Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli ta’ proċedura tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Regoli ta’ proċedura tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 2009/937/UE li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLI TA’ PROĊEDURA?

  • Ir-regoli ta’ proċedura jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedimenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-Kunsill).
  • Is-setgħa li jadotta regoli ta’ proċedura hija konferita fuq il-Kunsill mill-Artikolu 240(3) dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
  • Anness III huwa emendat kull sena sabiex jirrifletti l-bidliet fil-popolazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru għall-implimentazzjoni tal-proċedura għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.
  • Ir-regoli ta’ proċedura ġew emendati wkoll b’mod aktar sostanzjali darbtejn — fl-2014 (Deċiżjon 2014/692/UE, Euratom), fir-rigward tal-voti b’maġġoranza kwalifikata, u fl-2022 (Deċiżjoni 2022/1242), fir-rigward tar-regola ta’ votazzjoni għal deċiżjonijiet mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper) biex jużaw il-proċedura ordinarja bil-miktub.

PUNTI EWLENIN

Il-Kunsill huwa l-istituzzjoni tal-UE fejn jiltaqgħu r-rappreżentanti tal-Istati Membri. Kull Stat Membru huwa rrappreżentat minn rappreżentant wieħed fil-livell ministerjali li jista’ jimpenja lill-gvern ta’ dak il-pajjiż. Flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi. Jadotta atti leġislattivi, skont il-proċedura leġislattiva ordinarja jew speċjali. Il-Kunsill flimkien mal-Parlament Ewropew jeżerċita funzjonijiet baġitarji. Fl-aħħar nett, il-Kunsill iwettaq funzjonijiet ta’ tfassil ta’ politika u ta’ koordinazzjoni.

Il-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill

Il-President tal-Kunsill Ewropew

  • Il-presidenza tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tal-konfigurazzjoni tal-affarijiet barranin, għandha tiġi eżerċitata minn gruppi prestabbiliti ta’ tliet pajjiżi tal-UE għal perjodu ta’ 18-il xahar. Kull membru tal-grupp jippresjedi l-konfigurazzjonijiet kollha tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tal-konfigurazzjoni tal-affarijiet barranin, għal sitt xhur. Il-grupp ta’ tliet Stati Membri jħejji abbozz ta’ programm tal-attivitajiet tal-Kunsill għal perjodu ta’ 18-il xahar li jiġi approvat mill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali wara li jsir dibattitu pubbliku dwaru.
  • Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin għandu president permanenti: ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Huwa possibbli li r-Rappreżentant Għoli jiġi sostitwit mill-Istati Membri li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill. Normalment ikun il-każ meta l-Kunsill jitlaqqa’ biex jiddiskuti kwistjonijiet ta’ politika kummerċjali komuni.
  • Il-presidenza hija l-forza li tmexxi l-ħidma tal-Kunsill.

Coreper, kumitati u gruppi ta’ ħidma

  • Il-Kunsill huwa appoġġat minn Coreper u b’aktar minn 150 grupp ta’ ħidma u kumitati speċjalizzati, li huma l-korpi preparatorji tal-Kunsill.
  • Coreper iħejji l-ħidma tal-laqgħat kollha tal-Kunsill u jwettaq il-kompiti assenjati lilu mill-Kunsill. Il-Coreper 2 huwa magħmul minn rappreżentanti permanenti, filwaqt li l-Coreper 1 huwa magħmul minn deputati rappreżentanti permanenti.
  • Coreper:
    • jiżgura l-konsistenza tal-politiki u l-azzjonijiet tal-UE u l-osservanza tal-prinċipji tal-legalità, is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità, kif ukoll tar-regoli li jistabbilixxu s-setgħat tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, flimkien mar-regoli dwar il-proċedura, it-trasparenza u l-kwalità tal-abbozzar;
    • jeżamina minn qabel il-punti kollha fuq l-aġenda għal laqgħa tal-Kunsill u huwa responsabbli tħat-tħejjija ta’ kull fajl għall-Kunsill;
    • jagħmel ħilitu biex jilħaq ftehim għal kull fajl fil-livell tiegħu, li mbagħad jiġi sottomess lill-Kunsill;
    • jista’ jwaqqaf kumitati jew gruppi ta’ ħidma sabiex iwettqu kompiti jew studji ta’ tħejjija.
    • jista’ jadotta numru ta’ deċiżjonijiet proċedurali, bħal deċiżjoni li ssir laqgħa tal-Kunsill f’post li mhux Brussell jew il-Lussemburgu, deċiżjoni li tintuża proċedura bil-miktub, eċċ.

Il-Funzjonament tal-Kunsill

  • Il-Kunsill għandu s-sede tiegħu fi Brussell, iżda jagħmel il-laqgħat tiegħu fil-Lussemburgu f’April, Ġunju u Ottubru.
  • Is-sessjonijiet tal-Kunsill jissejħu mill-president, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni Ewropea. Il-president jistabbilixxi l-aġenda proviżorja għal kull laqgħa tal-Kunsill.
  • Il-kworum għandu jiġi vverifikat qabel jittieħed vot. Dan jintlaħaq jekk il-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill ikunu fiżikament preżenti. Il-Kunsill jivvota fuq l-inizjattiva tal-president tiegħu. Barra minn hekk, il-president jiftaħ proċedura ta’ votazzjoni fuq l-inizjattiva ta’ membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, diment li dan jiġi deċiż minn maġġoranza tal-membri tal-Kunsill.

Votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata

Fl-1 ta’ Novembru 2014, ġiet introdotta proċedura ġdida għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, ir-regola ta’ maġġoranza doppja.

  • Meta l-Kunsill jivvota fuq proposta mressqa mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, maġġoranza kwalifikata tinkiseb jekk jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet:
    • 55 % tal-membri tal-Kunsill ivvutaw favur — jiġifieri 15 minn 27 (minn meta r-Renju Unit ħarġet mill-UE);
    • il-proposta tiġi appoġġjata mill-membri tal-Kunsill li jirrapreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE.
  • Meta l-Kunsill ma jaġixxix fuq proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli, deċiżjoni tiġi adottata jekk:
    • hemm 72% tal-membri tal-Kunsill li jivvutaw favur; u
    • dawn jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE.

Voti bil-miktub (proċedura bil-miktub ordinarja)

  • Atti tal-Kunsill dwar kwistjoni urġenti jistgħu jiġu adottati b’vot bil-miktub meta l-Kunsill jiddeċiedi b’mod unanimu li juża dik il-proċedura jew meta Coreper jiddeċiedi li juża dik il-proċedura skont ir-regola tal-votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni tal-atti tal-Kunsill ikkonċernati.
  • F’ċirkostanzi speċjali, il-president jista’ jipproponi wkoll l-użu ta’ dik il-proċedura; f’dan il-każ, jistgħu jintużaw voti bil-miktub fejn il-membri kollha tal-Kunsill jaqblu ma’ dik il-proċedura.

It-trasparenza u l-pubblikazzjoni tal-atti tal-Kunsill

  • Id-deliberazzjonijiet u l-voti dwar l-atti leġiżlattivi huma miftuħa għall-pubbliku.
  • L-ewwel deliberazzjoni tal-Kunsill dwar proposti ġodda importanti mhux leġiżlattivi li fihom regoli legalment vinkolanti fl-Istati Membri hija miftuħa għall-pubbliku.
  • Fuq deċiżjoni meħuda mill-Kunsill jew mill-Coreper, il-Kunsill jorganizza dibattiti pubbliċi dwar kwistjonijiet importanti li jaffettwaw l-interessi tal-UE u ċ-ċittadini tagħha. Il-Kunsill jagħmel ukoll għadd ta’ dibattiti ta’ orjentazzjoni fil-pubbliku.
  • L-atti leġiżlattivi għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjalil, kif ukoll ir-regolamenti u d-direttivi, li jiġu indirizzati lill-Istati Membri kollha, deċiżjonijiet, li ma jispeċifikawx lil min huma indirizzati, u ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE. L-Artikolu 17 tar-Regoli ta’ Proċedura jelenka atti oħrajn li għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, inkluż meta l-Kunsill jew Coreper jiddeċiedi hekk.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA?

Dawn ilhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2009.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009,pp. 35–61)

L-emendi suċċessivi tad-Deċiżjoni 2009/937/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 26.04.2024

Top