This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D0201
Commission Implementing Decision (EU) 2023/201 of 30 January 2023 setting the date on which operations of the Schengen Information System start pursuant to Regulation (EU) 2018/1861 of the European Parliament and of the Council and Regulation (EU) 2018/1862 of the European Parliament and of the Council
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/201 tat-30 ta’ Jannar 2023 li tistabbilixxi d-data ta’ bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen skont ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/201 tat-30 ta’ Jannar 2023 li tistabbilixxi d-data ta’ bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen skont ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
C/2023/775
ĠU L 27, 31.1.2023, p. 29–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
31.1.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 27/29 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/201
tat-30 ta’ Jannar 2023
li tistabbilixxi d-data ta’ bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen skont ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2018/1861 u r-Regolament (UE) 2018/1862 jistabbilixxu r-regoli l-ġodda dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Dawn iżidu l-effettività u jsaħħu l-effiċjenza teknika u operattiva tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u jestendu l-użu tagħha billi jintroduċu kategoriji u funzjonalitajiet ġodda ta’ twissija. Barra minn dan, ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa tip ġdid ta’ twissija mar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2018/1861 jikkostitwixxi l-bażi legali għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat u r-Regolament (UE) 2018/1862 jikkostitwixxi l-bażi legali għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat. Il-fatt li l-bażi legali għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tikkonsisti fi strumenti separati ma jaffettwax il-prinċipju li s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tikkostitwixxi sistema waħda ta’ informazzjoni li jeħtieġ li topera bħala tali. |
(3) |
Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2018/1862, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) lestew l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jimplimentaw ir-regoli l-ġodda kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak nazzjonali, biex ikunu jistgħu jipproċessaw id-data u jiskambjaw informazzjoni supplimentari skont ir-regoli l-ġodda. |
(4) |
Skont ir-Regolament (UE) 2018/1861 u r-Regolament (UE) 2018/1862, ir-regoli l-ġodda għandhom japplikaw fi stadji suċċessivi sabiex ikun hemm biżżejjed żmien biex jiġu stabbiliti l-miżuri u l-arranġamenti legali, operazzjonali u tekniċi meħtieġa. Fuq dik il-bażi, diversi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) 2018/1861 u (UE) 2018/1862 bdew japplikaw fit-28 ta’ Diċembru 2018, fit-28 ta’ Diċembru 2019 u fit-28 ta’ Diċembru 2020, rispettivament. Fir-rigward tal-bidu tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-aktar bidliet kumplessi li għandhom impatt ġenerali fuq l-implimentazzjoni teknika u l-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, dawk ir-Regolamenti jipprevedu mekkaniżmu speċifiku għal bidu differit tal-applikazzjoni biex jiġi żgurat li dawk l-elementi jsiru applikabbli biss wara li jkunu ttieħdu l-passi preparatorji meħtieġa li jippermettu l-operazzjonijiet kontinwi u mhux interrotti tas-sistema. |
(5) |
F’konformità ma’ dak il-mekkaniżmu, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-data li fiha jibdew l-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, wara verifika li l-kundizzjonijiet legali, tekniċi u operazzjonali stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2018/1862 huma ssodisfati. |
(6) |
Il-Kummissjoni vverifikat li l-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2018/1862 ġew adottati; li l-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni li huma għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jipproċessaw id-data tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u jiskambjaw informazzjoni supplimentari skont ir-Regolamenti msemmija u li eu-LISA nnotifikat lill-Kummissjoni dwar it-tlestija b’suċċess tal-attivitajiet kollha ta’ ttestjar fir-rigward tas-SIS Ċentrali u l-interazzjoni bejn funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS Ċentrali (CS-SIS) u s-sistemi nazzjonali (N.SIS). Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita d-data li fiha għandhom jibdew l-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen skont ir-Regolamenti (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2018/1862. |
(7) |
Bis-saħħa tal-Artikolu 66(5) tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Artikolu 79(5) tar-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dawn ir-regolamenti għandhom japplikaw mid-data stabbilita f’din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu tip ġdid ta’ twissija dwar ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen prevista f’dak ir-Regolament għandhom japplikaw mid-data ta’ bidu stabbilita f’din id-Deċiżjoni. |
(8) |
Peress li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi data futura li fiha jibdew l-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, ma hemm l-ebda ħtieġa għal xi perjodu ta’ żmien intermedju bejn id-data tal-pubblikazzjoni u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Għalhekk, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha, |
(9) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1861 u r-Regolament (UE) 2018/1862 u ma hijiex marbuta bihom jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħhom. Madankollu, minħabba li r-Regolament (UE) 2018/1861 u r-Regolament (UE) 2018/1862 jimxu fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, fis-26 ta’ April 2019 innotifikat id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2018/1861 u r-Regolament (UE) 2018/1862 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għaldaqstant, id-Danimarka hija marbuta bid-dritt internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni. |
(10) |
L-Irlanda qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni sa fejn tikkonċerna r-Regolament (UE) 2018/1862, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4), moqri flimkien mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1745 (5). |
(11) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u mir-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis (6) ta’ Schengen li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fil-punt (G) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7). |
(12) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont is-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (8) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9) u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (10). |
(13) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tat-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis (11) ta’ Schengen, li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fil-punt (G) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (12) u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (13). |
(14) |
Fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/365/UE (14) u (UE) 2018/934 (15). |
(15) |
Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu skont is-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen skont ir-Regolament (UE) 2018/1861 u r-Regolament (UE) 2018/1862 se jibdew fis-7 ta’ Marzu 2023.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14.
(2) ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1745 tat-18 ta’ Novembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen dwar il-protezzjoni tad-data u dwar l-implimentazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fl-Irlanda (ĠU L 393, 23.11.2020, p. 3).
(6) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(8) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).
(11) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).
(14) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE tad-29 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 166, 1.7.2010, p. 17).
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/934 tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 37).