzija tal-enerġija qieset li netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi bħal dawk li jorbtu lill-Ġermanja, lid-Danimarka u lill-Isvezja ma kinux jikkostitwixxu tali post iddefinit b’mod ċar.

93

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif ikkonfermat l-Aġenzija tal-enerġija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prassi interpretattiva ta’ din l-aġenzija tikkonsisti, għall-kuntrarju, f’li jitqies li, meta l-bijogass sostenibbli jiġi introdott fin-netwerk tal-gass nazzjonali Svediż, tali fatt ma jipprekludix li l-bilanċ tal-massa jitwettaq fir-rigward ta’ dan il-bijogass.

94

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Aġenzija tal-enerġija ma rnexxilhiex tispjega, b’mod oġġettiv, kif seta’ jitqies, minn naħa, li n-netwerk tal-gass nazzjonali Svediż li fih jiġu mħallta tipi differenti ta’ bijogass kien jikkostitwixxi “post iddefinit b’mod ċar”, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tad-dispożizzjonijiet tal-2011 tal-Aġenzija tal-enerġija, u, min-naħa l-oħra, li, meta jkunu involuti netwerks tal-gass ta’ Stati Membri oħra jew netwerks nazzjonali interkonnessi, tali netwerks nazzjonali kkunsidrati individwalment jew flimkien ma jkollhomx in-natura ta’ tali “post iddefinit b’mod ċar”.

95

Barra minn hekk, l-Aġenzija tal-enerġija sostniet ukoll, diversi drabi, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u kemm waqt is-seduta, li, meta l-bijogass sostenibbli importat permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi jkun importat taħt sistemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali approvati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28, l-imsemmija aġenzija ma tqajjimx oġġezzjonijiet sabiex tirrikonoxxi n-natura sostenibbli tal-bijogass importat b’dan il-mod minn Stati Membri oħra, u b’hekk donnha qiegħda tammetti li l-fatt li l-bijogass sostenibbli jkun imħallat f’tali netwerks ma jipprekludix li jitwettaq bilanċ tal-massa fir-rigward tat-taħlita mwettqa b’dan il-mod.

96

Fir-rigward tal-ispjegazzjoni, imressqa wkoll mill-Aġenzija tal-enerġija, sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tal-ordni kontenzjuża, dwar l-assenza ta’ awtorità Ewropea li tista’ teżerċita kontroll fuq iż-żona kkostitwita min-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li tali spjegazzjoni titbiegħed mill-bażi legali attribwita espliċitament mill-Aġenzija tal-enerġija lill-ordni kontenzjuża u bbażata fuq l-assenza ta’ “post iddefinit b’mod ċar”, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tad-dispożizzjonijiet tal-2011 ta’ din l-aġenzija.

97

It-tieni nett, u irrispettivament min-nuqqas ta’ konsistenza li għadu kemm ġie osservat, tali spjegazzjoni lanqas ma hija ta’ natura konvinċenti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu1a tal-Kapitolu 3 tal-Liġi Nru 598, huma l-operaturi ekonomiċi li jinvokaw in-natura sostenibbli tal-bijogass ikkummerċjalizzat minnhom li għandhom jiżguraw, b’mod partikolari permezz ta’ ftehimiet diretti u indiretti, konklużi mal-operaturi kollha fil-katina ta’ produzzjoni kollha, u permezz tal-implementazzjoni ta’ sistema ta’ verifika li min-naħa tagħha tkun ikkontrollata minn kontrollur indipendenti li r-rwol tiegħu jkun li jiżgura li l-imsemmija sistema ta’ verifika hija preċiża, affidabbli u mħarsa kontra l-frodi, li l-bijogass li fir-rigward tiegħu jitolbu vantaġġ fiskali effettivament jissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28.

98

Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 89 u 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidhirx, u l-Aġenzija tal-enerġija bl-ebda mod ma stabbilixxiet, li huwa impossibbli għaliha li tiżgura ruħha mis-sostenibbiltà tal-bijogass importat minn Stati Membri oħra permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi billi tirrikjedi lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati jipproduċu l-elementi meħtieġa f’dan ir-rigward mid-dritt nazzjonali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan id-dawl, l-informazzjoni u d-dokumenti li eventwalment joħorġu mis-sistema tal-bilanċ tal-massa implementata fl-Istati Membri minn fejn toriġina l-kunsinna ta’ bijogass sostenibbli kkonċernata u filwaqt li jiġi żgurat li l-imsemmija kunsinna, għall-finijiet tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2009/28, titqies li nħarġet darba biss mit-taħlita jew mit-taħlitiet, kif tirrikjedi s-sistema tal-bilanċ tal-massa stabbilita fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva.

99

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Aġenzija tal-enerġija ma stabbilixxietx li l-ordni kontenzjuża, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tad-dispożizzjonijiet tal-2011 ta’ din l-aġenzija, hija neċessarja sabiex tiżgura ruħha min-natura sostenibbli tal-bijogass importat minn Stati Membri oħra għall-finijiet tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2009/28, b’tali mod li tali miżura ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità u b’tali mod li, għalhekk, ma tistax tkun iġġustifikata.

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-qorti tar-rinviju għandha ssirilha l-osservazzjoni li l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ordni, bħall-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha awtorità nazzjonali jkollha l-intenzjoni teskludi li operatur ekonomiku jkun jista’ jimplementa sistema tal-bilanċ tal-massa, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, fir-rigward tal-bijogass sostenibbli ttrasportat f’netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni adottata minn din l-awtorità li tipprovdi li tali bilanċ tal-massa għandu jitwettaq “f’post iddefinit b’mod ċar”, meta fl-istess waqt l-imsemmija awtorità taċċetta, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, li sistema tal-bilanċ tal-massa tista’ tiġi implementata fir-rigward ta’ bijogass sostenibbli ttrasportat fin-netwerk tal-gass nazzjonali tal-Istat Membru ta’ din l-istess awtorità.

Fuq l-ispejjeż

101

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex intiż li joħloq, għall-Istati Membri, obbligu li jawtorizzaw l-importazzjonijiet, permezz tan-netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi tagħhom, ta’ bijogass li jissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva u li jkun intiż li jintuża bħala bijokarburant.

 

2)

L-eżami tat-tieni domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28.

 

3)

L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ordni, bħall-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha awtorità nazzjonali jkollha l-intenzjoni teskludi li operatur ekonomiku jkun jista’ jimplementa sistema tal-bilanċ tal-massa, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, fir-rigward tal-bijogass sostenibbli ttrasportat f’netwerks tal-gass nazzjonali interkonnessi, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni adottata minn din l-awtorità li tipprovdi li tali bilanċ tal-massa għandu jitwettaq “f’post iddefinit b’mod ċar”, meta fl-istess waqt l-imsemmija awtorità taċċetta, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, li sistema tal-bilanċ tal-massa tista’ tiġi implementata fir-rigward ta’ bijogass sostenibbli ttrasportat fin-netwerk tal-gass nazzjonali tal-Istat Membru ta’ din l-istess awtorità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Fuq