Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0480

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-16 ta' Diċembru 2010.
    AceaElectrabel Produzione SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell - Għajnuna mill-Istat - Għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni - Kundizzjoni għar-rimbors minn qabel mill-benefiċjarju ta’ għanjuna preċedenti ddikjarata illegali - Kunċett ta’ unità ekonomika - Kontroll konġunt minn żewġ kumpanniji parent distinti - Żnaturament tal-motivi tar-rikors - Żbalji u nuqqas ta’ motivazzjoni.
    Kawża C-480/09 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13355

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:787

    Kawża C-480/09 P

    AceaElectrabel Produzione SpA

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Appell — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni — Kundizzjoni għar-rimbors minn qabel mill-benefiċjarju ta’ għajnuna preċedenti ddikjarata illegali — Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’ — Kontroll konġunt minn żewġ kumpanniji parent distinti — Żnaturament tal-motivi tar-rikors — Żbalji u nuqqas ta’ motivazzjoni”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna wara serje ta’ organizzazzjonijiet mill-ġdid — Kunċett ta’ unità ekonomika

    (Artikoli 87 KE u 88 KE)

    2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni li titħallas għajnuna għar-rimbors minn qabel mill-impriża kkonċernata ta’ għajnuna illegali li tkun irċeviet preċedentement — Neċessità li jiġi evitat l-effett akkumulat tal-għajnuna mhux rimborsata u tal-għajnuna prevista

    (Artikoli 87(3)(ċ) KE u 88(2) KE)

    1.        Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, meta tkun qiegħda tidentifika l-benefiċjarju ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma teċċedix il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta tikkunsidra li, wara ristrutturazzjoni li tinkludi trasferiment tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni ta’ kumpannija favur kumpanniji industrijali ġodda, fejn il-kumpannija l-antika tibqa’ interessata f’dawk il-kumpanniji industrijali ġodda, dawn il-kumpanniji kollha jistgħu, fir-rigward ta’ għajnuna, jifformaw flimkien grupp uniku, minkejja l-fatt li kull waħda mill-kumpanniji industrijali l-ġodda tkun tgawdi minn individwalità ġuridika distinta mill-kumpannija l-antika.

    Il-kumpannija l-antika u l-kumpanniji operattivi l-ġodda jistgħu jifformaw unità ekonomika meta r-ristrutturazzjoni mwettqa tkun tikkostitwixxi organizzazzjoni koerenti, mill-perspettiva industrijali u finanzjarja. Korp li, filwaqt li jżomm ishma ta’ kontroll f’kumpannija, jeżerċita effettivament dan il-kontroll billi jipparteċipa direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tagħhom għandu jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti mill-attività ekonomika eżerċitata mill-impriża kkontrollata. F’dawn il-kundizzjonijiet, iċ-ċirkustanza li dan il-kontroll jiġi eżerċitat biss b’mod konġunt ma’ kumpannija oħra li għandha parti ikbar mill-kapital tal-kumpannija kkontrollata minn dik tal-kumpanija l-antika ma topponix il-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ unità ekonomika bejn il-kumpannija l-antika u l-kumpannija kkontrollata.

    Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan, sempliċi diviżjoni ta’ impriża f’żewġ entitajiet distinti, li waħda minnhom issegwi direttament l-attività ekonomika preċedenti u t-tieni waħda tikkontrolla l-ewwel waħda filwaqt li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni tagħha tkun biżżejjed sabiex iċċaħħad mill-effetti tagħhom ir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan jippermetti lit-tieni korp jibbenefika minn sussidji jew minn vantaġġi oħra mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat u li jutilizzahom kollha kemm huma jew parti minnhom favur l-ewwel korp, fl-interess, ukoll, tal-unità ekonomika magħmula miż-żewġ korpi.

    Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ta’ riskju ta’ evitar tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna preċedenti ma jistax jiġi suġġett għall-prova tal-eżistenza ta’ tali għan fiċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni peress li kieku dan kien il-każ, l-impriżi kienu jkunu mħajra joħolqu strutturi finti intiżi sabiex jevitaw l-irkupru ta’ għajnuna illegali, billi jieħdu vantaġġ mill-fatt li l-oneru tal-prova li qed jiġi segwit tali għan huwa fuq il-Kummisjoni.

    Iċ-ċirkustanzi li xi membri tal-kumitat ta’ amministrazzjoni u tal-korp ta’ kontroll tal-imsemmija entità jkunu maħtura f’korpi ekwivalenti tal-kumpannija kkontrollata jistgħu, b’mod partikolari, iwasslu, minn naħa, għall-possibilità tal-eżerċizzju, lil hinn minn sempliċi investiment ta’ kapital minn investitur, ta’ funzjonijiet ta’ kontroll, ta’ impetu u ta’ sostenn finanzjarju kif ukoll, min-naħa l-oħra, juru l-eżistenza ta’ rabtiet organiċi u funzjonali bejn entità li jkollha ishma ta’ kontroll f’kumpannija u din l-istess kumpannija kkontrollata.

    (ara l-punti 47-51, 55, 59, 63 u 64)

    2.        Il-Kummissjoni tista’ tissuġġetta l-kompatibbiltà ta’ għajnuna għar-rimbors minn qabel ta’ għajnuna illegali preċedenti. Fir-rigward ta’ għajnuna individwali jew għajnuna li taqa’ taħt sistema ta’ għajnuna, in-neċessità li jiġi evitat l-effett akkumulat tal-għajnuna mhux rimborsata u tal-għajnuna prevista hija l-istess waħda. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha, minn naħa, fejn xieraq, tieħu inkunsiderazzjoni l-effett akkumulat eventwali ta’ għajnuna illegali preċedenti mhux rimborsata u ta’ għajnuna ġdida u, min-naħa l-oħra, tikkonstata l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna ġdida biss meta l-elementi għad-dispożizzjoni tagħha jippermettulha tikkonkludi f’dan is-sens.

    F’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, huwa l-obbligu tal-Istat Membru u tal-benefiċjarju potenzjali ta’ għajnuna ġdida li jipprovdu lill-Kummissjoni bl-elementi intiżi sabiex juru li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni u dan l-obbligu jgħodd ukoll għan-neċessità li jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ effett akkumulat tal-għajnuna l-ġdida mal-għajnuna illegali preċedenti, inkompatibbli mas-suq komuni u mhux irrimborsata.

    (ara l-punti 96, 97 u 99)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    16 ta’ Diċembru 2010 (*)

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni – Kundizzjoni għar-rimbors minn qabel mill-benefiċjarju ta’ għanjuna preċedenti ddikjarata illegali – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’ – Kontroll konġunt minn żewġ kumpanniji parent distinti – Żnaturament tal-motivi tar-rikors – Żbalji u nuqqas ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawża C‑480/09 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis‑26 ta’ Novembru 2009,

    AceaElectrabel Produzione SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn L. Radicati di Brozolo u M. Merola, avukati,

    rikorrenti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Electrabel SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Radicati di Brozolo u M. Merola, avukati,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Settembru 2010,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tal-appell tagħha, AceaElectrabel Produzione SpA (iktar ’il quddiem “AEP”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Isanza tal‑Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali), tat‑8 ta’ Settembru 2009, AceaElectrabel vs Il‑Kummissjoni (T‑303/05, Ġabra p. II‑137, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet it-talba ta’ AEP għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2006/598/KE, tas‑16 ta’ Marzu 2005, dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja – ir-reġjun ta’ Lazio – beħsiebha timplementa favur it-tnaqqis tal‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU 2006, L 244, p. 8, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”).

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 1 sa 17 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

    3        Electrabel Italia SpA (iktar ’il quddiem “Electrabel Italia”) u AceaElectrabel Holding SpA (iktar ’il quddiem “AceaElectrabel”) huma kull waħda proprjetarji ta’ 50 % tal-ishma ta’ AEP, li hija kumpannija għall-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika.

    4        Electrabel SA (iktar ’il quddiem “Electrabel”), li għandha s-sede tagħha fil‑Belġju, hija proprjetarja tal-ishma kollha ta’ Electrabel Italia.

    5        AceaElectrabel hija joint venture maħluqa minn ACEA SpA (iktar ’il quddiem “ACEA”) u Electrabel Italia. Din il-joint venture hija attiva fis-setturi tal-enerġija elettrika u tal-gass. Hija kkontrollata għal 59.41 % minn ACEA u għal 40.59 % minn Electrabel Italia. Il-ftehim ta’ kostituzzjoni kien jipprevedi li ACEA kellha tittrasferixxi lil AEP żewġ installazzjonijiet termoelettriċi tal-produzzjoni u ħames ċentri idroelettriċi, filwaqt li Electrabel kellha ġġib serje ta’ proġetti għall-bini tal‑installazzjonijiet.

    6        Barra minn dan, AceaElectrabel tikkontrolla, b’mod totali jew parzjali, l-impriżi AceaElectrabel Energia (100 %), AceaElectrabel Elettricità (100 %) u AceaElectrabel Trading (iktar ’il quddiem “AE Trading”, 84.17 %).

    7        Għalhekk, l-istruttura ta’ dawk l-impriżi tista’ tintwera kif ġej:

    Image not found

    8        Fit‑28 ta’ Jannar 2002, ir-Repubblika Taljana nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej b’żewġ proġetti ta’ għajnuna għall-investiment, fosthom dak għall-bini ta’ netwerk ta’ tisħin urban fil-viċinanzi ta’ Ruma, li kellu jiġi pprovdut b’enerġija minn ċentru ta’ koġenerazzjoni, immodernizzat parzjalment u kkonvertit, u jipprovdi b’dan il-mod tisħin lil kwartier ġdid (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”). L-ispejjeż ta’ investiment ta’ dak il-proġett kienu jammontaw għal EUR 9 500 000 u l-għajnuna inkwistjoni għal EUR 3 800 000.

    9        Permezz tal-ittra tat‑13 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tal-ftuħ, fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni, tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Hija fil-fatt qieset li l‑għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni, iżda li kellhom japplikaw il-prinċipji ddikjarati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il‑Kummissjoni (C‑355/95 P, Ġabra p. I‑2549), li kkonfermat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat‑13 ta’ Settembru 1995, TWD vs Il‑Kummissjoni (T‑244/93 u T‑486/93, Ġabra p. II‑2265) (iktar ’il quddiem il‑“ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni”).

    10      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat, minn naħa, li ACEA kienet waħda mill-impriżi muniċipali tas-settur tal-enerġija li bbenefikat minn skema ta’ għajnuna (iktar ’il quddiem l-“għajnuna preċedenti”) ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2003/193/KE, tal‑5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil‑forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003 L 77 p. 21), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni preċedenti”), u, min-naħa l-oħra, li r-Repubblika Taljana ma kinitx ikkonfermatilha, minkejja żewġ ittri ta’ tfakkir f’dan ir-rigward, l-irkupru effettiv tal-ammonti mogħtija lil ACEA fil-kuntest ta’ dawn l-iskemi, impost fl-Artikolu 3 tal-imsemmija tad-deċiżjoni preċedenti.

    11      Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, ACEA kienet il-benefiċjarja inizjali tal-għajnuna inkwistjoni, peress li AEP saret il-benefiċjarja attwali biss wara serje ta’ organizzazzjonijiet mill-ġdid. Barra minn dan il-Kummissjoni qieset li ACEA u AEP kellhom jiġu kkunsidrati bħala unità ekonomika waħda u li, minkejja l‑organizzazzjoni mill-ġdid interna, dan l-istess grupp, inkluża ACEA, kellu jiġi kkunsidrat bħala l-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni.

    12      Fis‑16 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija ddikjarat l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq komuni, iżda ssospendiet l-għoti tagħha lil AEP sakemm ir-Repubblika Taljana tipproduċi l-prova tal-ħlas lura minn ACEA tal-għajnuna preċedenti.

     Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Awwissu 2005, AEP ippreżentat rikors għall‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 230 KE.

    14      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, AEP sostniet ksur tal-Artikolu 87(1) KE kif ukoll difetti fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fl-istruttorja dwar il‑klassifikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat‑22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall‑applikazzjoni tal-Artikolu [88] KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif ukoll fuq żbalji ta’ liġi u fuq in-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-identità tad-destinatarju tal-għajnuna inkwistjoni. It-tielet motiv kien ibbażat fuq l‑illegalità tas-sospensjoni tal-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni u n-nuqqas ta’ rilevanza tar-riferiment għall-ġursiprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni.

    15      Fis‑6 ta’ Diċembru 2005, Electrabel talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ AEP. B’digriet tas‑7 ta’ April 2006, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

    16      Fl‑24 ta’ Lulju 2007, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet u lir-Repubblika Taljana jipproduċulha, jekk huma kellhom, prova materjali ta’ ħlas lura eventwali tal‑għajnuna preċedenti minn ACEA.

    17      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Settembru 2007, ir-Repubblika Taljana kkonfermat li ACEA kienet irrimborsat ammont ta’ EUR 1 511 135.88 għas-sena 1998 u ammont ta’ EUR 1 534 938.78 għas-sena 1999.

    18      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni indikat li l-ammonti rrimborsati minn ACEA kienu jirrappreżentaw perċentwali mnaqqas ħafna mill‑ammonti li għandhom jitħallsu lura skont id-deċiżjoni preċedenti meta mqabbla mal-kalkoli li jinsabu fil-bilanċ kontabbli ta’ ACEA għas-sena 2004. Hija enfasizzat li l-kundizzjoni sospensiva li minnha kien jiddependi l-ħlas tal‑għajnuna inkwistjoni ma setgħetx titqies bħala sodisfatta.

    19      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

    20      Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tikklassifika, mingħajr ma tikser l-Artikolu 87(1) KE, l-għajnuna inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, peress li n-natura lokali tan-netwerk ta’ tisħin urban ikkonċernat ma jeskludi la relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni ma’ prodotti oħra tal-enerġija u lanqas eventwali preġudizzju fil-konfront tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u li din il-konstatazzjoni kienet immotivata b’mod suffiċjenti. Barra minn dan, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli l‑argumenti li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet kontradittorja u li l‑istruttorja dwar il-klassifikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni ta’ għajnuna mill‑Istat ma kinitx suffiċjenti, billi qieset li r-rikors ma kien fih l-ebda argument f’dan ir-rigward.

    21      Il-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala inammissibbli t-tieni motiv sa fejn dan kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-Regolament Nru 659/1999, peress li r‑rikors tal-ewwel istanza ma kien fih, skont il-Qorti Ġenerali, l-ebda argument ibbażat fuq tali ksur. Sa fejn it-tieni motiv kien jirreferi għal żbalji ta’ liġi kif ukoll għan-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-identità tad-destinatarju tal-għajnuna inkwistjoni, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet, minn naħa, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni manifest billi kkunsidrat li, għall-finijiet tal-eżami tal-għajnuna, ACEA u AEP kellhom jiġu kkunsidrati bħala li jifformaw unità ekonomika u li ACEA kellha tiġi kkunsidrata bħala waħda mill-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata b’mod suffiċjenti u li ma kien fiha l-ebda kontradizzjoni.

    22      Fir-rigward tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti bbażati fuq in‑nuqqas ta’ identità bejn ACEA u AEP u fuq in-nuqqas ta’ effett kumulattiv tal‑għajnuna preċedenti u tal-għajnuna inkwistjoni billi rreferiet għall‑kunsiderazzjonijiet tagħha magħmula fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni motiv. Hija qieset ukoll li, bil-kontra ta’ dak li sostniet AEP, il-ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni kienet applikabbli wkoll għal skemi ġenerali ta’ għajnuna u mhux biss għal għajnuna individwali. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma injoratx l-imsemmija ġurisprudenza meta qieset li hija ma kinitx obbligata tipprova l-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li għandu l-kumulu tal-għajnuna preċedenti u tal-għajnuna inkwistjoni u lanqas li tkun taf, minn qabel, l-ammont preċiż tal-għajnuna preċedenti.

     It-talbiet tal-partijiet

    23      AEP titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tannulla s-sentenza appellata u tilqa’ t-talbiet mressqa fl-ewwel istanza;

    –        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tiċħad l-appell, u

    –        tikkundanna lil AEP għall-ispejjeż.

     Fuq l-appell

    25      Ir-rikorrenti tqajjem żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żnaturament tal‑motivi tar-rikors tal-ewwel istanza, fuq żbalji ta’ liġi kif ukoll fuq in-natura mhux razzjonali u kontradittorja tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata fir‑rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żnaturament tal-motivi tar-rikors tal-ewwel istanza, fuq żbalji ta’ liġi kif ukoll fuq in-natura kontradittorja u mhux suffiċjenti tal‑motivazzjoni ta’ din is-sentenza dwar il-portata tal-ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni.

     Fuq l-ewwel motiv, dwar id-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni

     Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-motivi tar‑rikors tal-ewwel istanza

    –       L-argumenti tal-partijiet

    26      AEP tikkunsidra li d-dikjarazzjoni ta’ inammissibilità tat-tieni motiv ippreżentat fl-ewwel istanza sa fejn dan kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 88 KE u tar‑Regolament Nru 659/1999 tirriżulta minn eżami superfiċjali tar-rikors, peress li r-riferiment għal dawn ir-regoli kellu jinqara flimkien mal-argument dwar l-iżball fid-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, id‑determinazzjoni korretta tal-benefiċjarju hija rilevanti fid-dawl tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat.

    27      Skont AEP, il-kwistjoni ta’ kontinwità ekonomika bejn ACEA u AEP minħabba trasferiment tal-parti tal-impriża li jaqa’ taħtha l-proġett li huwa s-suġġett tal‑għajnuna inkwistjoni ġiet ittrattata b’mod sostanzjali kemm fin-noti tal-partijiet kif ukoll waqt is-seduta. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan id-dibattitu, u b’hekk żnaturat il-motiv tar-rikors u r‑riżultati tal-istruttorja.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    28      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali hija obbligata tiċħad bħala inammissibbli kap ta’ talbiet tar-rikors li jiġi ppreżentat lilha, ġaladarba l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat dan il-kap tat-talbiet ma jirriżultawx, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tal-istess rikors (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C‑214/05 P, Ġabra p. I‑7057, punt 37, u digriet tat‑13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, C‑150/06 P, punt 45).

    29      Għalhekk, wara li osservat li skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati, u dan b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex il-parti konvenuta tingħata l‑opportunità tipprepara d-difiża tagħha u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet bħala inammissibbli l-argument bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-Regolament Nru 659/1999, minħabba li ma kienx jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.

    30      Fil-fatt, ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ma identifikax b’mod ċar u inekwivoku, koerenti u li jinftiehem b’liema mod id-deċiżjoni kkontestata tikser dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn dan, AEP ma pproduċiet l-ebda prova konkreta quddiem il-Qorti Ġenerali intiża sabiex turi li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet.

    31      B’mod partikolari, ma huwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward li jiġi sostnut li r‑riferiment għall-imsemmija dispożizzjonijiet kellu jinqara flimkien mal‑argument dwar l-iżball fid-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnunua inkwistjoni, peress li r-rikors tal-ewwel istanza ma speċifikax din ir-rabta u lanqas kif l-allegat żball wassal għal ksur ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet.

    32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tinċaħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

     Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggarvju, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi

    –       L-argumenti tal-partijiet

    33      AEP issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonfermat il‑konklużjoni tal-Kummissjoni li ACEA u AEP jifformaw unità ekonomika. Fil‑fatt, jekk ACEA hija proprjetarja ta’ inqas minn 30 % mill-ishma ta’ AEP, allura 70 % minnha hija proprjetà ta’ Electrabel, b’tali mod li huwa impossibbli li jingħad li AEP kienet tifforma unità ekonomika ma’ ACEA.

    34      Skont AEP, mill-ġurisprudenza kollha ċċitata mill-Qorti Ġenerali insostenn tal‑analiżi tagħha jirriżulta li s-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarju ta’ għajnuna, żewġ impriżi jew iktar jifformawx unità ekonomika hija limitata għall‑każijiet ipotetiċi fejn ikun hemm kontroll esklużiv mill-istess persuna jew mill-istess grupp. Min-naħa l-oħra, meta impriża tkun ikkontrollata, bħal f’dan il-każ, minn joint venture, ikkontrollata hija stess minn żewġ gruppi distinti, ma jistax jiġi dedott minnha li l-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li teżisti unità ekonomika u waħda miż-żewġ kumpanniji tikkontrolla l-joint venture.

    35      AEP tqis ukoll li l-Kummissjoni qatt ma applikat tali approċċ f’oqsma oħra tad‑dritt tal-kompetizzjoni, anki jekk tali dritt juża, fl-oqsma kollha tiegħu, l-istess kunċetti. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, il-kunċetti applikabbli fil-qasam ta’ konċentrazzjonijiet jew ta’ akkordji jistgħu jiġu trasposti għall-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ħlief f’sitwazzjonijiet speċifiċi li jiġġustifikaw interpretazzjoni differenti.

    36      F’dan ir-rigward il-Kummissjoni kkwalifikat, fid-deċiżjoni tagħha, li tapprova l‑istabbiliment ta’ AEP, din il-joint venture ta’ konċentrazzjoni, peress li hija impriża funzjonalment awtonoma meta mqabbla mal-kumpanniji parent tagħha. Issa, il-kunċett ta’ awtonomija funzjonali jintuża, fid-dritt tal-kompetizzjoni, għall-impriżi komuni li, għalkemm huma kkontrollati minn gruppi ekonomiċi differenti, għandhom l-istruttura organizzattiva u amministrattiva proprja tagħhom u jipparteċipaw fis-suq b’mezzi operazzjonali u finanzjarji awtonomi.

    37      Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali, skont AEP, wettqet żball, meta kkonkludiet fil‑punt 142 tas-sentenza appellata, minkejja din il-konstatazzjoni preċedenti tal‑Kummissjoni, li hija ma għandhiex awtonomija funzjonali reali fir-rigward ta’ ACEA u ta’ Electrabel minħabba l-kontroll konġunt li huma kellhom fuq AEP. Fil‑fatt, il-Qorti Ġenerali fixklet il-kunċetti ta’ awtonomija funzjonali u ta’ kontroll, peress li mhux kull kontroll jinċidi fuq l-awtonomija funzjonali ta’ impriża.

    38      Barra minn dan, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li AEP ma hijiex funzjonalment awtonoma, peress li l‑kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija prodotta minnha ssir minn AE Trading, AEP tosserva li tali kunsiderazzjonijiet ma humiex rilevanti, peress li s-separazzjoni tal-produzzjoni kif ukoll tal-kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa, żgurata f’dan il‑każ minn AEP, u tal-kummerċjalizzazzjoni bl-imnut, mwettqa f’dan il-każ minn AE Trading, hija normali fis-settur tal-enerġija u kienet magħrufa mill‑Kummissjoni fil-mument tal-approvazzjoni tal-konċentrazzjoni.

    39      AEP iżżid li, minkejja li l-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni ma attribwiet l-ebda responsabbiltà lil AEP u lanqas talbitha tħallas lura l-għajnuna preċedenti, xorta jibqa’ l-fatt li AEP u, permezz tal-intermedjarja tagħha, Electrabel, ġarrbet il-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-għajnuna inkwistjoni. Issa, jekk il‑Kummissjoni riedet tindirizza lil ACEA, permezz tal-intermedjarja ta’ AEP, hija ma kellhiex taffettwa s-sitwazzjoni ta’ Electrabel u, konsegwentement, kellha tissospendi l-għajnuna inkwistjoni biss sal-proporzjon tal-ishma miżmuma minn ACEA, jiġifieri 29.705 %.

    40      Ir-riferiment tal-Qorti Ġenerali għas-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C-91/01, Ġabra p. I‑4355, punti 50 sa 53), hija, skont AEP, irrilevanti, peress li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tikkonċerna l‑eliġibbiltà ta’ kumpannija sabiex tibbenefika mit-trattament preferenzjali mogħti lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u mhux l-appartenenza għal unità ekonomika. Barra minn dan, dik il-kawża, kienet l-iktar l-iktar, tikkonċerna l-kontroll eslużiv ta’ grupp uniku.

    41      Sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li teżisti kontinwità ekonomika bejn ACEA u AEP minħabba t-trasferiment tal-parti tal-impriża li jaqa’ taħtha l-proġett li huwa s‑suġġett tal-għajnuna inkwistjoni, AEP tqis li dan it-trasferiment ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li hija teżerċita l-attività preċedentement eżerċitata minn ACEA u li hija saret il-benefiċjarja ta’ din l-għajnuna. Lanqas ma jista’ jintuża bħala bażi għall-kunsiderazzjoni li AEP u ACEA jifformaw unità ekonomika.

    42      F’dan ir-rigward, AEP tosserva li t-trasferiment tal-imsemmi proġett seħħ fil‑kuntest ta’ ftehim ta’ joint venture li kien jimmarka t-tmiem ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti organizzata minn ACEA, li fil-kuntest tagħha l-parti ttrasferita tal-impriża ġiet evalwata b’mod adegwat skont ir-regoli tas-suq. Issa, mill-punt 33 tal-Avviż tal-Kummissjoni, intitolat “Lejn implmentazzjoni effettiva tad‑Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi” (ĠU 2007, C 272, p. 4), jirriżulta li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ assi (“asset deals”), bħal dawk f’dan il-każ, ma hemmx kontinwità bejn l-impriża l-antika u l-impriża l-ġdida.

    43      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw ir-riskju li t‑trasferiment lil AEP tal-parti mill-impriża ta’ ACEA kkonċernata seta’ kien intiż sabiex jevita l-ordni ta’ rkupru inkluż fid-deċiżjoni preċedenti, AEP tfakkar li hija kienet osservat quddiem il-Qorti Ġenerali li operazzjoni daqstant importanti, minn perspettiva ekonomika u strateġika, bħall-istabbilment ta’ AceaElectrabel, ma setgħetx saret sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sospensjoni ta’ għajnuna mill-Istat f’ammont daqstant negliġibbli meta mqabbel mal-valur totali tal-operazzjoni.

    44      Barra minn dan, billi ddeċidiet, minn naħa waħda, li l-Kummissjoni ma kellhiex l‑oneru li tipprova l-għan ta’ evitar u, min-naħa l-oħra, li l-konstatazzjoni ta’ trasferiment u l-espożizzjoni għar-riskji li dan kien jinvolvi fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huma suffiċjenti għar-raġunament tal‑Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali eżonerat lil din tal-aħħar mill-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha b’mod ieħor għajr permezz ta’ ipoteżijiet teoretiċi u paradossali.

    45      Waqt is-seduta, Electrabel inverveniet insostenn tal-argument ta’ AEP intiż sabiex jistabbilixxi n-nuqqas kemm ta’ unità ekonomika bejn AEP u ACEA kif ukoll ta’ kwalunkwe għan ta’ evitar tal-ordni ta’ rkupru inkluż fid-deċiżjoni preċedenti fil‑mument tat-trasferiment tal-parti tal-impriża kkonċernata ta’ ACEA lil AEP. B’mod partikolari, Electrabel issostni li kwalunkwe riskju ta’ evitar għandu jiġi evalwat mhux fl-astratt, iżda abbażi ta’ fatti konkreti.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    46      Peress li AEP u Electrabel jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l‑Kummissjoni setgħet tittratta lil AEP u ACEA bħala li jagħmlu parti minn unità ekonomika fir-rigward tal-għajnuna preċedenti u tal-għajnuna inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

    47      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara ristrutturazzjoni li tinkludi trasferiment tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni ta’ kumpannija favur kumpanniji industrijali ġodda, fejn il-kumpannija l-antika tibqa’ interessata f’dawk il-kumpanniji industrijali ġodda, dawn il-kumpanniji kollha jistgħu, fir-rigward ta’ għajnuna, jifformaw flimkien grupp uniku, minkejja l-fatt li kull waħda mill-kumpanniji industrijali l-ġodda tkun tgawdi minn individwalità ġuridika distinta mill-kumpannija l-antika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, Ġabra, p. 3809, punt 11).

    48      Il-kumpannija l-antika u l-kumpanniji operattivi l-ġodda jistgħu jifformaw unità ekonomika meta r-ristrutturazzjoni mwettqa tkun tikkostitwixxi organizzazzjoni koerenti, mill-perspettiva industrijali u finanzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intermills vs Il‑Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, punt 12).

    49      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li entità li żżomm ishma ta’ kontroll f’kumpannija, u teżerċita effettivament dan il-kontroll filwaqt li tipparteċipa direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tagħha għandha tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti mill-attività ekonomika eżerċitata mill-impriża kkontrollata (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punti 112 u 118).

    50      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan, sempliċi diviżjoni ta’ impriża f’żewġ entitajiet distinti, li waħda minnhom issegwi direttament l-attività ekonomika preċedenti u t-tieni waħda tikkontrolla l-ewwel waħda filwaqt li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni tagħha tkun biżżejjed sabiex iċċaħħad mill-effetti tagħhom ir-regoli Komunitarji dwar l‑għajnuna mill-Istat. Dan jippermetti lit-tieni entità li tibbenefika minn sussidji jew minn vantaġġi oħra mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat u li tużahom kollha kemm huma jew parti minnhom favur l-ewwel entità, fl-interess, ukoll, tal-unità ekonomika magħmula miż-żewġ entitajiet (sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 114).

    51      Iċ-ċirkustanzi li xi membri tal-kumitat ta’ amministrazzjoni u tal-korp ta’ kontroll tal-imsemmija entità jkunu maħtura f’korpi ekwivalenti tal-kumpannija kkontrollata jistgħu, b’mod partikolari, iwasslu, minn naħa, għall-possibilità tal‑eżerċizzju, lil hinn minn sempliċi investiment ta’ kapital minn investitur, ta’ funzjonijiet ta’ kontroll, ta’ impetu u ta’ sostenn finanzjarju kif ukoll, min-naħa l‑oħra, juru l-eżistenza ta’ rabtiet organiċi u funzjonali bejn entità li jkollha ishma ta’ kontroll f’kumpannija u din l-istess kumpannija kkontrollata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

    52      F’dan il-każ, la AEP u lanqas Electrabel ma kkontestaw il-konstatazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali li ġejjin, jiġifieri, fl-ewwel lok, din tal-aħħar ikkonstatat, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li ACEA kienet il-benfiċjarja inizjali tal-għajnuna inkwistjoni, li kien hemm trasferiment tal-parti tal-impriża ta’ ACEA li bbenefikat mill-imsemmija għajnuna lil AEP u li din tal-aħħar teżerċita l-attività ta’ din il‑parti tal-impriża. Hija osservat ukoll, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li l‑kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija prodotta minn AEP issir minn AE Trading, li 84.17 % mill-ishma tagħha huma proprjetà ta’ AceaElectrabel, li 59.41 % tal‑ishma tagħha huma proprejtà ta’ ACEA.

    53      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li AEP hija marbuta kemm ma’ ACEA kif ukoll ma’ Electrabel u li ACEA hija proprjetarja tal-maġġoranza tal-kapital ta’AceaElectrabel li għandha hija nfisha 50 % mill-kapital ta’ AEP u, fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, li ACEA affermat b’mod espliċitu li għandha l-kontroll ta’AEP, b’mod konġunt ma’ Electrabel.

    54      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li għalkemm Electrabel hija rrappreżentata permezz ta’ tmien membri minn tnax fi ħdan il-bord ta’ diretturi ta’AEP u permezz ta’ erba’ membri minn sitta fil-kumitat eżekuttiv tagħha, il-kunsens ta’ wieħed mill-membri li jirrappreżentaw lil ACEA huwa neċessarju għall-materji l-iktar importanti, u dan li jagħtiha s-setgħa ta’ veto.

    55      Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’tali ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma teċċedi l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, li, wara r-ristrutturazzjoni mwettqa minn ACEA bl-appoġġ ta’ Electrabel, ACEA u AEP jifformaw parti minn organizzazzjoni koerenti fir‑rigward tal-għajnuna preċedenti u tal-għajnuna inkwistjoni, peress li l‑imsemmija ristrutturazzjoni kienet tinkludi t-trasferiment tal-parti tal-impriża kkonċernata ta’ ACEA lil AEP, li AEP kompliet l-attivitajiet ta’ din il-parti tal‑impriża, li ACEA baqgħet interessata f’AEP u li l-enerġija prodotta minn AEP kienet ikkummerċjalizzata minn AE Trading, peress li din tal-aħħar kienet ikkontrollata minn ACEA permezz tal-maġġoranza ta’ ishma li hija għandha f’AceaElectrabel.

    56      Barra minn dan, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 49 u 51 ta’ din is‑sentenza, mill-istess konstatazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li ACEA, li hija proprjetarja ta’ ishma ta’ kontroll konġunt f’AEP, kienet teżerċita effettivament dak il-kontroll billi tipparteċipa direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tagħha, permezz kemm tal-preżenza tar‑rappreżentanti tagħha fil-bord ta’ diretturi ta’ AEP u fil-kumitat eżekuttiv tagħha kif ukoll tal-maġġoranza tal-ishma li hija għandha f’AceaElectrabel, peress li din tal-aħħar għandha 50 % mill-kapital ta’ AEP.

    57      Barra minn dan, il-Qorti Ġenerali osservat fil-punt 125 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-ftehim ta’ attribuzzjoni tal-parti tal-impriża ttrasferita minn ACEA lil AEP kienet tipprevedi klawżola li teskludi kull kawża eventwali fir-rigward tal‑imsemmija parti u, min-naħa l-oħra, li ACEA kienet diġà kkontestat, f’dak il‑mument, id-deċiżjoni preċedenti.

    58      Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni stabbilixxiet f’dan il-każ li r-ristrutturazzjoni mwettqa minn ACEA b’mod konġunt ma’ Electrabel setgħet toħloq ir-riskju ta’ evitar tal-ordni ta’ rkupru inkluż fid-deċiżjoni preċedenti.

    59      Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkunsidrat li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw AEP u Electrabel, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ riskju ta’ evitar tal-ordni ta’ rkupru tal‑għajnuna preċedenti ma jistax jiġi suġġett għall-prova tal-eżistenza ta’ tali għan fiċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, l‑impriżi kienu jkunu mħajra joħolqu strutturi soċjali intiżi sabiex jevitaw l‑irkupru ta’ għajnuna illegali, billi jieħdu vantaġġ mill-fatt li l-oneru tal-prova li qed jiġi segwit tali għan huwa fuq il-Kummisjoni.

    60      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li kien suffiċjenti li l‑Kummissjoni turi f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ tali riskju.

    61      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni setgħet tqis li, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ unità ekonomika ma’ACEA, AEP tista’ tkompli, wara r‑ristrutturazzjoni mwettqa u taħt il-kontroll konġunt ta’ACEA, l-attività ttrasferita li bbenefikat mill-għajnuna preċedenti u tikseb l-għajnuna inkwistjoni. Barra minn dan, hija setgħet tikkunsidra li l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni lil AEP jkun jippermetti lil ACEA tibbenefika mill-imsemmija għajnuna, peress li huma jwettqu l-attivitajiet ekonomiċi rispettivi tagħhom fil-kuntest ta’ organizzazzjoni koerenti.

    62      Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, il‑possibbiltà li ACEA tibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni kienet tkun suffiċjenti sabiex iġġib fix-xejn l-effettività tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u, barra minn dan, tmur kontra l-loġika tal-ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni.

    63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li l-Kummissjoni, li f’dan ir-rigward għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ma wettqetx żball ta’ evalwazzjoni manifest billi kkonkludiet li kienet teżisti unità ekonomika bejn ACEA u AEP fir-rigward tal-għajnuna preċedenti u tal-għajnuna inkwistjoni.

    64      B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra li l-fatt li l-kontroll ta’ACEA fuq AEP ġie eżerċitat biss b’mod konġunt ma’ Electrabel u li Electrabel kellha parti mill-kapital ta’ AEP li hija ikbar minn dik ta’ ACEA ma tmurx kontra, f’dan il-każ, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-imsemmija unità ekonomika bejn ACEA u AEP.

    65      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argumenti l-oħra mressqa minn AEP.

    66      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-analiżi preċedenti, l‑argumenti bbażati, minn naħa, fuq l-awtonomija funzjonali ta’ AEP fil-konfront ta’ ACEA li l-Kummissjoni kkonstatat fil-kuntest tal-evalwazzjoni taghħa tal‑konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq il-kunċett ta’ unità ekonomika fl‑oqsma tal-akkordji u tal-konċentrazzjonijet ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, kif ġustament iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 135, 137 u 138 tas-sentenza appellata, il-kunċett ta’ unità ekonomika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jista’ jkun differenti minn dak applikabbli f’oqsma oħra tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    67      Fi kwalunkwe każ, la awtonomija funzjonali eventwali ta’ AEP u lanqas il-kunċett ta’ unità ekonomika li jaqgħu taħt l-oqsma tal-akkordji u l-konċentrazzjonijiet ma jistgħu jikkontestaw il-fatt li, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-setgħa ta’ veto li għandha ACEA għall-oqsma l-iktar importanti tal-amministrazzjoni ta’ AEP, il‑Qorti Ġenerali setgħet tikkonferma, f’dan il-każ, il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kontroll konġunt eżerċitat minn ACEA fuq AEP u dwar l-appartenenza ta’ din tal-aħħar f’organizzazzjoni koerenti.

    68      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq trasferiment tal-parti tal-impriża kkonċernata lil AEP fil-kuntest ta’ trasferiment allegat ta’ assi (“asset deal”), jkun suffiċjenti li jiġi osservat li r-regoli intiżi għal dan it-tip ta’ tranżazzjonijiet ma humiex applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ fejn ACEA żammet kontroll konġunt tal-parti tal-impriża kkonċernata u tista’ wkoll tiġi kkunsidrata bħala li tifforma unità ekonomika ma’ AEP.

    69      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ir-riferiment magħmul mill‑Qorti Ġenerali għas-sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta mill-evalwazzjonijiet magħmula fil-punti 55 sa 64 ta’ din is-sentenza li, anki jekk jingħad li dan ir-riferiment kien żbaljat, kif tallega AEP, il-Qorti Ġenerali setgħet madankollu tikkonkludi li l-Kummissjoni kellha l-possibbiltà tikkonstata li ACEA u AEP jifformaw unità ekonomika. Għaldaqstant, dan l‑argument ma huwiex validu.

    70      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument ta’ AEP li l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi sospiża biss fuq bażi prorata tal-parti mill-kapital ta’ AEP miżmuma minn ACEA, jkun suffiċjenti li jiġi osservat li, minħabba r-raġunijiet esposti fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali setgħu jqisu li kwalunkwe għajnuna, anki f’ammont imnaqqas, mogħtija lil AEP setgħet tagħti vantaġġi lil ACEA.

    71      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel aggravju.

     Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq in-natura mhux razzjonali u kontradittorja tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata

    –       L-argumenti tal-partijiet

    72      AEP tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli sempliċement ħadet l-argumenti kollha tal‑Kummissjoni, mingħajr ma osservat il-kontradizzjoni u l-iżball ta’ liġi manifest u ta’ evalwazzjoni li jivvizzjahom.

    73      B’mod partikolari, AEP tqis li, peress li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li AEP hija kkontrollata minn żewġ gruppi distinti u li, fost dawn iż-żewġ gruppi, Electrabel għandha l-ikbar ammont ta’ ishma, il-konklużjoni tagħha li AEP u ACEA jaqgħu taħt ċentru ta’ kontroll uniku hija kontradittorja, arbitrarja u nieqsa mill-loġika, peress li kumpannija waħda ma tistax loġikament tifforma unità ekonomika ma’ żewġ persuni distinti.

    74      Barra minn dan, il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li AEP ma hijiex funzjonalment awtonoma peress li l-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija prodotta minnha ssir minn AE Trading ma tingħata l-ebda spjegazzjoni li tista’ tiċċara l‑portata tagħha.

    75      AEP hija tal-opinjoni li huwa irrealist u illoġiku li jiġi kkunsidrat, kif għamlet il‑Qorti Ġenerali, li AceaElectrabel ġiet stabbilita bil-għan li jiġu evitati r-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat u li l-Kummissjoni ma kellhiex l-oneru li tipprova l-għan ta’ evitar, iżda li l-konstatazzjoni tat-trasferiment u l-espożizzjoni ta’ riskji li dan kien jinvolvi fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huma suffiċjenti għar-raġunament tal-Kummissjoni.

    76      Skont AEP, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ruħha wkoll billi kkunsidrat, fil‑punt 140 tas-sentenza appellata, li, sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ unità ekonomika, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fi grupp ta’ kumpanniji li l-kontroll tiegħu huwa eżerċitat direttament jew indirettament minn waħda minnhom kif ukoll l-istabbiliment ta’ grupp uniku kkontrollat minn entità waħda, meta kienet hija stess li kkonstatat li AEP kienet ikkontrollata minn żewġ entitajiet distinti.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    77      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikoli 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jeħtieġx li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad‑dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 42, kif ukoll digriet tal‑21 ta’ Jannar 2010, Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, C‑150/09 P, punt 42).

    78      F’dan il-każ, biżżejjed jiġi kkonstatat li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali huwa ċar u jinftiehem u huwa ta’ natura li jippermetti kemm lil AEP u lil Electrabel li jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-aggravju inkwistjoni kif ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

    79      B’mod partikolari, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-allegati inkoerenzi fir‑raġunament li AEP tattribwixxi lill-Qorti Ġenerali jirrigwardaw, fir-realtà, l‑istess allegati żbalji ta’ liġi li diġà ġew eżaminati u miċħuda fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju u mhux nuqqas ta’ motivazzjoni.

    80      Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda t-tielet parti tal-ewwel aggravju u, għaldaqstant, l-ewwel aggravju kollu kemm hu.

     Fuq it-tieni aggravju, dwar ir-rilevanza tal-ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni

     Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq żnaturament tal-motivi tar-rikors tal-ewwel istanza

    –       L-argumenti tal-partijiet

    81      AEP issostni li, billi affermat, fil‑punt 172 tas-sentenza appellata, li l‑Kummissjoni ma kinitx obbligata tipproċedi, fid-deċiżjoni preċedenti, b’analiżi tal-għajnuna mogħtija individwalment abbażi ta’ skema, il-Qorti Ġenerali żnaturat it-tielet motiv tar-rikors intiż sabiex juri li huwa neċessarju, sabiex jiġi ordnat l‑irkupru ta’ għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ skema, li preliminarjament tiġi vverfikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata.

    82      Fil-fatt, skont AEP, huwa indispensabbli li jiġi ddeterminat qabel ordni ta’ rkupru jekk u sa liema punt kull impriża li tappartjeni għall-kategorija kkonċernata mill‑imsemmija skema bbenefikat minn għajnuna inkompatibbli mar-regoli tat‑Trattat KE. Issa, f’din il-kawża, dik il-verfika għadha ma saritx.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    83      Fir-rigward ta’ dawn l-allegazzjonijiet, biżżejjed jiġi osservat, minn naħa, li jirriżulta minn qari tal-punti 23 sa 28 tar-rikors tal-ewwel istanza kif ukoll tal‑punti 147 sa 151 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali pproduċiet fil-qosor u b’mod konsistenti l-argumenti mressqa minn AEP u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali wieġbet għal dawn l-argumenti fil-punti 164 sa 181 tas-sentenza appellata.

    84      B’mod partikolari, mill-aħħar parti tal-punt 25 tar-rikors tal-ewwel istanza jirriżulta li AEP sostniet, b’mod partikolari, li bil-għan li topponi lil ACEA u lil AEP l-illegalità tal-għajnuna preċedenti rċevuta minn ACEA, il-Kummissjoni kellha teżamina fid-deċiżjoni preċedenti l-applikazzjoni tal-iskemi tal-għajnuna preċedenti lil ACEA, u li, peress li naqset li twettaq dan l-eżami, hija ma setgħetx topponi tali illegalità.

    85      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli wettqet żnaturament tat-tielet motiv tar-rikors tal-ewwel istanza meta hija wieġbet għall-argumenti invokati minn AEP, b’mod partikolari permezz tal-konstatazzjoni, fil-punt 172 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, fid-deċiżjoni preċedenti, li tagħmel analiżi tal-għajnuna mogħtija individwalment abbażi tal‑imsemmija skemi.

    86      Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tieni aggravju.

     Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi

    –       L-argumenti tal-partijiet

    87      Fl-ewwel lok, AEP ssostni li l-ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni li tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ kumulu ta’ għajnuna fir-rigward ta’ impriża waħda hija applikabbli biss fil-konfront tal-istess impriża. Issa, hija uriet, fil-kuntest tal-ewwel aggravju, li ACEA u hija stess ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jifformaw parti minn unità ekonomika. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija applikat l‑imsemmija ġurisprudenza.

    88      Fit-tieni lok, AEP tikkunsidra li, sabiex turi li l-għajnuna preċedenti kkumulata mal-għajnuna inkwistjoni setgħet tipproduċi effetti negattivi, il-Qorti Ġenerali kellha tivverfika li ACEA kienet effettivament irċeviet għajnuna illegali, peress li din il-verifika ma saret la mir-Repubblika Taljana u lanqas mill-Kummissjoni.

    89      Peress li jirriżulta mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li l-analiżi li għandha titwettaq mill-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni fuq kollox, l-effetti tal‑għajnuna fuq ACEA, il-Qorti Ġenerali ttrasformat, skont AEP, il‑ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni f’kundizzjoni ġdida ta’ kompatibbiltà li ma hijex prevista mit-Trattat u intiża sabiex tissanzjona n-nuqqas ta’ ħlas lura tal‑għajnuna preċedenti. Fil-fatt, minflok ma ħadet inkunsiderazzjoni l-effett eventwali ta’ kumulu bħala element ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal‑għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, il-Qorti Ġenerali applikat l-imsemmija ġurisprudenza bħala strument għar-rimbors tal-għajnuna preċedenti, billi tiżgura li l-kumpannija li bbenefikat mill-għajnuna preċedenti ma tgawdi, sal-imsemmi rimbors, minn ebda vantaġġ ulterjuri, lanqas indirettament. Issa, il-Qorti Ġenerali naqset li tieħu pożizzjoni fuq tali oġġezzjoni fundamentali u ċaħditha, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, permezz ta’ affermazzjoni għall-finijiet ta’ kompletezza li tibqa’ fuq livell purament ipotetiku.

    90      AEP tenfasizza li fil-mument li ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, kien impossibbli kemm li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ effett ta’ kumulu kif ukoll li tiġi evalwata l‑importanza tiegħu. Meta teżamina skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni għandha l-għażla li teżamina l-każijiet individwali jew li twettaq evalwazzjoni ġenerali u astratta. Jekk hija tagħżel dik it-tieni triq, il-mezzi tagħha sabiex tiżgura li l-Istat Membru kkonċernat jeżegwixxi d-deċiżjoni jkunu llimitati għal azzjonijiet għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li l-ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni ma toffrilhiex strument alternattiv għall-issanzjonar.

    91      Fil-fatt, AEP tqis li, peress li l-imsemmija ġurisprudenza hija intiża sabiex jiġi evitat li l-benefiċjarju tal-għajnuna l-ġdida jgawdi minn vantaġġ eċċessiv fuq is‑suq mill-fatt li ma jkunx ħallas lura għajnuna illegali preċedenti, l-applikazzjoni ta’ din l-istess ġurisprudenza tirrikjedi eżami konkret u dettaljat tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-għajnuna l-ġdida u li dak l-eżami jsir billi jsir riferiment speċifiku għall-pożizzjoni tal-impriża benefiċjarja fuq is-suq ikkonċernat meta mqabbla mal-kompetituri tagħha u għat-tendenzi tal-kummerċ Komunitarju.

    92      Għalhekk, AEP tqis li, sabiex tkun tista’ tissospendi l-ħlas tal-għajnuna l-ġdida, il‑Kummissjoni għandha tkun waslet għall-konklużjoni motivata li l-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ li jirriżultaw mill-kumulu ta’ żewġ strumenti ta’ għajnuna, fis-setturi kkonċernati, jkunu tali li jwasslu għall‑kunsiderazzjoni li l-effetti negattivi tal-għajnuna l-ġdida jipprevalu fuq l‑effetti pożittivi, u b’hekk jirrendu impossibbli l-awtorizzazzjoni tagħha sal-ħlas lura tal-ewwel għajnuna.

    93      Konsegwentement, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 186 tas-sentenza appellata, li l-ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni ma tirrikjedix li l‑Kummissjoni tistabbilixxi li l-kumulu taż-żewġ strumenti ta’ għajnuna huwa ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ, iżda li tkun suffiċjenti l-ipoteżi waħdanija ta’ tali riskju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    94      Fit-tielet lok, skont AEP, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li l-Istat Membru u l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna l-ġdida huma obbligati jipprovdu lill-Kummissjoni bl-elementi intiżi sabiex juru n-nuqqas ta’ effet akkumulat tal-għajnuna l-ġdida flimkien mal-għajnuna preċedenti illegali u mhux rimborsata. Fil-fatt, jekk l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill‑Kummissjoni l-elementi adattati sabiex juri li l-għajnuna l-ġdida hija kompatibbli mas-suq komuni, la dan l-Istat Membru u lanqas l-impriża kkonċernata ma għandhom, fl-opinjoni ta’ AEP, jipprovdu l-prova negattiva li l‑kumulu tal-għajnuna inkwistjoni ma għandu l-ebda effett fuq il-kummerċ.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    95      Qabel xejn għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-argument li ACEA u AEP jikkostitwixxu żewġ entitajiet ekonomiċi distinti fir-rigward tal-għajnuna preċedenti u tal-għajnuna inkwistjoni ġie miċħud fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tal-ewwel aggravju. Min-naħa l-oħra, ġie osservat fil-kuntest tal-istess eżami li, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l‑Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni lil AEP tippermetti lil ACEA sabiex tibbenefika minnha.

    96      Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li n-neċessità li jiġi evitat l-effett akkumulat tal-għajnuna mhux rimborsata u tal-għajnuna prevista hija l-istess waħda, sew jekk tirrigwarda għajnuna individwali jew għajnuna li taqa’ taħt skema ta’ għajnuna, u li l‑ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni tippermetti lill-Kummissjoni li tissuġġetta l-kompatibbiltà ta’ għajnuna għal ħlas lura minn qabel tal-għajnuna illegali preċedenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49, 50 u 70).

    97      Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tieħu inkunsiderazzjoni l-effett akkumulat eventwali ta’ għajnuna illegali preċedenti mhux imħallsa lura u ta’ għajnuna ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u 27), u, min-naħa l-oħra, hija tista’ tikkonstata l‑kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna ġdida biss meta l-elementi għad‑dispożizzjoni tagħha jippermettulha li tikkonkludi f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, id-digriet Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

    98      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni kellha elementi li jindikaw li ACEA kienet ibbenefikat mill-għajnuna preċedenti u, min‑naħa l-oħra, li hija ma kellhiex elementi li jippermettulha tikkonkludi li ma hemmx effett akkumulat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni tal-għajnuna preċedenti u tal-għajnuna inkwistjoni.

    99      Issa, kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 187 tas-sentenza appellata, mill-ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, huwa l-obbligu tal-Istat Membru u tal-benefiċjarju potenzjali ta’ għajnuna ġdida li jipprovdu lill‑Kummissjoni bl-elementi intiżi sabiex juru li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni u li dan l-obbligu jgħodd ukoll għan-neċessità li jiġi stabbilit in‑nuqqas ta’ effett akkumulat tal-għajnuna l-ġdida mal-għajnuna illegali preċedenti, inkompatibbli mas-suq komuni u mhux imħallsa lura.

    100    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ddeċidiet li, peress li d-deċiżjoni preċedenti kienet tirrigwarda skema ta’ għajnuna u mhux għajnuna individwali, b’tali mod li l-iffissar tal-ammonti li għandhom jitħallsu lura mill-benefiċjari tal‑imsemmija skema kien l-obbligu tar-Repubblika Taljana, kien ukoll l-obbligu ta’ din tal-aħħar, ta’ ACEA u ta’ AEP li jikkomunikaw lill-Kummissjoni, fil‑kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, l-ammonti li għandhom jitħallsu lura u, fejn ikun il-każ, li ġew imħallsa lura abbażi tal‑għajnuna preċedenti bil-għan li juru n-nuqqas eventwali ta’ kumulu ta’ għajnuna illegali.

    101    Issa, peress li tali informazzjoni ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli kkunsidrat li f’dan il-każ ma kienx l-obbligu tal-Kummissjoni li tiddetermina b’mod preċiż l-ammont tal-għajnuna preċedenti rċevuta minn ACEA qabel kwalunkwe sospensjoni tal-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni abbażi tal-ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni.

    102    Fl-aħħar nett, peress li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-għajnuna kkontestata hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tkun ta’ distorsjoni għall‑kompetizzjoni (digriet Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72), il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li ma kienx, f’dan il-każ, l‑obbligu tal-Kummissjoni li twettaq eżami konkret u ddettaljat tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-għajnuna inkwistjoni billi tagħmel riferiment speċifiku għall‑pożizzjoni ta’ AEP u ta’ ACEA fuq is-suq ikkonċernat meta mqabbla mal‑kompetituri tagħhom u għat-tendenzi tal-kummerċ Komunitarju.

    103    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma huwa vvizzjat bl-ebda żball ta’ liġi u li hemm lok, għaldaqstant li tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni aggravju.

     Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju, bbażata fuq in-natura kontradittorja u mhux suffiċjenti tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata

    –       L-argumenti tal-partijiet

    104    AEP tosserva li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fil-punt 179 tas-sentenza appellata, li hija ma tistax tafferma b’ċertezza li ACEA rċeviet għajnuna inkompatibbli mar‑regoli tat-Trattat. Għaldaqstant, AEP ma tifhimx kif, fil-punt ta’ wara ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li d-dikjarazzjoni fir-rapport finanzjarju ta’ ACEA dwar ir-riskju eventwali ta’ rimbors ta’ ċerta somma hija suffiċjenti għar‑raġunament tal-Kummissjoni.

    105    AEP tikkunsidra l-punt 186 tas-sentenza appellata bħala oskur u l-punt 187 ta’ din tal-aħħar bħala wieħed li ma jistax jiġi spjegat u mingħajr motivazzjoni. Barra minn dan, il-punt 188 ta’ din is-sentenza ma huwiex immotivat.

    106    F’dan ir-rigward, AEP iżżid li, sa fejn ir-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti jimplika li din tal-aħħar ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx irċeviet mir-Repubblika Taljana l-informazzjoni neċessarja sabiex tagħmel l‑eżami tagħha, il-Qorti Ġenerali kellha twieġeb għall-argument żviluppat waqt is‑seduta li, f’tali każ, il-Kummissjoni ma tistax tiddeċiedi abbażi biss tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, iżda għandha ssegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 659/1999. Issa, il-Qorti Ġenerali naqset li twieġeb għal dan l‑argument.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    107    Ġie mfakkar, fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, li l-obbligu ta’ motivazzjoni tas‑sentenzi impost fuq il-Qorti Ġenerali ma jirrikjedix li din tal-aħħar twieġeb b’mod espliċitu għar-raġunamenti kollha mressqa mill-partijiet u li l-motivazzjoni tkun suffiċjenti meta din tippermetti lil dawk ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ġew meħuda l-miżuri inkwistjoni u lil-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad‑dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

    108    F’dan il-każ, jkun suffiċjenti, minn naħa, li jiġi kkonstatat li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali huwa ċar u jinftiehem u huwa ta’ natura li jippermetti kemm lil AEP u lil Electrabel li jsiru jafu r-raġunjiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv imsemmi kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

    109    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali spjegat fil-punt 180 tas-sentenza appellata, għaliex, fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, minkejja l‑argumenti ta’ AEP eżaminati fil-punt 179 ta’ din is-sentenza, li ACEA kienet irċeviet għajnuna preċedenti illegali. Barra minn dan, jirriżulta b’mod ċar mill‑punti 186 sa 188 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali spjegat fiha l‑interpretazzjoni tagħha tal-ġurisprudenza TWD vs Il‑Kummissjoni.

    110    Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li AEP ma invokatx l-argument imsemmi fil-punt 106 ta’ din is-sentenza fl-istadju tal‑proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda biss għall-ewwel darba waqt is-seduta quddiem din tal-aħħar, u dan tirrikonoxxih hija stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa argument ġdid intiż għall-anullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    111    F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li dan l-argument ma kienx jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ argument imsemmi qabel, direttament jew impliċitament, fir‑rikors promotur tal-kawża u li huwa marbut fil-qrib miegħu. Issa, skont l‑Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2009, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑564/08, punti 20 sa 34).

    112    Għaldaqstant, peress li l-argument imsemmi fil-punt 106 ta’ din is-sentenza ma ġiex ibbażat fuq elementi ġodda li ħarġu matul il-proċedura, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ma weġbitx b’mod espliċtu għal dak l-argument.

    113    Barra minn dan, sa fejn AEP ippreżentat l-imsemmi argument għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kieku parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajjmitx quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ifisser li din il-parti tkun qed titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bi kwistjoni li tkun usa’ minn dik li fuqha ddeċidiet il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall‑eżami tal-evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali tkun għamlet tal-motivi li jkunu ġew diskussi quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 38, kif ukoll id-digriet Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

    114    Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda t-tielet parti tat-tieni aggravju u, għaldaqstant, it-tieni aggravju kollu kemm hu.

    115    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-appell fl-intier tiegħu.

     Fuq l-ispejjeż

    116    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il‑kundanna ta’AEP u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall‑ispejjeż. Barra minn dan, peress li Electrabel tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      AceaElectrabel Produzione SpA għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

    3)      Electrabel SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq