Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CC0549

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-18 ta’ Jannar 2017.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:25

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit-18 ta’ Jannar 2017 ( 1 ) ( 2 )

Kawża C-549/15

E.ON Biofor Sverige AB

vs

Statens energimyndighet

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Förvaltningsrätten i Linköping (qorti tal-ewwel istanza kontenzjuża-amministrattiva, l-Isvezja)]

“Interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE u tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu - Sistema ta’ bilanċ tal-massa maħsuba sabiex tidentifika l-gass sostenibbli sabiex jiġi żgurat li l-użu tal-bijogass jirrispetta l-kriterji ta’ sostenibbiltà pprovduti fid-Direttiva - Kumpannija stabbilita fi Stat Membru li jimporta bijogass minn Stat Membru ieħor permezz tan-netwerk ta’ pipelines nazzjonali interkonnessi - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel it-trattament fiskali privileġġjat tal-bijogass suġġett għall-kundizzjoni tat-twettiq tal-bilanċ tal-massa f’post iddefinit b’mod ċar, bl-esklużjoni tat-trasport transkonfinali tiegħu permezz ta’ pipeline”

1. 

Il-bijogass ( 3 ) huwa ġġenerat, f’ambjent naturali jew f’impjanti industrijali, minn reazzjonijiet ta’ degradazzjoni ta’ materjal organiku kkawżati minn ċerti mikroorganiżmi f’ambjenti anerobiċi. L-użu (pereżempju, bħala bijokarburant għat-trasport) huwa pożittiv ħafna għall-ambjent meta joħroġ minn skart organiku ( 4 ), iżda jista’ jagħmel ħsara lil interessi oħra (inkluż il-provvista tal-ikel tal-popolazzjoni jew il-bijodiversità taż-żoni ta’ valur ekoloġiku għoli) jekk jinkiseb minn materja prima mhux ta’ skart ( 5 ).

2. 

Dan ir-riskju huwa dak li d-Direttiva 2009/28/KE ( 6 ) għandha l-għan tirreżisti, meta tistabbilixxi li, sabiex jaqa’ taħt l-iskema ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu, il-bijogass użat bħala bijokarburant għandu josserva ċerti “kriterji ta’ sosteni bbiltà” stretti. Il-verifika tal-konformità ma’ dawn il-kriterji hija, barra minn hekk, suġġetta għal metodu msejjaħ “bilanċ tal-massa” (iktar ’il quddiem “BM”), li dwaru huma d-domandi mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja.

3. 

Speċifikament, qiegħda titqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28, li jirregola l-metodu BM, jobbligax lil Stat Membru jaċċetta l-bijogass sostenibbli importat minn Stat Membru ieħor permezz tan-netwerk interkonness ta’ pipelines nazzjonali ( 7 ). Jekk dan ma jkunx hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun jaf jekk din id-dispożizzjoni tiksirx il-projbizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni (Artikolu 34 TFUE).

4. 

Sabiex tingħata risposta utli għad-domandi preliminari ( 8 ), naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara, ukoll, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik Svediża, li tippermetti l-applikazzjoni tal-metodu BM fin-netwerk nazzjonali ta’ pipelines tagħha, iżda mhux fin-netwerk transkonfinali ta’ pipelines interkonnessi, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni: Direttiva 2009/28

5.

Fl-Artikolu 1:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu] fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. […]Hija tistabbilixxi kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi”

6.

L-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, (a), (e), (i) u (k), jispeċfika:

“a)

‘enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]’ tfisser l-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’mod partikolari enerġija mir-riħ, mix-xemx, dik aerotermika, ġeotermika, idrotermika u oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass mill-miżbla, gass minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ u bijogassijiet;

[…]

e)

‘bijomasa’ tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi ta’ oriġini bijoloġika mill-agrikoltura (inklużi sustanzi veġetali u mill-annimali), l-industriji forestali u industriji relatati inkluż is-sajd u l-akwakultura, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali.

[…]

i)

‘bijokarburanti’ tfisser karburant likwidu jew ġassuż għat-trasport prodott mill-bijomassa;

j)

‘garanzija tal-oriġini’ tfisser dokument elettroniku li għandu l-funzjoni unika li jagħti prova lil konsumatur finali li parti jew kwantità speċifikata ta’ enerġija kienet prodotta minn sorsi rinnovabbli kif meħtieġ mill-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2003/54/KE;

k)

‘skema ta’ sostenn’ tfisser kull strument, skema jew mekkaniżmu applikat minn Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri, li jippromwovu l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli billi titnaqqas l-ispiża ta’ dik l-enerġija, b’żieda tal-prezz li bih tista’ tinbiegħ, jew b’żieda, permezz ta’ obbligu ta’ enerġija rinnovabbli jew b’mod ieħor, tal-volum ta’ din l-enerġija mixtrija. Dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat biss għal, l-għajnuna għall-investiment, l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis mit-taxxi, ir-rifużzjonijiet tat-taxxa, l-iskemi ta’ sostenn għall-obbligu ta’ enerġija rinnovabbli, u l-iskemi ta’ sostenn, inklużi dawk li jużaw ċertifikati ekoloġiċi, iżda wkoll l-iskemi diretti ta’ sostenn għall-prezzijiet, inklużi tariffi ‘feed-in’ u ħlasijiet ta’ primjums;”

7.

Skont l-Artikolu 3:

“1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu], ikkalkulat skont l-Artikoli 5 sa 11, fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl-2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’dik is-sena, kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I. Dawn il-miri globali nazzjonali mandatorji huma konsistenti ma’ mira ta’ sehem ta’ mill-inqas 20 % mill-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija tal-Komunità fl-2020. Sabiex il-miri stabbiliti f’dan l-Artikolu jkunu jistgħu jintlaħqu b’mod aktar faċli, kull Stat Membru għandu jippromwovi u jinkuraġġixxi l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija.

[…]

4.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-forom kollha ta’ trasport fl-2020 huwa mill-inqas 10 % tal-konsum finali ta’ enerġija fit-trasport f’dak l-Istat Membru.

[…]”

8.

F’dak li jirrigwarda l-kalkolu tas-sehem ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu, l-Artikolu 5(1) jipprovdi dan li ġej:

“Il-konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu] f’kull Stat Membru għandu jkun ikkalkulat bħala s-somma ta’:

a)

konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

b)

konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli għat-tisħin u t-tkessiħ; kif ukoll

c)

konsum finali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport.

Gass, elettriku u idroġenu minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandhom ikunu kkunsidrati darba biss fil-punt (a), (b) jew (c) tal-ewwel paragrafu, biex ikun ikkalkulat is-sehem tal-konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli.

[…] il-bijokarburanti u bijolikwidi li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17 (2) sa (6) m’għandhomx jiġu kkunsidrati.”

9.

Skont il-premessa 65

“Il-produzzjoni tal-bijokarburanti għandha tkun sostenibbli. Il-bijokarburanti użati għall-konformità mal-miri stabbiliti f’din id-Direttiva, u dawk li jibbenefikaw minn skemi ta’ sostenn nazzjonali, għandhom għalhekk jiġu meħtieġa jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà.”

10.

L-Artikolu 17 jipprovdi fid-dettall dawn il-kriterji ta’ sostenibbiltà kif ġej:

“1.   Irrispettivament minn jekk il-materja prima kenitx ikkultivata ġewwa jew barra t-territorji tal-Komunità, l-enerġija mill-bijokarburanti u bijolikwidi għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) biss jekk tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6:

a)

il-kejl tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-miri nazzjonali;

b)

il-kejl tal-konformità mal-obbligi tal-enerġija rinnovabbli;

c)

l-eliġibbiltà għal sostenn finanzjarju għall-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi.

[…]

2.   L-iffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett serra mill-użu ta’ bijokarburanti u bijolikwidi kkunsidrat għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandu jkun ta’ mill-anqas 35 %.

[…]

3.   Il-bijokarburanti u bijolikwidi kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 m’għandhomx isiru minn materja prima miksuba minn art b’valur għoli ta’ bijodiversità […]

[…]

4.   Il-bijokarburanti u bijolikwidi kkundistrati għall-finijiet msemmija il-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 m’għandhomx isiru minn materja prima miksuba minn art b’ħażna għolja ta’ karbonju […]

[…]

5.   Il-bijokarburanti u bijolikwidi kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 m’ għandhomx isiru minn materia prima miksuba minn art li kienet art tal-peat f’Jannar 2008 […].

6.   Materja prima agrikola kkultivata fil-Komunità u użata għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti u bijolikwidi kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandhom jinkisbu skont ir-rekwiżiti u l-istandards taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija taħt l-intestatura “Ambjent” fil-Parti A u fil-punt 9 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 tal-Kunsill, tad-19 ta’ Jannar2009 […]

[…]

8.   Għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri m’għandhomx jirrifjutaw li jikkunsidraw, għal raġunijiet oħra ta’ sostenibbiltà, bijokarburanti u bijolikwidi miksuba f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

[…]”

11.

Kif imsemmi fl-Artikolu 18

“1.   Fejn bijokarburanti u bijolikwidi għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 17(1), l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ġew sodisfatti. Għal dak il-għan għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jużaw sistema ta’ bilanċ tal-massa li:

a)

tippermetti li kunsinni ta’ materja prima jew bijokarburant b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti jiġu mħallta;

b)

teħtieġ li informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà u d-daqsijiet tal-kunsinni msemmija fil-punt (a) tibqa’ assenjata lit-taħlita; u

c)

tipprovdi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2010 u l-2012 dwar it-tħaddim tal-metodu ta’ verifika tal-bilanċ tal-massa deskritt fil-paragrafu 1 u dwar il-potenzjal li jkunu permessi metodi oħra ta’ verifika fir-rigward ta’ xi tipi ta’ materja prima, bijokarburanti jew bijolikwidi.[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw informazzjoni affidabbli u li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, fuq talba, id-data li ntużat biex tkun żviluppata l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu arranġament għal standard adegwat ta’ verifika indipendenti tal-informazzjoni ppreżentata, u li jipprovdu evidenza li dan sar. L-awditjar għandu jivverifika li s-sistemi użati mill-operaturi ekonomiċi huma preċiżi, affidabbli u mħarsa kontra l-frodi. Dan għandu jevalwa l-frekwenza u l-metodoloġija tat-teħid ta’ kampjuni u l-affidabilità tad-data.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi b’mod partikolari informazzjoni dwar il-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), informazzjoni xierqa u rilevanti dwar il-miżuri meħuda għall-protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, ir-ristawr tal-art degradata, l-evitar ta’ konsum eċċessiv ta’ ilma f’zoni fejn l-ilma ikun skars kif ukoll informazzjoni xierqa u rilevanti dwar il-miżuri meħuda biex jitqiesu l-kwistjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(7).

[…]

4.   Il-Komunità għandha tħabrek biex tikkonkludi strumenti ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali ma’ pajjiżi terzi li fihom dispożizzjonijiet dwar kriterji ta’ sostenibbiltà li jikkorrispondu ma’ dawk ta’ din id-Direttiva. Fejn il-Komunità tkun ikkonkludiet strumenti ta’ ftehim li fihom dispożizzjonijiet li jkopru l-kwistjonijiet koperti mill-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li dawk l-istrumenti ta’ ftehim juru li l-bijokarburanti u bijolikwidi prodotti minn materja prima kkultivata f’dawk il-pajjiżi jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà inkwistjoni.[…]

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skemi nazzjonali jew internazzjonali volontarji li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-bijomassa jkollhom data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) jew juru li l-kunsinni ta’ bijokarburant jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3) sa (5).

[…]

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet skont il-paragrafu 4 biss jekk il-ftehim jew l-iskema kkonċernati jissodisfaw standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u verifika indipendenti.[…]

6.   Id-deċiżjonijiet taħt il-paragrafu 4 għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(3). Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu validi għal perijodu ta’ mhux aktar minn ħames snin.

7.   Meta operatur ekonomiku jipprovdi prova jew data miksuba skont ftehim jew skema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 4, sal-punt kopert minn dik id-deċiżjoni, Stat Membru m’għandux jeħtieġ li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), u lanqas informazzjoni dwar il-miżuri msemmijin fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

[…]”

12.

Skont il-premessa 94 tiegħu:

“Billi l-miżuri previsti fl-Artikoli 17 sa 19 għandhom effett ukoll fuq il-funzjonament tas-suq intern billi jarmonizzaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi għall-iskopijiet tal-miri tal-kontabilità taħt din id-Direttiva, u għalhekk jiffaċilitaw, skont l-Artikolu 17(8), il-kummerċ bejn l-Istati Membri fil-bijokarburanti u bjolikwidi oħra li jikkonformaw ma’ dawk il-kondizzjonijiet, dawn huma bbażati fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat.

B – Id-dritt nazzjonali

13.

Id-Direttiva 2009/28 ġiet inkorporata fid-dritt Svediż permezz tal-Liġi (2010:598), dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi ( 9 ), implementata mir-Regolament (2011:1088) dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-karburanti u l-bijolikwidi ( 10 ). It-tnejn li huma tlestew permezz tad-dispożizzjonijiet tal-iStatens Energimyndighet (Aġenzija Nazzjonali għall-Enerġija, l-Isvezja; iktar ’il quddiem l-“Aġenzija għall-Enerġija”) dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi ( 11 ).

14.

L-Artikolu 1(a) tal-Kapitolu 3 tal-Liġi 2010/598 fih xi kjarifiki addizzjonali kemxejn differenti dwar il-proċedura għall-verifika tas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti. Huwa jipprovdi, fost oħrajn, li l-persuna obbligata li tagħmel dikjarazzjoni għandha tiżgura, bl-għajnuna ta’ sistema ta’ verifika, li l-bijokarburanti għandhom ikunu sostenibbli, u għaldaqstant tikkonkludi ftehimiet mal-operaturi fil-katina ta’ produzzjoni kollha u tieħu kampjuni fl-impjanti tagħha. Is-sistema ta’ verifika għandha tiġi ssorveljata minn kontrollur indipendenti, li jikkontrolla jekk din tkunx preċiża, affidabbli u reżistenti għall-frodi. Din is-sorveljanza għandha tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-metodu ta’ kampjunar u tal-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni u għandha tinkludi evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-persuna obbligata li tagħmel dikjarazzjoni rigward is-sistema ta’ verifika tagħha, u l-kontrollur indipendenti għandu jipprovdi ċertifikazzjoni bl-opinjoni tiegħu dwar dan. Il-Gvern, jew l-awtorità maħtura minnu, jista’ jadotta miżuri addizzjonali dwar is-sistema ta’ verifika u s-sorveljanza tagħha.

15.

Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament 2011/1088, is-sistema ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti għandha tkun il-BM, f’kundizzjonijiet identiċi bħall-Artikolu 18(1), tad-Direttiva 2009/28. L-Aġenzija għall-Enerġija tista’ tadotta miżuri ulterjuri dwar is-sistema ta’ verifika u s-sorveljanza tagħha.

16.

L-Aġenzija għall-Enerġija użat din l-awtorizzazzjoni sabiex tadotta l-STEMFS 2011/2. L-Artikolu 2 tal-Kapitolu 3 jipprovdi li l-persuna obbligata li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha tiżgura permezz tas-sistema ta’ verifika tagħha li l-bijokarburanti jkunu traċċabbli mill-post tal-kultivazzjoni, il-ħolqien jew il-ġbir tal-materja prima sal-konsum tal-karburant jew sal-mument li fih t-taxxa ssir dovuta.

17.

Skont l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tal-STEMFS 2011/2

“Il-bilanċ tal-massa għandu jsir skont il-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tar-Regolament dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà f’post iddefinit b’mod ċar u f’perijodu ta’ żmien li jkun adattat għall-katina ta’ produzzjoni.

L-imħażen kollha tat-taxxa, skont il-Liġi (1994:1766) dwar it-taxxa tal-enerġija, ta’ persuna suġġetta għall-obbligu ta’ notifikazzjoni jistgħu jikkostitwixxu post skont it-tifsira tal-ewwel paragrafu”.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18.

Il-kumpannija E.ON Biofor Sverige AB (iktar ’il quddiem, “E.ON Biofor”) tixtri bijogass sostenibbli fil-Ġermanja minn kumpannija oħt u tibagħtu l-Isvezja, mid-Danimarka, filwaqt li żżomm il-proprjetà tiegħu fil-fażijiet kollha. Skont id-deskrizzjoni tagħha tal-fatti, il-kumpannija Ġermaniża żżid il-bijogass f’punt iddefinit b’mod ċar man-netwerk tal-gass Ġermaniż, fil-post fejn id-dritt tal-proprjetà jingħata lill-kumpannija Svediża E.ON Biofor, li mbagħad testratta kwantità ta’ gass min-netwerk b’mod ċar u ddefinit b’mod preċiż (il-konfini bejn in-netwerk Ġermaniż u dak Daniż). Il-gass imbagħad jitlaq min-netwerk Daniż fi Dragör u jidħol fin-netwerk Svediż.

19.

Kull inkorporazzjoni u estrazzjoni minn netwerk tal-gass nazzjonali jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ta’ aġent ekonomiku wieħed, li għandu jkollu kuntratt ta’ distribuzzjoni jew xiri f’punt ta’ fruntiera, b’tali mod li l-istess ammonti ma jistgħux jinxtraw jew jinbiegħu darbtejn, li jikkawża żbilanċ fis-sistema. Kull kunsinna li tingħata, b’mod ġenerali, fil-punt tal-fruntiera tan-netwerks nazzjonali tal-pipelines għandha tkun akkumpanjata minn ċertifikat ta’ sostenibbiltà REDcert DE, maħruġ b’mod konformi mas-sistema nazzjonali Ġermaniża b’applikazzjoni tal-metodu BM. Iċ-ċertifikat jiggarantixxi li l-bijogass li jkun ġie ttrasportat u introdott jirrispetta l-kriterji ta’ sostenibbiltà u li ma jkunx nbiegħ lil terz. Dan iċ-ċertifikat jista’ jinkiseb biss ladarba jitwassal direttament lill-kumpannija Svediża E.ON Biofor mill-kumpannija bl-istess isem Ġermaniż tagħha.

20.

L-Aġenzija għall-Enerġija skont l-Artikolu 3 tal-STEMFS 2011/2, talbet lil E.ON Biofor, fit-3 ta’ Settembru 2013, temenda s-sistema ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijogass tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-BM isir fi “f’post iddefinit b’mod ċar”.

21.

Skont l-Aġenzija għall-Enerġija, huwa possibbli, filwaqt li jinżammu l-karatteristiċi tas-sostenibbiltà, li jiġi injettat bijogass sostenibbli fin-netwerk tal-gass Svediż u jinbiegħ l-ammont korrispondenti, b’dik il-klassifikazzjoni, ikun fejn ikun fl-Isvezja, minkejja li dan ma jkunx l-istess gass fiżiku. Madankollu, fit-talba lill-E.ON Biofor hija qalet li ma jistax japplika l-istess prinċipju lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.

22.

Ir-raġuni għaliex l-importazzjoni tal-bijogass permezz tan-netwerk tal-gass naturali ma tissodisfax ir-rekwiżit tal-metodu BM hija, skont l-Aġenzija tal-Enerġija, li dan il-metodu ma japplikax “f’post iddefinit b’mod ċar”, kif meħtieġ mill-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3 tal-STEMFS 2011/2. Konsegwentement, il-bijogass li E.ON Biofor importat fl-Isvezja ma setax jiġi inkluż fis-sistema ta’ verifika tas-sostenibbiltà tagħha ( 12 ).

23.

E.ON Biofor appellat quddiem il-qorti tar-rinviju d-deċiżjoni tal-Aġenzija għall-Enerġija, u talbet li jiġi annullat il-punt 4 tat-talba, li din tal-aħħar irrifjutat li tagħmel.

24.

Fid-dawl tal-argumenti opposti, il-Förvaltningsrätten i Linköping (qorti tal-ewwel istanza kontenzjuża-amministrattiva, l-Isvezja) issospendiet il-proċedura u ressqet id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kunċetti ta’ “bilanċ tal-massa” u ta’ “taħlita” li jinsabu fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jawtorizzaw il-kummerċ ta’ bijogass li jseħħ bejn l-Istati Membri permezz ta’ netwerk ta’ gass interkonness?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda,din id-dispożizzjoni tad-direttiva hija, f’dan il-każ, kompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE, minkejja li l-applikazzjoni tagħha jista’ jkollha l-effett li tirrestrinġi l-kummerċ?”

25.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub miż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern tal-Estonja. E.ON Biofor, l-Aġenzija għall-Enerġija u t-tliet istituzzjonijiet Ewropej għamlu interventi fis-seduta, li saret fis-26 ta’ Ottubru 2016.

III – L-argumenti tal-partijiet

A – Fuq l-ewwel domanda preliminari

26.

Skont il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 huwa limitat biex jimponi l-użu tal-BM bħala proċess tekniku li jivverifika l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-bijogass. Din id-dispożizzjoni tistipula biss kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-metodu BM. Fost dawn il-kundizzjonijiet ma hemm l-ebda limitazzjoni ġeografika, u għalhekk l-Istati huma liberi li jipprovdu jew le għall-applikazzjoni tal-BM fuq l-interkambji intra-Komunitarji ta’ bijogass ipprattikati permezz tan-netwerk ta’ pipelines nazzjonali interkonnessi.

27.

Għal dawn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Artikolu 18(1) huwa newtrali fir-rigward tal-kummerċ intra-Komunitarju tal-bijogass, minħabba li ma jirregolax dak il-kamp ta’ applikazzjoni materjali. Skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 2009/28 ma fiha ebda klawżola ta’ moviment liberu li tirrikjedi lill-Istati jikkummerċjalizzaw bħala bijogass sostenibbli dak li jkun inbiegħ legalment taħt din il-klassifikazzjoni fi Stati Membri oħra.

28.

Konsegwentement, huma jemmnu li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati jaċċettaw il-kummerċjalizzazzjoni, bħala bijogass sostenibbli, ta’ dak importat minn Stati oħra permezz tan-netwerk tal-pipelines nazzjonali interkonnessi.

29.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jaqbel ma’ dan l-approċċ, iżda jżid li, jekk l-Isvezja taċċetta l-possibbiltà li tintuża l-proċedura BM fin-netwerk tal-pipelines interkonnessi tagħha, għandha taċċetta din ukoll għall-importazzjonijiet ta’ bijogass li ġejjin minn Stati Membri oħra. Din il-konklużjoni hija ġġustifikata, ukoll, permezz tal-eżistenza ta’ sistemi nazzjonali u internazzjonali volontarji, approvati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 u li jippromwovu l-kummerċ transkonfinali tal-bijogass.

30.

E.ON Biofor tqis li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 imur kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li timpedixxi l-kummerċjalizzazzjoni, bħala sostenibbli, tal-bijogass importat minn Stat Membru ieħor permezz ta’ pipelines, jekk dik l-importazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-użu tas-sistema BM.

31.

Fil-fehma tagħha, l-importazzjonijiet mill-Ġermanja lejn l-Isvezja jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet f’dan il-każ. Gassijiet b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti jitħalltu fin-netwerk tal-pipelines u tiġi żgurata r-relazzjoni fiżika bejn il-produzzjoni u l-konsum, peress li l-injezzjonijiet u t-tneħħija tal-bijogass isiru fin-netwerk tal-pipelines nazzjonali interkonnessi tal-gass, bħala spazju fiżiku ddefinit sew.

32.

Barra minn hekk, E.ON Biofor targumenta li ċ-ċertifikati ppreżentati jippermettu lill-Awtorità għall-Enerġija tivverifika li l-kunsinni kollha mneħħija mit-taħlita fl-Isvezja għandhom l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà bħall-kunsinni injettati fil-Ġermanja f’dik l-istess taħlita.

33.

Skont E.ON Biofor, l-interpretazzjoni ta’ dan hija konformi mal-għanijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li t-trasport tal-bijogass permezz tal-pipelines jikkawża inqas tniġġis u jiswa inqas milli t-trasport bit-triq, bil-baħar jew bil-ferrovija. Il-kummerċ transkonfinali jinkoraġġixxi l-konsum tiegħu, b’riperkussjoni pożittiva fuq it-tnaqqis tal-gassijiet serra mitluba mid-Direttiva 2009/28. Għall-kuntrarju, it-tneħħija tal-metodu BM fl-iskambji intra-Komunitarji permezz ta’ pipelines iżżid l-ispejjeż tat-trasport tal-bijogass.

34.

Il-Gvern Estonjan u l-Aġenzija għall-Enerġija jiddefendu l-idea opposta. Huma jargumentaw li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 ma għandux l-għan li jarmonizza l-kummerċ tal-bijogass fl-Unjoni u li, għaldaqstant, ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-Istati Membri jaċċettaw l-applikazzjoni tal-metodu BM għall-bijogass importat permezz tan-netwerk interkonness tal-pipelines.

35.

Skont l-Aġenzija għall-Enerġija, il-metodu BM jeħtieġ kontroll tat-traċċabbiltà tal-bijogass mill-produzzjoni sal-konsum, li għandu jsir f’“f’post iddefinit sew” fejn awtorità superviżorja tkun tista’ tivverifika s-sostenibbiltà tal-kunsinni tal-bijogass li ġew miżjuda u mneħħija mit-taħlita. Dan il-kontroll ma huwiex fattibbli fin-netwerk interkonness ta’ pipelines nazzjonali, jekk ma jkunx hemm awtorità Ewropea li tissorveljah. F’din is-sitwazzjoni, il-qbil għall-applikazzjoni tal-metodu BM, fir-realtà, ifisser l-aċċettazzjoni tal-użu ta’ sistema ta’ ċertifikati negozjabbli (book and claim).

B – Fuq it-tieni domanda preliminari

36.

Fir-rigward tal-validità tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 il-Parlament u l-Kunsill jikkunsidraw li ma hemmx restrizzjoni fuq l-iskambji intra-Komunitarji ta’ bijogass u li, għalhekk dan ma jmurx kontra l-projbizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti fuq l-importazzjoni (Artikolu 34 TFUE). Huma jżidu li, jekk ikun hemm tali restrizzjonijiet, dawn ikunu ġġustifikati mill-ħtieġa imperattiva tal-ħarsien tal-ambjent u l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

37.

Il-Kummissjoni u l-Gvern Estonjan isostnu li l-użu tal-metodu BM jiġġenera ostakolu għall-kummerċ intra-Komunitarju tal-bijogass, li jmur kontra, fil-prinċipju, l-Artikolu 34 TFUE, iżda huwa ġġustifikat mill-ħarsien tal-ambjent. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx eżerċita b’mod sproporzjonat id-diskrezzjoni tiegħu fl-għażla ta’ BM bħala metodu ta’ kontroll tas-sostenibbiltà tal-bijogass. L-Aġenzija għall-Enerġija, li tappoġġja dan l-argument ukoll, tinvoka bħala ġustifikazzjoni addizzjonali l-ħtieġa li tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija.

38.

Madankollu, skont E.ON Biofor, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 imur kontra l-Artikolu 34 TFUE jekk jiġi mifhum bħala li jwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti u li ma jiżgurax il-moviment liberu intra-Komunitarju ta’ bijogass sostenibbli permezz ta’ pipelines. Barra minn hekk, hija żżid, li l-miżura Svediża tippermetti l-BM għall-bijogass ta’ oriġini Svediż fin-netwerk nazzjonali ta’ pipelines u tipprojbih għal dak importat permezz tan-netwerk nazzjonali ta’ pipelines interkonnessi tikser l-Artikolu 34 TFUE. Fil-fehma tagħha, din ir-restrizzjoni hija diskriminatorja u ma hijiex iġġustifikata mill-ħarsien tal-ambjent jew mis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, minħabba li dawn ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

IV – Analiżi tad-domandi preliminari

39.

Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari titlob interpretazzjoni tat-termini “bilanċ tal-massa” u “taħlita”, imsemmija fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, kif ukoll deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 34 TFUE, naħseb li huwa importanti li nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari dwar dawn il-kunċetti.

40.

L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 jimponi l-metodu BM sabiex jiġi vverifikat jekk il-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 17(2) sa (6) tagħha, humiex issodisfatti mill-bijogass sabiex jikkwalifika bħala bijokarburant sostenibbli.

41.

Din il-kwalifika jew “tikketta ekoloġika” hija conditio sine qua non sabiex il-konsum tal-bijokarburant jiġi kkunsidrat sabiex: a) tiġi vvalutata l-konformità mill-Istati tal-obbligu tagħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’gassijiet serra; b) tiġi vvalutata l-konformità mal-obbligi tal-użu tal-enerġija li tiġġedded u c) jibbenefika mid-diversi tipi ta’ għajnuniet maħluqa mill-Istati sabiex jippromwovu l-konsum tal-enerġija li tiġġedded.

42.

Ir-raġuni għall-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 17(2) sa (6) tad-Direttiva 2009/28 hija li jiġi evitat li żoni ta’ valur ekoloġiku ( 13 ) għoli jiġu ddedikati għall-produzzjoni tal-bijomassa għall-ġenerazzjoni tal-bijokarburanti. Il-materja prima użata fil-produzzjoni tal-bijogass għandha tkun konformi, ukoll, mar-rekwiżiti ambjentali tar-regolamenti agrikoli tal-Unjoni ( 14 ). Il-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-bijogass, b’mod partikolari, iservu ż-żewġ għanijiet.

43.

Id-Direttiva 2009/28 wettqet armonizzazzjoni eżawrjenti tal-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-bijogass, sabiex l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jintroduċu kriterji oħra addizzjonali, skont l-Artikolu 17(8), u lanqas ma jistgħu jieqfu jużaw xi wieħed minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 ( 15 ).

44.

Loġikament, għandu jiġi stabbilit jekk il-bijogass ikkummerċjalizzat jirrispettax il-kriterji ta’ sostenibbiltà, li għalihom hemm diversi tekniki u proċeduri, li d-Direttiva 2009/28 għażlet il-metodu BM minnhom. Din l-għażla tfisser li jitneħħew:

Il-metodu ta’ preservazzjoni tal-identità, li jipprevjeni t-taħlit tal-bijokarburanti bejniethom jew ma’ tipi ta’ karburanti oħra, u jipprovdi li l-bijokarburant jibqa’ strettament iżolat u identifikabbli mill-fażi tal-produzzjoni sal-konsum. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax dan il-metodu minħabba l-ispejjeż amministrattivi u tat-trasport għoljin tiegħu ( 16 ).

Il-metodu taċ-ċertifikati negozjabbli (book and claim) ( 17 ), li jippermetti lill-fornituri juru li l-lott tal-karburant li jikkummerċjalizzaw inkiseb minn sorsi rinnovabbli. B’dan il-metodu ma jippresupponi l-ebda relazzjoni diretta bejn il-bijokarburant ikkummerċjalizzat u l-produzzjoni tiegħu minn bijomassa li tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà, sabiex l-aġenti ekonomiċi ma jkollhom juru ebda traċċabbiltà u l-ispejjeż amministrattivi tagħhom ikunu minimi.

45.

Kif diġà indikajt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jimponi l-metodu BM bħala għażla intermedja bejn it-tnejn ta’ qabel, għax, filwaqt li jippermetti t-taħlit ta’ bijokarburanti differenti għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, jiżgura t-traċċabbiltà tagħhom mill-oriġini sal-konsum. Il-metodu BM jeħtieġ li n-negozjant ikollu dokumenti li juru li l-istess ammont ta’ bijokarburant bħal dak li tneħħa min-netwerk ta’ distribuzzjoni ġie injettat f’dak in-netwerk, wara li nkiseb skont il-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 17(2) sa (6), tad-Direttiva 2009/28. L-ispejjeż amministrattivi għall-applikazjoni tiegħu huma ogħla minn dawk ta’ ċertifikati negozjabbli, imma l-effettività tagħhom hija superjuri sabiex tinkoraġġixxi l-produzzjoni tal-bijokarburanti ( 18 ).

46.

Skont il-premessa 76 tad-Direttiva 2009/28, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra proċeduri ta’ verifika oħra tal-bijokarburanti u tinforma (l-Artikolu 18(2) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fis-snin 2010 u 2012, dwar it-tħaddim tal-metodu BM u dwar il-possibbiltà li jiġu approvati oħrajn. Ir-rapport tagħha kkonkluda li l-metodu BM baqa’ jkun dak l-iktar xieraq ( 19 ).

47.

L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 jagħmel, fil-fehma tiegħi, armonizzazzjoni parzjali ta’ kif għandu jiġi applikat il-metodu BM ( 20 ), filwaqt li jimponi, f’kull każ, tliet kundizzjonijiet, jiġifieri:

[j]ippermetti li kunsinni ta’ materja prima jew bijokarburant b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti jiġu mħallta;

[j]eħtieġ li informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà u d-daqsijiet tal-kunsinni msemmija fil-punt (a) tibqa’ assenjata lit-taħlita; u

[j]ipprovdi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita.

48.

Fuq il-bażi ta’ din l-armonizzazzjoni parzjali, id-Direttiva 2009/28 tippermetti l-implementazzjoni tal-metodu BM permezz, alternattivament:

Sistema nazzjonali ta’ applikazzjoni stabbilita mill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru, skont l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2009/28.

Sistemi volontarji, nazzjonali jew internazzjonali, irrikonoxxuti mill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18(4) u (5) tad-Direttiva 2009/28

Sistema internazzjonali prevista fi ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi u li l-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet għal dan il-għan.

49.

Fil-preżent, l-Unjoni ma kkonkludiet ebda ftehim bħal dan ma’ Stati terzi u l-metodu BM japplika jew permezz ta’ sistemi nazzjonali (bħal dik Svediża f’dan il-każ), jew inkella permezz tad-dsatax-il sistema volontarji li l-Kummissjoni approvat sa issa ( 21 ).

A – L-ewwel domanda preliminari: interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28

50.

Il-qorti tar-rinviju, fl-ewwel domanda preliminari tagħha, tistaqsi jekk l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, inkwantu jistabbilixxi l-użu tal-metodu BM, jobbligax l-awtorizzazzjoni tal-kummerċ ta’ bijogass bejn l-Istati Membri permezz ta’ netwerk interkonness ta’ pipelines.

51.

Il-fattur li wassal għal din il-kwistjoni huwa, kif intqal diġà, ir-rekwiżit li l-BM isir f’“post iddefinit b’mod ċar” fl-Isvezja, għal-liema raġuni l-Aġenzija għall-Enerġija infurmat lil E.ON Biofor li n-netwerk nazzjonali ta’ pipelines interkonnessi ma kienx jissodisfa dak ir-rekwiżit.

52.

Fil-fatt, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 ma jinkludix, fost ir-rekwiżiti tal-BM, il-ħtieġa li dan isir f’post iddefinit b’mod ċar. Ir-riferiment għal “post” jidher fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2010 li, peress li ttrattat forom differenti li tista’ tieħu t-taħlita ta’ bijokarburanti, tipprovdi li “l-kunsinni normalment ikunu f’kuntatt, bħal f’kontejner, fi proċess jew f’faċilità jew sit loġistiku jew ta’ proċessar (definiti bħala lokazzjoni ġeografika bil-limiti preċiżi li fiha l-prodotti jistgħu jitħalltu)” ( 22 ).

53.

Din il-kjarifika tal-Kummissjoni ma tipprovdi ebda rekwiżit addizzjonali ma’ dawk tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 għall-użu tal-metodu BM. Għalhekk, jistgħu jitħalltu bijogassijiet b’livelli differenti ta’ sostenibbiltà u bijogassijiet b’gass li jkun ġej minn fjuwils fossili u t-taħlita għandha ssir f’post ġeografiku li jippermetti dan (kontejner, faċilità ta’ trattament jew ta’ loġistika, pipelines, eċċ.).

54.

Peress li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 jinkludi biss ir-rekwiżiti tekniċi bażiċi, li għamilt riferiment għalihom qabel ( 23 ),għall-applikazzjoni tal-metodu BM, l-impatt tiegħu fuq il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ bijogass permezz ta’ pipelines huwa newtrali. Jien naqbel mal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament li d-dispożizzjoni ma timponix u lanqas ma tipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ dak il-metodu fi skambji ta’ bijogass transkonfinali.

55.

Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw ir-regoli li jirregolaw il-metodu BM, sabiex ttitwettaq l-applikazzjoni tiegħu, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28. Jistgħu għalhekk jipprovdu li l-BM isir kemm fl-impjanti ta’ produzzjoni, kif ukoll fin-netwerk nazzjonali ta’ pipelines (kif approvaw l-Isvezja, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi), jew f’netwerk nazzjonali ta’ pipelines interkonnessi, dejjem sakemm ikun possibbli li tiġi żgurata l-katina ta’ sorveljanza u t-traċċabbiltà tal-bijogass.

56.

L-armonizzazzjoni sħiħa tal-kriterji ta’ sostenibbiltà, l-impożizzjoni tal-BM sabiex jiġi vverifikat li l-bijogass ikun konformi magħhom u l-armonizzazzjoni parzjali tal-kundizzjonijiet tekniċi għall-użu tal-BM, mingħajr dubju, jiffavorixxu, l-iskambji intra-Komunitarji ta’ dan il-bijokarburant. Il-premessa 94 tad-Direttiva 2009/28 tirreferi preċiżament għall-għan ta’ armonizzazzjoni tal-Artikoli 17 u 18 tagħha, u tispeċifika li l-bażi legali għall-adozzjoni tagħhom hija l-Artikolu 95 TKE (l-Artikolu 114 TFUE) u li permezz tagħhom “jiffaċilitaw[tiffaċilita] […] il-kummerċ bejn l-Istati Membri fil-bijokarburanti u bjolikwidi […]”.

57.

Madankollu, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, id-Direttiva 2009/28 ma tinkludi ebda klawżola ta’ ċirkolazzjoni mingħajr kundizzjonijiet tal-bijogass bejn l-Istati Membri, u dawn jistgħu jimplementaw sistemi differenti ta’ applikazzjoni tal-BM, li jiġġeneraw restrizzjonijiet fuq il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ bijogass sostenibbli. Kellu jkun hemm armonizzazzjoni sħiħa tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-metodu BM sabiex is-sistemi nazzjonali kollha jkunu simili u, għalhekk, jiġi ggarantit il-moviment liberu tal-bijogass ikkummerċjalizzat legalment taħt xi waħda minnhom.

58.

Fin-nuqqas ta’ tali armonizzazzjoni sħiħa, l-operaturi jistgħu jiksbu biss il-moviment liberu transkonfinali tal-bijogass billi jużaw is-sistemi volontarji ta’ verifika awtorizzati mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28. L-Aġenzija għall-Enerġija tirrikonoxxi, f’dan il-kuntest, li ma hemm l-ebda diffikultà fl-aċċettazzjoni tal-bijogass sostenibbli importat bi kwalunkwe wieħed minn dawk iċ-ċertifikati ( 24 ), sakemm ikopri l-kummerċ transkonfinali, bħal fil-każ tal-iskemi International Sustainability and Carbon Certification (ISCC), REDcert EU u NTA 8080 ( 25 ).

59.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari billi tiddikjara li l-interpretazzjoni tal-kunċetti “bilanċ tal-massa” u ta’ “taħlita”, tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 ma timpedixxix u lanqas ma tobbliga lill-Istati Membri jawtorizzaw mingħajr kundizzjonijiet il-kummerċ tal-bijogass sostenibbli permezz ta’ netwerk interkonness ta’ pipelines nazzjonali.

B – It-tieni domanda preliminari: il-kompatibbiltà tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 mal-Artikolu 34 TFUE

60.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ li l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, dwar l-inkompatibbiltà eventwali tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 mal-Artikolu 34 TFUE, li jipprojbixxi miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni.

61.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni tal-Artikolu 34 TFUE “ma tapplikax biss għall-miżuri nazzjonali, iżda wkoll għall-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet [tal-Unjoni]”, b’tali mod li r-regoli tal-leġiżlazzjoni sekondarja wkoll għandhom jirrispettawha ( 26 ).

62.

Madankollu, din il-projbizzjoni hija imposta fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’mod inqas strett milli fuq l-Istati Membri ( 27 ), minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħtihom diskrezzjoni wiesgħa sabiex jeżerċitaw il-kompetenza ta’ armonizzazzjoni tagħhom fil-qasam tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ merkanziji. Huma jistgħu, għalhekk, jadottaw regoli li temporanjament iżommu ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju, bħala pass qabel ir-rimi finali tiegħu ( 28 ).

63.

L-impożizzjoni tal-metodu BM sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-bijogass, fit-termini tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, toħloq ċertu ostakoli għall-iskambji intra-Komunitarji ta’ din il-merkanzija, peress li tobbliga lill-operaturi ekonomiċi jieħdu xi piżijiet amministrattivi u finanzjarji addizzjonali, li kienu jkunu ineżistenti kieku ntuża l-metodu ta’ ċertifikati negozjabbli (jew, anki, deregolamentazzjoni sħiħa li kienet tagħti liberta sħiħa lill-operaturi ekonomiċi sabiex jagħtu prova permezz ta’ mezzi oħra tas-sostenibbiltà tal-bijogass).

64.

Barra minn hekk, kif diġà indikajt, l-armonizzazzjoni parzjali tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 rigward il-metodu BM tiftaħ il-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu sistemi nazzjonali differenti għall-użu tiegħu, u għalhekk il-bijogass meqjus sostenibbli, b’konformità ma’ sistema nazzjonali jista’ ma jkunx hemm fi Stat Membru ieħor. Armonizzazzjoni sħiħa kienet tevita l-ħolqien ta’ dawn l-ostakoli tekniċi u tiggarantixxi li l-bijogass sostenibbli, ladarba mmanifatturat u kkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru, seta’ jkollu aċċess, b’din l-istess “tikketta”, għall-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni sabiex jiġi ddistribwit fihom.

65.

Madankollu, ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ intra-Komunitarju li jirriżultaw mill-użu tal-metodu BM (li possibbilment imorru kontra l-projbizzjoni tal-Artikolu 34 TFUE) jistgħu jkunu ġġustifikati mill-ħtieġa imperattiva li jiġi mħares l-ambjent u għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-kunsiderazzjonijiet li se nagħmel iktar 'il quddiem dwar ir-regola nazzjonali li teħtieġ li jsir BM f’post iddefinit b’mod ċar fl-Isvezja jistgħu jiġu estrapolati hawn, bid-differenza li r-regolamentazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28 hija ġenerali għall-Istati kollha, mingħajr ebda element diskriminatorju jew protettiv li jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

66.

Għaldaqstant, minkejja li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 jinvolvi restrizzjoni temporanja fuq il-kummerċ intra-Komunitarju tal-bijogass, huwa jiffavorixxi wkoll l-iżvilupp ta’ dan il-kummerċ fit-tul, li jeskludi l-klassifikazzjoni tiegħu bħala miżura b’effett ekwivalenti li tmur kontra l-Artikolu 34 TFUE, skont il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq. Diversi raġunijiet jiffavorixxu din il-konklużjoni.

67.

L-ewwel, il-metodu BM jipprovdi inqas diffikultajiet għall-kummerċ intra-Komunitarju milli għall-metodu ta’ preservazzjoni tal-identità, kif spjegajt qabel ( 29 ), filwaqt li jippermetti kontroll tat-traċċabbiltà tal-bijogass sostenibbli.

68.

It-tieni, id-Direttiva 2009/28 aċċettat fl-Artikolu 18(4), li l-operaturi jirrikorru għal sistemi volontarji nazzjonali u internazzjonali sabiex japplikaw is-sistema BM, ladarba jiġu rrikonoxxuti mill-Kummissjoni. Dawn is-sistemi volontarji jistgħu jintużaw kemm fil-kummerċ intern ta’ pajjiż kif ukoll fil-kummerċ intra-Komunitarju. Bl-użu tagħhom, l-operatur għandu l-garanzija, skont l-Artikolu 18(7) ta’ dik id-direttiva ( 30 ), li l-bijogass li s-sostenibbiltà tiegħu tkun ġiet akkreditata bil-BM milqugħ fi kwalunkwe waħda minn dawn is-sistemi volontarji jista’ jiġi kkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor, fl-istess kundizzjonijiet bħall-bijogass ta’ oriġini nazzjonali vverifikat b’BM li jikkonforma mas-sistema nazzjonali.

69.

It-tielet, l-Artikolu 18(9), tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi għall-possibbiltà li fil-futur, il-metodu BM, jiġi mibdul b’wieħed inqas restrittiv għall-kummerċ intra-Komunitarju, kif jistgħu jkunu ċ-ċertifikati negozjabbli. Din id-dispożizzjoni turi li l-metodu BM jirrappreżenta l-ewwel pass fil-promozzjoni tal-kummerċ intra-Komunitarju tal-bijogass, anki jekk temporanjament jinżammu ċerti ostakoli li jistgħu jiġu kkoreġuti iktar tard.

70.

Konsegwentement, peress li l-għażla tal-metodu BM, fit-termini li saru, issegwi evalwazzjoni ta’ diversi fatturi (ta’ natura ekonomika u teknika) ta’ kumplessità ovvja, u ma narax li din hija miżura li hija inadegwata b’mod ċar fir-rigward tal-għan propost, ma hemm ebda raġuni biex wieħed jemmen li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 jikser l-Artikolu 34 TFUE.

C – Il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Svediża mal-Artikolu 34 TFUE

71.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, meta ambitu jkun ġie armonizzat b’mod eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni, kwalunkwe miżura nazzjonali adottata fih għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux ta’ dawk tad-dritt primarju ( 31 ). Madankollu, kwalunkwe regola interna li tittrasponi direttiva ta’ armonizzazzjoni mhux eżawrjenti fid-dritt intern għandha tkun konformi mad-dritt primarju ( 32 ).

72.

Peress li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 jarmonizza biss parzjalment u mhux b’mod eżawrjenti l-użu tal-metodu BM sabiex tiġi vverifikata n-natura sostenibbli tal-bijogass, is-sistema nazzjonali Svediża għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE.

73.

B’mod iktar speċifiku, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni li l-BM isir f’post iddefinit b’mod ċar, bħan-netwerk Svediż tal-pipelines, iżda mhux fin-netwerk interkonness ta’ pipelines nazzjonali, tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tagħmilx din id-domanda direttament, naħseb li jeħtieġ li tiġi indirizzata sabiex ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun utli biex tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

74.

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, billi l-Artikolu 34 TFUE jipprojbixxi l-miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri, jaffettwa kwalunkwe miżura nazzjonali li tista’ xxekkel direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju ( 33 ).

75.

Madankollu, il-miżura tal-Aġenzija għall-Enerġija, li hija applikabbli bl-istess mod għall-bijogass sostenibbli kollu kkummerċjalizzat fl-Isvezja, irrispettivament mill-oriġini tiegħu, timpedixxi li jsir BM tal-bijogass importat fin-netwerk interkonness ta’ pipelines nazzjonali, peress li dan ifixkel jew jostakola l‑importazzjonijiet tal-bijogass li ġejjin minn Stat Membru ieħor permezz ta’ dak in-netwerk.

76.

Jekk il-bijogass prodott u kkummerċjalizzat legalment fil-Ġermanja, li fil-prinċipju jissodisfa r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28, ma jistax jidħol l-Isvezja bħala bijogass sostenibbli meta jiċċirkola f’pipeline, il-miżura nazzjonali tirrestrinġi l-importazzjoni u, għalhekk, tmur kontra l-Artikolu 34 TFUE. Anki jekk, skont kif targumenta l-Aġenzija għall-Enerġija, jista’ jiġi ddistribwit bħala bijogass mhux sostenibbli, il-profittabbiltà għall-operatur ekonomiku titnaqqas, peress li huwa l-bijogass sostenibbli biss li jibbenefika minn sistema fiskali favorevoli, u għalhekk jagħmlu kompetittiv meta mqabbel mal-fjuwils fossili.

77.

Għall-Aġenzija għall-Enerġija, ir-regola Svediża ma timpedixxix il-kummerċ transkonfinali tal-bijogass sostenibbli, li l-operaturi jistgħu jimportaw minn Stati Membri oħra permezz ta’ pipeline billi jużaw waħda mis-sistemi volontarji approvati mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 ( 34 ). Hija żżid li huma jistgħu, ukoll, jużaw trasport bit-triq, bil-ferrovija jew bil-vapur u mbagħad jinjettaw dan il-bijiogass importat fin-netwerk Svediż tal-pipelines.

78.

L-ebda wieħed miż-żewġ argumenti ma naħseb li huwa biżżejjed sabiex jiġi eskluż l-effett restrittiv tal-miżura. Il-bijogass jista’, ċertament, jiġi likwifikat u esportat lejn l-Isvezja bl-art, bil-baħar jew bil-ferrovija, filwaqt li jinżammu l-karatteristiċi tiegħu u jiġi applikat il-metodu ta’ preservazzjoni tal-identità għall-kontroll tas-sostenibbiltà tiegħu, iżda, kif indikat E.ON Biofor, dawn il-mezzi tat-trasport, li ma humiex pipelines, jagħmlu l-prezz finali tiegħu konsiderevolment ogħla, u għalhekk jimpedixxu, de facto, l-importazzjoni tiegħu fl-Isvezja, peress li ma jkunx kompetittiv mal-bijogass ta’ oriġini Svediża ( 35 ).

79.

L-użu ta’ sistema volontarja ta’ applikazzjoni tal-metodu BM huwa l-uniku mod biex jiġi esportat bijogass sostenibbli lejn l-Isvezja għall-operaturi ekonomiċi ta’ Stati oħra, filwaqt li l-produtturi Svediżi tal-bijogass jistgħu jibbenefikaw minn waħda minn dawn is-sistemi volontarji jew mis-sistema nazzjonali Svediża, li jista’ jirriżulta iktar favorevoli għalihom. E.ON Biofor, biex turi s-sostenibbiltà tal-bijogass tagħha, użat is-sistema nazzjonali Ġermaniża REDCert DE u, kif iddikjarat fis-seduta, l-użu ta’ sistema volontarja ta’ verifika tal-BM approvata mill-Kummissjoni, kif tista’ tkun REDCert UE, kien twassalha biex tidħol fi spejjeż addizzjonali

80.

L-ostakolu għall-importazzjonijiet tal-bijogass minn Stati Membri oħra permezz tan-netwerk ta’ pipelines jista’, madankollu, ikun iġġustifikat minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li regola jew prassi nazzjonali li tikkostitwixxi miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni tista’ tkun koperta minn dawk ir-raġunijiet jew rekwiżiti. Fiż-żewġ każijiet, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, id-dispożizzjoni nazzjonali għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq ( 36 ).

81.

Il-miżura tal-Aġenzija għall-Enerġija tiffaċilita l-użu tal-BM mill-produtturi Svediżi tal-bijogass, billi tippermettilhom iħalltuh fin-netwerk nazzjonali tal-pipelines permezz tal-metodu BM, li huwa inqas restrittiv milli kieku dawn kienu ġew sfurzati li jużawh f’kull impjant ta’ produzzjoni. Konsegwentement, din tiffavorixxi l-użu ta’ din l-enerġija rinnovabbli u, minn din il-perspettiva, tista’ tkun koperta mill-ħarsien tal-ambjent ( 37 ) u, b’mod iktar speċifiku, mill-promozzjoni tal-bijogass bħala enerġija li tiġġedded ( 38 ), li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, waħda mill-kawżi ewlenin tat-tibdil fil-klima li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jiġġieldu kontriha ( 39 ). Il-miżura Svediża hija pożittiva wkoll sabiex tiżgura l-provvista tal-elettriku, peress li tgħin biex tkopri d-domanda tal-bijogass għat-trasport, għan tas-sistema Svediża ta’ inċentivi fiskali.

82.

Billi tiffavorixxi l-preservazzjoni tal-ambjent, il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, b’mod ġenerali, u tal-bijogass, b’mod partikolari, il-miżura tikkontribwixxi wkoll, indirettament, għall-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tan-nies u tal-annimali, kif ukoll għall-preservazzjoni tal-pjanti, li huma raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE ( 40 ).

83.

Madankollu, id-deċiżjoni tal-Aġenzija għall-Enerġija Svediża għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jfisser li għandha tkun adegwata sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

84.

Jien ma nemminx li l-limitazzjoni tal-metodu BM għan-netwerk Svediż tal-pipelines, bl-esklużjoni tan-netwerk interkonness ta’ pipelines nazzjonali ta’ Stati Membri tal-UE, hija strettament neċessarja sabiex jiġi promoss l-użu tal-bijogass sostenibbli fl-Isvezja. Anzi għall-kuntrarju, din tagħmel impossibbli de facto l-importazzjoni fl-Isvezja ta’ bijogass li jkun ġej minn Stati Membri oħra, meta dawn l-importazzjonijiet iżidu l-provvista ta’ bijogass u jippermettu użu aħjar ta’ dan il-bijokarburant.

85.

Ma nistax insib biżżejjed raġunijiet sabiex l-Isvezja timpedixxi, għall-operaturi li jixtiequ dan, l-importazzjoni ta’ bijogass sostenibbli, ivverifikat permezz tal-metodu BM, permezz tan-netwerk ta’ pipelines interkonnessi ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni, sakemm dawk ikunu jistgħu juru, bl-istess mod bħall-produtturi Svediżi, li s-sostenibbiltà tal-bijogass tagħhom hija ggarantita skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28 u tas-sistema nazzjonali tagħhom ta’ applikazzjoni tal-metodu BM. Dan l-argument huwa infurzat jekk jidher li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta deċiżjoni li tiddetermina li sistema nazzjonali għall-applikazzjoni tal-metodu BM (li jkun ġie nnotifikat lilha) jinvolvi awtomatikament rikonoxximent reċiproku, bħas-sistemi volontarji ( 41 ).

86.

L-Aġenzija għall-Enerġija Svediża tipprova tiġġustifika l-aġir tagħha fin-nuqqas ta’ awtorità superviżorja Ewropea fuq in-netwerk tal-pipelines nazzjonali, li jkollha l-kapaċità li tissorvelja l-applikazzjoni tal-BM, sabiex tiggarantixxi t-traċċabbiltà tal-lottijiet ta’ bijogass sostenibbli suġġetti tal-kummerċ intra-Komunitarju u sabiex tevita, fl-istess ħin, li l-operaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn iktar minn għajnuna waħda għall-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu. Waqt is-seduta, hija sostniet l-impossibbiltà li tiġi vverifikata l-katina tal-informazzjoni tal-bijogass importat mill-Ġermanja lejn l-Isvezja, minħabba li hija stess ma tistax teżerċita kontroll fuq il-produtturi tal-bijogass fil-Ġermanja.

87.

Ma naħsibx li dan l-argument huwa aċċettabbli, peress li l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 jippermetti l-moviment liberu tal-bijogass sostenibbli permezz ta’ pipelines, meta t-traċċabbiltà tiegħu tkun garantita minn sistemi volontarji approvati mill-Kummissjoni. Jekk operatur juri, skont is-sistema nazzjonali tal-pajjiż ta’ produzzjoni, il-konformità mal-BM ta’ lott ta’ bijogass sostenibbli importat minn Stat Membru permezz ta’ pipelines, l-awtoritajiet Svediżi għandhom jaċċettaw l-importazzjoni tiegħu u ma jimpedixxux it-trasport tiegħu fin-netwerk Svediż tal-pipelines.

88.

L-armonizzazzjoni parzjali tal-użu tal-BM, irregolata mill-Artikolu 18(1) u (3), tad-Direttiva 2009/28 għandha tippermetti lok għar-rikonoxximent reċiproku tal-bijogass sostenibbli miksub fl-Istati Membri, sakemm ma jintweriex li hemm rekwiżit imperattiv sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut tiegħu. L-Aġenzija għall-Enerġija Svediża ma pprovdietx argumenti suffiċjenti sabiex tirribatti din il-preżunzjoni tal-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku għall-bijogass immanifatturat u kkummerċjalizzat legalment fil-Ġermanja bħala sostenibbli u esportat lejn l-Isvezja permezz ta’ pipelines.

89.

L-Isvezja setgħet ippermettiet li l-operaturi ekonomiċi juru n-natura sostenibbli tal-bijogass tagħhom bl-informazzjoni tas-sistema ta’ applikazzjoni tal-metodu tal-BM tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Din hija alternattiva inqas restrittiva tal-kummerċ intra-Komunitarju mill-projbizzjoni, de facto, tal-importazzjonijiet permezz tal-pipelines. Fir-realtà, hekk kif iddikjarat matul is-seduta, l-Aġenzija għall-Enerġija tikkontrolla s-sostenibbiltà tal-bijogass billi teżamina d-dokumenti ppreżentati lilha mill-operaturi nazzjonali. Ma nifhimx għaliex ma setgħetx tapplika din l-istess soluzzjoni għall-importaturi tal-bijogass li jipprovdu ċertifikati nazzjonali affidabbli, li juru l-kwalità sostenibbli tal-bijogass.

90.

Il-miżura kkontestata, għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fi kwalunkwe każ, hija l-Aġenzija għall-Enerġija (u, eventwalment l-imħallef li jiddeċiedi dwar id-deċiżjonijiet tagħha fl-appell) li għandha tiddetermina jekk il-provi pprovduti minn E.ON Biofor humiex adegwati sabiex juru li l-lottijiet tal-bijogass importati jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà tad-Direttiva 2009/28, li jkunu kkonformaw mar-rekwiżiti tal-metodu BM u li ma hemm ebda riskju ta’ għadd doppju tal-lottijiet fil-Ġermanja u fl-Isvezja, minkejja t-trasport tiegħu permezz tan-netwerk ta’ pipelines nazzjonali interkonnessi.

D – Il-miżura tal-Aġenzija għall-Enerġija bħala skema ta’ appoġġ nazzjonali

91.

Fl-aħħar nett, sussidjarjament u biss għall-ipoteżi li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jitqiesu mill-perspettiva tar-restrizzjonijiet ammissibbli għall-“iskemi ta’ appoġġ nazzjonali” għall-produzzjoni tal-bijogass, fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, xtaqt nenfasizza li l-limitazzjoni tal-metodu BM għall-bijogass li jiċċirkola mill-pipelines Svediżi, bl-esklużjoni ta’ dak li ġej minn netwerk interkonness ta’ pipelines nazzjonali, ma taqa’ taħt ebda waħda minn dawn l-iskemi. Lanqas ma tista’ titqabbel mas-sistemi nazzjonali ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku ekoloġiku eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ålands Vindkraft ( 42 ).

92.

Għalkemm id-digriet tar-rinviju ma jsemmix dan b’mod espliċitu ( 43 ), jidher li jista’ jiġi dedott minnu (u dan ġie kkonfermat mill-Aġenzija għall-Enerġija fis-seduta) li t-trattament fiskali favorevoli jestendi għall-bijogass sostenibbli kollu, u mhux biss għal dak ta’ oriġini Svediża, u għalhekk jibbenefika minn dan ukoll, dak il-bijogass importat li jkun konformi mas-sistemi volontarji għall-applikazzjoni tal-BM ( 44 ).

93.

Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Istati jistgħu jieħdu miżuri diskriminatorji biex jappoġġjaw l-elettriku ekoloġiku u jillimitawhom għal dak li joriġina fit-territorju tagħhom ( 45 ). Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza, li xi elementi tagħha ġew ikkritikati ( 46 ), ma tistax tiġi estrapolata għal din il-kawża. L-ewwel, għaliex, nirrepeti, dan ma huwiex il-każ ta’ skema ta’ appoġġ nazzjonali għall-produzzjoni ta’ bijogass. It-tieni, minħabba li fil-produzzjoni u l-kummerċ tal-elettriku ekoloġiku, it-traċċabbiltà hija diffiċli ħafna sabiex tinżamm (li jispjega l-użu ta’ ċertifikati negozjabbli), filwaqt li dik tal-bijogass hija fattibbli u hija żgurata permezz tad-Direttiva 2009/28, preċiżament permezz tal-metodu BM. Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ċerti miżuri diskriminatorji nazzjonali (bħall-applikazzjoni ta’ tariffi tat-trasport preferenzjali biss għall-elettriku ekoloġiku ta’ oriġini reġjonali) imorru kontra l-Artikolu 34 TFUE u ma humiex iġġustifikati ( 47 ).

94.

Fil-qosor, jiena nemmen li miżura nazzjonali li teħtieġ li jiġi applikat il-metodu BM f’post iddefinit b’mod ċar, bħan-netwerk nazzjonali tal-pipelines, bl-esklużjoni tal-bijogass ivverifikat b’dan il-metodu li jkun ġej min-netwerk interkonness ta’ pipelines nazzjonali, tikkostitwixxi miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, li tmur kontra l-Artikolu 34 TFUE.

V – Konklużjoni

95.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Förvaltningsrätten i Linköping (Qorti tal-Ewwel Istanza Kontenzjuża-Amministrattiva, l-Isvezja) kif ġej:

“1)

L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, meta juża l-kunċetti ta’ “bilanċ tal-massa” u “taħlita”, la jimpedixxi u lanqas ma jobbliga lill-Istati Membri jawtorizzaw mingħajr kundizzjonijiet il-kummerċ transkonfinali tal-bijogass permezz ta’ netwerk interkonness ta’ pipelines nazzjonali.

2)

Ma hemmx raġunijiet sabiex l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 jiġi ddikjarat bħala li jikser l-Artikolu 34 TFUE.

3)

Miżura nazzjonali li tobbliga l-applikazzjoni tal-metodu ta’ “bilanċ tal-massa” f’post iddefinit b’mod ċar, bħan-netwerk nazzjonali ta’ pipelines, bl-esklużjoni tal-bijogass ivverifikat permezz ta’ dan il-metodu li jiċċirkola permezz tan-netwerk interkonness ta’ pipelines nazzjonali, tikkostitwixxi miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, li tmur kontra l-Artikolu 34 TFUE.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Fit-test tal-Konklużjonijiet C‑549/14 E.ON Biofor Sverige, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba, saru l-ħames modifiki ta’ natura formali li ġejjin:

a)

It-titolu I.A għandu jipprevedi “A. Id-dritt tal-Unjoni: Direttiva 2009/28”, minflok “A. Id-dritt tal-Unjoni”. Għal din ir-raġuni t-titolu I.A.1 Direttiva 2009/28 tneħħa.

b)

In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 16 lejn l-aħħar għandha tipprevedi “p. 148”, minflok p. 143.

ċ)

In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 22 għandha tipprevedi “punt 47”, minflok punt 48.

d)

In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 28 għandha tipprevedi “punti 43 u 44”, minflok punti 45 u 46

e)

In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 33 għandha tipprevedi “punt 68”, minflok punt 69.

( 3 ) Il-bijogass jinkludi l-metanu (fi proporzjon li jvarja bejn 50 % u 70 % tal-volum), diossidu tal-karbonju u proporzjonijiet żgħar ta’ gassijiet oħra. Ladarba jinqabad u jiġi ppurifikat fl-impjanti ta’ produzzjoni, huwa jintuża sabiex jipproduċi l-elettriku fi fran, fuklari, nixxiefa, bojlers u sistemi oħra ta’ kombustjoni oħra adattati kif xieraq. Meta jiġi pproċessat sabiex jinkiseb bijogass naturali kkonċentrat u kkompressat (wara li jitneħħa d-diossidu tal-karbonju, il-perċentwal tal-metanu jitla’ sa 96 %), il-kwalità tiegħu hija komparabbli ma’ dik ta’ gass naturali li ġej minn fjuwils fossili, b’tali mod li jista’ jiġi injettat fin-netwerk ta’ pipelines (bħal ma jiġri f’dan il-każ) u jintuża għat-tħaddim ta’ vetturi

( 4 ) Il-fabbriki ta’ produzzjoni jużaw fermentatur jew bijodiġestur li jipprofitta mid-diġestjoni anerobika ta’ xi batterji sabiex jittrasforma l-idrati u x-xaħam f’bijogass. Il-materji primi intiżi għal dan il-għan huma, bażikament, bijomassa, jiġifieri, skart annimali, veġetali, li jirriżultaw mis-silvikultura, mill-agrikoltura u mill-industrija agroalimentari, kif ukoll skart urban bijodegradabbli. L-attività ta’ dawn l-istallazzjonijiet industrijali tippermetti l-eliminazzjoni ta’ dan l-iskart u l-ġenerazzjoni simultanja ta’ bijogass u ta’ fertilizzant bijoloġiku.

( 5 ) Dwar id-dettalji tekniċi tal-produzzjoni tal-bijogass, ara Varnero Moreno, M.T., Manual del biogás, FAO, 2011.

( 6 ) Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu] u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).

( 7 ) Il-bijogass huwa prodott fl ħmistax-il Stat Membru tal-UE, skont id-data mill-European Biogas Association EBA’s Biomethane fact sheet, 2015.

( 8 ) Dwar il-kapaċità tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriformula d-domandi preliminari sabiex tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali, ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2016, M. u S. (C-303/15, EU:C:2016:17), punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

( 9 ) Lagen (2010:598) om hållbarhetskriterier för biodrivmedel och flytande biobränsle (iktar ’il quddiem, il-“Liġi 2010/598”).

( 10 ) Förordning (2011:1088) om hållbarhetskriterier för biodrivmedel och flytande biobränslen (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament 2011/1088”).

( 11 ) Statens energimyndighets föreskrifter om hållbarhetskriterier för biodrivmedel och flytande biobränslen (iktar ’il quddiem, “STEMFS 2011/2”).

( 12 ) Il-bijogass importat, għalhekk, ma baqax ikun ikklassifikat bħala sostenibbli skont il-liġi Svediża u tilef l-opportunità li jibbenefika mill-vantaġġi fiskali tal-Liġi (1994:1776) dwar it-taxxa fuq l-enerġija (Lagen (1994:1776) om skatt på energi), li jippermettu li l-bijogass jinbiegħ bi prezz kompetittiv mal-gass estratt minn fjuwils fossili.

( 13 ) Pereżempju, art b’valur għoli f’termini tal-bijodiversità tagħha (foresti primarji u boskijiet, żoni ta’ protezzjoni tan-natura jew għall-ħarsien ta’ speċi jew ekosistemi rari, mhedda jew fil-periklu, għelieqi jew mergħat b’diversità rikka) jew b’ħażniet kbar tal-karbonju (artijiet mistagħdra, żoni bis-siġar jew b’siġar twal) jew pantan.

( 14 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16).

( 15 ) Din hija l-fehma espressa mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni prattika tal-iskema ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi u dwar ir-regoli tal-kontabilità għall-bijokarburanti (ĠU 2010, L 160, p. 8).

( 16 ) Analiżi paragunabbli tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ dawn it-tliet metodi tista’ tinstab fil-Final report for Task 1 in the context of the project ENER/C1/2010-431, Jasper Van de Staaij, J.; Van den Bos, A.; Toop, G.; Alberici, S.; Yildiz, I., Analysis of the operation of the mass balance system and alternatives, 2012.

( 17 ) Ara d-dokument SEC/2008/0085 final, tat-23 ta’ Jannar 2008, Commission staff working document — Impact assessment — Document accompanying the package of implementation measures for the EU’s objectives on climate change and renewable energy for 2020, p. 148.

( 18 ) F’dan is-sens, il-premessa 76 tad-Direttiva 2009/28 tipprovdi li t-tibdiliet fl-aġenti tas-suq “iseħħu biss jekk il-bijokarburanti u bijolikwidi li jissodisfaw dawk il-kriterji jkunu jgwadu minn vantaġġ fil-prezz meta imqabbla ma’ dawk li ma jissodisfawhomx Skont il-metodu tal-bilanċ tal-massa tal-verifika tal-konformità, hemm rabta fiżika bejn il-produzzjoni tal-bijokarburanti u bijolikwidi li jilħqu l-kriterji ta’ sostenibbiltà u l-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi fil-Komunità, li tipprovdi bilanċ xieraq bejn il-provvista u d-domanda u tassigura vantaġġ fil-prezz li huwa ikbar milli f’sistemi fejn m’hemmx din ir-rabta. Biex ikun żgurat li bijokarburanti u bijolikwidi li jilħqu l-kriterji ta’ sostennibiltà jistgħu jinbiegħu bi prezz ogħla, il-metodu tal-bilanċ tal-massa għandha għalhekk tintuża biex tkun ivverifikata l-konformità. Dan għandu jżomm l-integrità tas-sistema filwaqt li fl-istess ħin jevita l-impożizzjoni ta’ piż mhux raġonevoli fuq l-industrija.”

( 19 ) Ara d-Dokument SEK/2010/0129 final, tal-31 ta’ Jannar 2011, Commission Staff Working Document Report on the operation of the mass balance verification method for the biofuels and bioliquids sustainability scheme in accordance with Article 18(2) of Directive 2009/28/EC.

( 20 ) Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi fl-iskema ta’ sostenibbiltà tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi fl-UE (ĠU 2010, C 160, p. 1) jiżdiedu dettalji addizzjonali dwar il-mod kif jintuża l-metodu BM bħala proċedura sabiex tiġi żgurata l-katina ta’ informazzjoni tal-bijokarburanti, li kapaċi tiżgura t-traċċabbiltà tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mill-fażi tal-produzzjoni sal-konsum. Il-Kummissjoni nnotat li l-bilanċ tal-massa hija sistema li fiha “karatteristiċi ta’ sostenibbiltà” jibqgħu jkunu assoċjati mal-“kunsinni” u li meta jitħalltu kunsinni b’karatteristiċi differenti ta’ sostenibbiltà, il-volumi separati u l-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà ta’ kull kunsinna jibqgħu jkunu assoċjati mat-taħlita. Jekk taħlita tinqasam, tista’ tkun assoċjata ma’ kwalunkwe kunsinna li titneħħa minnha xi waħda mill-gruppi ta’ karatteristiċi ta’ sostenibbiltà (akkumpanjata minn volumi), bil-kundizzjoni li l-kombinazzjoni tal-kunsinni kollha mneħħija mit-taħlita jkollhom l-istess volumi għal kull wieħed mill-gruppi ta’ karatteristiċi ta’ sostenibbiltà preżenti fit-taħlita.

( 21 ) Jistgħu jiġu kkonsultati f’https://ec.europa.eu/energy/en/topics/renewable-energy/biofuels/voluntary-schemes.

( 22 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 19, epigrafu 2.2.3.

( 23 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Punti 30-32 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

( 25 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1361, tad-9 ta’ Awwissu 2016, dwar ir-rikonoxximent tal-“International Sustainability & Carbon Certification system” għall-wiri tal-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016, L 215, p. 33); Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/432/UE, tal-24 ta’ Lulju 2012, dwar ir-rikonoxximent tal-iskema msejħa “REDcert” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 199, p. 24); u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/452, tal-31 ta’ Lulju 2012 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema msejħa “NTA 8080” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ĠU 2012, L 205, p. 17).

( 26 ) Sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland (15/83, EU:C:1984:183), punt 15; tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (kawżi magħqudaC‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449), punt 47; u tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli (C‑59/11, EU:C:2012:447), punt 80. Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot ippreżentati fil-kawża Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:37), fejn ippropona li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 jiġi ddikjarat invalidu minħabba li jikser l-Artikoli 34 sa 36 TFUE, billi jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-aċċess għall-iskemi ta’ appoġġ lill-produtturi tal-elettriku ekoloġiku b’faċilitajiet li jinsabu fi Stat Membru ieħor.

( 27 ) Pereżempju, fis-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800), punt 59, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat: “Minkejja li l-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 tikkostitwixxi waħda mir-restrizzjonijiet previsti mill-Artikolu 28 KE, [issa, 34 TFUE], din hija ġġustifikata, kif inhu indikat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, minn raġunijiet ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bnedmin. Hija għalhekk ma tistax, f’kull każ, tiġi kkunsidrata bħala li ġiet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 28 KE [issa, 34 TFUE]”.

( 28 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, “għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu diskrezzjoni wiesgħa f’qasam, bħal dak f’dan il-każ fil-kawża prinċipali, li jimplika għażliet, min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom intenzjoni jilħqu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura”. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brand et. (C‑547/14, EU:C:2016:325), punt 166; u tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741), punt 123.

( 29 ) Ara l-punti 43 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Nixtieq infakkar li skont din id-dispożizzjoni: “Meta operatur ekonomiku jipprovdi prova jew data miksuba skont ftehim jew skema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 4, sal-punt kopert minn dik id-deċiżjoni, Stat Membru m’għandux jeħtieġ li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), u lanqas informazzjoni dwar il-miżuri msemmijin fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.”

( 31 ) Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C-573/12, EU:C:2014:2037), punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 32 ) Sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2000, Ruwet (C 3/99, EU:C:2000:560), punt 47; u tat-18 ta’ Settembru 2003, Bosal (C 168/01, EU:C:2003:479), punti 25 u 26. Fil-każ ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti permezz ta’ direttivi li jippermettu miżuri nazzjonali iktar protettivi, il-Qorti tal-Ġustizzja temmen ukoll illi dawn għandhom ikunu kompatibbli mal-projbizzjoni tal-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter, C 205/07, EU:C:2008:730, punti 33 sa 35).

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, EU:C:1974:82), punt 5; tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037), punt 66; tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192), punt 77; u tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732), punt 96.

( 34 ) Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Skont il-kalkoli ta’ EO.N Biofor, l-importazzjoni bit-triq mill-Ġermanja lejn l-Isvezja tkun tiswa bejn 25 u 50 darba iktar għolja minn dik tal-istess bijogass sostenibbli permezz ta’ pipelines.

( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037), punt 76; u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il- Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑524/07, EU:C:2008:717), punt 54.

( 37 ) Skont l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet, il-bijogass għat-trasport huwa karburant ferm iktar nadif minn petrol jew diesil, peress li jarmi sa 93 % inqas diossidu tal-karbonju għal kull unità ta’ enerġija.

( 38 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), punt 73; tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192), punt 91, u tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732), punt 84.

( 39 ) Iż-żieda fl-użu tiegħu, kif iddikjarat b’mod espliċitu fil-premessa 1 tad-Direttiva 2009/28, hija parti importanti mill-pakkett ta’ miżuri sabiex jitnaqqsu emissjonijiet bħal dawn, ikun hemm konformità mal-Protokoll ta’ Kyoto u sabiex jintlaħqu iktar malajr il-miri ta’ dan. Ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie (C‑195/12, EU:C:2013:598), punt 56; u tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192), punt 92.

( 40 ) Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), punt 75; u tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037), punt 80.

( 41 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/708 tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-konformità tal-“Austrian Agricultural Certification Scheme” mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016, L 122, p. 60).

( 42 ) Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014 (C‑573/12, EU:C:2014:2037).

( 43 ) Il-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha ma inkludiet ebda domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun applikabbli għal-liġi Svediża li tipprovdi trattament fiskali favorevoli għall-bijogass sostenibbli, biex tagħmel il-konsum kompetittiv tiegħu fir-rigward tal-gass mill-fjuwils fossili.

( 44 ) Skont id-dokument Sweden’s third progress report on the development of renewable energy pursuant to Article 22 of Directive 2009/28/EC, 22.12.2015, p. 77: “Of the proportion of biofuels sold in Sweden in 2014, more than 90 % were certified as coming from one of the voluntary certification schemes that have been approved by the Commission. The biofuels that are not covered by certification include nationally produced biogas, for example”.

( 45 ) Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037), punti 94 sa 104.

( 46 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot ippreżentati fil-kawża Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:257), punt 4; kif ukoll il-kummentarji ta’ Michel, V.: “Marché intérieur et politiques de l’Union: brèves réflexions sur une quête d’unité”, L’identité du droit de l’Union européenne — Mélanges en l’honneur de Claude Blumann, Bruylant, Brussell, 2015, p. 229.

( 47 ) Sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732).

Fuq