Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0252

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Ottubru 2014.
Il‑Kummissjoni Ewropea vs Ir‑Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 2002/73/KE u 2006/54/KE – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa – Impjieg u xogħol – Aċċess għall-impjiegi – Ritorn mil-leave tal-maternità – Rekwiżiti proċedurali tar-rikors promotur – Espożizzjoni koerenti tal-ilmenti – Formulazzjoni mhux ekwivoka tat-talbiet.
Kawża C‑252/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2312

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

22 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttivi 2002/73/KE u 2006/54/KE — Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa — Impjieg u xogħol — Aċċess għall-impjiegi — Ritorn mil-leave tal-maternità — Rekwiżiti proċedurali tar-rikors promotur — Espożizzjoni koerenti tal-ilmenti — Formulazzjoni mhux ekwivoka tat-talbiet”

Fil-Kawża C‑252/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-7 ta’ Mejju 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Martin u M. van Beek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża kuntrarji għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(a) u (b), għall-Artikolu 15 u għall-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali [ugwaljanza fit-trattament] tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Id-Direttiva 2006/54 li, f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, hija intiża li “jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali [ugwaljanza fit-trattament] tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol”, ħassret, b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2009, id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187). Kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 2006/54 tipproċedi, għall-finijiet taċ-ċarezza, għal tfassil mill-ġdid u għal ġabra f’test wieħed tal-prinċipji tad-dispożizzjonijiet li kienu diġà jeżistu fl-oqsma li hija tkopri.

3

Taħt it-titolu “Ritorn mil-leave tal-maternità”, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi:

“Mara li qiegħda bil-leave tal-maternità għandu jkollha d-dritt, wara li jintemm il-perjodu tal-leave tal-maternità tagħha, li terġa’ lura għall-impjieg tagħha jew għal kariga ekwivalenti b’termini u b’kondizzjonijiet li m’humiex inqas favorevoli għaliha u li għadha tibbenifika minn kwalunkwe titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li għalihom kien ikollha d-dritt matul l-assenza tagħha.”

4

L-Artikolu 28(2) tal-istess direttiva jispeċifika li din tal-aħħar “għandha tkun bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/34/KE [tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285)] u tad-Direttiva 92/85/KEE [tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110)”.

5

Id-dispożizzjonijiet analogi għal dawk tal-Artikolu 15 u tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2006/54 kienu ġew inklużi fit-tieni u fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 76/207 permezz tad-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li temenda d-Direttiva 76/207 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255).

Id-dritt Olandiż

6

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ttraspona d-Direttiva 2002/73 permezz tal-liġi ġenerali dwar l-ugwaljanza fit-trattament (Algemeene wet gelijke behandeling, iktar ’il quddiem il-“AWGB”), tal-liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa (Wet gelijke behandeling van mannen en vrouwen ) u tal-emendi miġjuba lill-kodiċi ċivili Olandiż (Nederlands Burgerlijk Wetboek, iktar ’il quddiem “BW”).

7

L-Artikolu 1 tal-liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din il-liġi, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

b.

diskriminazzjoni diretta: is-sitwazzjoni li fiha persuna tiġi, kienet jew allegatament hija trattata, minħabba fis-sess tagħha, b’mod differenti minn persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli;

[...]

2.   Bil-kliem diskriminazzjoni diretta nifhmu wkoll diskriminazzjoni bbażata fuq it-tqala’, il-ħlas jew il-maternità.”

8

L-Artikolu 1 tal-AWGB u l-Artikolu 7:646(5) tal-BW jinkludu dispożizzjonijiet ta’ portata ekwivalenti.

9

L-Artikolu 5(1)(a) tal-AWGB u l-Artikolu 7:646(1) tal-BW jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni jew kwalunkwe distinzjoni bejn l-irġiel u n-nisa għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

10

L-Artikolu 7:611 tal-BW jipprovdi li “l-persuna li timpjega u l-ħaddiem huma obbligati li jġibu ruħhom rispettivament bħala persuna li timpjega tajba u bħala ħaddiem tajjeb”.

Il-proċedura prekontenzjuża

11

Permezz tal-ittra tad-29 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, intimat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni tiegħu li implementat diversi dispożizzjonijiet mid-Direttiva 2002/73. L-awtoritajiet Olandiżi wieġbu permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 2007.

12

Permezz tal-ittra tat-2 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi intimazzjoni komplementari, li l-awtoritajiet Olandiżi wieġbu permezz tal-ittra tas-27 ta’ Marzu 2009. Din it-tweġiba waslet lill-Kummissjoni sabiex tabbanduna l-ilmenti tagħha rigward ħafna punti dwar il-kritika tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu.

13

Dwar id-domandi li jirriżultaw mill-kawża, il-Kummissjoni indirizzat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, fit-30 ta’ Settembru 2011, opinjoni motivata fejn hija qieset li l-leġiżlazzjoni Olandiża ma kinitx tikkostitwixxi traspożizzjoni li hija biżżejjed ċara u preċiża ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/54. Hija kkonkludiet li ż-żamma fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li ma humiex kompatibbli mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(a) u (b), mal-Artikoli 15, 16 u 28(2) ta’ din id-direttiva kienet tikkostitwixxi ksur tal-obbligi previsti f’din tal-aħħar. L-awtoritajiet Olandiżi wieġbu din l-opinjoni motivata b’ittra tal-1 ta’ Diċembru 2011.

14

Il-Kummissjoni, peress li qieset li, minkejja l-imsemmija tweġiba, l-ilment tagħha rigward it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(a) u (b), l-Artikoli 15 u 28(2) tad-Direttiva 2006/54 kellu skop, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

15

Fir-rikors promotur tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

tikkonstata li, “peress li ma adottax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u r-regoli kollha neċessarji sabiex jiżgura li, meta żamm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża kuntrarji [għat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 1 (a) u (b), għall-Artikolu 15 u għall-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2006/54/KE, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva”;

tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

16

Permezz tal-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni indikat lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja li, peress li kkonstatat “inċertezza redazzjonali” fil-formulazzjoni tal-ewwel talba tagħha, hija xtaqet tikkoreġi l-formulazzjoni. Din tal-aħħar għandha għaldaqstant tinqara b’mod li tillimita lilha nnifisha billi titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li “meta żamm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża kuntrarji [għat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 1 (a) u (b), għall-Artikolu 15 u għall-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2006/54/KE, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva”.

17

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab għaċ-ċaħda tar-rikors u għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

18

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors minħabba li r-rikors ma josservax ir-rekwiżiti taċ-ċarezza, tal-preċiżjoni u tal-koerenza meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19

Fl-ewwel lok, l-imsemmi Stat Membru jinnota li s-suġġett tar-rikors, kif inhuwa deskritt fl-ewwel paġna tar-rikors promotur, isemmi lid-Direttiva 2002/72, filwaqt li t-talbiet ta’ dan ir-rikors jirreferu biss għad-Direttiva 2006/54.

20

Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-imsemmija talbiet ma jippreżentaw l-ebda rabta mal-argumenti ppreżentati fil-kontenut tar-rikors. Huwa jqis li, dawn l-argumenti ma jirrigwardawx iż-żamma fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li allegatament huma inkompatibbli ma’ dawk tad-Direttiva 2006/54 u li, barra minn hekk, ma humiex iddefiniti b’mod preċiż f’dan ir-rikors, iżda jirrepetu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-leġiżlazzjoni Olandiża naqset milli tittrasponi b’mod sħiħ din id-direttiva.

21

Il-Kummissjoni tqis li l-ineżattezzi materjali nnotatati fir-rikors promotur mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jippreġudikawx iċ-ċarezza ta’ din tal-aħħar.

22

Fir-rigward tal-kritika li tgħid li hija ma identifikatx id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jkunu inkompatibbli mad-Direttiva 2006/54, il-Kummissjoni tfakkar li, matul il-proċedura prekontenzjuża, hija indikat b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-AWGB u tal-Artikolu 7:646(5) tal-BW ma kinux biżżejjed sabiex jiżguraw traspożizzjoni sodisfaċenti tal-Artikolu 15 u tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva.

Fuq il-mertu

23

Il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ direttiva, huwa indispensabbli li d-dritt nazzjonali effettivament jiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva, li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta minn dan id-dritt tkun preċiża u ċara biżżejjed u li l-benefiċjarji jkunu mgħarrfa bid-drittijiet kollha tagħhom u, jekk ikun il-każ, ikunu jistgħu jagħmlu użu minnhom quddiem il-qrati nazzjonali.

24

Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li la d-dispożizzjonijiet ġenerali li jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq it-tqala, il-ħlas jew il-maternità u lanqas il-“prinċipju ta’ persuna li timpjega tajba”, kif stabbilit fl-ordinament ġuridiku Olandiż, ma jikkostitwixxu traspożizzjoni suffiċjentement ċara u preċiża tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-Direttiva 2006/54.

25

Sabiex jiddefendi lilu nnifsu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-eżistenza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tista’ tirrendi superfluwa t-traspożizzjoni ta’ direttiva permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew regolatorji speċifiċi bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-prinċipji effettivament jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva.

26

L-imsemmi Stat Membru jikkunsidra li l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2006/54 hija ggarantita mid-diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża li hija għamlet riferiment għalihom matul il-proċedura prekontenzjuża u li hija terġa’ ssemmi fir-risposta tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-portata tar-rikors

27

Preliminarjament, għandha tiġi ppreċiżata l-portata ta’ dan ir-rikors.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li rikors skont l-Artikolu 258TFUE għandu jiġi eżaminat biss fir-rigward tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-132/09, EU:C:2010:562, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għandu wkoll jitfakkar li dawn it-talbiet għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew saħansitra tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-67/12, EU:C:2014:5, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’din il-kawża, l-ewwel kap tat-talbiet li jinsab fir-rikors promotur kien redatt b’mod ekwivoku inkwantu seta’ jiġi interpretat bħala li qed jistabbilixxi żewġ ilmenti, jiġifieri n-nuqqas ta’ miżuri nazzjonali li jiżguraw traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2006/54, minn naħa, u ż-żamma fis-seħħ, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ dispożizzjonijiet inkompatibbli ma’ din id-direttiva, min-naħa l-oħra.

31

Permezz tal-ittra tagħha tas-6 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ ekwivoku fl-ewwel kap tat-talbiet tagħha u indikat li dan tal-aħħar għandu jinqara bħala li jirrigwarda biss ilment wieħed, jiġifieri ż-żamma fis-seħħ, mill-Istat Membru konvenut, ta’ dispożizzjonijiet inkompatibbli mad-Direttiva 2006/54.

32

Peress li l-imsemmija ittra tal-Kummissjoni tirrestrinġi l-portata tat-talbiet stabbiliti fir-rikors promotur tagħha, hemm lok li jittieħed kont ta’ dan u li jitqies li din tikkostitwixxi rinunzja parzjali. Għalhekk, dan ir-rikors għandu jitqies li jirrigwarda ż-żamma fis-seħħ, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ dispożizzjonijiet li skont il-Kummissjoni jiksru t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(a) u (b) u l-Artikoli 15 u 28(2) tad-Direttiva 2006/54.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

33

Mill-Artikolu 120(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati insostenn tar-rikors, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2014:5, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2014:5, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’din il-kawża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, fl-ewwel lok, li dan ir-rikors ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet sa fejn jirreferi b’mod konfuż għad-Direttivi 2002/73 u 2006/54.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fażi prekontenzjuża ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bdiet matul ix-xahar ta’ Ġunju 2007, billi ntbagħtet l-intimazzjoni inizjali, u ntemmet fis-7 ta’ Mejju 2013, bil-preżentata ta’ dan ir-rikors. Matul dan il-perijodu ta’ madwar sitt snin, id-Direttiva 2002/73, imsemmija f’din l-intimazzjoni, tħassret b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2009 u ġiet issostitwita, b’mod kważi identiku, bid-Direttiva 2006/54. Minn din id-data, kif jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura prekontenzjuża tkompliet b’riferimenti għad-dispożizzjonijiet, essenzjalment identiċi, ta’ din l-aħħar direttiva.

37

F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sempliċi fatt li s-suġġett ta’ dan ir-rikors, kif deskritt fl-ewwel paġna tar-rikors, isemmi d-Direttiva 2002/73, filwaqt li t-talbiet jirreferu biss għad-Direttiva 2006/54, ma huwiex ta’ natura li jqajjem dubji dwar l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors. Għall-istess raġunijiet, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi la jista’ jippretendi li ma setax jifhem il-portata tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih huwa akkużat u lanqas li ma setax jeżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża.

38

Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-espożizzjoni, fir-rikors promotur, ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors huwa bbażat hija inkoerenti fir-rigward tat-talbiet li twassal għalihom din l-espożizzjoni.

39

F’din il-kawża, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, regoli li jiksru t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(a) u (b) u l-Artikoli 15 u 28(2) tad-Direttiva 2006/54, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva. Peress li dawn it-talbiet jiddelimitaw is-suġġett tar-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi ultra petita.

40

Issa, għalkemm il-Kummissjoni tippreżenta, fil-motivi tar-rikors tagħha, espożizzjoni relattivament dettaljata tal-miżuri fis-seħħ fil-leġiżlazzjoni Olandiża, dan għamlitu biex issostni li dawn il-miżuri huma insuffiċjenti biex tiġi żgurata transpożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/54 imsemmija fil-punt preċedenti.

41

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tidentifika ebda regola tad-dritt Olandiża li l-kontenut jew l-applikazzjoni tagħha tikser il-kliem jew l-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fl-imsemmija direttiva.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ indikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ element indispensabbli li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża fuq it-talbiet tar-rikors, l-imsemmi rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ koerenza, ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza f’dan il-qasam.

43

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hemm lok li dan jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

44

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq