Ce document est extrait du site web EUR-Lex
Document 62021CJ0040
Judgment of the Court (First Chamber) of 4 May 2023.#T.A.C. v Agenția Națională de Integritate (ANI).#Request for a preliminary ruling from the Curtea de Apel Timişoara.#Reference for a preliminary ruling – Decision 2006/928/EC – Mechanism for cooperation and verification of progress in Romania to address specific benchmarks in the areas of judicial reform and the fight against corruption – Charter of Fundamental Rights of the European Union – Article 15(1) – Article 47 – Article 49(3) – Elective public office – Conflict of interests – National legislation prohibiting the holding of elective public office for a predetermined period – Penalty additional to the termination of the term of office – Principle of proportionality.#Case C-40/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Mejju 2023.
T.A.C. vs Agenția Națională de Integritate (ANI).
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Curtea de Apel Timişoara.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 15(1) – Artikolu 47 – Artikolu 49(3) – Karigi pubbliċi elettivi – Kunflitt ta’ interessi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni li wieħed jokkupa kariga pubblika elettiva għal perijodu stabbilit minn qabel – Sanzjoni komplementari għall-waqfien tal-mandat – Prinċipju ta proporzjonalità.
Kawża C-40/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Mejju 2023.
T.A.C. vs Agenția Națională de Integritate (ANI).
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Curtea de Apel Timişoara.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 15(1) – Artikolu 47 – Artikolu 49(3) – Karigi pubbliċi elettivi – Kunflitt ta’ interessi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni li wieħed jokkupa kariga pubblika elettiva għal perijodu stabbilit minn qabel – Sanzjoni komplementari għall-waqfien tal-mandat – Prinċipju ta proporzjonalità.
Kawża C-40/21.
Recueil – Recueil général
Identifiant ECLI: ECLI:EU:C:2023:367
*A9* Curtea de Apel Timişoara, Încheiere din 12/11/2020 (38497/3/2019)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
4 ta’ Mejju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 15(1) – Artikolu 47 – Artikolu 49(3) – Karigi pubbliċi elettivi – Kunflitt ta’ interessi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni li wieħed jokkupa kariga pubblika elettiva għal perijodu stabbilit minn qabel – Sanzjoni komplementari għall-waqfien tal-mandat – Prinċipju ta proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑40/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Timişoara (il-Qorti tal-Appell ta’ Timişoara, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura
T.A.C.
vs
Agenția Națională de Integritate (ANI),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal T.A.C., minn T. Chiuariu, avocat, |
– |
għall-Agenția Națională de Integritate (ANI), minn D. Chiurtu, O. Iacob u F.-I. Moise, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L. Liţu, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae, P. J. O. Van Nuffel u M. Wasmeier, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Novembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825), kif ukoll tal-Artikolu 15(1), tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn T.A.C u l-Agenția Națională de Integritate (ANI) (l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità, ir-Rumanija) dwar rapport minn din l-aġenzija li jikkonstata li kiser ir-regoli li jirregolaw il-kunflitti ta’ interessi fi kwistjonijiet amministrattivi matul il-mandat tiegħu bħala sindku. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Id-Deċiżjoni 2006/928 ġiet adottata, fil-kuntest tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea prevista għall‑1 ta’ Jannar 2007, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli 37 u 38 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, L 277, p. 825, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007 Il-premessi 1 sa 6 u 9 ta’ din id-deċiżjoni huma fformulati kif ġej:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/928 jipprevedi: “Ir-Rumanija għandha, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2007, tirraporta lill-Kummissjoni dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness. Il-Kummisjoni tistà, f’kull ħin, tipprovdi assistenza teknika permezz ta’ attivitajiet differenti jew tiġbor u tpartat informazzjoni dwar il-punti ta’ riferiment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistà, f’kull ħin, torganizza missjonijiet ta’ l-esperti lejn ir-Rumanija għal dan l-iskop. L-awtoritajiet Rumeni għandhom jagħtu l-appoġġ neċessarju f’dan il-kuntest.” |
5 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi: “Il-Kummissjoni se tikkomunika lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill il-kummenti u r-riżultati tagħha dwar ir-rapport tar-Rumanija għall-ewwel darba f’Ġunju 2007. Il-Kummissjoni se terġa tirraporta minn hemm ’il quddiem kif u meta jkun meħtieġ u mill-inqas kull sitt xhur.” |
6 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni jgħid: “Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri kollha.” |
7 |
L-anness tal-istess deċiżjoni huwa fformulat kif ġej: “Punti ta’ riferiment li għandhom jiġu indirizzati mir-Rumanija, imsemmija f’Artikolu 1:
|
Id‑dritt Rumen
8 |
L-Artikolu 25 tal-legea nr. 176/2010 privind integritatea în exercitarea funcțiilor și demnităților publice, pentru modificarea și completarea Legii nr. 144/2007 privind înființarea, organizarea și funcționarea Agenției Naționale de Integritate, precum și pentru modificarea și completarea altor att normattiv (il-Liġi Nru 176/2010 dwar l-Integrità fit-Twettiq ta’ Kompiti Pubbliċi u l-Okkupazzjoni ta’ Karigi Pubbliċi u li Temenda l-Liġi Nru 144/2007 dwar l-Istabbiliment, Organizzazzjoni u Operazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità u li Temenda Ċerti Atti Oħra), tal‑1 ta’ Settembru 2010 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 621 tat‑2 ta’ Settembru 2010), jipprevedi: “(1) Fil-każ li individwu jkun ħareġ att amministrattiv, ikkonkluda att legali, adotta deċiżjoni jew ipparteċipa fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni bi ksur tal-obbligi legali fil-qasam tal-kunflitti ta’ interessi jew ta’ sitwazzjonijiet ta’ inkompatibbiltà, l-azzjoni tiegħu tikkostitwixxi nuqqas dixxiplinari u għandha tiġi kkastigata skont ir-regoli applikabbli għall-kariga, għall-funzjoni jew għall-attivitajiet rilevanti tiegħu, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ma jipprevedux deroga minnhom u fejn l-azzjoni ma tikkostitwixxix reat. (2) Individwu li jkun tneħħa mill-kompiti tiegħu jew li jkun tkeċċa mill-kariga skont il-paragrafu 1, jew li fir-rigward tiegħu jkun ġie kkonstatat kunflitt ta’ interessi jew sitwazzjoni ta’ inkompatibbiltà, ma jkunx għad għandu d-dritt li jeżerċita l-kompiti pubbliċi jew li jokkupa l-kariga pubblika li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, bl-eċċezzjoni tal-kompiti elettorali, għal perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha jitneħħa mill-kompiti tiegħu jew li jiġi rtirat mill-kariga pubblika inkwistjoni jew mid-data tat-terminazzjoni awtomatika tal-mandat tiegħu. Fil-każ fejn l-individwu jkun wettaq kompiti eliġibbli, huwa ma jistax iwettaq l-istess kompiti għal perijodu ta’ tliet snin mit-terminazzjoni tal-mandat tiegħu. Fil-każ fejn l-individwu ma jkunx għadu jwettaq kompiti pubbliċi jew jokkupa karigi pubbliċi fil-mument meta tiġi kkonstatata s-sitwazzjoni ta’ inkompatibbiltà jew ta’ kunflitt ta’ interessi, il-perijodu ta’ projbizzjoni ta’ tliet snin jibda, skont il-liġi, fid-data li fiha r-rapport ta’ evalwazzjoni jsir definittiv jew fid-data li fiha deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonferma l-kunflitt ta’ interessi jew is-sitwazzjoni ta’ inkompatibbiltà ssir definittiva u irrevokabbli. […]” |
9 |
Skont l-Artikolu 66(1) tal-legea nr. 286/2009 privind Codul penal (il-Liġi Nru 286/2009 dwar il-Kodiċi Kriminali)), tas‑17 ta’ Lulju 2009 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 510 tal‑24 ta’ Lulju 2009), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”): “Il-piena addizzjonali ta’ projbizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tikkonsisti fil-projbizzjoni tal-eżerċizzju, għal perijodu ta’ bejn sena u ħames snin, ta’ wieħed jew iktar mid-drittijiet li ġejjin:
|
10 |
L-Artikolu 301 tal-Kodiċi Kriminali intitolat “Kunflitt ta’ interessi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-fatt li uffiċjal pubbliku, fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu, iwettaq att jew jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjoni li ppermettiet li jinkiseb, direttament jew indirettament, vantaġġ patrimonjali għalih innifsu, għall-konjuġi tiegħu, għal familjari biż-żwieġ jew sat jew li jinkludi t-tieni grad inkluż […] huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u ħames snin u bil-piena addizzjonali ta’ projbizzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt li jokkupa funzjoni pubblika.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
11 |
Fit‑22 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie elett sindku tal-Komun ta’ MN (ir-Rumanija) għall-perijodu 2016/2020. |
12 |
F’rapport ta’ evalwazzjoni tal‑25 ta’ Novembru 2019, l-ANI kkonstatat li dan ir-rikorrent ma kienx osserva r-regoli li jirregolaw il-kunflitti ta’ interessi fil-qasam amministrattiv. Fil-fatt, matul il-mandat tiegħu, allegatament huwa kien, permezz ta’ kuntratt ta’ self għal użu, ta lil assoċjazzjoni li martu kienet membru fundatriċi u viċi president tagħha d-dritt li tuża, bla ħlas, għal perijodu ta’ ħames snin, ċerti postijiet li jappartjenu lill-Komun, għall-finijiet ta’ attivitajiet kulturali. |
13 |
Fil-każ li dan ir-rapport, li jgħodd għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, isir definittiv b’mod partikolari fl-assenza ta’ kontestazzjoni min-naħa tiegħu, il-mandat tiegħu jintemm ipso jure u tiġi imposta fuqu projbizzjoni addizzjonali milli jeżerċita kompiti pubbliċi elettivi għal perijodu ta’ tliet snin, konformement mad-dritt nazzjonali. |
14 |
Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) rikors intiż għall-annullament ta’ dan ir-rapport, billi sostna b’mod partikolari li d-dritt tal-Unjoni kien jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha sanzjoni bħal projbizzjoni li wieħed jokkupa kwalunkwe kariga pubblika elettiva għal perijodu ta’ tliet snin tiġi imposta awtomatikament fuq il-persuna li tinstab ħatja ta’ kunflitt ta’ interessi, u ma tistax tiġi aġġustata skont il-gravità tal-ksur imwettaq. |
15 |
Peress li din il-qorti ddikjarat li ma għandhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors, il-kawża intbagħtet lill-qorti tar-rinviju, il-Curtea de Apel Timișoara (il-Qorti tal-Appell ta’ Timișoara, ir-Rumanija). |
16 |
Din il-qorti tesponi, qabel kollox, li l-kawża prinċipali taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni sa fejn il-Liġi Nru 176/2010 timplimenta t-tieni punt ta’ riferiment li jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928. Il-ħolqien tal-ANI seħħ ukoll sabiex jikkonforma ruħu ma’ dan l-għan. |
17 |
L-imsemmija qorti tirrileva, sussegwentement, li, skont l-Artikolu 25 ta’ din il-liġi, fil-każ ta’ konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward ta’ persuna li teżerċita kompiti pubbliċi elettivi, li tikseb natura definittiva, il-mandat tagħha jieqaf ipso jure. Barra minn hekk, il-projbizzjoni addizzjonali mill-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti matul perijodu ta’ tliet snin, prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, topera awtomatikament, mingħajr analiżi tan-neċessità ta’ din il-projbizzjoni u lanqas applikazzjoni ddifferenzjata skont il-gravità tal-ksur. Skont il-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), l-imsemmija projbizzjoni tikkonċerna l-kompiti pubbliċi kollha elettivi msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija liġi, minkejja l-espressjoni “l-istess kompitu” użata f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, la t-terminazzjoni tal-mandat u lanqas il-projbizzjoni ta’ eżerċizzju tal-kompiti pubbliċi elettivi ma tkun tista’ tiġi kkontestata ġudizzjarjament, peress li l-qorti adita bil-legalità ta’ rapport ta’ evalwazzjoni tal-ANI tista’ tivverifika biss jekk il-fatti li bihom hija akkużata l-persuna kkonċernata jikkostitwixxux kunflitt ta’ interessi jew le u mhux tiddeċiedi dwar is-sanzjonijiet li jirriżultaw minnhom. |
18 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi wkoll li għalkemm, f’dan il-każ, ma ġie kkonstatat ebda reat kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 301(1) tal-Kodiċi Kriminali jipprevedi reat ta’ kunflitt ta’ interessi punibbli wkoll bil-piena addizzjonali ta’ projbizzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jokkupa funzjoni pubblika, imsemmija fl-Artikolu 66(1) ta’ dan il-kodiċi. Din il-qorti tqis għalhekk neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, bħal din il-piena tal-aħħar, il-projbizzjoni mill-eżerċizzju tal-kompiti pubbliċi elettivi prevista fl-Artikolu 25(2) tal-Liġi Nru 176/2010 għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni ggarantit fl-Artikolu 49 tal-Karta u, fl-affermattiv, jekk dan il-prinċipju jipprekludix tali sanzjoni. |
19 |
Fl-aħħar, l-imsemmija qorti tqis li hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li timponi awtomatikament din is-sanzjoni għal perijodu stabbilit minn qabel ta’ tliet snin mingħajr ma tippermetti lill-qorti tanalizza n-neċessità jew il-portata tagħha fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ. |
20 |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà
21 |
L-ANI u l-Gvern Rumen jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari. Huma jsostnu, minn naħa, li l-Karta ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, fl-assenza ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tagħha. Huma jżidu, min-naħa l-oħra, li d-domandi magħmula huma irrilevanti u li l-problema mqajma hija ta’ natura purament ipotetika, sa fejn il-kawża prinċipali għandha biss bħala għan l-annullament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li kkonstata kunflitt ta’ interessi fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u ma tirrigwardax il-kwistjoni tas-sanzjonijiet. |
22 |
Għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Dan l-Artikolu 51(1) jikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-espożizzjoni tal-motivi dwar il-Liġi Nru 176/2010 jirriżulta li din il-liġi timplimenta t-tieni għan ta’ riferiment li jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928, jiġifieri li tipi kkostitwita aġenzija għall-integrità li għandha responsabbiltajiet fil-qasam tal-verifika tal-patrimonju, tal-inkompatibbiltajiet u tal-kunflitti ta’ interessi potenzjali, iżda wkoll tal-kapaċità li tadotta deċiżjonijiet imperattivi li jistgħu jagħtu lok għat-teħid ta’ sanzjonijiet dissważivi. |
24 |
Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għanijiet ta’ riferiment stabbiliti fl-anness tagħha għandhom natura vinkolanti għar-Rumanija fis-sens li dan l-Istat Membru huwa suġġett għall-obbligu speċifiku li jilħaq dawn l-għanijiet u li jieħu l-miżuri xierqa sabiex jilħaqhom. Bl-istess mod, l-imsemmi Stat Membru huwa obbligat li jżomm lura milli jimplimenta kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola l-kisba ta’ dawn l-istess għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 172). |
25 |
Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni tobbliga lir-Rumanija tiġġieled, b’mod effettiv u indipendentement minn kwalunkwe effett ħażin possibbli għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari l-korruzzjoni ta’ livell għoli, kif ukoll tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi f’każ ta’ reati ta’ korruzzjoni b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑811/19, C‑379/19, C‑547/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 189 u 190 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li r-Rumanija għandha libertà fl-għażla tas-sanzjonijiet applikabbli, li jistgħu jieħdu l-forma ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ta’ sanzjonijiet kriminali jew ta’ kombinazzjoni tat-tnejn, peress li din il-kompetenza hija limitata mill-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑547/19, C‑379/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 191 u 192 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Liġi Nru 176/2010, b’mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha, tikkostitwixxi miżura ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li din hija applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali. |
28 |
Fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hija ġurisprudenza stabbilita li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li għandhom jiġu ddefiniti mill-imsemmija qorti nazzjonali, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju spjegat fit-talba għal deċiżjoni preliminari li, jekk il-legalità tar-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi fil-punt 12 ta’ din is-sentenza kellha tiġi kkonfermata miċ-ċaħda tar-rikors li bih hija adita din il-qorti, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jiġi awtomatikament ipprojbit milli jeżerċita kompiti pubbliċi elettivi għal perijodu ta’ tliet snin, skont l-Artikolu 25(2) tal-Liġi Nru 176/2010, mingħajr ma jkun jista’ jikkontesta din il-projbizzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja oħra. |
30 |
Għaldaqstant ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta għandhom relazzjoni mar-realtà jew is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika. |
31 |
Minn dan jirriżulta li d-domandi preliminari huma ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
Fuq l‑ewwel domanda
32 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fi tmiem proċedura amministrattiva, miżura ta’ projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kull servizz pubbliku elettiv għal perijodu stabbilit minn qabel ta’ tliet snin kontra persuna li fir-rigward tagħha tkun ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fl-eżerċizzju ta’ tali kompitu. |
33 |
L-Artikolu 49(3) tal-Karta, li jipprevedi li s-severità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur, jirrigwarda s-sanzjonijiet ta’ natura kriminali. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk tali projbizzjoni għandhiex natura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA, C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 90). |
34 |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta u trasposta fl-Artikolu 49(3) tagħha, tliet kriterji huma rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura kriminali ta’ sanzjoni. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern, it-tieni wieħed huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA, C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 91, kif ukoll tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Fil-fatt, anki għal ksur li ma huwiex ikklassifikat bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali, tali natura tista’ madankollu tirriżulta min-natura stess tal-ksur inkwistjoni u mil-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet li dan jista’ jwassal għalihom (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti fl-evalwazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA, C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Fir-rigward tal-ewwel kriterju, dwar il-klassifikazzjoni tal-ksur fid-dritt intern, kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi Nru 176/2010, li jagħmel riferiment għal “nuqqas dixxiplinari”, kif ukoll mill-ġurisprudenza nazzjonali ċċitata fit-talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari minn dik tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), jirriżulta li, fid-dritt Rumen, la t-terminazzjoni ipso jure tal-mandat fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi u lanqas il-projbizzjoni li tiġi eżerċitata kwalunkwe kompitu pubbliku elettiv, komplementari għal dan it-tmiem, ma jitqiesu li huma sanzjonijiet kriminali. Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn il-miżuri huma imposti skont proċedura amministrattiva. Għalkemm huwa minnu li d-dritt Rumen jipprevedi wkoll ir-reat ta’ kunflitt ta’ interessi, is-sanzjonijiet sostnuti f’dan ir-rigward huma, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, imposti bis-saħħa ta’ proċedura distinta u indipendenti. |
38 |
Fir-rigward tat-tieni kriterju, dwar in-natura stess tal-ksur, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni għandhiex, b’mod partikolari, għan repressiv, li huwa l-karatteristika ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 49 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 89, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA, C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Liġi Nru 176/2010 hija intiża li tiggarantixxi l-integrità u t-trasparenza fl-eżerċizzju tal-kompiti u tal-karigi pubbliċi kif ukoll li tipprevjeni l-korruzzjoni istituzzjonali, u li l-miżura ta’ projbizzjoni mill-eżerċizzju tal-kompiti pubbliċi elettivi, bħal dik li tista’ tiġi imposta fil-kawża prinċipali, tagħmel parti minn sensiela usa’ ta’ miżuri li jsegwu, kollha b’mod komplementari, dan l-għan u, konsegwentement, jikkontribwixxu għat-twettiq tal-punti ta’ riferiment previsti mid-Deċiżjoni 2006/928. B’hekk, l-għan ta’ din il-projbizzjoni, bħal dak tal-iskwalifika ipso jure tal-mandat, huwa li tippreżerva l-funzjonament tajjeb u t-trasparenza tal-Istat, billi ttemm fit-tul is-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi. |
40 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, fir-rigward ta’ projbizzjoni milli wieħed joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet u milli jeżerċita kompiti elettivi li għandhom tali għan u li hija intiża għad-deċiżjoni libera tal-korpi elettivi, li din ma kinitx ta’ natura punittiva, anki jekk din kienet ingħatat wara kundanna kriminali għal atti ta’ korruzzjoni (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 18 ta’ Mejju 2021, Galan vs L‑Italja, CE:ECHR:2021:0518DEC006377216, punti 85 u 97, kif ukoll Qorti EDB, 17 ta’ Ġunju 2021, Miniscalco vs L‑Italja, ECLI:CE:ECHR:2021:0617JUD005509313, punti 64 u 73). |
41 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, jidher li miżura ta’ projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kompiti pubbliċi elettivi għal perijodu ta’ tliet snin, bħal dik li tista’ tiġi imposta fil-kawża prinċipali, għandha għan essenzjalment preventiv u mhux repressiv. |
42 |
Fir-rigward tat-tielet kriterju, dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni, għandu jiġi enfasizzat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali miżura tikkonsisti mhux fl-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jew fl-impożizzjoni ta’ multa iżda fil-projbizzjoni tal-eżerċizzju futur ta’ attivitajiet speċifiċi, jiġifieri kompiti pubbliċi elettivi, li jirrigwardaw grupp limitat ta’ persuni li għandhom status partikolari. Din il-projbizzjoni għandha wkoll tul limitat u ma tirrigwardax id-dritt tal-vot. |
43 |
Għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sanzjonijiet simili għall-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex ikkunsidrati, b’mod ġenerali, bħala li għandhom grad ta’ gravità suffiċjenti sabiex jagħtuhom natura kriminali, iktar u iktar meta d-dritt tal-vot ma huwiex affettwat (ara, f’dan is-sens, il-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 13 ta’ Jannar 1997, Tapie vs Franza, CE:ECHR:1997:0113DEC003225896, p. 5, kif ukoll il-Qorti EDB, 18 ta’ Mejju 2021, Galan vs L‑Italja, CE:ECHR:2021:0518DEC006377216, punti 96 u 97). |
44 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ebda wieħed mit-tliet kriterji msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza ma jidher li huwa ssodisfatt u li, konsegwentement, il-projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kompiti pubbliċi elettivi prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li hija ta’ natura kriminali, fatt li, madankollu, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
45 |
Issa, sa fejn ma hijiex ta’ natura kriminali, din il-miżura ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 49(3) tal-Karta. |
46 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal leġiżlazzjoni li tipprevedi, wara proċedura amministrattiva, miżura ta’ projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kull servizz pubbliku elettiv għal tul stabbilit minn qabel ta’ tliet snin kontra persuna li fir-rigward tagħha tkun ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fl-eżerċizzju ta’ tali kompitu, fil-każ fejn din il-miżura ma tkunx ta’ natura kriminali. |
Fuq it‑tieni domanda
47 |
Preliminarjament, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tieni domanda hija magħmula fil-każ li l-projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kompiti pubbliċi elettivi prevista fl-Artikolu 25(2) tal-Liġi Nru 176/2010 għandha titqies li hija ta’ natura kriminali. Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 32 sa 46 ta’ din is-sentenza, din il-projbizzjoni, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ma tidhirx li għandha tali natura, b’tali mod li l-Artikolu 49(3) tal-Karta ma huwiex applikabbli. |
48 |
Madankollu, sa fejn timplimenta d-dritt tal-Unjoni kif ġie indikat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, fi kwalunkwe każ, tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
49 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu osservati minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li timplimentah, inkluż fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2019, Repsol Butano u DISA Gas, C‑473/17 u C‑546/17, EU:C:2019:308, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa meħtieġ li miżura tkun xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex dan jintlaħaq, filwaqt li l-inkonvenjenzi kkawżati minnha ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 56, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Fir-rigward tal-miżuri amministrattivi jew repressivi permessi minn leġiżlazzjoni nazzjonali, dawn il-miżuri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament imfittxija permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20,EU:C:2022:111, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, is-severità tas-sanzjoni imposta għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li hija intiża li tissanzjona (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Maksimovic et, C‑64/18, C‑140/18, C‑146/18 u C‑148/18, EU:C:2019:723, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, it-tieni domanda għandha tiġi rriformulata fis-sens li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi miżura ta’ projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kull kompitu pubbliku elettiv għal perijodu stabbilit minn qabel ta’ tliet snin kontra persuna li fir-rigward tagħha tkun ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fl-eżerċizzju ta’ tali kompitu. |
53 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar qabel kollox li l-Liġi Nru 176/2010, li l-Artikolu 25(2) tagħha jipprevedi l-projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kompiti pubbliċi elettivi għal tul ta’ tliet snin, hija intiża li tiggarantixxi l-integrità u t-trasparenza fl-eżerċizzju tal-kompiti u tal-karigi pubbliċi kif ukoll li tipprevjeni l-korruzzjoni istituzzjonali. L-għanijiet ta’ din il-liġi, li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928, jikkostitwixxu għalhekk għan leġittimu rrikonoxxut mill-Unjoni. |
54 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha kompetenza sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali, fil-każ li tikkonferma l-legalità tar-rapport ta’ evalwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha tevalwa b’mod definittiv jekk, fir-rigward tal-kunflitt ta’ interessi kkonstatat f’dan ir-rapport, din is-sanzjoni hijiex xierqa, neċessarja u proporzjonata għat-twettiq ta’ dan l-għan leġittimu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, tagħti preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-imsemmija qorti f’din l-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-imsemmija sanzjoni hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija, għandu jitfakkar li din isseħħ wara konstatazzjoni mill-ANI, li saret definittiva, ta’ sitwazzjoni illegali ta’ kunflitt ta’ interessi imputabbli lil persuna li teżerċita kompitu pubbliċi elettivi bħal mandat ta’ sindku, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, matul l-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu, b’mod komplementari għat-tmiem ipso jure tal-mandat tagħha. |
56 |
L-impożizzjoni awtomatika ta’ dawn is-sanzjonijiet tippermetti għalhekk li titwaqqaf għal żmien twil is-sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi rrilevata billi jiġi ppreżervat il-funzjonament tal-Istat u tal-korpi elettivi kkonċernati. Barra minn hekk, il-fatt li jiġu previsti kemm it-terminazzjoni ipso jure tal-mandat kif ukoll il-projbizzjoni awtomatika mill-eżerċizzju ta’ kull kompitu pubbliku elettiv u matul tul iddeterminat minn qabel suffiċjentement twil jidher li huwa tali li jiddisswadi lill-persuni li jeżerċitaw mandat elettorali milli jqiegħdu ruħhom f’tali sitwazzjoni u jinkoraġġihom josservaw l-obbligi tagħhom f’dan il-qasam. |
57 |
Minn dan isegwi li l-projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kompitu pubbliċi elettivi għal tul ta’ tliet snin prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher xierqa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex minn din il-leġiżlazzjoni. |
58 |
Fir-rigward tan-natura neċessarja ta’ din is-sanzjoni, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlatur Rumen ippreveda din il-projbizzjoni u stabbilixxa t-tul tagħha għal tliet snin fid-dawl tal-gravità intrinsika għall-funzjonament tal-Istat u tas-soċjetà tal-fatti li jikkostitwixxu sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi. B’hekk, l-imsemmija projbizzjoni hija imposta bħala konsegwenza tan-nuqqas imwettaq minn persuna li teżerċita kompitu pubbliċi elettivi, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, u li huwa ta’ ċerta gravità. |
59 |
Il-leġiżlatur Rumen ippreveda wkoll, fl-Artikolu 301(1) tal-Kodiċi Kriminali, ir-reat ta’ kunflitt ta’ interessi, punibbli b’piena ta’ priġunerija u b’piena addizzjonali ta’ projbizzjoni mill-eżerċizzju tal-kompiti elettivi ta’ tul varjabbli, ta’ bejn sena u ħames snin. |
60 |
Għandu jingħad ukoll li l-portata tal-kunflitti ta’ interessi kif ukoll il-livell ta’ korruzzjoni osservati fis-settur pubbliku nazzjonali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali teċċedix jew le l-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi ggarantita l-integrità u t-trasparenza fl-eżerċizzju tal-kompiti u tal-karigi pubbliċi kif ukoll sabiex tiġi evitata l-korruzzjoni istituzzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Liġi Nru 176/2010 timplimenta t-tieni punt ta’ riferiment li jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928, li hija ta’ natura vinkolanti għar-Rumanija u intiża sabiex sanzjonijiet dissważivi jkunu jistgħu jirriżultaw mid-deċiżjonijiet imperattivi tal-ANI. Din id-deċiżjoni tobbliga wkoll lil dan l-Istat Membru jiġġieled, b’mod effettiv, kontra l-korruzzjoni. |
61 |
Issa, fid-dawl tal-komponent preventiv tal-miżura inkwistjoni, li huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiddisswadi lill-persuni li jeżerċitaw kompiti pubbliċi minn kull preġudizzju għall-integrità tal-kompitu tagħhom, l-iffissar ta’ tul ta’ żmien stabbilit minn qabel sabiex din il-miżura huwa neċessarju, f’tali kuntest nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-effettività tagħha. |
62 |
Barra minn hekk, il-projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kompiti pubbliċi elettivi prevista fl-Artikolu 25(2) tal-Liġi Nru 176/2010 hija limitata ratione temporis u tapplika biss għal ċerti kategoriji ta’ persuni li jeżerċitaw kompiti partikolari. B’mod partikolari, persuna li teżerċita mandat elettorali bħala sindku, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, għandha responsabbiltajiet kif ukoll setgħat kbar u għandha l-missjoni li tirrappreżenta ċ-ċittadini tagħha. |
63 |
Barra minn hekk, din il-projbizzjoni tirrigwarda biss attivitajiet iddefiniti, jiġifieri l-kompiti pubbliċi elettivi, u ma tipprekludix l-eżerċizzju ta’ kull attività professjonali oħra, b’mod partikolari fis-settur privat. |
64 |
Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din, sa fejn timponi sanzjoni ta’ ineliġibbiltà ta’ tul stabbilit minn qabel ta’ tliet snin, ma teċċedix il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan leġittimu li hija tfittex li tilħaq. |
65 |
Fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-miżura inkwistjoni u, b’mod partikolari, tal-adegwatezza tar-rigorożità tagħha meta mqabbla mal-gravità tal-ksur, għandha titfakkar l-importanza li għandha l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur pubbliku f’ċerti Stati Membri u l-prijorità li ngħatat mil-leġiżlatur Rumen għal dan l-għan, li jirrappreżenta rekwiżit reali tas-soċjetà Rumena kif indikat fl-espożizzjoni tal-motivi dwar il-Liġi Nru 176/2010, impost ukoll mid-Deċiżjoni 2006/928. |
66 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-gravità tal-preġudizzju għall-interess pubbliku li jirriżulta mill-atti ta’ korruzzjoni u ta’ kunflitti ta’ interessi, anki l-inqas sinjifikattiv, min-naħa tar-rappreżentanti eletti f’kuntest nazzjonali ta’ riskju għoli ta’ korruzzjoni, il-projbizzjoni mill-eżerċizzju tal-kompiti pubbliċi elettivi ta’ tul stabbilit minn qabel ta’ tliet snin prevista minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tidhirx, bħala prinċipju, sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur li hija intiża li tissanzjona. |
67 |
Madankollu, il-fatt li t-tul ta’ din il-projbizzjoni ma huwa akkumpanjat minn ebda possibbiltà ta’ modulazzjoni kif tikkonferma l-ġurisprudenza tal-Înalta Curte de Casație оi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) ma jippermettix li jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, din is-sanzjoni tista’ tirriżulta sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur li hija tissanzjona. |
68 |
Dan jista’, fil-fatt, ikun il-każ meta, eċċezzjonalment, l-aġir illegali kkonstatat, fid-dawl tal-għan imfittex, ma jkollux element ta’ gravità filwaqt li l-impatt tal-imsemmija sanzjoni fuq is-sitwazzjoni personali, professjonali u ekonomika tal-persuna kkonċernata jirriżulta partikolarment gravi. |
69 |
B’hekk, f’dan il-każ, jekk jitqies li l-legalità tar-rapport ta’ evalwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkonfermata, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk is-severità tas-sanzjoni mġarrba mir-rikorrent fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 25(2) tal-Liġi Nru 176/2010 tibqax adegwata mal-gravità tal-kunflitt ta’ interessi kkonstatat f’dan ir-rapport, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan imfittex minn din il-liġi. |
70 |
Jekk dan ma jkunx il-każ, hija din il-qorti li għandha tinterpreta din il-leġiżlazzjoni, sa fejn huwa possibbli, fis-sens li tippermetti li tiġi imposta sanzjoni proporzjonata iżda tibqa’ effettiva u dissważiva, fl-osservanza tad-Deċiżjoni 2006/928. |
71 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali huma obbligati jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni u li, għalkemm l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, dawn il-qrati nazzjonali, inklużi dawk li jiddeċiedu fl-aħħar istanza, għandhom jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Związek Gmin Zagłębia Miedziowego, C‑566/17, EU:C:2019:390, punti 48 u 49, kif ukoll tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia, C‑34/19, EU:C:2020:148, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
72 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi miżura ta’ projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kull kompitu pubbliku elettiv għal perijodu stabbilit minn qabel ta’ tliet snin kontra persuna li fir-rigward tagħha tkun ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fl-eżerċizzju ta’ tali kompitu sakemm, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni twassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni adegwata mal-gravità tal-ksur li hija tippenalizza, fid-dawl tal-għan li tiġi ggarantita l-integrità u t-trasparenza fl-eżerċizzju tal-kompiti u tal-karigi pubbliċi kif ukoll li tiġi evitata l-korruzzjoni istituzzjonali. Dan ma jkunx il-każ meta, eċċezzjonalment, l-aġir illegali kkonstatat, fid-dawl ta’ dan l-għan, ma jkollux element ta’ gravità filwaqt li l-impatt ta’ din il-miżura fuq is-sitwazzjoni personali, professjonali u ekonomika ta’ din il-persuna jirriżulta li jkun partikolarment gravi. |
Fuq it‑tielet domanda
73 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi miżura ta’ projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ kull servizz pubbliku elettiv matul perijodu stabbilit minn qabel ta’ tliet snin kontra persuna li fir-rigward tagħha tkun ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fl-eżerċizzju ta’ tali kompitu. |
74 |
Fir-rigward tal-Artikolu 15(1) tal-Karta, dan jistabbilixxi d-dritt għax-xogħol u għall-eżerċizzju ta’ professjoni magħżula jew aċċettata liberament. Barra minn hekk, l-eżerċizzju liberu ta’ attività professjonali jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Interseroh Scrap and Metals Trading, C‑1/11, EU:C:2012:194, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
75 |
L-ANI u l-Gvern Rumen iqisu li d-dritt li jiġu eżerċitati kompiti pubbliċi elettivi ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tal-Karta peress li d-dritt li wieħed jiġi elett jagħmel parti mid-drittijiet politiċi, kif tikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-miżura ta’ projbizzjoni ta’ eżerċizzju tal-kompiti pubbliċi elettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni peress li l-proċess elettiv ma jimplikax id-dritt għal persuna partikolari li teżerċita tali kompiti. |
76 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Artikolu 15(1) tal-Karta huwa fformulat b’mod wiesa’, kif juri l-użu tal-kliem “kull persuna”, “taħdem” u “xogħol”. |
77 |
Barra minn hekk, skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), il-libertà professjonali, stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hija rrikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il‑Kummissjoni (4/73, EU:C:1974:51, punti 12 sa 14), tat‑13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, EU:C:1979:290, p. 3727), u tat‑8 ta’ Ottubru 1986, Keller (234/85, EU:C:1986:377, punt 8). L-imsemmija dispożizzjoni hija ispirata wkoll mill-Artikolu 1(2) tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961 u rriveduta fi Strasbourg fit‑3 ta’ Mejju 1996, li tirrikjedi protezzjoni effettiva tad-dritt għall-ħaddiem li jaqla’ l-għajxien tiegħu permezz ta’ xogħol imwettaq liberament, kif ukoll mill-punt 4 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema adottata waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li nżammet fi Strasbourg fid‑9 ta’ Diċembru 1989, li tiddikjara li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-għażla u tal-eżerċizzju ta’ professjoni, skont id-dispożizzjonijiet li jirregolaw kull professjoni. B’hekk, l-Artikolu 15(1) tal-Karta għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ kemm ratione personae kif ukoll ratione materiae, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
78 |
Madankollu, dan il-kamp ta’ applikazzjoni, ikun kemm ikun wiesa’, ma jinkludix id-dritt li jiġi eżerċitat, għal żmien determinat, mandat elettorali miksub wara proċess elettorali demokratiku, bħal dak ta’ sindku. |
79 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-Artikolu 15 tal-Karta jinsab fit-Titolu II tagħha, intitolat “Libertajiet”, filwaqt li dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi għad-dritt ta’ kandidatura għall-elezzjonijiet, jiġifieri l-Artikoli 39 u 40 tal-Karta dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura rispettivament fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali, jinsabu f’titolu separat, jiġifieri t-Titolu V, intitolat “Drittijiet taċ-Ċittadin”. |
80 |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem issaħħaħ ukoll tali interpretazzjoni, peress li din iddeċidiet li d-dritt li jiġi eżerċitat mandat elettorali, miksub wara proċess elettorali, huwa dritt politiku li r-remunerazzjoni tiegħu hija biss korollarja (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 8 ta’ Novembru 2016, Savisaar vs L‑Estonja, ECLI:CE:ECHR:2016:1108DEC000836516, punti 26 u 27). |
81 |
Minn dan isegwi li d-dritt li jiġu eżerċitati kompiti pubbliċi elettivi, b’mod partikolari dawk ta’ sindku, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tal-Karta, b’tali mod li, f’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jistax jinvoka utilment din id-dispożizzjoni. |
82 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 53 tal-Karta, tali interpretazzjoni hija madankollu bla ħsara għall-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw standard ta’ protezzjoni iktar favorevoli tad-dritt għax-xogħol u għall-eżerċizzju liberu tal-attività professjonali rrikonoxxut mill-kostituzzjoni nazzjonali tagħhom, sakemm din l-applikazzjoni ma tikkompromettix il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
83 |
Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu, u jippreċiża, fit-tieni paragrafu tiegħu, li kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. |
84 |
Ir-rikonoxximent tad-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 47, f’każ partikolari, jippreżupponi li l-persuna li tinvokah tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jew li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
85 |
Dan huwa l-każ hawnhekk peress li l-projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ kompiti pubbliċi elettivi għal tul perijodu stabbilit minn qabel ta’ tliet snin, sostnuta mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-każ li l-legalità tar-rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit mill-ANI tkun ikkonfermata, hija prevista mil-Liġi Nru 176/2010 li, kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, timplimenta d-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 47 tal-Karta huwa għalhekk applikabbli għall-kawża prinċipali. |
86 |
F’dak li jikkonċerna l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jidher f’din id-dispożizzjoni jikkonsisti minn diversi elementi, li jinkludu, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u d-dritt ta’ aċċess għall-qrati (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
87 |
Id-dritt għal rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta jimplika b’mod partikolari li d-detentur ta’ dan id-dritt għandu jkun jista’ jkollu aċċess għal qorti kompetenti sabiex sabiex jiżgura r-rispett tad-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantilu u, għal dan il-għan, sabiex jeżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex issolvi t-tilwima li tkun tinsab adita biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata:2019:1074, punt 36). |
88 |
F’dan il-każ, id-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jippreżupponi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-qorti tar-rinviju tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-ANI li jikkontesta lir-rikorrent fil-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, tannulla dan ir-rapport kif ukoll is-sanzjonijiet imposti abbażi tiegħu. |
89 |
Issa, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti mill-ANI jinkludu d-deskrizzjoni tal-fatti, il-perspettiva tal-persuna kkonċernata u l-evalwazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu l-kunflitt ta’ interessi rrilevati. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha kompetenza sabiex teżamina, fil-kuntest tal-istħarriġ li hija għandha teżerċita fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kwistjonijiet kollha rilevanti ta’ liġi u ta’ fatt u, għaldaqstant, fi tmiem dan l-istħarriġ, sabiex tikkonferma jew tinvalida l-eżistenza tal-kunflitt ta’ interessi. Jingħad ukoll li, fil-każ li dik il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-imsemmi rapport ta’ evalwazzjoni huwa illegali, hija għandha s-setgħa li tannullah kif ukoll, konsegwentement, li tinvalida l-miżuri ta’ terminazzjoni tal-mandat u ta’ projbizzjoni ta’ eżerċizzju tal-kompiti pubbliċi elettivi imposti abbażi tiegħu. |
90 |
Iktar minn hekk, mill-punti 69 u 72 ta’ din is-sentenza jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, f’dan il-każ, ir-rekwiżit li tiġi imposta sanzjoni proporzjonata li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni huwa osservat. |
91 |
Fl-aħħar nett, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element tali li joħloq dubju dwar l-effettività tar-rimedji ġudizzjarji previsti fid-dritt Rumen jew dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
92 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun:
|
Fuq l‑ispejjeż
93 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.