EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0154

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Lulju 2005.
The Queen, għat-talba ta' Alliance for Natural Health u Nutri-Link Ltd vs Secretary of State for Health (C-154/04) u The Queen, għat-talba ta' National Association of Health Stores u Health Food Manufacturers Ltd vs Secretary of State for Health u National Assembly for Wales (C-155/04).
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England and Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) - ir-Renju Unit.
Approssimazzjoni tal-liġijiet - Supplimenti ta' l-ikel - Direttiva 2002/46/KE -Projbizzjoni ta' kummerċ ta' prodotti li ma jikkonformawx mad-direttiva - Validità - Bażi legali - Artikolu 95 KE - Artikoli 28 KE u 30 KE - Regolament (KE) Nr 3285/94 - Prinċipji ta' sussidjarjetà, proporzjonalità u trattament ugwali - Dritt ta' proprjetà - Eżerċizzju liberu ta' attività ekonomika - Obbligu li jiġu indikati raġunijiet.
Każijiet Magħquda C-154/04 u C-155/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:449

62004J0154



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawżi magħquda C-154/04 u C-155/04

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) (Ir-Renju Unit), permezz tad-deċiżjonijiet tas-17 ta' Marzu 2004, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Marzu 2004, fil-proċeduri

The Queen, għat-talba ta':

Alliance for Natural Health (C-154/04),

Nutri-Link Ltd

vs

Secretary of State for Health

u

The Queen, għat-talba ta':

National Association of Health Stores (C-155/04),

Health Food Manufacturers Ltd

vs

Secretary of State for Health ,

National Assembly for Wales ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts (Relatur), Presidenti ta' Awla, C. Gulmann, A. La Pergola, J.P. Puissochet, R. Schintgen, J. Kluka, U. Lhmus, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-smigħ tas-seduta tal-25 ta' Jannar 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

- għall-Alliance for Natural Health u Nutri-Link Ltd, minn K. P. E. Lasok, QC, A. Howard u M. Patchett-Joyce, barristers ,

- għan-National Association of Health Stores u Health Food Manufacturers Ltd, minn R. Thompson, QC, u S. Grodzinski, barrister ,

- għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell, bħala aġent, assistit minn C. Lewis, barrister ,

- għall-Gvern Grieg, minn N. Dafniou u G. Karipsiadis, bħala aġenti,

- għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes, bħala aġent,

- għall-Parlament Ewropew, minn M. Moore u U. Rösslein, bħala aġenti,

- għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u E. Finnegan, bħala aġenti,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.P. Keppenne u M. Shotter, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' l-10 ta' Ġunju 2002, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar is-supplimenti ta' l-ikel (ĠU L 183, p. 51).

2. Dawn it-talbiet kienu ġew ippreżentati wara rikorsi mressqa, rispettivament, fl-10 ta' Ottubru 2003 min-National Association of Health Stores u Health Foods Manufacturers Ltd (C-155/04) u fit-13 ta' Ottubru 2003 mill-Alliance for Natural Health u Nutri-Link Ltd (C-154/04), bil-għan illi jiksbu awtorizzazzjoni biex jibdew proċeduri ta' stħarriġ ġudizzjarju ("judicial review") tal-Food Supplements (England) Regulations 2003 u tal-Food Supplements (Wales) Regulations 2003 (aktar 'il quddiem "Food Supplements Regulations"). Dawn iż-żewġ regolamenti jittrasponu d-Direttiva 2002/46 fid-dritt Ingliż.

Il-Kuntest Ġuridiku

3. Id-Direttiva 2002/46, adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95 KE, "tikkonċerna s-supplimenti ta' l-ikel mibjugħa bħala oġġetti ta' l-ikel u ppreżentati bħala tali", kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta' din id-direttiva.

4. Skond l-ewwel premessa ta' din id-direttiva, "[h]emm numru dejjem jikber ta' prodotti fis-suq tal-Komunità bħala ikel li jkun fih sorsi kkonċentrati ta' nutrijenti u preżentati biex isaħħu l-konsum ta' dawk in-nutrijenti iżjed mid-dieta normali".

5. Skond il-kliem tat-tieni premessa ta' l-istess direttiva:

"Dawk il-prodotti huma rregolati fl-Istati Membri b'regoli nazzjonali differenti li jistgħu ifixklu l-moviment liberu tagħhom, joħolqu kundizzjonijiet mhux ugwali ta' kompetizzjoni, u b'hekk ikollhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern. Għalhekk jinħtieġ li jiġu adottati r-regoli tal-Komunità dwar dawk il-prodotti offruti għal bejgħ bħala oġġetti ta' l-ikel".

6. Il-ħames premessa tad-Direttiva 2002/46 tiddikjara li, "[s]abiex jiġi assigurat livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi u mħaffa l-għażla tagħhom, il-prodotti li joħorġu fis-suq għandhom ikunu mingħajr periklu u għandhom ikollhom tikketti suffiċjenti u addattati."

7. Mis-sitt, is-seba' u t-tmien premessa jirriżulta li l-istess direttiva li, quddiem il-varjetà kbira ta' nutrijenti u ta' ingredjenti oħra li jistgħu jiffurmaw parti mis-supplimenti ta' l-ikel, jiġifieri, b'mod partikolari, il-vitamini, il-minerali, l-aċidi amino, l-aċidi grassi essenzjali, il-fibri u diversi pjanti u estratti veġetali, il-leġiżlatur komunitarju ta l-priorità lill-adozzjoni ta' miżuri li jikkonċernaw il-vitamini u l-minerali wżati bħala ingredjenti fil-kompożizzjoni tas-supplimenti ta' l-ikel. Huwa ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet l-oħra komunitarji għandhom jiġu adottati aktar 'il quddiem, meta tkun disponibbli informazzjoni xjentifika li tkun suffiċjenti u adegwata, fir-rigward ta' nutrijenti apparti l-vitamini u l-minerali kif ukoll għal sustanzi oħra li għandhom effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku wżati bħala ingredjenti fis-supplimenti ta' l-ikel, u li sakemm ma jiġux adottati dispożizzjonijiet komunitarji, ir-regoli nazzjonali relatati ma' dawn in-nutrijenti u sustanzi jistgħu jkomplu japplikaw b'osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

8. Id-disa', l-għaxar, il-ħdax u t-tnax-il premessa tad-Direttiva 2002/46 huma fformulati kif ġej:

"(9) Biss dawk il-vitamini u l-minerali li normalment huma misjuba fi, u kkunsmati bħala parti minn dieta, għandhom ikunu mħollijin li jkunu preżenti f'supplimenti ta' l-ikel, għalkemm dan ma jfissirx li l-preżenza tagħhom ġo fihom hija meħtieġa. Kontroversja li tista' tinqala' dwar l-identità ta' dawk in-nutrijenti għanda tiġi evitata. Huwa għalhekk f'loku li wieħed jistabbilixxi lista pożittiva ta' dawk il-vitamini u l-minerali.

(10) Hemm sensiela wiesgħa ta' preparazzjonijiet ta' vitamini u sustanzi minerali wżati fil-manifattura ta' supplimenti ta' l-ikel li bħalissa jinbiegħu f'xi Stati Membri li ma kienux evalwati mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel u għalhekk ma humiex inklużi fil-listi pożittivi. Dawn għandhom ikunu sottomessi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-evalwazzjoni urġenti, malajr kemm jista' jkun, malli l-fajls rilevanti jkunu ppreżentati mill-partijiet interessati.

(11) Is-sustanzi kimiċi użati bħala [sorsi] ta' vitamini u minerali fil-manifattura tas-supplimenti ta' l-ikel għandhom ikunu bla periklu u għandhom ikunu disponibbli biex jintużaw għall-ġisem [bijodisponibbiltà]. Għal din ir-raġuni, lista pożittiva ta' dawk is-sustanzi għanda tkun stabbilita. Tali sustanzi li jkunu approvati mill-Kunsill Xjentifiku dwar l-Ikel, fuq bażi tal-kriterji msemmija, għall-użu fil-manifattura ta' l-ikel intiż għat-trabi u t-tfal żgħar u ikel ieħor għal użu nutrizzjonali partikulari jistgħu jintużaw ukoll fil-manifattura tas-supplimenti ta' l-ikel

(12) Sabiex ma jintilifx il-pass ma' żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, huwa importanti li l-listi jiġu rriveduti malajr, meta jkun hemm bżonn. Reviżjonijiet bħal dawn ikunu qed jimplementaw miżuri ta' natura teknika, u l-adozzjoni tagħhom għandha tkun fdata lill-Kummissjoni biex tissimplifika u tħaffef il-proċedura".

9. Għall-iskopijiet tad-Direttiva 2002/46, "supplimenti ta' l-ikel" għandha tfisser, skond l-Artikolu 2(a) ta' din id-Direttiva, "oġġetti ta' l-ikel li l-għan tagħhom huwa li jissupplementaw id-dieta normali u [s-sorsi] kkonċentrati ta' nutrijenti jew sustanzi oħrajn b'effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, waħedhom jew f'għaqdiet, mibjugħa b'dożi, jiġifieri, taħt forom bħal kapsuli, pastillji, pirmli, pilloli u forom oħra bħalhom, borżetti tat-[trab], ampulli ta' likwidi, flixken tal-qtar, u forom oħra ta' likwidi u [trab], intiżi li jkunu meħudin fi kwantitajiet ta' miżura żgħira".

10. Skond l-Artikolu 2(b) ta' l-istess direttiva, "nutrijenti" tfisser il-vitamini u l-minerali.

11. Skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/46, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li s-supplimenti ta' l-ikel ikunu biss jistgħu jiġu mibjugħa fil-Komunità jekk huma jkunu konformi mar-regoli ta' din id-direttiva.

12. L-Artikolu 4 ta' l-istess direttiva jipprovdi li:

"1. Dawk il-vitamini u l-minerali elenkati f'Anness I, fil-forom elenkati f'Anness II biss jistgħu jintużaw għall-manifattura tas-supplimenti ta' l-ikel, suġġetti għall-paragrafu 6.

[...]

5. Modifiki għal-listi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 13(2).

6. B'deroga mill-paragrafu 1 u sal-31 ta' Diċembru 2009, l-Istati Membri jistgħu jippermettu fit-territorju tagħhom l-użu ta' vitamini u minerali mhux elenkati f'Anness I, jew ġo formoli mhux elenkati f'Anness II, bil-kundizzjoni li:

a) Is-sustanza f'dak il-każ tkun użata f'supplimenti, wieħed jew aktar, ta' l-ikel kummerċjalizzati fil-Komunità fid-data tad-dħul b'effett ta' din id-Direttiva,

b) L-Awtorita Ewropea għas-Sigurtà [fl]-Ikel ma tgħatx opinjoni mhux favorevoli fir-rigward ta' l-użu ta' dik is-sostanza, jew ta' l-użu tagħha f'dik il-forma, fil-manifattura ta' suppliment ta' l-ikel, fuq il-bażi li dossier [fajl] li jsostni l-użu tas-sostanza f'dan il-każ għandu jkun ippreżentat lill-Kummissjoni mill-Istat Membru mhux aktar tard mit-12 ta' Lulju 2005.

7. Minkejja l-paragrafu 6, l-Istati Membri jistgħu, b'konformità mar-regoli tat-Trattat, ikomplu japplikaw ir-restrizzjoniet nazzjonali eżistenti jew il-projbizzjoniet fuq il-kummerċ fis-supplimenti ta' l-ikel li jkollhom vitamini u minerali mhux inklużi fil-lista f'Anness I jew fil-forom mhux elenkati f'Anness II.

[...]"

13. L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/46 jipprovdi li:

"1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(7), l-Istati Membri ma għandhomx, minħabba l-kompożizzjoni, l-ispeċifikazzjoniet ta' manifattura, il-preżentazzjoni jew l-ittikkettjar tagħhom, jipprojbixxu jew jillimitaw il-kummerċ fil-prodotti msemmija f'Artikolu 1 li jkunu konformi ma' din id-Direttiva u, fejn xieraq, mal-atti Komunitarji adottati fl-implementazzjoni ta' din id-Direttiva.

2. Mingħajr preġudizzju għat-Trattat [KE], partikularment l-Artikoli 28 u 30 tiegħu, il-paragrafu 1 m'għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma applikabbli fl-assenza ta' l-atti Komunitarji adottati taħt din id-Direttiva."

14. L-Artikolu 13 ta' l-istess direttiva jgħid is-segwenti:

"1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 178/2002[8] (minn hawn 'il quddiem msejjaħ 'Il-Kumitat').

2. Meta referenza hija magħmula għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE japplikaw, wara li jkunu ġew meqjusa d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit f'Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabblit għal tlett xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura."

15. L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/46 jipprovdi li:

"Id-dispożizzjonijiet li jistgħu jkollhom xi effett fuq is-saħħa pubblika għandhom ikunu adottati wara konsultazzjoni mal-Awtorità tas-Sigurtà fl-Ikel."

16. L-Artikolu 15 ta' l-imsemmija direttiva jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Lulju 2003. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni.

Dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi għandhom ikunu applikati b'tali mod li:

a) jippermettu kummerċ fi prodotti li jkunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta' Awwissu 2003;

b) jipprojbixxu kummerċ fi prodotti li ma jkunux konformi mad-Direttiva, mhux aktar tard mill-1 ta' Awwissu 2005.

[...]"

17. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 16 tagħha, id-Direttiva 2002/46 daħlet fis-seħħ fit-12 ta' Lulju 2002, jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej .

18. Id-Direttiva 2002/46 tinkludi żewġ annessi li jistabbilixxu, rispettivament, il-listi relatati mal-"[v]itamini u minerali li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta' supplimenti ta' l-ikel" u mas-"[s]ustanzi vitaminiċi u minerali li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta' supplimenti ta' l-ikel" (aktar 'il quddiem il-"listi pożittivi").

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19. Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fil-kawża C-154/04 huma, min-naħa, assoċjazzjoni Ewropea li tiġbor manifatturi, negozjanti bl-ingrossa, distributuri, bejjiegħa bl-imnut u konsumaturi ta' supplimenti ta' l-ikel u, min-naħa l-oħra, distributur u bejjiegħ bl-imnut żgħir li jispeċjalizza fil-kummerċjalizzazzjoni ta' supplimenti ta' l-ikel fir-Renju Unit.

20. Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fil-kawża C-155/04 huma żewġ assoċjazzjonijiet kummerċjali li jirrappreżentaw madwar 580 kumpannija, il-biċċa l-kbira tagħhom ta' daqs żgħir, li jiddistribwixxu prodotti djetetiċi fir-Renju Unit.

21. Ir-rikorrenti kollha fil-kawża prinċipali jsostnu li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46, li l-Food Supplements Regulations ittrasponiet fid-dritt intern u li jipprojbixxu, mill-1 ta' Awwissu 2005, il-kummerċjalizzazzjoni ta' supplimenti ta' l-ikel li mhumiex konformi ma' l-imsemmija direttiva, huma inkompatibbli mad-dritt komunitarju, u konsegwentement għandhom jiġu ddikjarati invalidi.

22. Il-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court), ikkonċediet l-awtorizzazzjonijiet biex jinbdew il-proċeduri għal stħarriġ ġudizzjarju u ddeċidiet li tissospendi il-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fi kliem identiku għaż-żewġ kawżi preżenti, id-domanda preliminari segwenti:

"L-Artikoli 3, 4(1) u 15(b) tad-Direttiva 200[2]/46/KE huma invalidi minħabba:

a) il-karattru inadegwat ta' l-Artikolu 95 KE bħali bażi legali;

b) ksur ta' (i) l-Artikoli 28 KE u 30 KE u/jew (ii) ta' l-Artikoli 1(2) u 24(2)(a) tar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 3285/94, tat-22 ta' Diċembru 1994, dwar is-sistema komuni applikabbli għall-importazzjonijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 518/94 (ĠU L 349, p. 53)];

c) ksur tal-prinċipju ta' sussidjarjetà;

d) ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità;

e) ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali;

f) ksur ta' l-Artikolu 6(2) [UE], fid-dawl ta' l-Artikolu 8 u l-Artikolu 1 ta' l-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll tad-dritt fundamentali ta' proprjetà u/jew tad-dritt għall-eżerċizzju ta' attività ekonomika;

g) ksur ta' l-Artikolu 253 KE u/jew ta' l-obbligu li jingħataw raġunijiet?"

23. Permezz ta' digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Mejju 2004, it-talbiet tal-qorti tar-rinviju li dawn il-kawżi jiġu sottomessi għall-proċedura mħaffa prevista fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 104 a tar-Regoli tal-Proċedura ġew miċħuda. Permezz ta' dan l-istess digriet, il-kawżi C-154/04 u C-155/04 ġew magħquda għall-iskopijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domanda preliminari

Fuq id-domanda (a)

24. Permezz tad-domanda (a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u is-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 humiex invalidi minħabba li l-Artikolu 95 KE ma jagħtihomx bażi legali adegwata.

25. Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fil-kawża C-154/04 isostnu li l-projbizzjoni li tirriżulta mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46 ma tikkontribwixxix għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' twaqqif u funzjoni tas-suq intern. Huma jżidu jgħidu li, kemm-il darba r-raġuni għal din il-projbizzjoni hija waħda ta' saħħa pubblika, ir-rikors għall-Artikolu 95 KE jikkostitwixxi użu ħażin ta' poter minħabba li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 152(4)(c) KE, il-Komunità m'għandhiex kompetenza sabiex tarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem.

26. Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fil-kawża C-155/04 jallegaw, min-naħa, li l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 imorru kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan il-Komunità, prinċipju li l-leġiżlatur komunitarju għandu jikkonforma miegħu meta jeżerċita il-kompetenzi tiegħu taħt l-Artikolu 95 KE (ara s-sentenza tad-9 ta' Awwissu 1994, Meyhui, C-51/93, Ġabra p. I-3879, punti 10 u 11). Huma jsostnu, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet iġibu magħhom restrizzjonijiet diretti u immedjati fuq il-kummerċ ma' Stati terzi u li għalhekk huma kellhom jiġu adottati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 133 KE.

27. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 95(1) KE, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, meta jsegwi l-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 KE, u wara li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, jiddetermina l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom bħala għan it-twaqqif u l-funzjoni tas-suq intern.

28. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk is-sempliċi konstatazzjoni ta' disparità bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika r-rikors għall-Artikolu 95 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punt 84), għall-kuntrarju, huwa differenti fil-każ li d-diverġenzi bejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ta' l-Istati Membri huma tali li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u b'hekk ikollhom effett dirett fuq il-funzjoni tas-suq intern [sentenzi ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Arnold André, C-434/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30, u Swedish Match, C-210/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 95, u s-sentenza ta' l-10 ta' Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p. I-11453, punt 60].

29. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti jirriżulta wkoll li, jekk ir-rikors għall-Artikolu 95 KE bħala bażi legali huwa possibbli sabiex jimpedixxi ostakoli għall-kummerċ fil-futur li jirriżultaw mill-iżvilupp eteroġeneu tal-liġijiet nazzjonali, l-eżistenza ta' tali ostakoli għandha tkun probabbli u l-miżuri in kwistjoni għandhom ikollhom l-għan li jimpedixxu dawn l-ostakoli [sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Arnold André, punt 31, u Swedish Match, punt 30; ara wkoll f'dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta' Lulju 1995, Spanja vs Il-Kunsill, C-350/92, Ġabra p. I-1985, punt 35; Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 86; tad-9 ta' Ottubru 2001, L-Olanda vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-377/98, Ġabra p. I-7079, punt 15, kif ukoll British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 61].

30. Barra minn hekk, il-Qorti tat sentenzi fejn sostniet li hekk kif il-kundizzjonijiet tar-rikors għall-Artikolu 95 KE bħala bażi legali jiġu sodisfatti, il-leġiżlatur komunitarju jkun jista' jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali b'mod illi l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tkun determinanti fl-għazla ta' x'għandu jsir [sentenzi ċċitati aktar 'il fuq British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, punt 62; Arnold Arné, punt 32, u Swedish Match, punt 31].

31. F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 152(1) KE jistabbilixxi li livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa assigurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet kollha tal-Komunità u li l-Artikolu 95(3) KE jirrikjedi b'mod espliċitu li, ma' l-armonizzazzjoni, għandu jiġi ggarantit livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-persuni [sentenzi ċċitati aktar 'il fuq British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, punt 62; Arnold André, punt 33, u Swedish Match, punt 32].

32. Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li, meta jeżistu ostakoli għall-kummerċ, jew jekk huwa probabbli li jkun hemm tali ostakoli fil-futur, għar-raġuni li l-Istati Membri ħadu, jew ser jieħdu, fir-rigward ta' prodott jew ta' kategorija ta' prodotti, miżuri diverġenti li jassiguraw livell ta' protezzjoni differenti u li minħabba dan jostakolaw lill-prodott jew prodotti kkonċernati milli jiċċirkulaw liberament fil-Komunità, l-Artikolu 95 KE jawtorizza lil-leġiżlatur komunitarju jistabbilixxi miżuri adegwati b'osservanza, min-naħa, tal-paragrafu 3 ta' l-imsemmi Artikolu u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat jew li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, b'mod partikolari, tal-prinċipju ta' proporzjonalità (sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Arnold André, punt 34, u Swedish Match, punt 33).

33. Skond iċ-ċirkustanzi, dawn il-miżuri adegwati jistgħu jikkonsistu f'obbligu fuq l-Istati Membri kollha li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott jew prodotti kkonċernati, li jissuġġettaw tali obbligu ta' awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet, intiżi sabiex jipprojbixxu, provviżorjament jew definittivament, il-kummerċjalizzazzjoni ta' wieħed jew ta' ċerti prodotti (sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Arnold André, punt 35, u Swedish Match, punt 34).

34. Huwa fid-dawl ta' dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet tar-rikors għall-Artikolu 95 KE bħala bażi legali humiex sodisfatti fil-każ tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati mid-domanda magħmula.

35. Skond l-indikazzjonijiet illi jidhru fit-tieni premessa tad-Direttiva 2003/46, qabel l-adozzjoni tagħha, is-supplimenti ta' l-ikel kienu suġġetti għal regoli nazzjonali differenti, li jistgħu jostakolaw il-moviment liberu tagħhom u li għandhom effett dirett fuq il-funzjoni tas-suq intern f'dan il-qasam.

36. Kif enfasizzaw il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fis-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub, dawn l-indikazzjonijiet huma korroborati mill-fatt li qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/46, il-Qorti kienet tiġi mitluba tieħu konjizzjoni ta' ħafna kawżi li kellhom x'jaqsmu ma' sitwazzjonijiet li fihom in-negozjanti kienu jiltaqgħu ma' ostakoli fil-kummerċjalizzazzjoni, fi Stat Membru apparti dak fejn huma stabbiliti, ta' supplimenti ta' l-ikel legalment ikkummerċjalizzati f'dan l-aħħar Stat.

37. Barra minn hekk, fil-punt 1 tad-dikjarazzjoni tal-motivi tal-proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar is-supplimenti ta' l-ikel, KUMM(2000) 222 finali, ippreżentata mill-Kummissjoni fl-10 ta' Mejju 2000 (ĠU C 311 E, p. 207), hemm indikat, kif irrilevaw il-Gvern Grieg kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub, li, qabel il-preżentazzjoni ta' din il-proposta, is-servizzi tal-Kummissjoni kienu irċevew "numru kunsiderevoli ta' lmenti minn negozjanti" minħabba diverġenzi fir-regoli nazzjonali li "l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ma kinitx biżżejjed sabiex dawn jintgħelbu".

38. F'dawn iċ-ċirkustanzi, intervent mil-leġiżlatur komunitarju bbażat fuq l-Artikolu 95 KE huwa ġġustifikat safejn dan jikkonċerna s-supplimenti ta' l-ikel.

39. Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46, li minnhom tirriżulta projbizzjoni, li tibda tapplika mhux aktar tard mill-1 ta' Awwissu 2005, li jiġu kkummerċjalizzati supplimenti ta' l-ikel li mhumiex konformi ma' l-imsemmija direttiva, jistgħu jiġu adottati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95 KE.

40. Għal dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 30 u 31 ta' din is-sentenza, il-fatt li kunsiderazzjonijiet dwar is-saħħa tal-bniedem ġew inklużi fid-definizzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet ma jfissirx li l-analiżi preċedenti hija invalida.

41. Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fil-kawża C-155/04, ibbażat fuq in-neċessità li l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 ikunu bbażati fuq l-Artikolu 133 KE, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jaffettwaw, b'mod sekondarju, il-kummerċ internazzjonali tas-supplimenti ta' l-ikel, ma jippermettix li jiġi kkontestat b'mod validu l-fatt li l-ewwel għan tagħhom huwa li jikkontribwixxu għat-tneħħija tad-diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistgħu jaffettwaw il-funzjoni tas-suq intern f'dan il-qasam [ara, f'dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 96].

42. Konsegwentement, l-Artikolu 95 KE jikkostitwixxi l-unika bażi legali adegwata għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46.

43. Isegwi, li dawn id-dispożizzjoni mhumiex invalidi għar-raġuni ta' nuqqas ta' bażi legali adegwata.

Fuq id-domanda (b)

44. Permezz tad-domanda (b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 humiex invalidi minħabba ksur ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE u/jew ksur ta' l-Artikoli 1(2) u 24(2)(a) tar-Regolament Nru 3285/94.

45. F'dawn iż-żewġ kawżi, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali jallegaw li l-projbizzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet indikati fid-domanda magħmula tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-kummerċ intrakomunitarju u internazzjonali tas-supplimenti ta' l-ikel li sal-lum jinsabu fiċ-ċirkulazzjoni legalment.

46. Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fil-kawża C-155/04 iżidu jgħidu li la l-Artikolu 30 KE u lanqas l-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Nru 3285/94 ma jistgħu jiġġustifikaw l-introduzzjoni f'daqqa ta' restrizzjoni fuq il-kummerċ ta' prodotti li qatt qabel ma kien hemm dubju dwar is-sigurtà tagħhom.

Għal dak li jikkonċerna l-Artikoli 28 KE et 30 KE

47. Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi u ta' miżuri li għandhom effett ekwivalenti, prevista fl-Artikolu 28 KE, ma tapplikax biss għall-miżuri nazzjonali, iżda wkoll għall-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet komunitarji (ara s-sentenzi tas-17 ta' Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 15; Meyhui, iċċitata aktar 'il fuq, punt 11; tal-25 ta' Ġunju 1997, Kieffer u Thill, C-114/96, Ġabra p. I-3629, punt 27, u Arnold André, iċċitata aktar 'il fuq, punt 57).

48. Madankollu, kif previst fl-Artikolu 30 KE, l-Artikolu 28 KE ma jeskludix projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet iġġustifikati, b'mod partikolari, għal raġunijiet ta' protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Arnold André, punt 58, u Swedish Match, punt 60).

49. Id-dispożizzjonijiet kollha ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 jikkostitwixxu restrizzjoni skond l-Artikolu 28 KE. Fil-fatt, billi jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni, fil-Komunità, ta' vitamini, minerali jew sustanzi vitaminiċi jew minerali li mhumiex fil-listi pożittivi, dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw il-moviment liberu tas-supplimenti ta' l-ikel ġewwa l-Komunità.

50. Kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn diversi premessi tad-Direttiva 2002/46, b'mod partikolari mill-ħames, mid-disa', mill-għaxar u mill-ħdax-il waħda, jirriżulta li l-motivi mogħtija mil-leġiżlatur komunitarju għal din il-miżura ta' projbizzjoni huma marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

51. Għandu jiġi wkoll ivverifikat jekk l-imsemmija miżura hijiex neċessarja u proporzjonata fir-rigward ta' l-għan ta' protezzjoni tas-saħħa tal-persuni.

52. Fir-rigward ta' l-istħarriġ ġudizzjarju ta' dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi rikonoxxut li l-leġiżlatur komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f'qasam bħal dak tal-każ in eżami, li tinvolvi, min-naħa tiegħu, għażliet ta' natura politika, ekonomika u soċjali, u li fiha huwa msejjaħ jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta' miżura stabbilita f'dan il-qasam, meta mqabbla ma' l-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom intenzjoni jilħqu, li tista' taffettwa l-legalità ta' tali miżura [ara s-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 123].

53. F'dawn iż-żewġ kawżi, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali jsostnu li l-miżura ta' projbizzjoni in kwistjoni mhijiex neċessarja u lanqas proporzjonata fir-rigward ta' l-għan allegat.

54. L-ewwel nett, huma jikkontestaw in-neċessità ta' din il-miżura ta' projbizzjoni. Huma jsostnu li għal dan il-għan l-Artikoli 4(7) u 11(2) tad-Direttiva 2002/46 jirrikonoxxu l-possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-kummerċ tas-supplimenti ta' l-ikel li mhumiex konformi ma' l-imsemmija direttiva. Fil-fehma tagħhom, miżura komunitarja ta' projbizzjoni hija, għaldaqstant, superfluwa.

55. Fir-rigward ta' l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2002/46 għandu mill-bidunett jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kliem stess ta' din id-dispożizzjoni u mill-istorja tal-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni ta' din id-direttiva, l-imsemmija dispożizzjoni hija intrinsikament marbuta ma' l-Artikolu 4(6) ta' l-istess direttiva, u dan ikkonfermawh il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-seduta.

56. Isegwi li, il-fakultà ta' l-Istati Membri, rikonoxxuta fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2002/46, li jkomplu japplikaw, b'osservanza tar-regoli tat-Trattat, ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet nazzjonali eżistenti fir-rigward tal-kummerċ fis-supplimenti ta' l-ikel li fihom vitamini, minerali jew sustanzi vitaminiċi jew minerali li mhumiex fuq il-listi pożittivi mhijiex ħlief korollarju tal-possibbiltà għal Stat Membru li, bis-saħħa tal-paragrafu 6 ta' l-istess Artikolu 4, jawtorizza l-użu ta' tali komponenti fuq it-territorju tiegħu taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-dispożizzjoni sal-31 ta' Diċembru 2009.

57. Kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan ta' l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2002/46 jikkonsisti unikament f'li jipprovdi li l-Istati Membri apparti dawk li jawtorizzaw l-użu fit-territorju tagħhom, fil-limiti u b'osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 6 ta' l-istess Artikolu 4, ta' vitamini, ta' minerali jew ta' sustanzi vitaminiċi jew minerali mhux inklużi fil-listi pożittivi fil-manifattura ta' supplimenti ta' l-ikel, mhumiex obbligati li jawtorizzaw l-importazzjoni, fit-territorju tagħhom, ta' supplimenti ta' l-ikel li fihom tali ingredjenti.

58. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali bbażat fuq l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2002/46 ma jwassalx għal konklużjoni li l-miżura ta' projbizzjoni in kwistjoni mhijiex neċessarja.

59. Fir-rigward ta' l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2002/46, mill-qari ta' din id-dispożizzjoni flimkien mat-tmien premessa ta' l-istess direttiva jirriżulta li l-għan ta' l-imsemmija dispożizzjoni hija li tippriżerva, sakemm tiġi adottata leġiżlazzjoni komunitarja speċifika, l-applikazzjoni, b'osservanza tat-Trattat, tar-regoli nazzjonali relatati man-nutrijenti apparti l-vitamini u l-minerali, jew ma' sustanzi oħra li għandhom effetti nutrizzjonali jew fiżjoloġiċi, użati bħala ingredjenti fis-supplimenti ta' l-ikel.

60. L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2002/46 isemmi biss is-supplimenti ta' l-ikel li fihom nutrijenti jew sustanz i li ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni materjali ta' din id-direttiva. Konsegwentement, mhuwa ta' ebda rilevanza sabiex tiġi evalwata n-natura neċessarja tal-miżura ta' projbizzjoni fl-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46.

61. It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali jallegaw li din il-miżura ta' projbizzjoni mhijiex ta' natura proporzjonata.

62. F'dan ir-rigward huma jsostnu li l-kontenut tal-listi pożittivi huwa insuffiċjenti. Fil-fehma tagħhom, dan huwa minħabba l-fatt li l-lista tas-sustanzi fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46 ġiet stabbilita fuq il-bażi ta' lista intiża sabiex tidentifika l-ingredjenti awtorizzati għall-manifattura ta' ikel għal użu nutrizzjonali partikolari, u mhux fuq kriterji ta' nuqqas ta' periklu u ta' bijodisponibbiltà kif iddikjarati fil-ħdax-il premessa ta' din id-direttiva. Minn dan isegwi li l-miżura ta' projbizzjoni tolqot numru kbir ta' elementi nutrittivi li huma adattati għal dieta normali u huma attwalment immanifatturati u kkummerċjalizzati f'ċerti Stati Membri, u li sal-ġurnata tal-lum m'hemmx x'juri li huma ta' periklu għas-saħħa tal-persuni. Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva tipprojbixxi, b'mod inġust u mhux proporzjonat, il-vitamini u l-minerali ta' oriġini naturali, meta dawn kienu jkunu normalment preżenti fid-dieta normali u l-ġisem tal-bniedem jiflaħ aktar għalihom milli għall-vitamini u minerali ta' sors li mhuwiex naturali.

63. F'dan ir-rigward għandu jiġi mill-bidunett irrilevat li qari sħiħ tad-diversi premessi tad-Direttiva 2002/46 jindika li dawn jikkonċernaw is-supplimenti ta' l-ikel li fihom vitamini u/jew minerali li jsiru permezz ta' proċess ta' manifattura bbażat fuq l-użu ta' "sustanzi kimiċi" (il-ħdax-il premessa), u mhux is-supplimenti ta' l-ikel li fil-kompożizzjoni tagħhom għandhom ingredjenti bħal "[l-]aċidi amino, [l-]aċidi grassi essenzjali, fibri u pjanti varji u estratti erbali [veġetali]" (is-sitt premessa), li l-kundizzjonijiet ta' użu tagħhom jirriżultaw konsegwentement, "sakemm regoli ristretti għall-Komunità jkunu adottati", mir-rikors "[għar-]regoli nazzjonali" "mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat" (it-tmien premessa).

64. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-kontenut tal-listi pożittivi jikkorrispondi, kif osservaw ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fil-kawża C-155/04, għal-lista tas-sustanzi kklassifikati taħt il-kategoriji "vitamini" u "minerali" fl-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/15/KE, tal-15 ta' Frar 2001, dwar sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda għal skopijiet nutrittivi speċifiċi fl-ikel għal tipi ta' użu nutrittivi partikolari (ĠU L 52, p. 19).

65. Kif ġie ddikjarat fir-raba' premessa tad-Direttiva 2001/15, meta ntgħażlu s-sustanzi identifikati fl-anness tagħha ttieħdu in kunsiderazzjoni l-kriterji ta' nuqqas ta' periklu u ta' bijodisponibbiltà, indikati fil-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2002/46.

66. Kif jirriżulta minn qari sħiħ ta' l-għaxar u l-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2002/46, il-fatt li ċertu numru ta' sustanzi kimiċi li jiffurmaw parti mill-kompożizzjoni tas-supplimenti ta' l-ikel ikkummerċjalizzati f'ċerti Stati Membri mhumiex attwalment rikonoxxuti fuq skala Ewropea jista' jiġi spjegat bil-fatt li, sa dakinhar ta' l-adozzjoni ta' l-imsemmija direttiva, ma kinitx għadha saret evalwazzjoni tas-sustanzi in kwistjoni fil-kawżi prinċipali li tat riżultat pożittiv, fir-rigward tal-kriterji ta' nuqqas ta' periklu u bijodisponibbiltà, mill-awtoritajiet xjentifiċi Ewropej kompetenti.

67. L-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fis-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub fir-rigward ta' ċerti sustanzi vitaminiċi jew minerali li mhumiex fil-lista pożittiva fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46 mhumiex tali li joħolqu dubju fuq il-fondatezza ta' din l-ispjegazzjoni. Fil-fatt, jirriżulta li, dakinhar ta' l-adozzjoni ta' l-imsemmija direttiva, ma kinitx għadha saret evalwazzjoni ta' dawn is-sustanzi mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-ikel għall-Bniedem jew li, għall-inqas, dan il-kumitat kien kompla jkollu dubji serji, minħabba nuqqas ta' informazzjoni xjentifika suffiċjenti u adegwata, dwar in-nuqqas ta' periklu tagħhom u/jew dwar il-bijodisponibbiltà tagħhom.

68. F'dawn iċ-ċirkostanzi, u fir-rigward tan-neċessità li l-leġiżlatur komunitarju jieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipju ta' prekawzjoni meta jadotta, fil-kuntest tal-politika tas-suq komuni, miżuri intiżi sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta' Mejju 1998, National Farmers' Union et ., C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 64, u Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-180/96, Ġabra p. I-2265, punt 100, u tat-2 ta' Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-41/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45), l-awturi tad-Direttiva 2002/46 setgħu raġonevolment jikkunsidraw li l-aħjar mod biex jirrikonċiljaw l-għan tas-suq intern, min-naħa, u dak tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, min-naħa l-oħra, kien billi jirriżervaw il-benefiċċju tal-moviment liberu għas-supplimenti ta' l-ikel li fihom sustanzi li, dakinhar ta' l-adozzjoni tad-direttiva, l-awtoritajiet xjentifiċi Ewropej kellhom informazzjoni suffiċjenti u adegwata dwarhom sabiex ikunu jistgħu jiffurmaw opinjoni favorevoli min-naħa tagħhom, filwaqt illi jipprovdu għall-possibbiltà, fl-Artikolu 4(5) ta' din id-direttiva, li ssir modifika tal-kontenut tal-listi pożittivi skond l-iżvilupp tax-xjenzi u tat-teknoloġiji.

69. F'dan ir-rigward għandu ukoll jiġi rrilevat li, konformement ma' l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta' Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (ĠU L 31, p. 1), il-leġiżlatur komunitarju jista' jadotta miżuri provviżorji ta' maniġġjar ta' riskju li huma neċessarji sabiex jiġi assigurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u sakemm ikun hemm aktar informazzjoni xjentifika għal evalwazzjoni aktar kompluta tar-riskju, kif indikat fl-għaxar premessa tad-Direttiva 2002/46.

70. Kuntrarjament għal dak illi jsostnu r-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fil-kawża C-154/04, sistema ta' lista negattiva, li tillimita l-kamp ta' applikazzjoni ta' projbizzjoni għas-sustanzi identifikati f'din il-lista biss, tista' ma tkunx biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, ir-rikors fil-każ in eżami għal tali sistema jista' jfisser li, aktar ma ddum ma titniżżel fuq din il-lista, sustanza tista' liberament tintuża għall-manifattura ta' supplimenti ta' l-ikel anke jekk, per eżempju minħabba li hija ġdida, ma kinitx saret evalwazzjoni xjentifika fuqha sabiex jiġi ggarantit li hija ma tippreżenta ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem.

71. Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali jsostnu li l-proċeduri fl-Artikolu 4(5) u (6) tad-Direttiva 2002/46 mhumiex trasparenti, għar-raġuni li l-kriterji applikati mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel, fl-eżami tal-fajls intiżi sabiex jiksbu l-awtorizzazzjoni biex tkun tista' tintuża sustanza li mhijiex inkluża fil-listi pożittivi, mhumiex preċiżi. L-imsemmija proċeduri jirrappreżentaw ukoll restrizzjonijiet finanzjarji u amministrattivi partikolarment iebsa.

72. F'dan ir-rigward, miżura li, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, tinkludi l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li fihom sustanzi li mhumiex fil-listi pożittivi definiti fil-leġiżlazzjoni applikabbli għandha tkun suġġetta għal proċedura intiża sabiex tippermetti ż-żieda ta' sustanza fuq dawn il-listi, li tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju b'mod partikolari mal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u ta' ċertezza legali.

73. Tali proċedura għandha tkun aċċessibbli, fis-sens li hija għandha tkun imsemmija espressament fl-att prinċipali li jinkariga lill-awtoritajiet ikkonċernati. Hija għandha tkun kompluta f'termini raġonevoli. L-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jirrifjutaw talba intiża sabiex sustanza tiġi inkluża fil-lista tas-sustanzi ħlief fuq il-bażi ta' evalwazzjoni dettaljata tar-riskju li l-użu tas-sustanza jirrappreżenta għas-saħħa pubblika, skond informazzjoni xjentifika disponibbli li wieħed jista' joqgħod fuqha u r-riżultati l-aktar reċenti tar-riċerka internazzjonali. Jekk il-proċedura tirriżulta f'rifjut, għandu jkun hemm dritt ta' appell (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-5 ta' Frar 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-24/00, Ġabra p. I-1277, punti 26, 27 u 36, kif ukoll Greenham u Abel, C-95/01, Ġabra p. I-1333, punti 35, 36 u 50).

74. Fil-kuntest tad-Direttiva 2002/46, il-proċedura li għaliha hija suġġetta l-miżura ta' projbizzjoni in kwistjoni, bil-għan li jiġu miżjuda vitamini, minerali jew sustanzi vitaminiċi jew minerali fil-listi pożittivi, hija stabbilita fl-Artikolu 4(5) ta' din id-direttiva, li tikkonċerna l-modifiki ta' l-imsemmija listi.

75. Minn dan isegwi li, sabiex tiġi evalwata l-validità tal-miżura ta' projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46, l-eżami tal-Qorti għandu jkun biss dwar il-legalità ta' proċedura stabbilita fl-Artikolu 4(5) ta' din id-direttiva. Eżami tal-validità tal-proċedura prevista fil-paragrafu 6 ta' l-istess Artikolu 4, li hija intiża sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni temporanja applikabbli fuq livell nazzjonali u li għalhekk għandha għan li huwa differenti minn dak tal-proċedura prevista fl-imsemmi Artikolu 4(5), jaqa' barra mill-kuntest ta' analiżi inerenti fil-kawżi preżenti.

76. L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/46 jirriferi għall-Artikolu 3(2) ta' l-istess direttiva, li fl-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi li, "[m]eta referenza hija magħmula għal dan il-paragrafu, Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE japplikaw, wara li jkunu ġew meqjusa d-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 8 tagħha".

77. Kif indikat fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 2002/46, ir-referenza għal proċedura prevista fl-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta' Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta'l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23), tirrispondi għall-problema dwar jekk jistax isir rikors, meta huwa neċessarju li ssir reviżjoni tal-listi pożittivi skond l-iżvilupp tax-xjenzi u tat-teknoloġiji, għal proċedura ssimplifikata u mgħaġġla taħt il-forma ta' miżuri ta' applikazzjoni ta' natura teknika li jistgħu jiġu adottati biss mill-Kummissjoni.

78. Kif jirriżulta mis-seba' u mid-disa' premessi tad-Deċiżjoni 1999/468, din il-proċedura, magħrufa bħala "tal-kumitat", tipprova tirrikonċilja l-obbligi ta' effikaċja u flessibbiltà li jġibu magħhom in-neċessità li jiġu adottati u aġġornati regolarment l-elementi tal-leġiżlazzjoni komunitarja fid-dawl ta' l-iżvilupp ta' kunċetti xjentifiċi fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa jew tas-siġurtà tal-persuni, min-naħa, u t-teħid in kunsiderazzjoni tal-kompetenzi rispettivi ta' l-istituzzjonijiet komunitarji, min-naħa l-oħra.

79. Fil-kuntest ta' din il-proċedura tal-kumitat, huwa previst, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468, li l-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-kumitat, indikat fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/46, abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu, u l-imsemmi kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwarhom "f'limitu ta' żmien li l-President [tiegħu] jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ" (l-Artikolu 5(2)). Meta dan l-istess kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu, hija l-Kummissjoni li għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu konformi ma' l-imsemmija opinjoni (l-Artikolu 5(3)). Fil-każ kuntrarju jew fin-nuqqas ta' opinjoni ta' l-imsemmi kumitat, il-Kummissjoni għandha, "mingħajr dewmien", tressaq proposta quddiem il-Kunsill rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha tinforma b'dan lill-Parlament (l-Artikolu 5(4)), u l-Kunsill jista' jagħti deċiżjoni fi żmien tliet xhur (l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 5(6), it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/46). Jekk, f'dan il-perijodu, il-Kunsill jopponi l-proposta tal-Kummissjoni, din għandha terġa' teżamina l-proposta tagħha u tista' tressaq l-istess proposta quddiem il-Kunsill jew proposta emendata jew tippreżenta proposta leġiżlattiva fuq il-bażi tat-Trattat (it-tieni paragarafu ta' l-Artikolu 5(6)). Għall-kuntrarju, jekk, ma' l-iskadenza ta' dan il-perijodu, il-Kunsill la jkun adotta l-att propost ta' l-implimentazzjoni u lanqas ikun wera l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta tal-miżuri ta' implimentazzjoni, l-att propost ta' l-implimentazzjoni għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni (it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5(6)).

80. Id-dispożizzjonijiet kollha tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/46 u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468, li jirreferi għalihom l-Artikolu 4(5) ta' l-imsemmija direttiva, jiggarantixxu li, minn meta l-proposta titressaq mill-Kummissjoni quddiem il-kumitat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 5(2) ta' l-imsemmija deċiżjoni, il-proċedura ta' modifika tal-kontenut tal-listi pożittivi għandha tkun kompluta fi żminijiet raġonevoli.

81. Kien ċertament awspikabbli li, fir-rigward tal-fażi inkluża bejn il-preżentazzjoni tal-fajls intiżi għall-modifika tal-kontenut tal-listi pożittivi u dakinhar li jitressqu quddiem l-imsemmi kumitat, fażi li tinkludi b'mod partikolari l-konsultazzjoni ta' l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel prevista kemm fl-Artikolu 14 kif ukoll fl-għaxar premessa tad-Direttiva 2002/46, din ta' l-aħħar tinkludi dispożizzjonijiet li fihom infushom jiggarantixxu li l-imsemmija fażi titmexxa sa l-aħħar b'mod trasparenti u fi żmien raġonevoli.

82. In-nuqqas ta' tali dispożizzjonijiet jista' jiġi kkunsidrat bħala ta' natura li tista' tikkomprometti l-prosegwiment tal-proċedura ta' modifika tal-kontenut tal-listi pożittivi fi żminijiet raġonevoli. Madankollu, hija l-Kummissjoni li, bis-saħħa tal-kompetenzi ta' eżekuzzjoni mogħtija lilha mid-Direttiva 2002/46 fir-rigward, b'mod partikolari, ta' l-applikazzjoni ta' l-imsemmija proċedura, tadotta u tirrendi aċċessibbli għall-partijiet interessati, konformement mal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, il-miżuri neċessarji sabiex jiġu assigurati b'mod ġenerali t-trasparenza u n-natura raġonevoli tat-tul ta' żmien tal-fażi ta' konsultazzjoni ta' l-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà fl-Ikel.

83. Filwaqt li jipprovdi għall-applikazzjoni tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/46 barra minn hekk jiggarantixxi li talba intiża sabiex tinkiseb ir-reġistrazzjoni ta' vitamina, minerali jew ta' sustanzi vitaminiċi jew minerali fuq il-listi pożittivi tista' tiġi miċħuda biss permezz ta' att legali obbligatorju, li jista' jiġi suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.

84. F'dan ir-rigward għandu jiġi miżjud li d-Direttiva 2002/46 ma tinkludi ebda element tali li jġiegħel jew jinċita lill-awtoritajiet Ewropej kompetenti jieħdu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura indikata fl-Artikolu 4(5) ta' l-imsemmija direttiva, kriterji li jkunu estranji għall-għan ta' protezzjoni tas-saħħa tal-persuni.

85. Għall-kuntrarju, mid-disa' premessa tad-Direttiva 2002/46 jirriżulta li l-kriterju marbut mal-fatt li l-vitamini jew il-minerali għandhom normalment ikunu preżenti fid-dieta u kkunsmati f'dan il-kuntest huwa l-uniku kriterju rilevanti fil-kuntest tal-lista fl-Anness I ta' din id-direttiva. Kif osservaw ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fil-kawża C-154/04, filwaqt li l-proposta għal direttiva msemmija fil-punt 37 ta' din is-sentenza tipprovdi għal tieni kriterju, jiġifieri l-fatt li l-vitamini u l-minerali in kwistjoni għandhom jiġu "kkunsidrati bħala nutrijenti essenzjali", kif jirriżulta wkoll mis-seba' premessa ta' din il-proposta, dan il-kriterju ma jidhirx aktar fid-disa' premessa tad-Direttiva 2002/46. Fir-rigward tal-lista fl-Anness II ta' l-imsemmija direttiva, mill-ħdax-il premessa ta' din ta' l-aħħar jirriżulta li l-uniċi kriterji rilevanti huma dawk relatati man-nuqqas ta' periklu u mal-bijodisponibbiltà tas-sustanza kimika in kwistjoni.

86. Tali indikazzjonijiet juru li l-kriterji rilevanti fil-kuntest tal-listi pożittivi u ta' l-applikazzjoni tal-proċedura għall-modifika tal-kontenut tagħhom għandhom biss, fl-ispirtu tal-leġiżlatur komunitarju, motivi ta' protezzjoni tas-saħħa tal-persuni, b'esklużjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta' neċessità nutrizzjonali.

87. Huwa għalhekk sinjifikattiv li jiġi kkonstatat li l-kriterji fformulati mir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fir-rigward tal-proċedura ta' modifika tal-kontenut tal-listi pożittivi huma dwar ir-restrizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji marbuta mal-preżentazzjoni ta' fajl intiż sabiex jikseb tali modifika, kif ukoll dwar il-mod li bih l-kriterji ta' nuqqas ta' periklu u ta' bijodisponibbiltà ddikjarati fil-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2002/46 huma applikati mill-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà fl-Ikel fl-eżami tal-fajls individwali.

88. Madankollu, jekk tali elementi jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu invokati in sostenn ta' rikors għal annullament magħmul kontra deċiżjoni finali li tiċħad talba għal modifika tal-kontenut tal-listi pożittivi, jew ta' rikors għal danni kontra l-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà fl-Ikel fuq il-bażi ta' l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 178/2002, huma mhumiex, bħala tali, ta' natura li taffettwa l-legalità tal-proċedura ta' modifika tal-kontenut tal-listi pożittivi, kif issottolinjat mill-Gvern Grieg fis-sottomissjonijiet tiegħu bil-miktub.

89. Għalhekk għandu jiġi konkluż li mill-analiżi li saret fil-punti 76 sa 88 ta' din is-sentenza ma jirriżulta ebda element li jaffettwa l-legalità tal-proċedura prevista fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/46 li għandha bħala skop il-modifika tal-kontenut tal-listi pożittivi.

90. Fl-aħħarnett għandu jiġi nnutat li, meta l-leġiżlatur komunitarju jiddelega s-setgħa tiegħu li jirrevedi l-elementi ta' l-att leġiżlattiv in kwistjoni, huwa għandu jiggarantixxi li l-limiti ta' din is-setgħa jiġu stabbiliti b'mod ċar u li l-użu li jsir minn din is-setgħa jkun suġġett għal kontroll rigoruż skond kriterji oġġettivi stabbiliti minnha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta' Ġunju 1958, Meroni vs Haute Autorité, 9/56, Ġabra p. 9, 43 u 44), u dan, taħt piena li tiġi mogħtija setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet delegati li, fir-rigward ta' leġiżlazzjoni relatata mal-funzjoni tas-suq intern ta' prodotti, tkun ta' natura li timpedixxi b'mod eċċessiv u li mhuwiex trasparenti il-moviment liberu tal-prodotti in kwistjoni.

91. F'dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punti 85 u 86 ta' din is-sentenza, id-disa' u l-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2002/46 jippreċiżaw li l-uniċi kriterji rilevanti fir-rigward tal-kontenut tal-listi pożittivi huma bbażati, fir-rigward tal-vitamini u tal-minerali, fuq il-fatt li dawn huma normalment preżenti fid-dieta u kkunsmati f'dan il-kuntest, u, fir-rigward tas-sustanzi kimiċi użati bħala sorsi ta' vitamini u ta' minerali, fuq in-nuqqas ta' periklu u bijodisponibbiltà tas-sustanza kkonċernata.

92. Korrelatati ma' l-espressjoni konkreta li ġiet mogħtija lill-applikazzjoni ta' l-imsemmija kriterji permezz tal-listi pożittivi li jidhru fil-korp tad-Direttiva 2002/46, tali preċiżjonijiet, li kellhom, preferibilment, jidhru fid-dispożizzjonijiet stess ta' l-imsemmija direttiva [ara, f'dan is-sens, il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, tat-22 ta' Diċembru 1998, dwar linji ta' gwida komuni għall-kwalità ta' abbozzar ta' leġiżlazzjoni Komunitarji (ĠU 1999, C 73, p. 1)], jikkontrollaw l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa li timmodifika l-kontenut ta' l-imsemmija listi b'referenza għal kriterji oġġettivi, marbuta esklużivament ma' kunsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika. Huma jippermettu li jiġi kkunsidrat li, f'dan il-każ, il-leġiżlatur komunitarju stabbilixxa l-elementi essenzjali tas-suġġett li għandu jiġi rregolat għall-iskopijiet ta' l-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta' Diċembru 1970, Köster, 25/70, Ġabra p. 1161, punt 6).

93. B'hekk isegwi li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 mhumiex invalidi minħabba ksur ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

Għal dak li jikkonċerna l-Artikoli 1(2) u 24(2)(a) tar-Regolament Nru 3285/94

94. Għandu jiġi ssottolinjat li r-Regolament Nru 3285/94 ġie adottat fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni, kif jirriżulta mill-bażi legali tagħha, jiġifieri l-Artikolu 113 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 133 KE).

95. Dan ir-regolament għandu bħala għan il-liberalizzazzjoni ta' l-importazzjoni ta' prodotti li ġejjin minn Stati terzi. Għall-kuntrarju, m'għandux bħala għan il-liberalizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq ta' dawn il-prodotti, li tikkostitwixxi fażi wara dik ta' l-importazzjoni (ara s-sentenza tat-30 ta' Mejju 2002, Expo Casa Manta, C-296/00, Ġabra p. I-4657, punti 30 u 31).

96. Isegwi li, kif sostnew ġustament il-Parl ament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Regolament Nru 3285/94 m'huwa ta' ebda rilevanza għall-evalwazzjoni tal-legalità ta' miżuri komunitarji li għandhom bħala effett il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq fil-Komunità ta' prodotti importati minn Stati terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għal tali tqegħid fis-suq minħabba raġunijiet ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

97. Barra minn hekk, anke jekk meta jeżisti kunflitt bejn l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 u l-Artikoli 1(2) u 24(2)(a) tar-Regolament Nru 3285/94, għandu jiġi sostnut li l-imsemmija direttiva ġiet adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95 KE u għalhekk ma tikkostitwixxix miżura ta' eżekuzzjoni ta' l-imsemmi regolament.

98. Għaldaqstant isegwi li m'hemmx lok li tiġi eżaminata l-validità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46 in kwistjoni fir-rigward tar-Regolament Nru 3285/94.

Fuq id-domanda (c)

99. Permezz tad-domanda (c), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 humiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta' sussidjarjetà.

100. F'dawn iż-żewġ kawżi, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali jsostnu li dawn id-dispożizzjonijiet jeffettwaw, b'mod inġustifikat, il-kompetenza ta' l-Istati Membri f'qasam sensittiv fuq il-livelli tas-saħħa, soċjali u ekonomiċi. Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fil-kawża C-154/04 iżidu jgħidu li l-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeterminaw, fis-suq rispettiv tagħhom, il-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika li jkunu ta' natura li jiġġustifikaw ostakolu għall-kummerċ liberu tas-supplimenti ta' l-ikel fuq it-territorju nazzjonali tagħhom.

101. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' sussidjarjetà ddikjarat fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5 KE jistabbilixxi li f'oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, il-Komunità għandha taġixxi skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà biss, jekk u sakemm l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti ta' l-azzjoni proposta, jiġu milħuqa aħjar mill-Komunità.

102. Il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, anness mat-Trattat, jippreċiża, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-prinċipju ta' sussidjarjetà ma jpoġġix in kwistjoni l-kompetenzi mogħtija lill-Komunità permezz tat-Trattat kif interpretati mill-Qorti.

103. Kif ġie diġà deċiż mill-Qorti, il-prinċipju ta' sussidjarjetà japplika meta l-leġiżlatur komunitarju jirrikorri għall-Artikolu 95 KE, safejn din id-dispożizzjoni ma tagħtihx kompetenza esklużiva sabiex jirregola l-attivitajiet ekonomiċi fis-suq intern, iżda tagħtih biss kompetenza bil-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta' l-istabbiliment u tal-funzjoni tiegħu, permezz tat-tneħħija ta' ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija u għall-prestazzjoni libera tas-servizzi jew it-tneħħija tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 179].

104. Fir-rigward tad-domanda dwar jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 humiex konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, għandu jiġi eżaminat jekk l-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet jistax jintlaħaq aħjar fuq livell komunitarju.

105. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni, li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jiġu kkummerċjalizzati supplimenti ta' l-ikel li mhumiex konformi mad-Direttiva 2002/46, kompluta permezz ta' l-obbligu ta' l-Istati Membri, konformement mas-subparagrafu (a) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 ta' l-imsemmija direttiva, li jawtorizzaw il-kummerċ tas-supplimenti ta' l-ikel konformi magħha [ara, b'analoġija, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 126], għandha bħala għan it-tneħħija ta' l-ostakoli li jirriżultaw mid-diverġenzi bejn ir-regoli nazzjonali għal dak li jikkonċerna l-vitamini, il-minerali u s-sustanzi vitaminiċi jew minerali awtorizzati jew ipprojbiti fil-manifattura tas-supplimenti ta' l-ikel, billi jassiguraw, konformement ma' l-Artikolu 95(3) KE, livell għoli ta' protezzjoni fir-rigward tas-saħħa tal-persuni.

106. Jekk jitħalla f'idejn l-Istati Membri sabiex jirregolaw il-kummerċ tas-supplimenti ta' l-ikel li mhumiex konformi mad-Direttiva 2002/46 dan iwassal għall-iżvilupp eteroġeneu tar-regolamenti nazzjonali u, konsegwentement, għall-ostakoli fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward ta' dawn il-prodotti.

107. Isegwi li l-għan li għalih jikkontribwixxu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċenti b'azzjoni meħuda fuq livell ta' l-Istati Membri weħidhom u jippresupponi azzjoni fuq livell komunitarju. Konsegwentement, dan l-għan jista' jintlaħaq aħjar fuq il-livell ta' l-aħħar.

108. Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15(1)(b) tad-Direttiva 2002/46 mhumiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta' sussidjarjetà.

Fuq id-domanda (d)

109. Permezz tad-domanda (d) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15(1)(b) tad-Direttiva 2002/46 humiex validi minħabba ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

110. Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali jallegaw li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu mezz mhux proporzjonat għall-għan li għandu jintlaħaq. L-argumenti żviluppati in sostenn għal din l-allegazzjoni huma dawk ippreżentati fil-punti 54, 62, 70 u 71 ta' din is-sentenza.

111. Madankollu, mill-analiżi esposta fil-punti 55 sa 60, 63 sa 70 u 72 sa 92 ta' din is-sentenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 jikkostitwixxu miżuri xierqa sabiex jirrealizzaw l-għan tagħhom u li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-obbligu tal-leġiżlatur komunitarju li jiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-persuni, huma ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

112. Isegwi li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 mhumiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Fuq id-domanda (e)

113. Permezz tad-domanda (e) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 humiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

114. Fiż-żewġ kawżi, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali jsostnu li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru l-imsemmi prinċipju peress illi ċerti sustanzi, li ma jissodisfawx il-kriterji ddikjarati fil-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2002/46, ġew inklużi fil-listi pożittivi mingħajr ma ġew suġġetti għal testijiet supplimentari, filwaqt li ġew imposti kundizzjonijiet iebsa fuq il-produtturi tas-supplimenti ta' l-ikel li fihom sustanzi li mhumiex awtorizzati sabiex juru li dawn il-kriterji huma sodisfatti. Huma jżidu jgħidu li din id-differenza fit-trattament m'hija bbażata fuq ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, peress illi fil-fatt il-listi ma ġewx stabbiliti fuq il-bażi ta' l-imsemmija kriterji.

115. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' trattament ugwali jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tad-9 ta' Settembru 2004, Spanja u l-Finlandja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-184/02 u C-223/02, Ġabra p. I-7789, punt 64, kif ukoll is-sentenzi iċċitati aktar 'il fuq Arnold André, punt 68, u Swedish Match, punt 70).

116. Kif ġie ssottolinjat mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Parlament u mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub, is-sustanzi vitaminiċi jew minerali li ma jidhrux fuq il-lista pożittiva fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46 mhumiex fl-istess sitwazzjoni bħal dawk li jissemmew fiha. Fil-fatt, b'differenza minn dawn ta' l-aħħar, dakinhar ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, ta' l-ewwel ma kienux ġew suġġetti, mill-awtoritajiet Ewropej kompetenti, għal evalwazzjoni xjentifika li tiggarantixxi l-konformità tagħhom mal-kriterji ta' nuqqas ta' periklu u ta' bijodisponibbiltà ddikjarati fil-ħdax-il premessa ta' din id-direttiva.

117. Peress illi kull sustanza, kif indikat f'dawn l-istess sottomissjonijiet, għandha l-karatteristiċi proprji tagħha, l-assimilazzjoni ta' sustanza li għadha ma ġietx evalwata skond dawn il-kriterji ma' sustanza li tidher fil-listi pożittivi kienet eskluża.

118. Din id-differenza fis-sitwazzjoni awtorizzat trattament differenti mingħajr ma seta' jiġi effettivament invokat ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

119. Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 mhumiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

Fuq id-domanda (f)

120. Permezz tad-domanda (f), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 humiex invalidi minħabba ksur ta' l-Artikolu 6(2) UE, li għandu jinqara fid-dawl ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (aktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni Ewropea"), u ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll anness ma' l-imsemmija konvenzjoni, kif ukoll tad-dritt fundamentali ta' proprjetà u/jew tad-dritt għall-eżerċizzju ta' attività ekonomika.

121. F'dawn iż-żewġ kawżi, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali jallegaw li jeżisti tali ksur. Huma jsostni li d-Direttiva 2002/46 għandha effett inġustifikat u mhux proporzjonat fuq il-kapaċità tal-produtturi tas-supplimenti ta' l-ikel li jwettqu l-attivitajiet tagħhom li sa llum kienu eżerċitati legalment, kif ukoll fuq id-dritt individwali għal-libertà fl-għażla tal-prodotti ta' l-ikel.

122. F'dan ir-rigward, għandu, l-ewwel nett, jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 6(2) UE, "[l]-Unjoni għandha tirrispetta il-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-[Konvenzjoni Ewropea] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità".

123. L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea, intitolat "Dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja", jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li "[k]ulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta' daru u tal-korrispondenza tiegħu" u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li "[m]a għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta' dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f'soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta' ħaddieħor".

124. Il-fatt li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 jistgħu jipprivaw lil persuni mid-dritt tal-konsumatur għal supplimenti ta' l-ikel li mhumiex konformi ma' l-imsemmija direttiva jista' jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ta' dawn ta' l-aħħar.

125. L-Artikolu 1 tal-Protokoll anness mal-Konvenzjoni Ewropea, intitolat "Protezzjoni tal-proprjetà" jiddikjara li:

"Kull persuna naturali jew persuna morali għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha. Ħadd ma għandu jiġi ipprivat mill-possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku u bla ħsara tal-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali.

Iżda d-disposizzjonijiet ta' qabel ma għandhom b'ebda mod inaqqsu d-dritt ta' Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta' proprjetà skond l-interess ġenerali jew biex jiżgura l-ħlas ta' taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra jew pieni."

126. Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li d-dritt ta' proprjetà, li jittrattaw dwaru d-dispożizzjonijiet riprodotti fil-punt preċedenti, jifforma parti, bħad-dritt għall-eżerċizzju ta' attività ekonomika, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju. Madankollu, dawn il-prinċipji mhumiex stabbiliti bħala prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni b'referenza għall-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Konsegwentement, għandu jkun hemm restrizzjonijiet fl-użu tad-dritt ta' proprjetà, u anke tad-dritt għall-eżerċizzju ta' attività ekonomika, taħt il-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jikkorrispondu effettivament għall-għanijiet ta' interess ġenerali li jridu jiġu milħuqa mill-Komunità u ma jikkostitwixxux, fir-rigward ta' l-għan li jrid jintlaħaq, intervent eċċessiv u intollerabbli li jwassal għal ksur fis-sustanza tad-drittijiet hekk garantiti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Lulju 1989, Schräder, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 15, u tat-28 ta' April 1998, Metronome Musik, C-200/96, Ġabra p. I 1953, punt 21).

127. F'dan il-każ, huwa minnu li l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u tat-tqegħid fis-suq ta' supplimenti ta' l-ikel li mhumiex konformi mad-Direttiva 2002/46 tista' tirrestrinġi l-eżerċizzju liberu ta' l-attività tal-manifatturi ta' dawn il-prodotti.

128. Konsegwentement, id-dritt ta' proprjetà ta' l-operaturi mhuwiex imqiegħed in kwistjoni minħabba l-introduzzjoni ta' tali miżura. Fil-fatt, ebda operatur ekonomiku ma jista' jippretendi dritt ta' proprjetà fuq parti mis-suq, anke jekk kien detentur tagħha qabel l-introduzzjoni ta' miżura li taffettwa l-imsemmi suq, tali parti tas-suq ma tikkostitwixxix ħlief pożizzjoni ekonomika temporanja esposta għar-riskji ta' tibdil fiċ-ċirkustanzi (is-sentenzi tal-5 ta' Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, Ġabra p. I 4973, punt 79, u Swedish Match, iċċitata aktar 'il fuq, punt 73). Operatur ekonomiku jista' jsostni li għandu dritt akkwiżit jew anke aspettativa leġittima fiż-żamma tas-sitwazzjoni eżistenti li tista' tiġi mibdula permezz ta' atti adottati mill-istituzzjonijiet komunitarji fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (ara s-sentenza tat-28 ta' Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni, 52/81, Ġabra p. 3745, punt 27, u Swedish Match, iċċitata aktar 'il fuq, punt 73).

129. Kif intqal aktar 'il fuq, il-projbizzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 hija intiża għall-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni, li huwa għan ta' interess ġenerali. Ma jidhirx li din il-miżura ta' projbizzjoni mhijiex ta' natura adegwata għal dan il-għan. F'dawn il-kundizzjonijiet, l-ostakolu għall-eżerċizzju liberu ta' attività eknomika li jikkostitwixxi miżura ta' dan it-tip ma jistax jiġi analizzat, fir-rigward ta' l-għan li jrid jintlaħaq, bħala li jwassal għal ksur eċċessiv tad-dritt għall-eżerċizzju ta' din il-libertà jew tad-dritt ta' proprjetà.

130. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 mhumiex invalidi minħabba ksur ta' l-Artikolu 6(2) UE, li għandu jinqara fid-dawl ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea u ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll anness ma' l-imsemmija konvenzjoni, tad-dritt fundamentali ta' proprjetà u tad-dritt għall-eżerċizzju ta' attività ekonomika.

Fuq id-domanda (g)

131. Permezz tad-domanda (g), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 humiex invalidi minħabba ksur ta' l-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet kif previst fl-Artikolu 253 KE.

132. Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali fil-kawża C-154/04 jallegaw li ma ġewx indikati r-raġunijiet għall-projbizzjoni li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, u dan, fil-fehma tagħhom, jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 253 KE.

133. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, jekk ir-raġunijiet meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandhom juru b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-awtorità komunitarja, l-awtriċi ta' l-att in kwistjoni, b'mod illi jippermetti li dawk ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri adottati u sabiex il-Qorti teżerċita l-kontroll tagħha, mhujiex madankollu meħtieġa li tispeċifika l-elementi kollha tad-dritt jew tal-fatti rilevanti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta' Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-122/94, Ġabra p. I-881, punt 29).

134. L-osservanza ta' l-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet għandha tiġi evalwata skond il-kuntest tagħha kif ukoll skond ir-regoli ġuridiċi kollha dwar is-suġġett ikkonċernat u mhux biss b'referenza għall-kliem ta' l-att. Jekk l-att ikkontestat jenfasizza l-għan essenzjali ta' l-istituzzjoni, huwa inutli li tiġi meħtieġa raġuni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li hija tkun adottat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta' Lulju 2001, L-Italja vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-100/99, Ġabra p. I-5217, punt 64).

135. F'dan il-każ, permezz tad-disa' premessa tad-Direttiva 2002/46 huwa mifhum li l-vitamini u l-minerali milquta mill-miżura ta' projbizzjoni huma dawk li normalment mhumiex preżenti fid-dieta u li mhumiex ikkunsmati f'dan il-kuntest.

136. Fir-rigward tas-sustanzi vitaminiċi u minerali eżistenti inklużi fil-miżura ta' projbizzjoni, jirriżulta b'mod ċar, mill-għaxar u l-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2002/46, li tali miżura hija marbuta ma' problema ġenerali, imsemmija fil-ħames premessa ta' din id-direttiva, li jiġi assigurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi billi jiġi awtorizzat biss it-tqegħid fis-suq ta' dawk il-prodotti li ma jippreżentaw ebda periklu għas-saħħa tal-persuni, u li hija tista' tiġi spjegata permezz tal-fatt li, dakinhar ta' l-adozzjoni tad-direttiva, is-sustanzi kkonċernati ma kienux ġew suġġetti għal evalwazzjoni mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-ikel għall-Bniedem skond il-kriterji ta' nuqqas ta' periklu u ta' bijodisponibbiltà li fuq il-bażi tagħhom kien ġie ddefinit il-kontenut tal-lista pożittiva fl-Anness II ta' l-istess direttiva.

137. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46 mhumiex invalidi minħabba ksur ta' l-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet kif previst fl-Artikolu 253 KE.

138. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-eżami ta' din ta' l-aħħar ma wera ebda element ta' natura li taffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4(1) u s-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46.

Fuq l-ispejjeż

139. Peress illi l-proċedura hija parti mill-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din ta' l-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż fir-rigward tal-partijiet fil-proċeduri prinċipali. L-ispejjeż involuti sabiex jiġu ppreżentati sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, apparti dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu mħallsa lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tiddeċiedi li:

Mill-eżami tal-domandi magħmula, ma rriżulta ebda element ta' natura li taffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3, 4 (1) u tas-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' l-10 ta' Ġunju 2002, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar is-supplimenti ta' l-ikel.

Top