Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CJ0615

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2012.
    Insinööritoimisto InsTiimi Oy.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
    Direttiva 2004/18/KE — Kuntratti pubbliċi fil-qasam tad-difiża — Artikolu 10 — Artikolu 296(1)(b) KE — Protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà ta’ Stat Membru — Kummerċ fl-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra — Prodott akkwistat minn awtorità kontraenti għal skopijiet speċifikament militari — Eżistenza, għal dak li jirrigwarda dan il-prodott, ta’ possibbiltà ta’ applikazzjoni ċivili simili ħafna — Tagħmir tat-turntable (‘tiltable turntable’) għall-kejl elettromanjetiku — Assenza ta’ sejħa għal offerti b’mod konformi mal-proċeduri previsti mid-Direttiva 2004/18.
    Kawża C‑615/10.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:324

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    7 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

    “Direttiva 2004/18/KE — Kuntratti pubbliċi fil-qasam tad-difiża — Artikolu 10 — Artikolu 296(1)(b) KE — Protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà ta’ Stat Membru — Kummerċ fl-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra — Prodott akkwistat minn awtorità kontraenti għal skopijiet speċifikament militari — Eżistenza, għal dak li jirrigwarda dan il-prodott, ta’ applikazzjoni ċivili simili ħafna — Tagħmir tat-turntable (‘tiltable turntable’) għall-kejl elettromanjetiku — Assenza ta’ sejħa għal offerti b’mod konformi mal-proċeduri previsti mid-Direttiva 2004/18”

    Fil-Kawża C-615/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2010, fil-proċeduri mibdija minn

    Insinööritoimisto InsTiimi Oy,

    fil-preżenza ta’:

    Puolustusvoimat,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Insinööritoimisto InsTiimi Oy, minn A.-M. Eskola, asianajaja, u T. Pekkala,

    għall-Puolustusvoimat, minn J. Matinlassi, bħala aġent,

    għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

    għall-Gvern Ċek, minn J. Očková kif ukoll minn T. Müller u M. Smolek, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Paasivirta u C. Zadra, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), tal-Artikolu 346(1)(b) TFUE, kif ukoll tal-lista ta’ armi, munizzjon u materjal tal-gwerra li tidher fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 255/58, tal-15 ta’ April 1958 (iktar ’il quddiem il-“lista tal-Kunsill tal-15 ta’ April 1958”), li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Insinööritoimisto InsTiimi Oy (Uffiċċju ta’ inġinerija InsTiimi SA, iktar ’il quddiem “InsTiimi”) u Suomen Puolustusvoimien Teknillinen Tutkimuslaitos (Ċentru tar-Riċerka Teknika tal-Forzi tad-Difiża Finlandiżi), dwar l-għoti minn dan tal-aħħar, skont proċedura differenti minn dik prevista mid-Direttiva 2004/18, ta’ kuntratt għall-provvista ta’ tagħmir ta’ turntable (“tiltable turntable”) sabiex jintuża bħala sostenn għal oġġetti li jsirilhom kejl elettromanjetiku.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Disposizzjoni ta’ difiża” u li jidher fil-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din, huwa stess intitolat “Skop”, jipprovdi:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] fil-qasam tad-difiża suġġett għall-Artikolu 296 tat-Trattat [KE].”

    4

    L-imsemmi Artikolu 296 KE, li kien applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti għall-kawża prinċipali u li ġie sostitwit, bl-istess kliem, mill-Artikolu 346 TFUE sussegwentement għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, jipprovdi:

    “1.   Id-disposizzjonijiet ta’ [...] it-Trattat [KE] m’għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin:

    a)

    l-ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu ikun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu;

    b)

    kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa biex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu, u li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew tal-kummerċ ta’ l-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri ma għandhomx ifixklu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-iskopijiet speċifikament militari.

    2.   Il-Kunsill jista’, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jagħmel tibdiliet għal-lista, li hu kien ħejja fil-15 ta’ April 1958, għal prodotti li għalihom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1(b).”

    5

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 255/58, tal-15 ta’ April 1958, iddefinixxiet il-lista msemmija fl-Artikolu 296(2) KE, li xi partijiet huma riprodotti fid-dokument tal-Kunsill 14538/4/08, tas-26 ta’ Novembru 2008. Il-qorti tar-rinviju tirreferi għal din il-lista, b’mod partikolari fil-punti 11, 14 u 15 ta’ din tal-aħħar, li taqra hekk:

    “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [296](1)(b) tat-Trattat [KE] japplikaw għall-armi, munizzjoni u materjal tal-gwerra elenkati hawn taħt, inklużi armi mfassla sabiex jutilizzaw l-enerġija nukleari:

    [...]

    11.   Tagħmir elettroniku għall-użu militari.

    [...]

    14.   Partijiet u elementi speċjalizzati ta’ materjal inkluż f’din il-lista sakemm huma ta’ natura militari.

    15.   Makkinarju, tagħmir u strumenti mfassla esklużivament għall-istudju, fabbrikazzjoni ittestjar u kontroll ta’ armi, munizzjonijiet u apparat ta’ natura esklużivament militari inklużi f’din il-lista.”

    6

    Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, p. 76), li l-Istati Membri kellhom jimplementaw qabel il-21 ta’ Awwissu 2011, issemmi fl-għaxar premessa tagħha:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-tagħmir militari għandu jinftiehem b’mod partikolari bħala t-tipi ta’ prodotti inklużi fil-lista ta’ armi, munizzjonijiet u materjal tal-gwerra adottata mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 255/58 tal-15 ta’ April 1958 [...] Din il-lista tinkludi biss tagħmir li hu ddisinjat, żviluppat u prodott għal skopijiet speċifikament militari. [...] Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘tagħmir militari’ għandu jkopri wkoll prodotti li, għalkemm inizjalment iddisinjati għal użu ċivili, jiġu aktar tard adattati għal skopijiet militari biex jintużaw bħala armi, munizzjonijiet jew materjal tal-gwerra.”

    Id-dritt Finlandiż

    7

    Id-Direttiva 2004/18 ġiet trasposta fid-dritt Finlandiż permezz tal-liġi Nru 348/2007 dwar il-kuntratti pubbliċi (julkisista hankinnoista annettu laki) u l-Ordni Nru 614/2007 dwar il-kuntratti pubbliċi (julkisista hankinnoista annettu asetus).

    8

    L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija liġi jindika l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha bil-mod segwenti:

    “Din il-liġi ma tapplikax għal kuntratti:

    1)

    meta għandhom jinżammu kunfidenzjali, meta t-twettiq tagħhom għandu jkun akkumpanjat minn miżuri ta’ sigurtà speċjali stabbiliti mil-liġi, jew meta l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat jeħtieġu hekk;

    2)

    meta l-għan tagħhom huwa primarjament adattat għal skopijiet militari […]

    […]”

    9

    Minn istruzzjoni amministrattiva tat-28 ta’ Mejju 2008 maħruġa mill-Ministeru tad-Difiża jirriżulta li, fil-kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw l-akkwist ta’ tagħmir militari intiż għad-difiża, jeħtieġ, provviżorjament, li jissodisfaw, fost l-oħrajn, l-Ordni Nru 76/1995 tal-Ministeru tad-Difiża tas-17 ta’ Marzu 1995.

    10

    L-Artikolu 1 tal-Ordni Nru 76/1995 jiddefinixxi dak li għandu jiġi mifhum b’prodotti jew servizzi intiżi primarjament għal skopijiet militari, li għalihom il-Liġi Nru 348/2007 dwar il-kuntratti pubbliċi ma tapplikax.

    11

    Mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-imsemmi Artikolu 1 u tal-punt M tal-Anness tal-Ordni Nru 76/1995 jirriżulta li dan japplika b’mod partikolari għal “tagħmir speċjalizzat għal attivitajiet militari, taħriġ jew eżerċizzji ta’ simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet militari, u [ta’] komponenti, apparat ieħor u tagħmir speċjalment imfassal għal dawn”.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    12

    Fl-2008, is-Suomen Puolustusvoimien Teknillinen Tutkimuslaitos ħareġ, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ sejħa għall-offerti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sejħa għal offerti għall-akkwist ta’ tagħmir ta’ turntable, ta’ valur ta’ EUR 1 650 000.

    13

    Fil-5 ta’ Frar 2008, huwa stieden erba’ operaturi ekonomiċi, fosthom InsTiimi, sabiex jippreżentawlu l-offerti tagħhom.

    14

    Fl-24 ta’ Ġunju 2008, taħt “proċedura negozjata” li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ waħda mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti previsti fid-Direttiva 2004/18, il-kuntratt ingħata lil offerent ieħor milli InsTiimi. Fil-25 ta’ Ġunju 2008, l-għan tal-kuntratt u l-metodu ta’ funzjonament ta’ tagħmir tat-turntable inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew deskritti f’ġurnal nazzjonali Finlandiż.

    15

    Meta wieħed jikkunsidra li l-proċedura kellha sseħħ b’mod konformi mar-regoli previsti mid-Direttiva 2004/18, InsTiimi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-markkinaoikeus (Qorti tas-Suq).

    16

    Din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors billi kkunsidrat li kien stabbilit li t-tagħmir tat-turntable kien intiż għall-skopijiet essenzjalment militari u li l-awtorità kontraenti kellha l-intenzjoni li tużah esklużivament għal dan il-għan.

    17

    B’hekk, il-markkinaoikeus ikkonkludiet li l-imsemmi kuntratt kien jaqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 7(1)(2) tal-Liġi Nruo348/2007 dwar il-kuntratti pubbliċi.

    18

    InsTiimi appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Suprema Amministrattiva).

    19

    InsTiimi sostniet quddiem din il-qorti li t-tagħmir tat-turntable jammonta għal innovazzjoni teknika fl-industrija ċivili u mhux materjal militari. It-twettiq tekniku tat-tagħmir tat-turntable inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa bbażat fuq tagħqid flimkien ta’ materjali, komponenti u linji tal-immuntar disponibbli liberament, u li d-disinn involut huwa biss kwistjoni tal-għażla u t-twaħħil adattati ta’ dawn il-komponenti strutturali sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tas-sejħa għal offerti.

    20

    Il-Puolustusvoimat (Forzi tad-Difiża Finlandiżi), irrappreżentati mill-Pääesikunta (Stat Maġġuri Ġenerali), sostnew quddiem il-qorti tar-rinviju li dan it-tagħmir tat-turntable kien ġie akkwistat għal skopijiet speċifikament militari u li kien intiż, b’mod partikolari, għas-simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet tal-ġlied. Dan jippermetti s-simulazzjoni ta’ kontromiżuri fir-rigward ta’ rikonoxximent mill-ajru, minn angoli differenti, u tal-“kisba” ta’ objettivi, kif ukoll tat-taħriġ relatat.

    21

    L-imsemmi tagħmir tat-turntable jammonta, skont l-argumenti ppreżentati mill-Puolustusvoimat, għall-parti essenzjali mil-linja ta’ kejl tal-ispazju miftuħ, maħsuba għall-kejl, is-simulazzjonijiet u l-eżerċizzji tal-gwerra elettronika, u għaldaqstant huwa disinnjat għall-istudju ta’ armi maħsuba għall-użu militari.

    22

    L-istess turntable huwa prodott fis-sens tal-punt M tal-Anness tal-Ordni Nru 76/1995.

    23

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2004/18 tapplikax meta l-materjal li huwa s-suġġett ta’ għoti ta’ kuntratt b’għan speċifikament militari, iżda li jeżistu ukoll applikazzjonijiet tekniċi ta’ dan il-materjal fundamentalment simili fis-settur ċivili.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Id-Direttiva [2004/18] fid-dawl tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, tal-Artikolu [296](1)(b) [KE] u tal-lista [...] tal-Kunsill, tal-15 ta’ April 1958, tapplika għal kuntratt li, barra minn dan, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, meta skont l-awtorità kontraenti, il-materjal li huwa s-suġġett ta’ dan il-kuntratt huwa intiż għal finijiet speċifikament militari, iżda jeżistu wkoll applikazzjonijiet tekniċi ta’ użu essenzjalment simili fis-suq ċivili?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    25

    Il-Gvern Finlandiż, mingħajr ma ressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, jispeċifika, fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tikkontjenix elementi għal dak li jirrigwarda l-miżuri li l-awtorità kontraenti tikkunsidra neċessarji għall-“protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà” tar-Repubblika tal-Finlandja, skont l-Artikolu 296(1)(b) KE, raġuni li għaliha hija kkunsidrat li ma tistax tippronunzja ruħha dwar din il-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

    26

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tfittixx interpretazzjoni ta’ din il-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 296(1)(b) KE ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li tpoġġi fid-dubju l-ammissibbiltà tal-imsemmija talba.

    27

    Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress illi d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, sentenza tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C-571/10, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina wkoll il-kundizzjonijiet li fihom hija tkun ġiet adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha (ara s-sentenza Kamberaj, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitlub ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew tad-dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 24).

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li d-domanda li saret f’dan il-każ ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ipotetika u, konsegwentement, inammissibbli ħlief jekk kien jidher b’mod manifest li, fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 296(1)(b) KE, li għaliha jirreferi l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun iġġustifikata mill-interessi vitali tas-sigurtà tar-Repubblika tal-Finlandja.

    30

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju, mingħajr ma indikat b’mod definittiv li, fil-każ preżenti, l-awtorità kontraenti sostniet tali interessi vitali, il-Korkein hallinto-oikeus illimitat ruħha sabiex tikkonstata li l-Puolustusvoimat ma speċifikatx, bil-mod kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea fil-komunikazzjoni interpretattiva fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 296 KE fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tad-difiża [COM(2006) 779 finali], tas-7 ta’ Diċembru 2006, l-interessi vitali għas-sigurtà li kienu kkonċernati mill-akkwist tat-tagħmir tat-turntable inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas ir-raġunijiet li għalihom in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli previsti mid-Direttiva 2004/18 kien neċessarju f’dan il-każ preċiż.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex manifest li d-domanda li saret għandha karattru ipotetiku.

    32

    Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

    Fuq id-domanda preliminari

    33

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 296(1)(b) KE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza Stat Membru sabiex jevita l-proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva għal kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti fil-qasam tad-difiża għall-akkwist ta’ materjal li, għalkemm intiż għal skopijiet speċifikament militari, għandu wkoll possibbiltajiet ta’ applikazzjoni ċivili essenzjalment simili.

    34

    Mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 296(1)(b) KE, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, għall-kuntratti mogħtija fil-qasam tad-difiża, jieħdu miżuri derogatorji għall-imsemmija direttiva meta, minn naħa, huwa kkonċernat il-“kummerċ nbtal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra” u li, min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri jidhru neċessarji sabiex “jipproteġi l-interessi vitali” tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat.

    35

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita għall-eċċezzjonijiet mil-libertajiet fundamentali, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 296 KE, sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-284/05, Ġabra p. I-11705, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalkemm il-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu jirreferi għal miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu, dan ma jistax jiġi interpretat b’mod li jikkonferixxi s-setgħa lill-Istati Membri sabiex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE billi sempliċement jinvokaw l-imsemmija interessi (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    36

    It-tipi ta’ prodotti li jidhru fil-lista tal-Kunsill tal-15 ta’ April 1958, li għaliha l-Artikolu 296(2) KE jirreferi speċifikament, bħala prinċipju, jaqgħu fid-deroga possibbli prevista fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-istess artikolu.

    37

    Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk prodott bħat-tagħmir tat-turntable inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kklassifikat f’kategorija waħda jew iktar li tidher fl-imsemmija lista.

    38

    Madankollu, l-Artikolu 296(1)(b) KE jispeċifika li l-miżuri li b’hekk jistgħu jieħdu l-Istati Membri ma għandhomx jalteraw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni għal dak li jirrigwarda l-prodotti li ma għandhomx skop speċifikament militari.

    39

    Konsegwentement, hemm lok, minn naħa, li jitfakkar li awtorità kontraenti ma tistax tinvoka l-Artikolu 296(1)(b) KE sabiex tiġġustifika miżura derogatorja fl-akkwist ta’ materjal li għandu użu ċivili ċert u għan militari eventwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-337/05, Ġabra p. I-2173, punti 48 u 49).

    40

    Min-naħa l-oħra, anki jekk prodott jaqa’ f’kategorija waħda jew oħra tal-materjali li jidhru fil-lista tal-Kunsill tal-15 ta’ April 1958, jekk jeżistu applikazzjonijiet tekniċi b’użu ċivili simili ħafna, jista’ jkun ikkunsidrat li ma għandhomx skop speċifikament militari fis-sens tal-Artikolu 296 KE biss jekk tali użu huwa mhux biss dak li għandha l-intenzjoni li tagħti l-awtorità kontraenti, iżda wkoll, hekk kif sosntiet l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, dak li jirriżulta mill-karatteristiċi proprji għal tagħmir disinjat speċifikament, żviluppat jew modifikat sostanzjalment għall-skopijiet bħal dawn.

    41

    F’dan ir-rigward, għandu fil-fatt jingħad li t-terminu “għall-użu militari” użat fil-punt 11 tal-imsemmija lista kif ukoll it-termini “sakemm huma ta’ natura militari” u “esklussivament għall-istudju” użati fil-punti 14 u 15 tal-istess lista li tindika li l-prodotti previsti f’dawn il-punti għandhom ikollhom oġġettivament karattru speċifikament militari.

    42

    Fl-aħħar nett għandu jitfakkar li, reċentement, fl-għaxar premessa tad-Direttiva 2009/81, il-leġiżlatur tal-Unjoni speċifika li t-terminu “tagħmir militari” fis-sens ta’ din id-direttiva għandu jkopri l-prodotti li, għalkemm inizjalment disinjat għal użu ċivili, sussegwentement ġew adottati għal skopijiet militari sabiex ikunu jistgħu jiġu użati bħala armi, munizzjon jew materjal tal-gwerra.

    43

    Materjal bħat-tagħmir tat-turntable inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkunsidrat, skont l-informazzjoni fornuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jippermetti li jsir kejl elettromanjetiku u s-simulazzjoni tas-sitwazzjonijiet tal-ġlied. Konsegwentement, huwa jista’ jiġi kklassifikat bħala komponent ta’ tagħmir militari destinat għal-ittestjar u l-kontroll ta’ armi fis-sens tal-punt 15 tal-lista tal-Kunsill tal-15 ta’ April 1958, moqri flimkien mal-punti 11 u 14 ta’ din tal-aħħar, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    44

    Madankollu, tagħmir tat-turntable bħal dan, li l-awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li tużah biss għall-skopijiet militari, ikun ikkunsidrat bħala intiż speċifikament għal skopijiet bħal dawn fis-sens tal-Artikolu 296(1)(b) KE biss jekk ikun stabbilit li, bid-differenza ta’ materjali simili għal użu ċivili invokati mir-rikorrent għall-kawża prinċipali, l-imsemmi tagħmir, permezz tal-karatteristiċi proprji tiegħu, jista’ jiġi meqjus bħala speċjalment disinjat u żviluppat, inkluż b’konsegwenza ta’ modifiki sostanzjali, għal tali għanijiet, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    45

    Għandu jingħad li, fis-sitwazzjoni fejn, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju għandha tikkonstata li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 296(1)(b) KE, li għalih jirreferi l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, hija għandha tivverifika jekk l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat jistax jagħti prova tal-ħtieġa li juża d-deroga stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni bil-għan li jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, ċċitata iktar ’il fuq, punt 49), u jekk il-ħtieġa li jiġu protetti dawn l-interessi vitali ma setgħetx tintlaħaq fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, kif prevista mid-Direttiva 2004/18 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

    46

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għad-domanda li saret li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 296(1)(b) KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza Stat Membru sabiex jevita l-proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva għal kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti fil-qasam tad-difiża għall-akkwist ta’ materjal li, għalkemm intiż għal skopijiet speċifikament militari, għandu wkoll possibbiltajiet ta’ applikazzjoni ċivili essenzjalment simili biss jekk dan il-materjal, permezz tal-karatteristiċi proprji tiegħu, jista’ jiġi meqjus bħala speċjalment disinjat u żviluppat, inkluż b’konsegwenza ta’ modifiki sostanzjali, għal tali għanijiet, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ispejjeż

    47

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikolu 296(1)(b) KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza Stat Membru sabiex jevita l-proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva għal kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti fil-qasam tad-difiża għall-akkwist ta’ materjal li, għalkemm intiż għal skopijiet speċifikament militari, għandu wkoll possibbiltajiet ta’ applikazzjoni ċivili essenzjalment simili biss jekk dan il-materjal, permezz tal-karatteristiċi proprji tiegħu, jista’ jiġi meqjus bħala speċjalment disinjat u żviluppat, inkluż b’konsegwenza ta’ modifiki sostanzjali, għal tali għanijiet, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

    Fuq

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-Kawża C-615/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2010, fil-proċeduri mibdija minn

    Insinööritoimisto InsTiimi Oy,

    fil-preżenza ta’:

    Puolustusvoimat,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    – għal Insinööritoimisto InsTiimi Oy, minn A.-M. Eskola, asianajaja, u T. Pekkala,

    – għall-Puolustusvoimat, minn J. Matinlassi, bħala aġent,

    – għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

    – għall-Gvern Ċek, minn J. Očková kif ukoll minn T. Müller u M. Smolek, bħala aġenti,

    – għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

    – għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Paasivirta u C. Zadra, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), tal-Artikolu 346(1)(b) TFUE, kif ukoll tal-lista ta’ armi, munizzjon u materjal tal-gwerra li tidher fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 255/58, tal-15 ta’ April 1958 (iktar ’il quddiem il-“lista tal-Kunsill tal-15 ta’ April 1958”), li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

    2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Insinööritoimisto InsTiimi Oy (Uffiċċju ta’ inġinerija InsTiimi SA, iktar ’il quddiem “InsTiimi”) u Suomen Puolustusvoimien Teknillinen Tutkimuslaitos (Ċentru tar-Riċerka Teknika tal-Forzi tad-Difiża Finlandiżi), dwar l-għoti minn dan tal-aħħar, skont proċedura differenti minn dik prevista mid-Direttiva 2004/18, ta’ kuntratt għall-provvista ta’ tagħmir ta’ turntable (“ tiltable turntable ”) sabiex jintuża bħala sostenn għal oġġetti li jsirilhom kejl elettromanjetiku.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Disposizzjoni ta’ difiża” u li jidher fil-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ din, huwa stess intitolat “Skop”, jipprovdi:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] fil-qasam tad-difiża suġġett għall-Artikolu 296 tat-Trattat [KE].”

    4. L-imsemmi Artikolu 296 KE, li kien applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti għall-kawża prinċipali u li ġie sostitwit, bl-istess kliem, mill-Artikolu 346 TFUE sussegwentement għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, jipprovdi:

    “1. Id-disposizzjonijiet ta’ [...] it-Trattat [KE] m’għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin:

    a) l-ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu ikun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu;

    b) kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa biex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu, u li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew tal-kummerċ ta’ l-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri ma għandhomx ifixklu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-iskopijiet speċifikament militari.

    2. Il-Kunsill jista’, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jagħmel tibdiliet għal-lista, li hu kien ħejja fil-15 ta’ April 1958, għal prodotti li għalihom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1(b).”

    5. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 255/58, tal-15 ta’ April 1958, iddefinixxiet il-lista msemmija fl-Artikolu 296(2) KE, li xi partijiet huma riprodotti fid-dokument tal-Kunsill 14538/4/08, tas-26 ta’ Novembru 2008. Il-qorti tar-rinviju tirreferi għal din il-lista, b’mod partikolari fil-punti 11, 14 u 15 ta’ din tal-aħħar, li taqra hekk:

    “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [296](1)(b) tat-Trattat [KE] japplikaw għall-armi, munizzjoni u materjal tal-gwerra elenkati hawn taħt, inklużi armi mfassla sabiex jutilizzaw l-enerġija nukleari:

    [...]

    11. Tagħmir elettroniku għall-użu militari.

    [...]

    14. Partijiet u elementi speċjalizzati ta’ materjal inkluż f’din il-lista sakemm huma ta’ natura militari.

    15. Makkinarju, tagħmir u strumenti mfassla esklużivament għall-istudju, fabbrikazzjoni ittestjar u kontroll ta’ armi, munizzjonijiet u apparat ta’ natura esklużivament militari inklużi f’din il-lista.”

    6. Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, p. 76), li l-Istati Membri kellhom jimplementaw qabel il-21 ta’ Awwissu 2011, issemmi fl-għaxar premessa tagħha:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-tagħmir militari għandu jinftiehem b’mod partikolari bħala t-tipi ta’ prodotti inklużi fil-lista ta’ armi, munizzjonijiet u materjal tal-gwerra adottata mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 255/58 tal-15 ta’ April 1958 [...] Din il-lista tinkludi biss tagħmir li hu ddisinjat, żviluppat u prodott għal skopijiet speċifikament militari. [...] Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘tagħmir militari’ għandu jkopri wkoll prodotti li, għalkemm inizjalment iddisinjati għal użu ċivili, jiġu aktar tard adattati għal skopijiet militari biex jintużaw bħala armi, munizzjonijiet jew materjal tal-gwerra.”

    Id-dritt Finlandiż

    7. Id-Direttiva 2004/18 ġiet trasposta fid-dritt Finlandiż permezz tal-liġi Nru 348/2007 dwar il-kuntratti pubbliċi (julkisista hankinnoista annettu laki) u l-Ordni Nru 614/2007 dwar il-kuntratti pubbliċi (julkisista hankinnoista annettu asetus).

    8. L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija liġi jindika l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha bil-mod segwenti:

    “Din il-liġi ma tapplikax għal kuntratti:

    1) meta għandhom jinżammu kunfidenzjali, meta t-twettiq tagħhom għandu jkun akkumpanjat minn miżuri ta’ sigurtà speċjali stabbiliti mil-liġi, jew meta l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat jeħtieġu hekk;

    2) meta l-għan tagħhom huwa primarjament adattat għal skopijiet militari […]

    […]”

    9. Minn istruzzjoni amministrattiva tat-28 ta’ Mejju 2008 maħruġa mill-Ministeru tad-Difiża jirriżulta li, fil-kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw l-akkwist ta’ tagħmir militari intiż għad-difiża, jeħtieġ, provviżorjament, li jissodisfaw, fost l-oħrajn, l-Ordni Nru 76/1995 tal-Ministeru tad-Difiża tas-17 ta’ Marzu 1995.

    10. L-Artikolu 1 tal-Ordni Nru 76/1995 jiddefinixxi dak li għandu jiġi mifhum b’prodotti jew servizzi intiżi primarjament għal skopijiet militari, li għalihom il-Liġi Nru 348/2007 dwar il-kuntratti pubbliċi ma tapplikax.

    11. Mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-imsemmi Artikolu 1 u tal-punt M tal-Anness tal-Ordni Nru 76/1995 jirriżulta li dan japplika b’mod partikolari għal “tagħmir speċjalizzat għal attivitajiet militari, taħriġ jew eżerċizzji ta’ simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet militari, u [ta’] komponenti, apparat ieħor u tagħmir speċjalment imfassal għal dawn”.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    12. Fl-2008, is-Suomen Puolustusvoimien Teknillinen Tutkimuslaitos ħareġ, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ sejħa għall-offerti fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , sejħa għal offerti għall-akkwist ta’ tagħmir ta’ turntable, ta’ valur ta’ EUR 1 650 000.

    13. Fil-5 ta’ Frar 2008, huwa stieden erba’ operaturi ekonomiċi, fosthom InsTiimi, sabiex jippreżentawlu l-offerti tagħhom.

    14. Fl-24 ta’ Ġunju 2008, taħt “proċedura negozjata” li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ waħda mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti previsti fid-Direttiva 2004/18, il-kuntratt ingħata lil offerent ieħor milli InsTiimi. Fil-25 ta’ Ġunju 2008, l-għan tal-kuntratt u l-metodu ta’ funzjonament ta’ tagħmir tat-turntable inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew deskritti f’ġurnal nazzjonali Finlandiż.

    15. Meta wieħed jikkunsidra li l-proċedura kellha sseħħ b’mod konformi mar-regoli previsti mid-Direttiva 2004/18, InsTiimi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-markkinaoikeus (Qorti tas-Suq).

    16. Din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors billi kkunsidrat li kien stabbilit li t-tagħmir tat-turntable kien intiż għall-skopijiet essenzjalment militari u li l-awtorità kontraenti kellha l-intenzjoni li tużah esklużivament għal dan il-għan.

    17. B’hekk, il-markkinaoikeus ikkonkludiet li l-imsemmi kuntratt kien jaqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 7(1)(2) tal-Liġi Nruº348/2007 dwar il-kuntratti pubbliċi.

    18. InsTiimi appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Suprema Amministrattiva).

    19. InsTiimi sostniet quddiem din il-qorti li t-tagħmir tat-turntable jammonta għal innovazzjoni teknika fl-industrija ċivili u mhux materjal militari. It-twettiq tekniku tat-tagħmir tat-turntable inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa bbażat fuq tagħqid flimkien ta’ materjali, komponenti u linji tal-immuntar disponibbli liberament, u li d-disinn involut huwa biss kwistjoni tal-għażla u t-twaħħil adattati ta’ dawn il-komponenti strutturali sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tas-sejħa għal offerti.

    20. Il-Puolustusvoimat (Forzi tad-Difiża Finlandiżi), irrappreżentati mill-Pääesikunta (Stat Maġġuri Ġenerali), sostnew quddiem il-qorti tar-rinviju li dan it-tagħmir tat-turntable kien ġie akkwistat għal skopijiet speċifikament militari u li kien intiż, b’mod partikolari, għas-simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet tal-ġlied. Dan jippermetti s-simulazzjoni ta’ kontromiżuri fir-rigward ta’ rikonoxximent mill-ajru, minn angoli differenti, u tal-“kisba” ta’ objettivi, kif ukoll tat-taħriġ relatat.

    21. L-imsemmi tagħmir tat-turntable jammonta, skont l-argumenti ppreżentati mill-Puolustusvoimat, għall-parti essenzjali mil-linja ta’ kejl tal-ispazju miftuħ, maħsuba għall-kejl, is-simulazzjonijiet u l-eżerċizzji tal-gwerra elettronika, u għaldaqstant huwa disinnjat għall-istudju ta’ armi maħsuba għall-użu militari.

    22. L-istess turntable huwa prodott fis-sens tal-punt M tal-Anness tal-Ordni Nru 76/1995.

    23. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2004/18 tapplikax meta l-materjal li huwa s-suġġett ta’ għoti ta’ kuntratt b’għan speċifikament militari, iżda li jeżistu ukoll applikazzjonijiet tekniċi ta’ dan il-materjal fundamentalment simili fis-settur ċivili.

    24. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Id-Direttiva [2004/18] fid-dawl tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, tal-Artikolu [296](1)(b) [KE] u tal-lista [...] tal-Kunsill, tal-15 ta’ April 1958, tapplika għal kuntratt li, barra minn dan, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, meta skont l-awtorità kontraenti, il-materjal li huwa s-suġġett ta’ dan il-kuntratt huwa intiż għal finijiet speċifikament militari, iżda jeżistu wkoll applikazzjonijiet tekniċi ta’ użu essenzjalment simili fis-suq ċivili?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    25. Il-Gvern Finlandiż, mingħajr ma ressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, jispeċifika, fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tikkontjenix elementi għal dak li jirrigwarda l-miżuri li l-awtorità kontraenti tikkunsidra neċessarji għall-“protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà” tar-Repubblika tal-Finlandja, skont l-Artikolu 296(1)(b) KE, raġuni li għaliha hija kkunsidrat li ma tistax tippronunzja ruħha dwar din il-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

    26. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-fatt li l-qorti tar-ri nviju ma tfittixx interpretazzjoni ta’ din il-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 296(1)(b) KE ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li tpoġġi fid-dubju l-ammissibbiltà tal-imsemmija talba.

    27. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress illi d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, sentenza tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C-571/10, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina wkoll il-kundizzjonijiet li fihom hija tkun ġiet adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha (ara s-sentenza Kamberaj, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitlub ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew tad-dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 24).

    29. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li d-domanda li saret f’dan il-każ ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ipotetika u, konsegwentement, inammissibbli ħlief jekk kien jidher b’mod manifest li, fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 296(1)(b) KE, li għaliha jirreferi l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun iġġustifikata mill-interessi vitali tas-sigurtà tar-Repubblika tal-Finlandja.

    30. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, mingħajr ma indikat b’mod definittiv li, fil-każ preżenti, l-awtorità kontraenti sostniet tali interessi vitali, il-Korkein hallinto-oikeus illimitat ruħha sabiex tikkonstata li l-Puolustusvoimat ma speċifikatx, bil-mod kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea fil-komunikazzjoni interpretattiva fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 296 KE fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tad-difiża [COM(2006) 779 finali], tas-7 ta’ Diċembru 2006, l-interessi vitali għas-sigurtà li kienu kkonċernati mill-akkwist tat-tagħmir tat-turntable inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas ir-raġunijiet li għalihom in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli previsti mid-Direttiva 2004/18 kien neċessarju f’dan il-każ preċiż.

    31. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex manifest li d-domanda li saret għandha karattru ipotetiku.

    32. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

    Fuq id-domanda preliminari

    33. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 296(1)(b) KE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza Stat Membru sabiex jevita l-proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva għal kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti fil-qasam tad-difiża għall-akkwist ta’ materjal li, għalkemm intiż għal skopijiet speċifikament militari, għandu wkoll possibbiltajiet ta’ applikazzjoni ċivili essenzjalment simili.

    34. Mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 296(1)(b) KE, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, għall-kuntratti mogħtija fil-qasam tad-difiża, jieħdu miżuri derogatorji għall-imsemmija direttiva meta, minn naħa, huwa kkonċernat il-“kummerċ nbtal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra” u li, min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri jidhru neċessarji sabiex “jipproteġi l-interessi vitali” tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat.

    35. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita għall-eċċezzjonijiet mil-libertajiet fundamentali, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 296 KE, sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-284/05, Ġabra p. I-11705, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalkemm il-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu jirreferi għal miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu, dan ma jistax jiġi interpretat b’mod li jikkonferixxi s-setgħa lill-Istati Membri sabiex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE billi sempliċement jinvokaw l-imsemmija interessi (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    36. It-tipi ta’ prodotti li jidhru fil-lista tal-Kunsill tal-15 ta’ April 1958, li għaliha l-Artikolu 296(2) KE jirreferi speċifikament, bħala prinċipju, jaqgħu fid-deroga possibbli prevista fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-istess artikolu.

    37. Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk prodott bħat-tagħmir tat-turntable inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kklassifikat f’kategorija waħda jew iktar li tidher fl-imsemmija lista.

    38. Madankollu, l-Artikolu 296(1)(b) KE jispeċifika li l-miżuri li b’hekk jistgħu jieħdu l-Istati Membri ma għandhomx jalteraw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni għal dak li jirrigwarda l-prodotti li ma għandhomx skop speċifikament militari.

    39. Konsegwentement, hemm lok, minn naħa, li jitfakkar li awtorità kontraenti ma tistax tinvoka l-Artikolu 296(1)(b) KE sabiex tiġġustifika miżura derogatorja fl-akkwist ta’ materjal li għandu użu ċivili ċert u għan militari eventwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-337/05, Ġabra p. I-2173, punti 48 u 49).

    40. Min-naħa l-oħra, anki jekk prodott jaqa’ f’kategorija waħda jew oħra tal-materjali li jidhru fil-lista tal-Kunsill tal-15 ta’ April 1958, jekk jeżistu applikazzjonijiet tekniċi b’użu ċivili simili ħafna, jista’ jkun ikkunsidrat li ma għandhomx skop speċifikament militari fis-sens tal-Artikolu 296 KE biss jekk tali użu huwa mhux biss dak li għandha l-intenzjoni li tagħti l-awtorità kontraenti, iżda wkoll, hekk kif sosntiet l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, dak li jirriżulta mill-karatteristiċi proprji għal tagħmir disinjat speċifikament, żviluppat jew modifikat sostanzjalment għall-skopijiet bħal dawn.

    41. F’dan ir-rigward, għandu fil-fatt jingħad li t-terminu “għall-użu militari” użat fil-punt 11 tal-imsemmija lista kif ukoll it-termini “sakemm huma ta’ natura militari” u “esklussivament għall-istudju” użati fil-punti 14 u 15 tal-istess lista li tindika li l-prodotti previsti f’dawn il-punti għandhom ikollhom oġġettivament karattru speċifikament militari.

    42. Fl-aħħar nett għandu jitfakkar li, reċentement, fl-għaxar premessa tad-Direttiva 2009/81, il-leġiżlatur tal-Unjoni speċifika li t-terminu “tagħmir militari” fis-sens ta’ din id-direttiva għandu jkopri l-prodotti li, għalkemm inizjalment disinjat għal użu ċivili, sussegwentement ġew adottati għal skopijiet militari sabiex ikunu jistgħu jiġu użati bħala armi, munizzjon jew materjal tal-gwerra.

    43. Materjal bħat-tagħmir tat-turntable inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkunsidrat, skont l-informazzjoni fornuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jippermetti li jsir kejl elettromanjetiku u s-simulazzjoni tas-sitwazzjonijiet tal-ġlied. Konsegwentement, huwa jista’ jiġi kklassifikat bħala komponent ta’ tagħmir militari destinat għal-ittestjar u l-kontroll ta’ armi fis-sens tal-punt 15 tal-lista tal-Kunsill tal-15 ta’ April 1958, moqri flimkien mal-punti 11 u 14 ta’ din tal-aħħar, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    44. Madankollu, tagħmir tat-turntable bħal dan, li l-awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li tużah biss għall-skopijiet militari, ikun ikkunsidrat bħala intiż speċifikament għal skopijiet bħal dawn fis-sens tal-Artikolu 296(1)(b) KE biss jekk ikun stabbilit li, bid-differenza ta’ materjali simili għal użu ċivili invokati mir-rikorrent għall-kawża prinċipali, l-imsemmi tagħmir, permezz tal-karatteristiċi proprji tiegħu, jista’ jiġi meqjus bħala speċjalment disinjat u żviluppat, inkluż b’konsegwenza ta’ modifiki sostanzjali, għal tali għanijiet, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    45. Għandu jingħad li, fis-sitwazzjoni fejn, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju għandha tikkonstata li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 296(1)(b) KE, li għalih jirreferi l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, hija għandha tivverifika jekk l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat jistax jagħti prova tal-ħtieġa li juża d-deroga stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni bil-għan li jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, ċċitata iktar ’il fuq, punt 49), u jekk il-ħtieġa li jiġu protetti dawn l-interessi vitali ma setgħetx tintlaħaq fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, kif prevista mid-Direttiva 2004/18 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

    46. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għad-domanda li saret li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 296(1)(b) KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza Stat Membru sabiex jevita l-proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva għal kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti fil-qasam tad-difiża għall-akkwist ta’ materjal li, għalkemm intiż għal skopijiet speċifikament militari, għandu wkoll possibbiltajiet ta’ applikazzjoni ċivili essenzjalment simili biss jekk dan il-materjal, permezz tal-karatteristiċi proprji tiegħu, jista’ jiġi meqjus bħala speċjalment disinjat u żviluppat, inkluż b’konsegwenza ta’ modifiki sostanzjali, għal tali għanijiet, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ispejjeż

    47. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikolu 296(1)(b) KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza Stat Membru sabiex jevita l-proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva għal kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti fil-qasam tad-difiża għall-akkwist ta’ materjal li, għalkemm intiż għal skopijiet speċifikament militari, għandu wkoll possibbiltajiet ta’ applikazzjoni ċivili essenzjalment simili biss jekk dan il-materjal, permezz tal-karatteristiċi proprji tiegħu, jista’ jiġi meqjus bħala speċjalment disinjat u żviluppat, inkluż b’konsegwenza ta’ modifiki sostanzjali, għal tali għanijiet, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq