Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62000CJ0020
Judgment of the Court of 10 July 2003.#Booker Aquacultur Ltd (C-20/00) and Hydro Seafood GSP Ltd (C-64/00) v The Scottish Ministers.#Reference for a preliminary ruling: Court of Session (Scotland) - United Kingdom.#(Directive 93/53/EEC - Destruction of fish stocks infected by viral haemorrhagic septicaemia (VHS) and infectious salmon anaemia (ISA) - Compensation - Obligations of the Member State - Protection of fundamental rights, particularly of the right to property - Validity of Directive 93/53).#Joined cases C-20/00 and C-64/00.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 2003.
Booker Aquacultur Ltd (C-20/00) u Hydro Seafood GSP Ltd (C-64/00) vs The Scottish Ministers.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Session (Scotland) - ir-Renju Unit.
Direttiva 93/53/KEE.
Każijiet Magħquda C-20/00 u C-64/00.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 2003.
Booker Aquacultur Ltd (C-20/00) u Hydro Seafood GSP Ltd (C-64/00) vs The Scottish Ministers.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Session (Scotland) - ir-Renju Unit.
Direttiva 93/53/KEE.
Każijiet Magħquda C-20/00 u C-64/00.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2003:397
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
10 ta‘ Lulju 2003 (*)
“Direttiva 93/53/KEE ─ Qerda ta’ l-istokkijiet ta’ ħut infettati mis-septiċimja emmoroġika virali (VHS) u mill-anemija infettuża tas-salamun (ISA) ─ Kumpens ─ Obbligi ta’ l-Istat Membru ─ Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għall-proprjetà ─ Validità tad-Direttiva 93/53”
Fil-Kawżi magħquda C-20/00 u C-64/00,
li għandhom bħala suġġett domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 234 KE, mill-Court of Session (Scotland) (ir-Renju Unit) u li huma intiżi sabiex tinkiseb, fil-kawżi pendenti quddiem din il-qorti bejn
Booker Aquaculture Ltd, bl-isem kummerċjali “Marine Harvest McConnell” (C‑20/00),
Hydro Seafood GSP Ltd (C-64/00)
u
The Scottish Ministers,
deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għall-proprjetà, kif ukoll fuq il-validità tad-Direttiva tal-Kunsill 93/53/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1993 li tintroduċi miżuri minimi Komunitarji għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-ħut (ĠU L 175, p. 23),
Il-Qorti tal-Ġustizzja,
komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, J.-P. Puissochet, R. Schintgen u C. W. A. Timmermans, Presidenti ta’ l-Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward u A. La Pergola, F. Macken (Relatur) u N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mischo,
Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,
wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:
– għal Booker Aquaculture Ltd, minn P. S. Hodge, QC, u J. Mure, advocate, b’mandat minn Steedman Ramage, solicitors,
– għal Hydro Seafood GSP Ltd, minn A. O‘Neill, QC, u E. Creally, advocate, b’mandat minn McClure Naismith, solicitors,
– għal The Scottish Ministers, minn R. Magrill, bħala aġent, u minn Lord Advocate C. Boyd, QC, assistiti minn N. Paines, QC, kif ukoll minn L. Dunlop, advocate,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Magrill, bħala aġent, assistita minn N. Paines, QC,
– għall-Gvern Franċiż, minn C. Vasak u K. Rispal Bellanger, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn U. Leanza, bħala aġent, assistit minn F. Quadri, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Olandiż, minn M. A. Fierstra, bħala aġent,
– għall-Gvern Norveġiż, minn M. Djupesland, bħala aġent,
– għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, minn J. Carbery, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Berscheid u K. Fitch, bħala aġenti,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Booker Aquaculture Ltd, irrappreżentata minn P. S. Hodge u J. Mure, ta’ Hydro Seafood GSP Ltd, irrappreżentata minn A. O’Neill u E. Creally, ta’ The Scottish Ministers, irrappreżentati minn N. Paines u L. Dunlop, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn G. Amodeo, bħala aġent, assistita minn N. Paines, tal-Gvern Taljan, irrappreżentat minn F. Quadri, tal-Kunsill, irrappreżentat minn J. Carbery, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn K. Fitch, fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2001,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta‘ Settembru 2001,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 B’digrieti tal-11 ta’ Jannar 2000 (C-20/00) u tat-18 ta’ Frar 2000 (C-64/00), li waslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fl-24 ta’ Jannar u fit-28 ta’ Frar 2000, il-Court of Session (Scotland) ressqet, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 234 KE, diversi domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt tal-proprjetà, kif ukoll il-validità tad-Direttiva tal-Kunsill 93/53/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1993, li tintroduċi miżuri minimi Komunitarji għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-ħut (ĠU L 175, p.23).
2 Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ żewġ kawżi li tressqu rispettivament minn Booker Aqualculture Ltd (iktar ’il quddiem “Booker”) u Hydro Seafood GSP Ltd (iktar ’il quddiem “Hydro Seafood”) kontra Scottish Ministers.
3 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2000, il-Kawżi C-20/00 u C-64/00 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Id-Direttiva 91/67/KEE
4 L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/67/KEE, tat-28 ta’ Jannar 1991, li tikkonċerna l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw it-tqegħid fuq is-suq ta’ l-annimali u prodotti ta’ l-akwakultura (ĠU L 46, p.1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 93/54/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1993, (ĠU L 175, p.34), jipprovdi li:
“1. It-tpoġġija fuq is-suq ta’ l-annimali ta’ l-akwakultura għandha tkun suġġetta għall-ħtiġiet ġenerali li ġejjin:
a) ma jridux juru sinjali kliniċi ta’ mard fil-ġurnata tat-tagħbija;
b) ma jridux ikunu maħsuba għal qerda jew għal qatla taħt skema għall-eradikazzjoni ta’marda elenkata fil-lista fl-Anness A;
ċ) m’għandhomx jiġu minn kull razzet li huwa suġġett għal kull projbizzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa ta’ l-annimali u li ma jridux ikunu ġew f’kuntatt ma annimali minn kull razzet bħal dak, u b’mod partikolari minn razzet li huwa suġġett għal miżuri ta’ kontroll fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kummissjoni 93/53/KEE [...]
[...]
3. Prodotti ta’ l-akwakultura li jinħarġu fuq is-suq għall-konsum uman għandhom joriġinaw minn annimali li jissodisfaw il-ħtiġiet stabbiliti fil-paragrafu 1(a).”
5 Il-punti 1 sa 3 ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/67 kif emendata jipprovdu li:
“Għall-għanijiet ta’din id-Direttiva:
1) ‘annimali ta’ l-akwakultura’ tfisser ħut […] [ħaj] li jiġu minn razzett, li jinkludu dawk ferjali intenzjonati għal razzett;
2) ‘prodotti ta’ l-akwakultura’ tfisser prodotti derivati minn annimali ta’ l-akwakultura, sew jekk huma maħsuba għat-tkabbir, bħal ma huma bajd u protoplasma, inkella jekk għal konsum uman;
3) ‘ħut […]’ tfisser kull ħuta […] f’kull stadju ta’ l-iżvilupp”
6 L-Anness A tad-Direttiva 91/67 kif emendata, intitolat “Listi ta’ mard/patoġeni ta’ ħut, molluski u krustaċeji”, jelenka ċertu mard fil-kolonna 1 tiegħu u fir-rigward tagħhom jindika, fil-kolonna 2, l-ispeċi li jistgħu jkunu suġġetti għalihom. Il-lista I ta’ dan l-Anness tinkludi fiha marda waħda biss, l-anemija infettuża tas-salamun (iktar ’il quddiem “ISA”), u tindika, fil-kolonna 2 tagħha, is-salamun ta’ l-Atlantiku bħala l-ispeċi li tista’ tkun suġġetta għaliha. Is-septiċimja emmoroġika virali (iktar ’il quddiem “VHS”) hija waħda mill-mard elenkati fil-kolonna 1 tal-lista II ta’ dan l-Anness, u r-Rombu huwa msemmi fil-kolonna 2 ta’ l-istess lista fost l-ispeċi li jistgħu jkunu suġġetti għaliha.
7 Id-distinzjoni bejn il-listi I u II ta’ dan l-Anness, kif ukoll id-differenza fit-trattament mogħti lill-mard li jidher fih, huwa ġġustifikat mill-fatt li l-mard imsemmi fil-lista I (iktar ’il quddiem il-“mard tal-lista I”) kien eżotiku għall-Komunità, filwaqt li l-mard imsemmi fil-lista II (iktar ’il quddiem il-“mard tal-lista II”) kien diġà endemiku f’ċerti partijiet mit-territorju tal-Komunità.
8 L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/67 kif emendata jiddefinixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tinkiseb l-approvazzjoni ta’ żona inkluża fit-territorju tal-Komunità fejn hija nieqsa waħda jew iktar mill-mard imsemmi fil-lista II (iktar ’il quddiem “żona approvata”). L-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva jistabbilixxi proċedura simili għall-irziezet li jkabbru l-ħut li jinsabu f’żoni mhux approvati (iktar ’il quddiem l-“irziezet approvati”).
9 Il-kriterji applikabbli għall-approvazzjoni ta’ żona huma stabbiliti fl-Anness B tad-Direttiva 91/67 kif emendata. L-Anness Ċ ta’ din id-Direttiva jikkontjeni dispożizzjonijiet simili għall-approvazzjoni ta’ irziezet li jkabbru l-ħut.
10 L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 91/67 kif emendata huwa mfassal b’dan il-mod:
“It-tqegħid fis-suq ta’ ħut ħaj li jappartjeni għall-ispeċi suxxettibbli li għaliha hemm referenza fl-Anness A, kolonna 2, lista II, il-bajd jew il-gametes tagħhom, għandhom ikunu suġġetti għal garanziji addizzjonali segwenti:
a) meta jkunu intenzjonati biex ikunu introdotti f’żona approvata, għandhom, bi qbil ma’ l-Artikolu 11, ikunu akkompanjati minn dokument ta’ moviment li jikkorespondi mal-mudell elenkat fl-Anness E, tal-Kapitolu 1 jew 2, li jiċċertifika li jkunu ġejjin minn żona approvata jew razzett approvat [...];
b) meta għandhom ikunu introdotti f’razzett li, għalkemm mhuwiex lokalizzat f’żona approvata, jaderixxi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness Ċ I, għandhom bi qbil ma’ l-Artikolu 11, ikunu akkompanjati minn dokument ta’ moviment li jikkorrispondi mal-mudell elenkat fl-Anness E tal-Kapitolu 1 jew 2, li jiċċertifika li jkunu ġew rispettivament minn żona approvata jew minn razzett ta’ l-istess stat ta’ saħħa bħal ma hu r-razzett tad-destinazzjoni.”
11 Skond il-punt 1 ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/67 kif emendata:
“It-tqiegħid fis-suq f’żona approvata ta’ l-annimali u l-prodotti ta’ l-akwakultura għal konsum uman li joriġinaw minn żona mhux approvata għandu tkun suġġett għall-ħtiġiet li ġejjin:
1) Ħut li huwa suxxettibbli għall-mard li għalih hemm referenza fl-Anness A, il-kolonna 1, lista II, għandu jiġi maqtul u eviskerat qabel ma jiġi kkonsenjat.
B’dankollu, sakemm joħroġ ir-riżultat tar-reviżjoni li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 28, l-obligazzjoni li jitneħħa l-intern m’għandhiex tkun meħtieġa, jekk il-ħut ikun ġej minn razzett approvat f’żona mhux approvata. Derogazzjonijiet minn dan il-prinċipju jistgħu jiġu adottati permezz tal-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 26.
Sakemm isseħħ din id-Deċiżjoni, regoli nazzjonali għandhom ikomplu japplikaw suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat”.
12 Mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/67 kif emendata jirriżulta wkoll li l-ħtieġa li tgħid li l-ħut għandu joriġina minn żona approvata jew minn razzett approvat sabiex jitpoġġa ħaj fis-suq tapplika f’dak li jirrigwarda l-ispeċi suxxettibbli għall-mard tal-lista II, inkluża l-VHS, iżda mhux f’dak li jirrigwarda l-mard tal-lista I, jiġifieri l-ISA. Il-ħut ta’ speċi suxxettibbli għall-mard tal-lista II li ma joriġinax minn żona approvata jew minn razzett approvat ma jistax jiġi ammess li jidħol f’żona approvata ħlief jekk ikun ġie maqtul u mnaddaf qabel ma jintbagħat.
Id-Deċiżjoni 92/538/KEE
13 Iż-żoni tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq ġew approvati f’dak li jirrigwarda n-nekrożi omotapoetika infettuża u l-VHS, b’mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/538/KEE, tad-9 ta’ Novembru 1992 (ĠU L 347, p. 67).
Id-Direttiva 93/53
14 Id-Direttiva 93/53 tapplika għall-mard imsemmi fil-listi I u II. Fit-tnax-il premessa tagħha, din tistabbilixxi li:
“[...] d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar nefqa fil-qasam veterinarju [...], u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, tapplika fil-każ li tfaqqa’ xi waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness A li jinsab mad-Direttiva 91/67/KEE”.
15 L-Artikolu 3 tad-direttiva 93/53 jimponi fuq l-Istati Membri r-reġistrazzjoni ta’ l-irziezet li jkabbru jew li jżommu ħut suxxettibbli għall-mard tal-listi I u II. Skond l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, huma marbuta li jagħmlu obbligatorja n-notifika tal-każijiet kollha fejn l-eżistenza ta’ tali marda tkun suspettata.
16 L-Artikolu 5 ta’ l-istess direttiva jitratta s-sitwazzjoni fejn xi ħut ikun suspettat li huwa milqut minn marda tal-lista I. F’dan il-każ, dan jipprovdi l-adozzjoni ta’ diversi miżuri, fosthom ċensiment uffiċjali ta’ l-ispeċi u l-kategoriji ta’ ħut kollha, l-implementazzjoni ta’ żona ta’ sigurtà sanitarja madwar ir-razzett affettwat, l-eliminazzjoni tal-ħut mejjet jew ta’ l-intern tagħhom taħt is-superviżjoni ta’ servizz uffiċjali, l-użu ta’ mezzi ta’ diżinfezzjoni xierqa fil-punti tad-dħul u tal-ħruġ ta’ l-irziezet kif ukoll inkjesta epiżooloġika.
17 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/53 jistabbilixxi li:
“Malli l-preżenza ta’ xi mard tal-lista I ikun ġie konfermat uffiċjalment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizz uffiċjali jordna li, b’żieda mal-miżuri elenkati fl-Artikolu 5(2), il-miżuri li ġejjin jiġu applikati:
a) f’razzett infettat:
– il-ħut kollu għandu jiġi rtirat minnufih,
– fil-każ ta’ rziezet ‘l ġewwa mill-baħar, il-vaski kollha għandhom jiġu żvojtati għall-għanijiet ta’ tindif u diżinfetta,
– il-bajd kollu u gametes, ħut mejjet jew ħut li juri sinjali kliniċi ta’ mard għandu jitqies bħala materjal ta’ riskju għoli u għandu jiġi distrutt taħt is-sorveljanza tas-servizz uffiċjali, skond id-Direttiva 90/667/KEE [...],
– il-ħut ħaj kollu għandu jiġi maqtul jew distrutt taħt is-sorveljanza tas-servizz uffiċjali skond id-Direttiva 90/667/KEE, jew inkella, fil-każ ta’ ħut li jkun laħaq daqs kummerċjali u ma jkun juri ebda sinjali kliniċi ta’ mard, għandu jinqatel taħt is-sorveljanza tas-servizz uffiċjali għat-tqegħid fis-suq u ipproċessar għall-konsum uman.
Fil-każ ta’ l-aħħar, is-servizz uffiċjali għandu jiżgura li l-ħut jiġi maqtul minnufih u mnaddaf, li dawn l-operazzjonijiet jitwettqu f’kondizzjonijiet li jkunu jipprevjenu t-tixrid ta’ patoġeni, li l-iskart tal-ħut u l-laħam jitqies bħala materjal ta’ riskju għoli u li jintbagħtu għal trattament biex jiġu distrutti l-patoġeni skond id-Direttiva 90/667/KEE u li l-ilma wżat jintbagħat għall-trattament li jidiżattiva kwalunkwe patoġeni li jista’ jkun fih;
– wara t-tneħħija tal-ħut, bajd u gametes, il-vaski, apparat u kwalunkwe materjal ieħor li x’aktarx ikun kontaminat għandu jitnaddaf u jiġi diżinfettat kemm jista’ jkun malajr wara l-istruzzjonijiet stabbiliti mis-servizz uffiċjali b’dak il-mod li jiġi eliminat kwalunkwe riskju li l-aġent tal-mard jinfirex jew jibqa’ ħaj. Il-proċeduri għat-tindif u d-diżinfettar ta’ razzett infettat għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 19,
– kwalunkwe sustanzi li jistgħu jkunu kontaminati, msemmija fl-Artikolu 5(2)(d), għandhom jiġu distrutti jew ittrattati b’tali mod li tiġ[i] żgurata d-distruzzjoni ta’ kwalunkwe patoġen preżenti,
– investigazzjoni epiżotika għandha titwettaq skond l-Artikolu 8(1) u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8(4) għandhom jiġu applikati; din l-investigazzjoni għandha tinkludi t-teħid ta’ kampjuni għall-eżami tal-laboratorju;
b) l-irziezet kollha li jkunu jinsabu fiż-żona fejn jinġabar l-ilma jew fiż-żona kostali li fiha jkun jinsab ir-razzett infettat għandha jgħaddu minn spezzjonijiet tas-saħħa; jekk dawn l-ispezzjonijiet jikxfu każijiet pożittivi, il-miżuri maħsuba taħt (a) ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu applikati;
ċ) ir-ripopolazzjoni tar-razzett għandha tkun awtorizzata mis-servizz uffiċjali wara spezzjoni sodisfaċjenti ta’ l-operazzjonijiet ta’ tindif u diżinfettar u fit-tmiem ta’ perijodu meqjus bħala addattat mis-servizz uffiċjali biex tiġi żgurata l-eradikazzjoni tal-patoġen, u ta’ infezzjonijiet oħra possibbli fl-istess żona fejn jinġabar l-ilma;
d) jekk l-applikazzjoni tal-miżuri stipulati taħt (a), (b), (ċ) u (d) ta’ l-Artikolu 5(2) teħtieġ il-kooperazzjoni tas-servizzi uffiċjali ta’ l-Istati Membri l-oħra, is-servizzi uffiċjali ta’ l-Istati Membri konċernati għandhom jikkollaboraw biex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri stipulati f’dan l-Artikolu.
Fejn meħtieġ, miżuri addizzjonali xierqa għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 19.”
18 L-Artikolu 9 tad-Direttiva 93/53 jipprovdi li:
“1. Fejn marda li tinsab fil-lista II tkun suspettata u/jew konfermata f’żona approvata jew f’razzett approvat li jkun jinsab f’żona mhux approvata, investigazzjoni epiżotika għandha titwettaq skond l-Artikolu 8. L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu lura l-istatus tagħhom mfisser skond id-Direttiva 91/67/KEE għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi B u Ċ li jinsabu ma’ dik id-Direttiva.
2. Jekk l-investigazzjoni epiżotiku tiżvela li l-marda setgħat ġiet introdotta minn żona approvata jew minn xi razzett ieħor approvat, jew setgħat kienet ġiet trasferita lejn razzett ieħor approvat bħala riżultat ta’ ċaqlieq ta’ ħut, bajd jew gametes, vetturi jew persuni, jew b’xi mod ieħor, dawk iz-żoni jew irziezet għandhom jitqiesu suspettati u l-miżuri xierqa għandhom japplikaw.
3. Is-servizz uffiċjali jista’, iżda, jawtorizza s-simna tal-ħut li għandhom jinqatlu sakemm jilħqu daqs kummerċjali.”
19 Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness B tad-Direttiva 91/67 kif emendata msemmija fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 93/53 jipprovdu li l-approvazzjoni ta’ żona tista’ tiġi ristawrata permezz, b’mod partikolari, tal-qtil tal-ħut kollu li jinsab fl-irziezet infettati u l-eliminazzjoni ta’ ħut kontaminat jew infettat.
20 Skond l-Artikolu 17 tad-Direttiva 93/53:
“Il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-miżuri li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva huma dawk stipulati fid-Deċiżjoni 90/424/KEE.”
21 L-Artikolu 20(2) ta’ l-istess Direttiva jistabbilixxi li:
“Iżda, mid-data stipulata mill-paragarfu 1, l-Istati Membri jistgħu, bla ħsara għar-regoli ġenerali tat-Trattat, iżommu jew japplikaw fit-territorju tagħhom dispożizzjonijiet aktar stretti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva. Għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kull miżura simili.”
Id-Deċiżjoni 90/424/KEE
22 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (ĠU L 224, p. 19), tistabbilixxi b’mod partikolari r-regoli finanzjarji tal-parteċipazzjoni tal-Komunità, minn naħa, fl-intervenzjonijiet urġenti li jkunu meħtieġa f’każ li jitfaċċa mard imsemmi fl-Artikolu 3(1) tagħha, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fl-iskemi ta’ qerda u ta’ kontroll tal-mard imsemmi fil-lista li tinsab fl-Anness tagħha. Hija tipprovdi għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ aspetti parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità fl-iskemi nazzjonali ta’ kumpens għal min ikabbar.
23 Il-lista tal-mard li tinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 90/424 ma tinkludi ebda marda tal-ħut. Madankollu, hija tista’, skond kif jipprovdi espressament l-Artikolu 5(2) ta’ din id-deċiżjoni, tkun aġġornata sabiex tinkludi mard trażmissibbli lill-ħut.
24 Barra minn hekk, skond l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni 90/424, Stat membru jista’ biss jibbenefika mill-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità fl-intervenzjonijiet urġenti li jkunu meħtieġa f’każ li jitfaċċa mard imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, bil-kundizzjoni li l-miżuri applikati minnu b’mod immedjat ikunu jinkludu mill-inqas, b’mod partikolari, il-kumpens fil-pront u adegwat lil min ikabbar.
25 L-unika marda tal-ħut li hija msemmija fil-lista li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 90/424 hija n-nekrożi omotapoetika nfettuża, li ġiet miżjuda ma’ din il-lista permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/370/KE, tal-21 ta’ Ġunju 1994 (ĠU L 168, p. 31).
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
26 Id-Direttiva 91/67 ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tal-“Fish Health Regulations 1992” (Statutory Instrument 1992, Nru 3300).
27 Id-Direttiva 93/53 ġiet trasposta f’dan l-Istat Membru permezz tar-regolamenti intitolati “Diseases of Fish (Control) Regulations 1994” (Statutory Instrument 1994, Nru 1447). Fost dawn, ir-regolamenti Nri 4 u 5 jimplementaw il-miżuri minimi Komunitarji tal-ġlieda kontra l-mard tal-lista I. Dawn jobbligaw lill-Ministru kompetenti sabiex jadotta digrieti legali li jimponu l-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti mid-Direttiva 93/53.
28 Fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-Diseases of Fish (Control) Regulations 1994, l-ebda sinjal kliniku jew ieħor ta’ l-eżistenza tal-mard elenkat fil-lista II ma kien ġie osservat fir-Renju-Unit, li għalhekk f’dan ir-rigward kienet tibbenifika mill-istat ta’ żona approvata. Dan l-Istat membru ddeċieda li kull manifestazzjoni ta’ xi marda minn dawn kellha twassal għall-applikazzjoni ta’ miżuri identiċi għal dawk li l-Komunità kienet imponiet għall-mard tal-lista I.
29 Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 7 tad-Diseases of Fish (Control) Regulations 1994 jinkariga lill-Ministru kompetenti sabiex jadotta digrieti legali li jimponu l-istess miżuri dwar il-mard tal-lista II bħal dawk intiżi sabiex jiġġieldu kontra l-mard tal-lista I. Għalhekk, il-miżuri li l-Ministru huwa marbut li jadotta permezz ta’ digriet f’każ ta’ epidemija kkonfermata ta’ VHS f’żona approvata jinkludu:
“iii) id-distruzzjoni tal-bajd u gametes, tal-ħut mejjet u tal-ħut li juri sinjali kliniċi ta’ mard, taħt il-kontroll tal-Ministru u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/667/KEE;
iv) aa) il-qtil u d-distruzzjoni tal-ħut ħaj kollu, taħt il-kontroll tal-Ministru u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/667/KEE jew
bb) it-tbiċċir, taħt il-kontroll tal-Ministru, tal-ħut ħaj kollu, bil-għan li jitqiegħed fis-suq jew li jiġi pproċessat għall-konsum uman, bil-kundizzjoni li jkun laħaq daqs kummerċjali u li ma jkun juri ebda sinjali kliniċi ta’ mard”.
Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
Fil-Kawża C-20/00
30 McConnell Salmon Ltd (iktar ’il quddiem “MSL”) hija kumpannija li ġiet akkwistata minn Booker fl-1995 u fl-1996. MSL kienet kriet razzett tar-Rombu fuq il-gżira ta’ Gigha (Ir-Renju-Unit) fl-1993. Fl-istezz żmien, hija kienet xtrat stock ta’ Rombu tal-klassi ta’ eta’ 1991 u 1993. Sussegwentement, hija introduċiet fir-razzett stock ġdid ta’ Rombu, tal-klassi ta’ eta’ 1994. F’dak iż-żmien, ir-razzett kien jinsab f’żona approvata skond id-Direttiva 91/67 kif emendata.
31 F’Awwissu 1994, ġie kkonstatat li tfaċċat il-VHS f’dan ir-razzett u, f’Settembru 1994, is-Secretary of State for Scotland innotifika digriet legali lil MSL (iktar ’il quddiem id-“digriet legali tal-1994”) adottat b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 7 tad-Diseases of Fish (Control) Regulations 1994.
32 Skond l-Artikolu 4 tad-digriet legali tal-1994:
“Bla preġudizzju għall-Artikolu 5, il-ħut kollu għandu jinqatel u l-karkassi tagħhom meqruda b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE, bil-kundizzjoni li l-karkassi jew fdalijiet ta’ dan il-ħut għandhom jiġu eliminati b’tali mod jew f’tali post kif jiġi approvat minn qabel mis-Secretary of State.”
33 L-Artikolu 5 ta’ l-istess digriet legali jistabbilixxi li:
“Il-ħut li, fid-data ta’ dan id-digriet legali, ikun laħaq daqs kummerċjali jista’ jiġi mbiċċer sabiex jiġi kkummerċjalizzat jew ipproċessat għall-konsum uman, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:
a) ma juru, skond il-parir ta’ l-ispettur, ebda sinjal kliniku ta’ mard;
b) huma fl-ewwel lok imnaddfa minn ġewwa;
ċ) it-tbiċċir, it-tindif minn ġewwa u l-preparazzjoni tagħhom bil-għan li jiġu kkummerċjalizzati jew ipproċessati għall-konsum uman isiru b’mod konformi mar-regoli tad-dritt dwar is-suġġett;
[…]”
34 Il-ħut tal-klassi ta’ eta’ 1993 u 1994 ma kinux laħqu daqs kummerċjali fil-mument tan-notifika tad-digriet legali tal-1994, u għalhekk, dawn kellhom jinqatlu u jiġu meqruda b’mod konformi mal-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet legali. Il-ħut tal-klassi ta’ eta 1991, li f’dak iż-żmien kienu laħqu daqs kummerċjali, kienu ġew imbiċċra sabiex jiġu kkummerċjalizzati jew ipproċessati għall-konsum uman, b’mod konformi mal-Artikolu 5 ta’ l-istess digriet legali.
35 Id-Deċiżjoni 92/538 ġiet emendata minnħabba li tfaċċat il-VHS, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/817/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 337, p. 88), b’tali mod li terġa’ tistabbilixxi ż-żoni approvati f’dak li jirrigwarda l-VHS bħala li jinkludu “[i]t-territorju tal-Gran Brittanja minbarra t-territorju tal-gżira ta’ Gigha”.
36 MSL talbet il-ħlas ta’ kumpens mingħand is-Secretary of State minħabba t-telf li allegatament sofriet minħabba l-qtil u l-qerda tal-klassijiet ta’ eta’ 1993 u 1994, kif ukoll minħabba t-tbiċċir u l-kummerċjalizzazzjoni prematura u furzata tal-ħut tal-klassi ta’ eta’ 1991. F’Mejju 1996, is-Secretary of State informa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li huwa kien iqis li hija ma kellhiex id-dritt għal kumpens u li, barra minn hekk, ma jkunx xieraq li hija tibbenefika minn kumpens b’titolu gratwit, minnħabba li l-gvern għandu politika ferm stabbilita li ma jagħtix kumpens lid-destinatarji tal-miżuri adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-mard tal-ħut.
37 Booker resqet azzjoni kontra s-Secretary of State intiża sabiex isir stħarriġ ġudizzjarju dwar ir-Regolament Nru 7 tad-Diseases of Fish (Control) Regulations 1994 u tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ kumpens adottata mis-Secretary of State f’Mejju 1996. L-ewwel istanza, il-Lord Ordinary tal-Court of Session (Scotland) (Ir-Renju Unit), iddeċidiet li s-Secretary of State kien aġixxa b’mod illegali meta ma pprovda għal ebda kumpens, b’mod leġiżlattiv jew amministrattiv, fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ qtil skond l-imsemmi regolament.
38 Is-Secretary of State ppreżenta appell minn din id-deċiżjoni. L-iScottish Ministers, li legalment ħadu post is-Secretary of State, adottaw il-pożizzjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda t-talba għal kumpens u komplew bl-appell.
39 Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Court of Session (Scotland) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
1. “Meta Stat Membru, sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligu impost fuqu mid-Direttiva 93/53/KEE li jadotta miżuri għall-ġlieda kontra l-manifestazzjoni ta’ marda msemmija fil-lista II f’razzett approvat jew f’żona approvata, jadotta miżuri fid-dritt intern li l-eżekuzzjoni tagħhom timplika l-qerda u l-qtil tal-ħut, il-principji tad-dritt Komunitarju li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt tal-proprjetà, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu li l-Istat Membru jadotta miżuri li jipprovdu għall-ħlas ta’ kumpens:
a. lill-proprjetarju tal-ħut li ġie meqrud; u
b. lill-proprjetarju tal-ħut li ġie ordnat it-tbiċċir immedjat tiegħu, liema ħaġa twassal għan-neċessità li dak il-ħut jinbiegħ b’mod immedjat mill-proprjetarju?
2. Jekk l-Istat Membru huwa marbut li jadotta tali miżuri, skond liema kriterji ta’ interpretazzjoni għandha l-qorti nazzjonali tevalwa l-konformità tal-miżuri li ġew adottati mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt tal-proprjetà, li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura l-osservanza tagħhom, u li b’mod partikolari joriġinaw mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali?
3. B’mod partikolari, dawn il-kriterji jeħtieġu li l-miżuri inkwistjoni jagħmlu distinzjoni skond jekk il-manifestazzjoni tal-marda kinitx jew le dovuta għal nuqqas min-naħa tal-proprjetarju tal-ħut milqut minn din il-marda?”
Fil-Kawża C-64/00
40 Hydro Seafood għandha bħala attività t-tkabbir tas-salamun f’diversi rziezet li jinsabu fil-punent ta’ l-iskozja. Fl-1998, dawn l-irziezet ġew milquta mill-ISA. B’eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 5 tad-Diseases of Fish (Control) Regulations 1994, is-Secretary of State innotifika diversi digrieti legali lil Hydro Seafood, minn Mejju sa Lulju 1998 (iktar ’il quddiem id-“digrieti legali tal-1998”), fejn ordna l-qerda ta’ l-istocks ta’ ħut tagħha li kienu għadhom ma laħqux il-qies kummerċjali, kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-istocks tal-ħut tagħha li kienu laħqu dan il-qies.
41 Hydro Seafood ikkonformat mad-digrieti legali tal-1998. Madankollu, hija ppretendiet li, minbarra d-dannu li jirriżulta direttament mill-qerda u mill-bejgħ bikri ta’ l-istocks tal-ħut tagħha, hija kellha tbati spejjeż supplimentari kunsiderevoli minħabba miżuri prattiċi stretti imposti minn dawn id-digrieti legali. B’hekk, Hydro Seafood talbet kumpens mis-Secretary of State minħabba t-telf tagħha stmati minnha f’ammont ta’ GBP 14-il miljun. Is-Secretary of State ċaħad it-talba u rrifjuta li jħallas kull kumpens.
42 F’Marzu 1999, Hydro Seafood resqet azzjoni kontra s-Secretary of State intiża għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ kumpens. Wara li ħadu post is-Secretary of State, l-iScottish Ministers adottaw l-istess pożizzjoni.
43 Peress li qieset li l-azzjoni prinċipali qajmet kwistjonijiet analogi iżda mhux identiċi għal dawk ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-20/00, il-Court of Session (Scotland) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
1. “Meta Stat Membru, sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligu impost fuqu mid-Direttiva 93/53/KEE li jadotta miżuri għall-ġlieda kontra l-manifestazzjoni ta’ marda msemmija fil-lista I, jadotta miżuri fid-dritt intern li l-eżekuzzjoni tagħhom timplika l-qerda u l-qtil tal-ħut, il-principji tad-dritt Komunitarju li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu li l-Istat Membru jadotta miżuri li jipprovdu għall-ħlas ta’ kumpens:
a. lill-proprjetarju tal-ħut li ġie meqrud; u
b. lill-proprjetarju tal-ħut li ġie ordnat it-tbiċċir immedjat tiegħu, liema ħaġa twassal għan-neċessità li dak il-ħut jinbiegħ b’mod immedjat mill-proprjetarju?
2. Jekk l-Istat Membru huwa marbut li jadotta tali miżuri, skond liema kriterji ta’ interpretazzjoni għandha l-qorti nazzjonali tevalwa l-konformità tal-miżuri li ġew adottati mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà, li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura l-osservanza tagħhom, u li b’mod partikolari joriġinaw mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali?
3. B’mod partikolari, dawn il-kriterji jeħtieġu li l-miżuri in kwistjoni jagħmlu distinzjoni skond jekk il-manifestazzjoni tal-marda kinitx jew le dovuta għal nuqqas min-naħa tal-proprjetarju tal-ħut milqut minn din il-marda?
4. Id-Direttiva 93/53/KEE, safejn din ma tipprovdix għall-għoti, f’każ ta’ epidemija kkonfermata ta’ l-ISA, ta’ kumpens a) lill-proprjetarju tal-ħut li ġie meqrud u b) lill-proprjetarju tal-ħut li ġie ordnat it-tbiċċir immedjat tiegħu, liema ħaġa twassal għan-neċessità li dak il-ħut jinbiegħ b’mod immedjat mill-proprjetarju, hija illegali għar-raġuni li tikser id-dritt fundamentali tal-proprjetà?
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawżi C-20/00 u C-64/00, kif ukoll fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C-64/00
44 Preliminarjament, għandu jiġi rilevat li d-Direttiva 93/53 tipprovdi li, fl-irziezet milquta minn ċertu mard, l-Istati Membri għandhom fost oħrajn jadottaw il-miżuri li ġejjin:
– f’dak li jirrigwarda l-mard tal-lista I, minn naħa, il-ħut kollu li juri sinjali kliniċi ta’ mard għandu jitqies bħala materjal ta’ riskju għoli u għandu jiġu meqrud taħt is-superviżjoni tas-servizz uffiċjali; min-naħa l-oħra, il-ħut ħaj kollu għandu jew jiġi maqtul u distrutt taħt is-superviżjoni tas-servizz uffiċjali, jew, f’dak li jirrigwarda l-ħut li laħaq qies kummerċjali u li ma juri l-ebda sinjal kliniku ta’ mard, għandu jiġi mbiċċer taħt is-superviżjoni tas-servizz uffiċjali bil-għan li jiġi kkummerċjalizzat jew ipproċessat għall-konsum uman [sub-paragrafu (a) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 6), tad-Direttiva 93/53];
– f’dak li jirrigwarda l-mard tal-lista II, ir-ristorazzjoni ta’ l-approvazzjoni ta’ żona kif prevista mid-Direttiva 91/67 kif emendata, hija suġġetta għall-eżiġenzi li jinsabu fl-Anness B ta’ din l-aħħar direttiva, b’mod partikolari l-ħtieġa tal-qtil tal-ħut kollu eżistenti fl-irziezet infettati u ta’ l-eliminazzjoni tal-ħut kontaminat jew infettat; is-servizz uffiċjali jista’ madankollu jawtorizza t-tkabbir tal-ħut għall-qatla sakemm dawn jilħqu qies kummerċjali [Artikolu 9 tad-Direttiva 93/53].
45 F’dan il-kuntest, l-ewwel żewġ domandi magħmula f’kull waħda mill-Kawżi C-20/00 u C-64/00, kif ukoll ir-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C-64/00, huma intiżi sabiex jiġi stabbilit, minn naħa, jekk id-Direttiva 93/53, safejn timponi miżuri minimi għall-ġlieda kontra l-mard tal-lista I, hijiex invalida minħabba ksur tad-dritt fundamentali tal-proprjetà u, min-naħa l-oħra, jekk il-miżuri adottati minn Stat Membru kontra l-mard tal-listi I u II, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-direttiva msemmija, humiex inkompatibbli mal-istess dritt, meta la din id-direttiva u lanqas il-miżuri nazzjonali meħuda għall-applikazzjoni tagħha ma jkunu jipprovdu għall-għoti ta’ kumpens favur il-proprjetarji milquta.
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti
46 Il-persuni interessati kollha li ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirrilevaw li d-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, huma jindikaw li l-eżiġenzi li jitnisslu mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-sistema ġuridika Komunitarja jorbtu wkoll lill-Istati Membri meta dawn jimplementaw regoli Komunitarji u li dawn id-drittijiet jinkludu d-dritt għall-proprjetà, li huwa trattat wkoll fl-Artikolu 1 ta’ l-ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
47 Booker u Hydro Seafood isostnu li l-prinċipji tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għall-proprjetà, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li jingħata kumpens lill-proprjetarji li l-ħut tagħhom ġie jew meqrud, jew maqtul u meqrud, jew imbiċċer f’ċirkustanzi bħal dawk eżistenti fil-proċeduri prinċipali. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB, sentenzi Sporrong u Lönnroth vs L-Isvezja, tat-23 ta’ Settembru 1982, serje A Nru 52; James et vs Ir-Renju Unit, tal-21 ta’ Frar 1986, serje A Nru 98, u Pressos Compania Naviera SA et vs Il-Belġju, tal-20 ta’ Novembru 1995, serje A Nru 332).
48 Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-eżistenza u l-livell ta’ tali kumpens huma elementi importanti tal-bilanċ bejn l-interess ġenerali u d-drittijiet individwali, li jippermettu li jiġi żgurat li l-protezzjoni rikonoxxuta mill-Artikolu 1 tal-protokoll addizzjonali Nru 1 tal-KEDB kontra l-esproprjazzjoni u l-privazzjoni mill-użu ta’ beni ma tkunx illużorja jew kompletament ineffettiva.
49 Dawn isostnu li huma ma jippretendux li r-restrizzjonijiet imposti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali fuq id-dritt għall-proprjetà tagħhom imorru kontra l-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Komunità fil-kuntest ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-akwakultura. Madankollu, fin-nuqqas ta’ kull forma ta’ kumpens, il-miżuri adottati mill-gvern tar-Renju Unit jikkostitwixxu intervent sproporzjonat u intollerabbli li jikser is-sustanza stess ta’ dan id-dritt.
50 Booker u Hydro Seafood isostnu wkoll li, safejn ikun jikser lil dritt fundamentali bħad-dritt tal-proprjetà, in-nuqqas ta’ kull tip ta’ kumpens favur dawk li kienu milquta minn miżuri tad-dritt intern li japplikaw direttiva, jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità.
51 Hydro Seafood tosserva wkoll li ma teżisti l-ebda ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tiġġustifika rifjut assolut ta’ kumpens għall-ħsara sofferta minħabba l-miżuri in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
52 L-iScottish Ministers, il-gvernijiet tar-Renju Unit, ta’ Franza, ta’ l-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tan-Norveġja kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu kuntrarjament, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddikjarat li l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jimponu l-ħlas ta’ kumpens f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali u, min-naħa l-oħra, li tali nuqqas ta’ kumpens huwa kumpatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
53 Barra minn hekk, l-iScottish Ministers, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jqisu li t-telf imġarrab mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jirriżulta inqas mil-qerda u mill-qtil ordnat milli mill-manifestazzjoni tal-mard li l-Komunità għandha tkun tista’ tiġġieled kontrih b’mod leġittimu.
54 Skond il-gvernijiet ta’ Franza, ta’ l-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tan-Norveġja, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni, meta l-qerda u l-qtil tal-ħut ikun iġġustifikat minn skop ta’ interess ġenerali tal-Komunità, u meta dawn il-miżuri ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għan segwit sal-punt li tinkiser is-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà, dawn mhux neċessarjament għandhom ikunu akkumpanjati mill-ħlas ta’ kumpens.
55 F’dak li jirrigwarda l-validità tad-Direttiva 93/53, Hydro Seafood issostni li, għalkemm din id-Direttiva ma tipprovdix b’mod espress għal sistema ta’ kumpens favur l-elevaturi milquta mill-miżuri imposti minnha, hija tipprovdi għal dan b’mod impliċitu. Anki jekk l-Istati membri ma kellhomx is-setgħa jew l-obbligu li jistabbilixxu sistema ta’ kumpens favur dawn l-elevaturi, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva msemmija għandhom jiġu kkunsidrati bħala llegali.
56 Skond il-gvernijiet ta’ l-Italja u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-fatt li d-Direttiva 93/53 ma fiha ebda dispożizzjoni li tipprovdi għall-kumpens ta’ l-elevaturi ma jimplikax li din tikser id-dritt tal-proprjetà u li din hija illegali.
57 Il-gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva wkoll li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji li jirregolaw il-kwistjoni, il-prinċipju u l-forma ta’ dan il-kumpens jifformaw parti mill-kompetenza ta’ kull Stat Membru.
L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
58 Bl-adozzjoni tad-Direttiva 93/53, il-leġiżlatur Komunitarju ddefinixxa l-miżuri ta’ natura sanitarja u preventiva li l-Istati Membri għandhom jieħdu sabiex jipprevjenu u jeliminaw ċertu mard tal-ħut fit-territorju tagħhom.
59 Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li la mill-istruttura u lanqas mit-termini tad-Direttiva 93/53 ma jirriżulta d-dritt għal kumpens favur il-proprjetarji li l-ħut tagħhom ġie distrutt jew maqtul b’riżultat ta’ l-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri.
60 Ċertament, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 93/53 jipprovdi li l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità fl-azzjonijiet marbuta mal-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva huma stabbiliti fid-Deċiżjoni 90/424. Din tistabbilixxi għajnuna finanzjarja tal-Komunità b’mod partikolari favur l-Istati membri li nefqu spejjeż sabiex jikkumpensaw lill-proprjetarji li l-annimali tagħhom ġew maqtula jew meqruda fid-dawl tal-ġlieda kontra ċertu mard, kemm fil-kuntest ta’ miżuri ta’ emerġenza, kif ukoll ta’ skemi ta’ qerda u ta’ kontroll.
61 Madankollu, il-lista li tinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 90/424, li telenka l-mard suġġett għall-miżuri ta’ emerġenza, ma ssemmi l-ebda marda tal-ħut.
62 Barra minn hekk, skond l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 90/424, Stat Membru ma jistax jibbenefika mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fil-miżuri ta’ emerġenza li jkunu neċessarji fil-każ ta’ manifestazzjoni tal-mard imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ħlief bil-kundizzjoni li l-miżuri applikati minnu b’mod immedjat ikunu jinvolvu mill-inqas, b’mod partikolari, il-kumpens malajr u xieraq lill-elevaturi. Għalhekk, huwa biss jekk l-Istat Membru jiddeċiedi li jħallas tali kumpens u jekk jissodisfa dawk il-ħtiġijiet li dan ikun jista’ jibbenifika mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità.
63 Fir-rigward tal-miżura finanzjara tal-Komunità li jipprovdi l-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni 90/424 għal-qerda u l-kontroll tal-mard, din tista’ tapplika biss għall-mard imsemmi fil-lista li tinsab fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni. Minn meta daħlet fis-seħħ id-Deċiżjoni 94/370, l-unika marda tal-ħut imsemmija f’din il-lista hija n-nekrożi omotapoetika infettuża.
64 Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, fin-nuqqas ta’ kumpens lill-proprjetarji milquta, id-Direttiva 93/53 hijiex kumpatibbli mad-dritt fundamentali tal-proprjetà.
65 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura l-osservanza tagħhom u li, għal dan il-għan, din tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta’ l-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati membri kkoperaw għalihom jew li huma firmatarji tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer, 44/79, Ġabra p. 3727, punt 15). F’dan ir-rigward, il-KEDB għandha tifsira partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, Ġabra p. I-1611, punt 37, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C-94/00, Ġabra p. I-9011, punt 25).
66 Il-prinċipji stabbiliti minn din il-ġurisprudenza ġew ikkonfermati fil-preambolu ta’ l-Att Uniku Ewropew, u wara mill-Artikolu F(2) tat-trattat dwar l-Unjoni Ewropea (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 79). Dawn issa jinsabu fl-Artikolu 6(2) UE, skond liema “[l]-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fondamentali [...] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.
67 Fost id-drittijiet fundamentali hekk protetti mill-Qorti tal-Ġustizzja jinsab id-dritt għall-proprjetà (sentenza Hauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).
68 Madankollu, id-drittijiet fundamentali ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni b’rabta mal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Konsegwentement, jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu effettivament intiżi sabiex jiġu milħuqa l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Komunità u ma jkunux jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan imfittex, indħil sproporzjonat u intollerabbli, li jnaqqas is-sustanza stess ta’ dawn id-drittijiet (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf, 5/88, Ġabra p. 2609, punt 18; tal-10 ta’ Jannar 1992, Kühn, C-177/90, Ġabra p.I-35, punt 16, u tal-15 ta’ April 1997, Irish Farmers Association et, C-22/94, Ġabra p. I-1809, punt 27).
69 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li hemm lok ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tas-sistema in kwistjoni fil-kawża prinċipali mal-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-proprjetà.
70 L-ewwel nett, għandhom jiġu identifikati l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 93/53 u, it-tieni nett, għandu jiġu evalwat jekk, b’kunsiderazzjoni ta’ dawn l-oġġettivi, il-miżuri ta’ qerda u ta’ qtil previsti minn din id-Direttiva jikkostitwixxux, fin-nuqqas ta’ kumpens favur il-proprjetarji milquta, indħil sproporzjonat u intollerabbli li jnaqqas is-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà.
71 Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/53 għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-annimali u tal-prodotti ta’ l-akwakultura, li hija marbuta mill-qrib mal-politika strutturali tal-Komunità f’dan is-settur. Ċerti għanijiet imfittxija f’dan il-qasam jirriżultaw mid-Direttiva 91/67 kif emendata.
72 Mid-Direttiva 91/67 kif emendata jirriżulta li l-politika implementata mill-Komunità hija intiża sabiex tikkontribwixxi għas-sedqa tas-suq intern ta’ l-annimali u tal-prodotti ta’ l-akwakultura filwaqt li jiġi evitat it-tixrid ta’ mard tal-ħut kontaġġjuż.
73 B’hekk, din id-direttiva hija intiża sabiex tilħaq, fil-kuntest tal-linji gwida stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-Trattat KE (li sar, wara emendi, l-Artikolu 33 KE), għan doppju li jikkonsisti, minn naħa, li jiġi żgurat permezz tas-sedqa tas-suq intern l-iżvilupp razzjonali tas-settur ta’ l-akwakultura kif ukoll li titkabbar il-produttività tiegħu u, min-naħa l-oħra, li jiġu stabbiliti liġijiet dwar is-saħħa li jirregolaw lil dan is-settur fuq livell Komunitarju.
74 Sabiex jinkiseb dan l-għan doppju, id-Direttiva 91/67 kif emendata tistabbilixxi ħtiġijiet ġenerali dwar il-kummerċjalizzazzjoni fis-suq ta’ annimali ta’ l-akwakultura, inklużi l-ispeċi li huma suxxettibbli għall-mard tal-listi I u II. Din tistabbilixxi numru kbir ta’ regoli li japplikaw kemm fl-istadju ta’ l-approvazzjoni taż-żoni u ta’ l-irziezet meqjusa bħala kompletament jew parzjalment mhux milquta mill-mard tal-lista II, inkluża l-VHS, kif ukoll fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni fis-suq ta’ annimali u ta’ prodotti ta’ l-akwakultura.
75 Fir-rigward tal-mard tal-lista II, għandhom b’mod partikolari jissemmew l-Artikoli 5 sa 7 u 9 kif ukoll l-Anness A tad-Direttiva 91/67 kif emendata. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li s-sitwazzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali ta’ l-akwakultura mhijiex l-istess fit-territorju kollu tal-Komunità, dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu u jirregolaw żoni approvati u rziezet approvati li jibbenefikaw minn stat ta’ saħħa ta’ l-annimali partikolari, sabiex jiffaċilitaw il-kummerċjalizzazzjoni fis-suq tal-ħut li joriġina minn dawn iż-żoni u minn dawn l-irziezet.
76 B’mod partikolari, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/67 kif emendata jipprovdi li l-ħut ta’ l-ispeċji suxxettibbli għall-mard tal-lista II jistgħu jiġu liberament ittrasportati ħajjin u kummerċjalizzati fis-suq fil-Komunità jekk ikunu joriġinaw minn żona approvata jew minn razzett approvat. Sabiex tippermetti tali kummerċjalizzazzjoni fis-suq, din id-Direttiva tiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura applikabbli għall-approvazzjoni ta’ żona jew ta’ razzett, kif ukoll għaż-żamma, għas-sospensjoni, għar-ristorazzjoni u għar-revoka ta’ l-approvazzjoni.
77 Kien f’dan il-kuntest li interveniet id-Direttiva 93/53. Mill-preambolu ta’ din id-direttiva jirriżulta li din ukoll kienet tissodisfa funzjoni doppja. Minn naħa, hija għandha tippermetti li jiġu adottati miżuri ta’ kontroll hekk kif ikun hemm susspett li f’razzett tfaċċat marda tal-listi I u II, sabiex tiġi implementata azzjoni immedjata u effettiva minn meta l-preżenza tal-marda tkun ikkonfermata. Min-naħa l-oħra, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li manifestazzjoni ta’ marda tista’ testendi ruħha b’mod rapidu u ssir epiżootika, billi twassal għall-mewt ta’ ħafna ħut kif ukoll toħloq perturbazzjonijiet ta’ qies tali li l-profittabilità ta’ l-akwakultura tkun tista’ tiġi ridotta serjament, din id-direttiva hija intiża sabiex tippreveni l-firxa tal-marda, b’mod partikolari permezz ta’ kontroll fil-fond tal-movimenti ta’ ħut u ta’ prodotti li huma suxxettibbli li jifirxu l-infezzjoni.
78 Għalhekk, id-Direttiva 93/53 għandha l-iskop li tikkontribwixxi għas-sedqa tas-suq intern ta’ l-annimali kif ukoll tal-prodotti ta’ l-akwakultura, u tifforma parti minn sistema intiża sabiex tistabbilixxi miżuri Komunitarji minimi ta’ ġlieda kontra ċertu mard tal-ħut. Għaldaqstant, il-miżuri li timponi din id-direttiva jirrispondu effettivament għall-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Komunità.
79 Dwar il-punt jekk ir-restrizzjonijiet tad-dritt għall-proprjetà li jirriżultaw minn dawn il-miżuri jikkostitwixxux, b’kunsiderazzjoni l-iskop imfittex u tan-nuqqas ta’ kumpens, indħil sproporzjonat u intollerabbli li jikser is-sustanza stess tad-dritt tal-proprjetà, għandu qabel kollox jiġi osservat li dawn il-miżuri għandhom karattru ta’ urġenza u huma intiżi sabiex jiggarantixxu li tiġi implementata azzjoni effettiva minn meta tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-marda, kif ukoll sabiex jiġi eliminat kull riskju ta’ tifrix jew ta’ sopravivenza tal-patoġenu.
80 Barra minn hekk, il-miżuri in kwistjoni għandhom bħala effett mhux li jċaħħdu lill-proprjetarji ta’ l-irziezet ta’ l-akwakultura mill-użu ta’ dawn l-irziezet, iżda li jippermettulhom li jkomplu jeżerċitaw l-attività tagħhom fihom.
81 Fil-fatt, il-qerda u l-qtil immedjat tal-ħut kollu jippermetti lil dawn il-proprjetarji sabiex jerġgħu ikabbru mill-aktar fis possibbli l-popolazzjoni tal-ħut fl-irziezet milquta.
82 Għalhekk, dawn il-miżuri jippermettu t-tkomplija tat-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni fis-suq tal-Komunità ta’ ħut ħaj ta’ l-ispeċji suxxettibbli għall-mard tal-listi I u II, b’tali mod li l-persuni interessati kollha, inklużi l-prorjetarji ta’ l-irziezet ta’ l-akwakultura, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-effetti tagħhom.
83 Fl-aħħar, għandu jiġi rilevat li, hekk kif irrikonoxxiet Booker stess, l-attività li hija teżerċita bħala proprjetarja ta’ razzett ta’ l-akwakultura tinvolvi riskji kummerċjali. Kif sostnew ġustament l-iScottish Ministers, il-gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jistgħu jistennew, bħala elevaturi, li marda tal-ħut timmanifesta ruħha f’kull mument u tikkawwżalhom telf. Dan ir-riskju jifforma parti mill-attività ta’ tkabbir u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ annimali ħajjin, u jikkostitwixxi l-konsegwenza ta’ okkorrenza naturali, f’dak li jirrigwarda kemm il-mard tal-lista I kif ukoll dak tal-lista II.
84 Fir-rigward tad-daqs ta’ telf eventwali, għandu jiġi kkonstatat li minħabba l-istat tiegħu, il-ħut li juri sinjali kliniċi ta’ mard ma jkollu l-ebda valur kummerċjali. F’dak li jirrigwarda l-ħut li laħaq daqs kummerċjali u li seta’ jiġi kummerċjalizzat jew ipproċessat għall-konsum uman peress li ma kienx juri, fil-ħin tal-qtil tiegħu, l-ebda sinjal kliniku ta’ mard, it-telf eventwali sofrut minn dawk li jkabbru l-ħut bħala konsegwenza tal-qtil immedjat ta’ dan it-tip ta’ ħut jirriżulta mill-fatt li dawn ma setgħux jagħżlu l-iktar mument vantaġġjuż għall-bejgħ. Qabel kollox, għandu jiġi rilevat li, minħabba r-riskju li jippreżentaw meta jitfaċċaw tali sinjali, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat mument iktar favorevoli għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. F’dak li jirrigwarda t-tipi l-oħra kollha ta’ ħut, lanqas ma huwa possibbli li jiġi stabbilit jekk dawn għandhomx xi valur kummerċjali, minnħabba r-riskju li jkunu jirrappreżentaw meta jitfaċċaw tali sinjali kliniċi ta’ mard.
85 Ċertament, il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jqis, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fil-qasam tal-politika agrikola (ara s-sentenza tas-6 ta’ April 1995, Flip u Verdegem, C-315/93, Ġabra p. I-913, punt 26), li jkun meħtieġ li jingħata kumpens, b’mod parzjali jew totali, lill-proprjetarji ta’ l-irziezet li fihom l-annimali ġew meqruda u maqtula. Madankollu, minn din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza, fid-dritt Komunitarju, ta’ prinċipju ġenerali li jimponi l-għoti ta’ kumpens fiċ-ċirkustanzi kollha.
86 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-miżuri minimi ta’ qerda u ta’ qtil immedjat imposti mid-Direttiva 93/53 sabiex titwettaq il-ġlieda kontra l-mard tal-lista I, fin-nuqqas ta’ kumpens favur il-proprjetarji milquta, ma jikkostitwixxux indħil sproporzjonat u intollerabbli li jnaqqas is-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà.
87 Għalhekk, ir-risposta għar-raba’ domanda li saret fil-Kawża C-64/00 għandha tkun li l-eżami tagħha ma weriex elementi ta’ natura tali li jaffettwaw il-validità tad-Direttiva 93/53 safejn din timponi miżuri minimi ta’ ġlieda kontra l-mard tal-lista I mingħajr ma tipprovdi għall-għoti ta’ kumpens favur il-proprjetarji milquta minn dawn il-miżuri.
88 Fir-rigward ta’ l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva 93/53, għandu jiġi rilevat li, skond ġurisprudenza kostanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Wachauf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, u tal-24 ta’ Marzu 1994, Bostock, C-2/92, Ġabra p. I-955, punt 16), l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-sistema ġuridika Komunitarja jorbtu wkoll lill-Istati Membri meta dawn jimplementaw liġijiet Komunitarji u, konsegwentement, dawn għandhom, safejn huwa possibbli, japplikaw dawn il-liġijiet f’kundizzjonijiet li ma jmorrux kontra l-eżiġenzi msemmija.
89 Ir-Renju Unit adotta l-miżuri minimi ta’ ġlieda kontra l-mard tal-lista I stabbiliti mid-Direttiva 93/53. Dan ma għamilx użu mill-poter mogħti lill-Istati Membri mill-Artikolu 9(3) ta’ din id-Direttiva sabiex jawtorizza t-tkabbir tal-ħut, milqut minn marda tal-lista II, sakemm dan jilħaq daqs kummerċjali, iżda impona fir-rigward tal-mard tal-lista II, miżuri ekwivalenti għal dawk meħtieġa mill-imsemmija direttiva kontra l-mard tal-lista I.
90 F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, l-implementazzjoni minn Stat Membru, minn naħa, ta’ miżuri obbligatorji għall-ġlieda kontra l-mard tal-lista I li huma identiċi għall-miżuri minimi li l-Komunità imponiet fil-każ tal-mard imsemmi u li ma jipprovdux għall-għoti ta’ kumpens, ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-paragrafi 79 sa 85 ta’ din is-sentenza, indħil sproporzjonat u intollerabbli li jikser is-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà.
91 Min-naħa l-oħra, il-qerda u l-qtil immedjat tal-ħut li jinsab f’razzett milqut minn waħda mill-mard tal-lista II iwasslu għar-ristorazzjoni, fi Stat membru u mill-iktar fiss possibbli, ta’ l-approvazzjoni ta’ żona li tinsab f’parti mit-territorju tal-Komunità li fiha ma tkunx tinsab dik il-marda. Din ir-ristorazzjoni tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni fis-suq tal-Komunità fl-iqsar żmien tal-ħut ħaj ta’ l-ispeċji suxxettibbli għal dak il-mard, u l-projbizzjoni, f’żona approvata, tal-kummerċjalizzazzjoni fis-suq ta’ l-imsemmi ħut ħaj li ma jkunx provenjenti minn żona approvata jew minn razzett approvat.
92 Għall-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 79 sa 85 u 91 ta’ din is-sentenza, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, l-implementazzjoni minn Stat Membru ta’ miżuri ta’ ġlieda kontra l-mard tal-lista II li huma simili għall-miżuri minimi li l-Komunità imponiet fil-każ tal-mard tal-lista I u li ma jipprovdux għall-għoti ta’ kumpens, jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Komunità, u lanqas ma tikkostitwixxi indħil sproporzjonat u intollerabbli li jikser is-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà.
93 Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi magħmula fil-kawżi C-20/00 u C-64/00 għandha tkun li l-miżuri ta’ qerda u ta’ qtil immedjat ta’ ħut implementati minn Stat Membru sabiex titwettaq il-ġlieda kontra l-mard tal-listi I u II fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/53, li huma rispettivament identiċi u simili għall-miżuri minimi li l-Komunità imponiet għall-mard tal-lista I u li ma jipprovdux għall-għoti ta’ kumpens, mhumiex, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, inkompatibbli mad-dritt fundamentali għall-proprjetà.
Fuq it-tielet domanda fil-Kawżi C-20/00 u C-64/00
94 Permezz tat-tielet domanda magħmula fil-Kawżi C-20/00 u C-64/00, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt fundamentali tal-proprjetà tal-miżuri adottati minn Stat Membru bil-għan li jiġġieled kontra l-mard tal-listi I u II, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/53, tistax tvarja skond jekk il-manifestazzjoni tal-marda tkunx jew le dovuta għall-proprjetarju tal-ħut.
95 Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi fil-Kawżi C-20/00 u C-64/00, ir-risposta għat-tielet domanda f’dawn il-kawżi għandha tkun li l-fatt jekk l-manifestazzjoni tal-marda tkunx jew le dovuta għall-proprjetarju tal-ħut huwa, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, mingħajr effett fuq il-kompatibbiltà mad-dritt fundamentali għall-proprjetà tal-miżuri imposti minn Stat Membru fid-dawl tal-ġlieda kontra l-mard tal-listi I u II fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/53.
Fuq l-ispejjeż
96 L-ispejjeż sostnuti mill-gvernijiet tar-Renju Unit, ta’ Franza, ta’ l-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tan-Norveġja, kif ukoll mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn ir-raġunijiet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
fir-rigward tad-domandi magħmula lilha mill-Court of Session (Scotland), permezz tad-Digrieti tal-11 ta’ Jannar u tat-18 ta’ Frar 2000, taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-eżamini tar-raba’ domanda preliminari fil-Kawża C-64/00 ma weriex elementi ta’ natura li jaffettwaw il-validità tad-Direttiva tal-Kunsill 93/53/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1993, li tintroduċi miżuri minimi Komunitarji għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-ħut, safejn din timponi miżuri minimi għall-ġlieda kontra l-mard tal-lista I ta’ l-Anness A tad-Direttiva tal-Kunsill 91/67/KEE, tat-28 ta’ Jannar 1991, li tikkonċerna l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw it-tqegħid fuq is-suq ta’ l-annimali u prodotti ta’ l-akwakultura, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 93/54/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1993, mingħajr ma tipprovdi għall-għoti ta’ kumpens favur il-proprjetarji milquta minn dawn il-miżuri.
2) Il-miżuri ta’ qerda u ta’ qtil immedjat tal-ħut implementati minn Stat Membru fid-dawl tal-ġlieda kontra l-mard tal-listi I u II ta’ dan l-Anness fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/53, rispettivament identiċi u simili għall-miżuri minimi li l-Komunità imponiet għall-mard tal-lista I, u li ma jipprovdux għall-għoti ta’ kumpens mhumiex, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, inkompatibbli mad-dritt fundamentali għall-proprjetà.
3) Il-fatt jekk il-manifestazzjoni tal-marda tkunx jew le dovuta għall-proprjetarju tal-ħut huwa, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, mingħajr effett fuq il-kompatibbiltà mad-dritt fundamentali għall-proprjetà tal-miżuri imposti minn Stat Membru fid-dawl tal-ġlieda kontra l-mard tal-listi I u II fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/53.
Rodríguez Iglesias |
Puissochet |
Schintgen |
Timmermans |
Gulmann |
Edward |
La Pergola |
Macken |
Colneric |
von Bahr |
Cunha Rodrigues |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Lulju 2003.
R. Grass |
G. C. Rodríguez Iglesias |
Reġistratur |
President |
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.