This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R0696
Regulation (EU) 2020/696 of the European Parliament and of the Council of 25 May 2020 amending Regulation (EC) No 1008/2008 on common rules for the operation of air services in the Community in view of the COVID-19 pandemic (Text with EEA relevance)
Regolament (UE) 2020/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Regolament (UE) 2020/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
PE/13/2020/REV/1
ĠU L 165, 27.5.2020, p. 1–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32008R1008 | Żieda | artikolu 21a | 28/05/2020 | |
Modifies | 32008R1008 | Żieda | artikolu 25a | 28/05/2020 | |
Modifies | 32008R1008 | Żieda | artikolu 25b | 28/05/2020 | |
Modifies | 32008R1008 | Żieda | artikolu 9 paragrafu 1a | 28/05/2020 | |
Modifies | 32008R1008 | Żieda | artikolu 9 paragrafu 1b | 28/05/2020 | |
Modifies | 32008R1008 | Żieda | artikolu 9 paragrafu 1c | 28/05/2020 | |
Modifies | 32008R1008 | Żieda | artikolu 9 paragrafu 1d | 28/05/2020 | |
Modifies | 32008R1008 | Żieda | kapitolu IVa | 28/05/2020 | |
Modifies | 32008R1008 | Sostituzzjoni | artikolu 1 paragrafu 1 | 28/05/2020 |
27.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 165/1 |
REGOLAMENT (UE) 2020/696 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Mejju 2020
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku tal-ajru bħala riżultat tat-tnaqqis sinifikanti fid-domanda għat-trasport u l-adozzjoni minn Stati Membri u minn pajjiżi terzi ta’ miżuri diretti bħal pereżempju l-għeluq tal-fruntieri u l-projbizzjonijiet tat-traffiku tal-ajru sabiex titrażżan il-pandemija. |
(2) |
Iċ-ċifri ppubblikati mill-Eurocontrol, li hija l-operatur tan-netwerk għall-funzjonijiet tan-netwerk tat-traffiku tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew, jindikaw tnaqqis fit-traffiku tal-ajru ta’ madwar 90 % għar-reġjun Ewropew fi tmiem Marzu 2020, meta mqabbel ma’ Marzu 2019. It-trasportaturi tal-ajru qegħdin jirrapportaw tnaqqis kbir fil-prenotazzjonijiet bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, u qegħdin jikkanċellaw titjiriet għall-perijodi ta’ skedar tax-xitwa 2019-2020 u tas-sajf 2020. It-tnaqqis f’daqqa fid-domanda u r-rata ta’ kanċellazzjonijiet bla preċedent wasslu għal problemi sejri ta’ likwidità għat-trasportaturi tal-ajru. Dawk il-problemi ta’ likwidità huma direttament marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. |
(3) |
It-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni, li kienu finanzjarjament b’saħħithom qabel il-pandemija tal-COVID-19, qed jiffaċċjaw problemi ta’ likwidità li jistgħu jikkawżaw is-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzja operattiva tagħhom jew is-sostituzzjoni tagħha b’liċenzja temporanja, mingħajr ma jkun hemm ħtieġa ekonomika strutturali biex dan iseħħ. L-għoti ta’ liċenzja temporanja skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jista’ jagħti sinjal negattiv lis-suq dwar il-kapaċità ta’ sopravivenza ta’ trasportatur tal-ajru, u dan imbagħad jaggrava kwalunkwe problema finanzjarja li altrimenti tkun temporanja. Abbażi tal-valutazzjoni mwettqa tul il-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, huwa għalhekk xieraq, bil-kundizzjoni li s-sikurezza ma tkunx f’riskju, u li jkun hemm prospett realistiku ta’ rikostruzzjoni finanzjarja sodisfaċenti fi żmien 12-il xahar, li l-liċenzja operattiva ta’ tali trasportaturi tal-ajru ma tiġix sospiża jew revokata. Fi tmiem dan il-perijodu ta’ 12-il xahar, it-trasportatur tal-ajru tal-Unjoni jenħtieġ li jkun soġġett għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. L-obbligu previst fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 li tiġi informata l-Kummissjoni jenħtieġ li japplika wkoll għad-deċiżjonijiet li ma tiġix sospiża jew revokata l-liċenzja operattiva. |
(4) |
Barra mill-miżuri ta’ emerġenza li jistgħu jiġu applikati fil-każ ta’ problemi għall-għarrieda ta’ durata qasira, li jirriżultaw minn ċirkostanzi li ma jistgħux jitbassru u li ma jistgħux jiġu evitati, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrifjutaw, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku sabiex jitrattaw il-problemi li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, li jista’ jkollhom durata estiża. Tali miżuri ta’ emerġenza meħuda fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza, u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji li japplikaw f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. |
(5) |
Fl-ajruporti fejn l-għadd ta’ fornituri tas-servizzi tal-groundhandling huwa limitat skont l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE (3), il-fornituri jistgħu jintgħażlu għal perijodu massimu ta’ seba’ snin. Il-fornituri li għalihom dan il-perijodu ġej fi tmiemu jistgħu, b’konsegwenza ta’ dan, jesperjenzaw diffikultajiet biex jiksbu aċċess għal finanzjament. Dak il-perijodu massimu għalhekk jenħtieġ li jiġi estiż. |
(6) |
Bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, fl-ajruporti fejn l-għadd ta’ fornituri tas-servizzi tal-groundhandling huwa limitat, fornitur wieħed jew bosta fornituri jistgħu jieqfu milli jipprovdu s-servizzi tagħhom f’ajruport speċifiku qabel ma jkun jista’ jintgħażel fornitur ġdid abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 96/67/KE. Fit-tali ċirkostanzi, huwa xieraq li l-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jkun jista’ jiddeċiedi li jagħżel provditur tas-servizzi tal-groundhandling direttament biex jipprovdi s-servizzi għal perijodu massimu ta’ sitt xhur. Jenħtieġ li jiġi mfakkar li, meta l-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jeħtieġ li jakkwista servizzi tal-groundhandling bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 u jkun entità kontraenti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), tapplika dik id-Direttiva. |
(7) |
Jenħtieġ li titwettaq rikostruzzjoni finanzjarja sodisfaċenti bi pjan li jkollu l-mira li jipprevjeni s-sensji u b’garanziji li rikostruzzjoni finanzjarja ma tkunx ta’ detriment għad-drittijiet tal-ħaddiema. Jenħtieġ li l-estensjoni ta’ awtorizzazzjonijiet għal fornituri tas-servizzi tal-groundhandling ikollha l-mira li tħares l-impjiegi u d-drittijiet tal-ħaddiema. |
(8) |
Huwa diffiċli li jitbassru l-iżvilupp ulterjuri tal-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq is-settur tat-trasport bl-ajru. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza kontinwament l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru u, jekk jippersistu l-kundizzjonijiet avversi, jenħtieġ li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li testendi, mingħajr dewmien żejjed, il-perijodu li matulu japplikaw il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament. |
(9) |
Sabiex jiġu estiżi, fejn ikun meħtieġ u ġustifikat, il-perijodu li matulu l-awtoritajiet ta’ liċenzjar kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jissospendux jew ma jirrevokawx il-liċenzji operattivi, il-perijodu li matulu l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku, u l-perijodu li matulu l-kuntratti tal-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling jistgħu jiġu estiżi u li matulu l-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jista’ jagħżel fornitur tas-servizzi tal-groundhandling direttament, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiġi delegat lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
(10) |
Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 li jiġġustifikaw il-miżuri proposti, u b’mod aktar partikolari sabiex jiġu adottati l-miżuri meħtieġa malajr sabiex jiġu indirizzati l-problemi serji u immedjati li qed jaffaċċja s-settur, ġie kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
(11) |
Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jiġi emendat fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
(12) |
It-tifqigħa għall-għarrieda u li ma setgħetx titbassar tal-COVID-19 u l-proċeduri leġislattivi meħtieġa għall-adozzjoni tal-miżuri rilevanti fissru li kien impossibbli li tali miżuri jiġu adottati fil-ħin. Għal din ir-raġuni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopru wkoll perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Minħabba n-natura ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, tali approċċ ma jirriżultax fi ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati. |
(13) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jiġi emendat skont dan. |
(14) |
Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw il-miżuri stabbiliti, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 huwa emendat kif ġej:
(1) |
Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. Dan ir-Regolament jirregola l-liċenzjar tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji, id-dritt tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji li joperaw servizzi tal-ajru intra-Komunitarji, u l-ipprezzar tas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji. Jistabbilixxi wkoll regoli temporanji dwar il-forniment tas-servizzi tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni.”. |
(2) |
Fl-Artikolu 9, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin: “1a. Abbażi tal-evalwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, imwettqa mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji tista’ tiddeċiedi qabel it-tmiem ta’ dak il-perijodu li ma tissospendix jew ma tirrevokax il-liċenzja operattiva tat-trasportatur tal-ajru tal-Unjoni bil-kundizzjoni li s-sikurezza ma tkunx f’riskju, u li jkun hemm prospett realistiku ta’ rikostruzzjoni finanzjarja sodisfaċenti fi żmien it-12-il xahar li jmiss. Għandha tirrieżamina l-prestazzjoni ta’ dan it-trasportatur tal-ajru tal-Unjoni fi tmiem il-perijodu ta’ 12-il xahar u tiddeċiedi jekk il-liċenzja operattiva għandhiex tiġi sospiża jew revokata u jekk għandhiex tingħata liċenzja temporanja abbażi tal-paragrafu 1. 1b. Meta l-Kummissjoni tara, abbażi tad-data ppubblikata mill-Eurocontrol, li hija l-operatur tan-netwerk għall-funzjonijiet tan-netwerk tat-traffiku tal-arju tal-Ajru Uniku Ewropew, li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku tal-ajru qed jippersisti meta mqabbel mal-livell fil-perijodu korrispondenti fl-2019 u li x’aktarx ser ikompli, u tara wkoll li, abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli, bħad-data miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 25a biex temenda dan ir-Regolament billi testendi l-perijodu tal-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 imsemmi fil-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu kif xieraq. 1c. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni bl-użu tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1b. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ sinteżi dwar din il-kwistjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-15 ta’ Novembru 2020. Meta l-kriterji msemmijin fil-paragrafu 1b jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tadotta l-att delegat previst fil-paragrafu 1b malajr kemm jista’ jkun. 1d. Meta, fil-każ ta’ impatt fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 25b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.”. |
(3) |
Jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 21a Miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 1. Minkejja l-Artikolu 21, għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri jistgħu, mingħajr il-ftehim tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 21(1), jirrifjutaw, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku jekk din l-azzjoni tkun meħtieġa sabiex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19. Tali azzjoni għandha tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza u għandha tiġi bbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. 2. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien bit-tali azzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 u dwar id-durata tagħha, u għandu jipprovdilhom raġunijiet adegwati li jiġġustifikaw il-ħtieġa għal dik l-azzjoni. Jekk l-Istat Membru jimmodifika, jissospendi jew jirtira t-tali azzjoni wara li dan ir-Regolament ikun daħal fis-seħħ, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq. 3. Il-Kummissjoni tista’, fuq talba ta’ kwalunkwe Stat Membru jew Stati involuti, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tissospendi l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jekk din ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 1 jew tkun b’xi mod ieħor kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. 4. Meta, abbażi tal-aħjar għarfien, evidenza u data xjentifiċi, bħad-data miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, il-Kummissjoni ssib evidenza u data li jikkonfermaw il-persistenza tal-pandemija tal-COVID-19, li r-rifjuti, il-limitazzjonijiet jew l-impożizzjonijiet ta’ kundizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku mill-Istati Membri x’aktarx ikunu meħtieġa lil hinn mill-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 25a sabiex temenda dan ir-Regolament billi testendi dak il-perijodu kif xieraq. 5. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni bl-użu tal-kriterji msemmijin fil-paragrafu 4. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ sinteżi dwar din il-kwistjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-15 ta’ Novembru 2020. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4 malajr kemm jista’ jkun. 6. Meta, fil-każ ta’ impatt fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 25b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.”. |
(4) |
Jiddaħħal il-Kapitolu li ġej: “KAPITOLU IVa REGOLI TEMPORANJI DWAR IS-SERVIZZI TAL-GROUNDHANDLING Artikolu 24a 1. Permezz ta’ deroga mill-punt (d) tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE (*1)„ il-kuntratti tal-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling magħżula abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(1) ta’ dik id-Direttiva li jiskadu fil-perijodu mit-28 ta’ Mejju 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021 jew l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lilhom jistgħu jiġu estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2022. 2. Permezz ta’ deroga mill-punt (e) tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 96/67/KE„ għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, meta fornitur tas-servizzi tal-groundhandling iwaqqaf l-attività tiegħu qabel tmiem il-perijodu li għalih jkun intgħażel, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, tista’ tagħżel fornitur tas-servizzi tal-groundhandling direttament biex jipprovdi s-servizzi għal perijodu massimu ta’ sitt xhur jew għal perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2020, skont liema jkun l-itwal. 3. Meta l-Kummissjoni tara, abbażi tad-data ppubblikata mill-Eurocontrol, li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku tal-ajru, meta mqabbel mal-livell fil-perijodu korrispondenti fl-2019, qed jippersisti u x’aktarx ikun ser ikompli jippersisti, li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, u li tirriżulta fl-interruzzjoni tal-forniment tas-servizzi tal-groundhandling jew f’diffikultajiet fl-aċċess għal finanzjament għall-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 25a biex temenda dan ir-Regolament billi testendi l-perijodi msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu kif xieraq. 4. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni bl-użu tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ sinteżi dwar din il-kwistjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-15 ta’ Novembru 2020. Meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-att delegat previst fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun. 5. Meta, fil-każ ta’ impatt fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 25b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu. (*1) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36).”." |
(5) |
Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin: “Artikolu 25a Eżerċizzju tad-delega 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 9(1b), 21a(4) u 24a(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ sena mit-28 ta’ Mejju 2020. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 9(1b), 21a(4) u 24a(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ. 4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. 5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 9(1b), 21a(4) and 24a(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. Artikolu 25b Proċedura ta’ urġenza 1. L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza. 2. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25a. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.’. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2020.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A. METELKO-ZGOMBIĆ
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Mejju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36).
(4) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).