Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0046

Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 14 ta' Ġunju 2006 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji, 83/349/KEE dwar kontijiet konsolidati, 86/635/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn u 91/674/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' intrapriżi ta' l-assigurazzjoni Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 224, 16.8.2006, p. 1–7 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/46/oj

16.8.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


DIRETTIVA 2006/46/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta' Ġunju 2006

li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji, 83/349/KEE dwar kontijiet konsolidati, 86/635/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn u 91/674/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' intrapriżi ta' l-assigurazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 44(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Fil-21 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni li ħabbar miżuri sabiex tiġi mmodernizzata l-liġi tal-kumpanniji u tittejjeb it-tmexxija korporattiva fil-Komunità. Bħala prijorità għal perjodu ta' żmien qasir, il-Komunità kellha tikkonferma r-responsabbiltà kollettiva tal-membri tal-bord, iżżid it-trasparenza fit-transazzjonijiet ma' partijiet relatati u arranġamenti li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċi u ttejjeb l-iżvelar dwar il-prattika ta' tmexxija korporattiva applikata f'kumpannija.

(2)

Konformement ma' dak il-Pjan ta' Azzjoni, il-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' sorveljanza ta' kumpannija kellhom, bħala rekwiżit minimu, ikunu kollettivament responsabbli lejn il-kumpannija għat-tfassil u l-pubblikazzjoni ta' kontijiet annwali u ta' rapporti annwali. L-istess approċċ kellu wkoll japplika għall-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' sorveljanza ta' intrapriżi li jfasslu kontijiet konsolidati. Dawk il-korpi jaġixxu fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-liġijiet nazzjonali. Dan ma għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli jmorru lil hinn u jipprovdu għal responsabbiltà diretta lejn l-azzjonisti jew anke lejn il-partijiet interessati oħra. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri kellhom iżommu milli jagħżlu sistema ta' responsabbiltà li tkun limitata għal membri individwali tal-bord. Madankollu, dan m'għandux jipprekludi l-kapaċità tal-qrati jew ta' korpi oħra ta' infurzar fl-Istati Membri milli jimponu penali fuq membru individwali tal-bord.

(3)

Ir-responsabbiltà għat-tfassil u għall-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, kif ukoll għar-rapporti annwali u għar-rapporti annwali konsolidati, hija msejsa fuq il-liġi nazzjonali. Għandhom japplikaw regoli xierqa dwar ir-responsabbiltà, kif stabbiliti minn kull Stat Membru skond il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali tiegħu, għall-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' superviżjoni. L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jiddeterminaw il-limitu tar-responsabbiltà.

(4)

Sabiex jiġu promossi proċedimenti ta' rappurtaġġ finanzjarju kredibbli fl-Unjoni Ewropea kollha, il-membri tal-korp ta' kumpannija li jkun responsabbli għall-preparazzjoni tar-rapporti finanzjarji tal-kumpannija għandhom ikollhom id-dmir li jiżguraw li l-informazzjoni finanzjarja inkluża fil-kontijiet annwali u fir-rapporti annwali tal-kumpannija tagħti stampa vera u ġusta.

(5)

Fis-27 ta' Settembru 2004 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż finanzjarju u korporattiv li esponiet inter alia l-inizjattivi politiċi tal-Kummissjoni dwar il-kontroll intern fil-kumpanniji u r-responsabbiltà ta' membri tal-bord.

(6)

Fil-preżent ir-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE (3) u s-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE (4) jipprovdu biss għall-iżvelar ta' transazzjonijiet bejn kumpannija u l-intrapriżi affiljati tal-kumpannija. Bl-għan li kumpanniji li t-titoli tagħhom ma jkunux ammessi għan-negozju f'suq regolat jitqarrbu lejn kumpanniji li japplikaw standards internazzjonali ta' kontabbiltà għall-kontijiet konsolidati tagħhom, l-iżvelar għandu jkun estiż sabiex ikopri tipi oħra ta' partijiet relatati, bħal membri ewlenin fit-tmexxija u l-konjuġi ta' membri tal-bord, iżda biss fejn dawn it-transazzjonijiet ikunu sostanzjali u ma jkunux qegħdin isiru bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw bejn partijiet mhux relatati. L-iżvelar ta' transazzjonijiet sostanzjali ma' partijiet relatati li ma jsirux taħt kondizzjonijiet tas-suq normali jistgħu jgħinu lill-utenti ta' kontijiet annwali sabiex jivvalutaw il-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpannija kif ukoll, meta l-kumpannija tkun parti minn grupp, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-grupp sħiħ. It-transazzjonijiet bejn partijiet relatati fi grupp għandhom jiġu eliminati fil-preparazzjoni ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati.

(7)

Id-definizzjonijiet ta' parti relatata kif stabbiliti fi standards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati mill-Kummissjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (5), għandhom japplikaw għad-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE.

(8)

L-arranġamenti li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċi jistgħu jesponu lil kumpannija għal riskji u benefiċċji li jkunu importanti għall-valutazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpannija u, meta l-kumpannija tkun tagħmel parti minn grupp, tal-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp sħiħ.

(9)

Tali arranġamenti li ma jkunux jidhru fuq il-karta tal-bilanċi jistgħu jkunu kwalunkwe transazzjoni jew ftehim li l-kumpanniji jistgħu jkollhom ma' entitajiet, anke dawk mhux inkorporati, li ma jkunux inklużi fil-karta tal-bilanċi. Tali arranġamenti li ma jkunux jidhru fuq il-karta tal-bilanċi jistgħu jkunu assoċjati mal-ħolqien jew l-użu ta' waħda jew aktar Entitajiet għal Skop Speċjali (SPE's) u attivitajiet offshore imfassla sabiex jindirizzaw inter alia għanijiet ekonomiċi, legali, fiskali jew relatati mal-kontabbiltà. Bħala eżempji ta' arranġamenti li ma jkunux jidhru fuq il-karta tal-bilanċi hemm arranġamenti dwar qsim ta' riskji u ta' benefiċċji jew obbligi kuntrattwali bħal debt factoring, ftehimiet konġunti ta' bejgħ u xiri mill-ġdid, arranġamenti dwar consignment stock, arranġamenti ta' take or pay, securitisation permezz ta' kumpanniji separati u entitajiet mhux inkorporati, l-irbit ta' assi b'kuntratti ta' rahan, arranġamenti ta' operating lease, outsourcing u simili. L-iżvelar adegwat tar-riskji u l-benefiċċji sostanzjali ta' arranġamenti bħal dawn li ma jkunux inklużi fil-karta tal-bilanċi għandhom ikunu esposti fin-noti mal-kontijiet jew mal-kontijiet konsolidati.

(10)

Il-kumpanniji li t-titoli tagħhom ikunu ammessi għan-negozju f'suq regolat u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fil-Komunità, għandhom ikunu obbligati li jagħmlu dikjarazzjoni annwali dwar it-tmexxija korporattiva bħala taqsima speċifika u manifestament identifikabbli tar-rapport annwali. Dik id-dikjarazzjoni għandha għall-inqas tipprovdi lill-azzjonisti b'informazzjoni ewlenija, li tkun faċilment aċċessibbli, dwar il-prattika ta' tmexxija korporattiva li tkun attwalment applikata, inkluża deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin ta' kwalunkwe sistema ta' mmaniġġar tar-riskju u ta' kontrolli interni eżistenti b'relazzjoni mal-proċess ta' rappurtaġġ finanzjarju. Id-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva għandha turi b'mod ċar jekk il-kumpannija tapplikax xi dispożizzjonijiet dwar it-tmexxija korporattiva diversi minn dawk previsti fil-liġi nazzjonali, ikunux jew le dawk id-dispożizzjonijiet stipulati direttament f'kodiċi ta' tmexxija korporattiva li jkun jiggverna l-kumpannija jew fi kwalunkwe kodiċi ta' tmexxija korporattiva li l-kumpannija tista' tkun iddeċidiet li tapplika. Barra minn hekk, fejn ikun relevanti, il-kumpanniji jistgħu wkoll jipprovdu analiżi ta' l-aspetti ambjentali u soċjali meħtieġa sabiex wieħed jifhem l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-kumpannija. M'hemmx ħtieġa li jiġi mpost ir-rekwiżit ta' dikjarazzjoni separata dwar it-tmexxija korporattiva fuq intrapriżi li jagħmlu rapport annwali konsolidat. Madankollu, l-informazzjoni dwar is-sistema ta' mmaniġġar tar-riskju u s-sistema tal-kontroll intern tal-grupp għandha tiġi ppreżentata.

(11)

Il-miżuri diversi adottati taħt din id-Direttiva m'għandhomx neċessarjament japplikaw għall-istess tipi ta' kumpanniji jew intrapriżi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżentaw kumpanniji żgħar, kif deskritti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 78/660/KEE, mir-rekwiżiti dwar partijiet relatati u arranġamenti li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċi taħt din id-Direttiva. Il-kumpanniji li diġà jiżvelaw informazzjoni dwar transazzjonijiet ma' partijiet relatati fil-kontijiet tagħhom skond standards internazzjonali tal-kontabbiltà kif adottati fl-Unjoni Ewropea m'għandhomx ikunu meħtieġa li jiżvelaw aktar informazzjoni skond din id-Direttiva, billi l-applikazzjoni ta' l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà tkun diġà qiegħda tagħti stampa vera u ġusta ta' tali kumpannija. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva relattivi għad-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva għandhom japplikaw għall-kumpanniji kollha, inklużi banek, intrapriżi ta' l-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u kumpanniji li jkunu ħarġu titolidiversi minn titoli ammessi għan-negozju f'suq regolat sa fejn dawn ma jkunux eżentati mill-Istati Membri. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet ta' membri tal-bord kif ukoll dwar il-penali għandhom japplikaw għall-kumpanniji kollha li għalihom japplikaw id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE, 86/635/KEE (6) u 91/674/KEE (7), u għall-intrapriżi kollha li jfasslu kontijiet konsolidati skond id-Direttiva 83/349/KEE.

(12)

Fil-preżent id-Direttiva 78/660/KEE tipprovdi li jsir eżami kull ħames snin ta', inter alia, il-limiti operattivi għall-karta tal-bilanċi u għat-turnover nett li l-Istati Membri jistgħu japplikaw sabiex jiddeterminaw liema kumpanniji jistgħu jiġu eżentati minn ċerti rekwiżiti ta' żvelar. Minbarra dawk l-eżamijiet ta' kull ħames snin, tista' tkun xierqa wkoll żieda ta' darba, addizzjonali, f'dawk il-limiti operattivi għall-karta tal-bilanċi u għat-turnover nett. M'hemm l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jagħmlu użu minn dawk il-limiti operattivi miżjuda.

(13)

Peress li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jitħaffu l-investimenti transkonfinali u li jittejbu l-komparabbiltà fl-UE kollha u l-kunfidenza tal-pubbliku fid-dikjarazzjonijiet u rapporti finanzjarji permezz ta' zvelar speċifiku mtejjeb u konsistenti, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' din id-Direttiva, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(14)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(15)

Skond il-paragrafu 34 tal-ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (8), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li, sa fejn ikun possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(16)

Id-Direttivi 78/660/KEE, 83/349/KEE, 86/635/KEE u 91/674/KEE għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 78/660/KEE

Id-Direttiva 78/660/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

1)

fl-Artikolu 11, l-ewwel paragrafu għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel inċiż il-kliem “total tal-karta tal-bilanċi: EUR 3 650 000” għandu jinbidel bil-kliem “total tal-karta tal-bilanċi: EUR 4 400 000”;

(b)

fit-tieni inċiż il-kliem “turnover nett: EUR 7 300 000” għandu jinbidel bil-kliem “turnover nett: EUR 8 800 000”;

2)

fl-Artikolu 11, it-tielet paragrafu, il-kliem “id-Direttiva li tistabbilixxi dawk l-ammonti bħala konsegwenza tar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 53(2)” għandu jinbidel bi'“kwalunkwe Direttiva li tistabbilixxi dawk l-ammonti”;

3)

fl-Artikolu 27, l-ewwel paragrafu għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel inċiż il-kliem “total tal-karta tal-bilanċi: EUR 14 600 000” għandu jinbidel bil-kliem “total tal-karta tal-bilanċi: EUR 17 500 000”;

(b)

fit-tieni inċiż il-kliem “turnover nett: EUR 29 200 000” għandu jinbidel bil-kliem “turnover nett: EUR 35 000 000”;

4)

fl-Artikolu 27, it-tielet paragrafu, il-kliem “id-Direttiva li tistabbilixxi dawk l-ammonti bħala konsegwenza tar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 53(2)” għandhom jinbidlu bi “kwalunkwe Direttiva li tistabbilixxi dawk l-ammonti”.

5)

fl-Artikolu 42a, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“(5a)   B'deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4, l-Istati Membri jistgħu, skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà kif adottati mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1725/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), kif emendat sa 5 ta' Settembru 2006 jippermettu jew jesiġu valutazzjoni ta' strumenti finanzjarji, flimkien mar-rekwiżiti assoċjati ta' żvelarli hemmstipulati fl-istandardsinternazzjonali tal-kontabbiltà adottati skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabbiltà (**).

(*)  ĠU L 261, 13.10.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 108/2006 (ĠU L 24, 27.1.2006, p. 1)."

(**)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.”"

6)

fl-Artikolu 43(1), għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(7a)

in-natura u l-iskop tan-negozju ta' l-arranġamenti tal-kumpannija li ma jkunux inklużi fil-karta tal-bilanċi, u l-impatt finanzjarju fuq il-kumpannija ta' dawk l-arranġamenti, sakemm ir-riskji jew benefiċċji minn tali arranġamenti jkunu sostanzjali u sa fejn l-iżvelar ta' tali riskji jew benefiċċji jkun meħtieġ sabiex tiġi evalwata l-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpannija.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 27 sabiex jillimitaw l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkun meħtieġ taħt dan il-punt san-natura u l-iskop tan-negozju ta' tali arranġamenti;

(7b)

transazzjonijiet magħmula mill-kumpannija ma' partijiet relatati, inklużi l-ammont ta' tali transazzjonijiet, in-natura tar-relazzjoni mal-partijiet relatati u informazzjoni oħra dwar it-transazzjonijiet li jkunu meħtieġa sabiex tinftiehem il-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpannija, jekk tali transazzjonijiet ikunu sostanzjali u ma kienux konklużi taħt kondizzjonijiet normali tas-suq. L-informazzjoni dwar transazzjonijiet individwali tista' tiġi aggregata skond in-natura tagħhom, ħlief meta tkun meħtieġa informazzjoni separata sabiex jinftiehmu l-effetti tat-transazzjonijiet ma' partijiet relatati fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpannija.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 27 ma jiżvelawx dak li huwa stipulat f'dan il-punt sakemm dawk il-kumpanniji jkunu ta' tip imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/91/KEE, f'liema każ l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-iżvelar għal, bħala minimu, dawk it-transazzjonijiet li jsiru, direttament jew indirettament, bejn:

(i)

il-kumpannija u l-akbar azzjonisti tagħha,

u

(ii)

il-kumpannija u l-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' sorveljanza tagħha.

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw transazzjonijiet magħmula bejn żewġ membri jew aktar ta' grupp, sakemm is-sussidjarji li jkollhom parti fit-transazzjoni jkunu kollha kemm huma proprjetà ta' tali membru.

‘Parti relatata’ għandha l-istess tifsira bħal fl-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002.”

7)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 46a

1.   Kumpannija li t-titoli tagħha jkunu ammessi għan-negozju f'suq regolat, fis-sens tal-punt (14) ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq ta' strumenti finanzjarji (***), għandha tinkludi dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva fir-rapport annwali tagħha. Dik id-dikjarazzjoni għandha tkun inkluża bħala taqsima speċifika tar-rapport annwali u għandha jkollha ta' l-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

referenza:

(i)

għall-kodiċi ta' tmexxija korporattiva li jiggverna lill-kumpannija,

u/jew

(ii)

għall-kodiċi ta' tmexxija korporattiva li l-kumpannija setgħet volontarjament iddeċidiet li tapplika,

u/jew

(iii)

għall-informazzjoni kollha relevanti dwar il-prattika ta' tmexxija korporattiva applikata lil hinn mir-rekwiżiti taħt il-liġi nazzjonali.

Fejn japplikaw il-punti (i) u (ii), il-kumpannija għandha ukoll tindika fejn it-testi relevanti jinsabu disponibbli għall-pubbliku; fejn japplika l-punt (iii), il-kumpannija għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-prattika tagħha ta' tmexxija korporattiva;

(b)

sa fejn kumpannija, skond il-liġi nazzjonali, ma ssegwix il-kodiċi ta' tmexxija korporattiva msemmi fil-punti (a)(i) jew (ii), spjegazzjoni mill-kumpannija dwar liema partijiet tal-kodiċi ta' tmexxija korporattiva hija ma ssegwix u r-raġunijiet għal dan. Fejn kumpannija ddeċidiet li ma ssegwix xi dispożizzjonijiet tal-kodiċi ta' tmexxija korporattiva msemmi fil-punti (a)(i) jew (ii), hija għandha tispjega r-raġunijiet tagħha għal dan;

(ċ)

deskrizzjoni tal-fatturi ewlenin tas-sistemi tal-kumpannija ta' kontroll intern u ta' l-immaniġġar tar-riskju fir-rigward tal-proċess ta' rappurtaġġ finanzjarju;

(d)

l-informazzjoni meħtieġa mill-punti (ċ), (d), (f), (h) u (i) ta' l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar offerti ta' xiri (****), fejn il-kumpannija tkun suġġetta għal dik id-Direttiva;

(e)

ħlief jekk l-informazzjoni tkun diġa prevista fil-liġijiet jew regolamenti nazzjonali, l-operat tal-laqgħa ta' l-azzjonisti u s-setgħat ewlenin tagħha, u deskrizzjoni tal-jeddijiet ta' l-azzjonisti u kif dawn jistgħu jiġu eżerċitati;

(f)

il-kompożizzjoni u l-operazzjoni tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' sorveljanza u l-kumitati tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-informazzjoni meħtieġa minn dan l-Artikolu titqiegħed f'rapport separat pubblikat flimkien mar-rapport annwali bil-mod stabbilit fl-Artikolu 47, jew permezz ta' referenza fir-rapport annwali li turi fejn dan id-dokument ikun disponibbli għall-pubbliku fuq il-website tal-kumpannija. Fil-każ li jsir rapport separat, id-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva tista' tinkludi referenza għar-rapport annwali fejn l-informazzjoni meħtieġa fil-paragrafu 1, punt (d) tkun disponibbli. It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 51 (1)għandu japplika għad-dispożizzjonijiet tal-punti (ċ) u (d) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Għall-bqija ta' l-informazzjoni, l-awditur statutorju għandu jivverifika li d-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva tkun ġiet prodotta.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw kumpanniji li jkunu ħarġu biss titoli diversi minn ishma ammessi għan-negozju f'suq regulat, fis-sens tal-punt (14) ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, milli japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-punti (a), (b), (e) u (f) tal-paragrafu 1, ħlief jekk dawn il-kumpanniji jkunu ħarġu ishma li jkunu negozjati f'sistema ta' negozju multilaterali, fis-sens tal-punt (15) ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE.

(***)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1."

(****)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12.”"

8)

għandha tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

“TAQSIMA 10A

Id-dmir u r-responsabbiltà tat-tfassil u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali u tar-rapport annwali

Artikolu 50b

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' sorveljanza tal-kumpannija jkollhom kollettivament id-dmir li jiżguraw li l-kontijiet annwali, ir-rapporti annwali u, meta prodotti separatament, id-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva li għandha tiġi provduta skond l-Artikolu 46a, ikunu mfassla u pubblikati skond ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u, fejn ikun applikabbli, skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002. Tali korpi għandhom jaġixxu skond il-kompetenzi assenjati lilhom mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 50c

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom dwar ir-responsabbiltà japplikaw għall-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' sorveljanza msemmija fl-Artikolu 50b ta' din id-Direttiva, għall-inqas lejn il-kumpannija, għall-ksur tad-dmir imsemmi fl-Artikolu 50b.”

9)

l-Artikolu 53a għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 53a

L-Istati Membri ma għandhomx jagħmlu disponibbli l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 11, 27, 43(1), punti (7a) u (7b), 46, 47 u 51 fil-każ ta' kumpanniji li t-titoli tagħhom ikunu ammessi għan-negozju f'suq regulat fis-sens tal-punt (14) ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE.”

10)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 60a

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implementati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

11)

l-Artikolu 61a għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 61a

Mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 42a sa 42f, fl-Artikolu 43(1)(10) u (14), fl-Artikolu 44(1), fl-Artikolu 46(2)(f) u fl-Artikolu 59(2)(a) u (b) fid-dawl ta' l-esperjenza meħuda fl-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-kontabbiltà fir-rigward tal-valur ġust, b'kont meħud partikolarment ta' l-IAS 39 kif approvat skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002, u b'kont meħud ta' l-iżviluppi internazzjonali fil-qasam tal-kontabbiltà u, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-ħsieb li jiġu emendati l-Artikoli msemmija hawn fuq.”

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 83/349/KEE

Id-Direttiva 83/349/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 34 għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(7a)

In-natura u l-iskop tan-negozju ta' kwalunkwe arranġament li ma jkunx inkluż fil-karta tal-bilanċi konsolidata, u l-impatt finanzjarju ta' tali arranġamenti, sakemm ir-riskji jew benefiċċji minn tali arranġamenti jkunu sostanzjali u sa fejn l-iżvelar ta' tali riskji jew benefiċċji jkunu meħtieġa sabiex tiġi valutata l-pożizzjoni finanzjarja ta' l-intrapriżi inklużi fil-konsolidazzjoni kkunsidrata globalment.

(7b)

It-transazzjonijiet, ħlief għal transazzjonijiet fi ħdan il-grupp, magħmula mill-impriża prinċipali, jew minn impriżi oħra inklużi fil-konsolidazzjoni, ma' partijiet relatati, inklużi l-ammonti ta' dawn it-transazzjonijiet, in-natura tar-relazzjoni mal-partijiet relatati kif ukoll informazzjoni oħra dwar it-transazzjonijiet meħtieġa sabiex tinftiehem il-pożizzjoni finanzjarja ta' l-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni kkunsidrata globalment, jekk dawn it-transazzjonijiet ikunu sostanzjali u ma kienux konklużi taħt kondizzjonijiet normali tas-suq. L-informazzjoni dwar transazzjonijiet individwali tista' tiġi aggregata skond in-natura tagħhom, ħlief meta tkun meħtieġa informazzjoni separata sabiex jinftehmu l-effetti tat-transazzjonijiet ma' partijiet relatati dwar il-pożizzjoni finanzjarja ta' l-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni kkunsidrata globalment.”

2.

fl-Artikolu 36(2), għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

deskrizzjoni ta' l-aspetti ewlenin tas-sistemi ta' kontroll intern u ta' l-immaniġġar tar-riskju tal-grupp fir-rigward tal-proċess għall-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati, fejn impriża jkollha t-titoli tagħha ammessi għan-negozju f'suq regolat, fis-sens ta' l-Artikolu 4(1), punt (14) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq ta' strumenti finanzjarji (*****). Fil-każ li r-rapport annwali konsolidat u r-rapport annwali jiġu preżentati bħala rapport wieħed, din l-informazzjoni għandha tkun inkluża fit-taqsima tar-rapport li tinkludi d-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva kif prevista fl-Artikolu 46a tad-Direttiva 78/660/KEE.

Jekk Stat Membru jippermetti li l-informazzjoni meħtieġa mill-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 46a tad-Direttiva 78/660/KEE titqiegħed f'rapport separat pubblikat flimkien mar-rapport annwali bil-mod stipulat fl-Artikolu 47 ta' dik id-Direttiva, l-informazzjoni provduta taħt l-ewwel subparagrafu għandha wkoll tagħmel parti minn dak ir-rapport separat. Għandu japplika t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 37(1) ta' din id-Direttiva.

(*****)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.”"

3.

għandha tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

“TAQSIMA 3A

Id-dmir u r-responsabbiltà għat-tfassil u għall-pubblikazzjoni tal-kontijiet konsolidati u tar-rapport annwali konsolidat

Artikolu 36a

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' sorveljanza ta' impriżi li jfasslu l-kontijiet konsolidati u r-rapport annwali konsolidat ikollhom kollettivament id-dmir li jiżguraw li l-kontijiet konsolidati, ir-rapport annwali konsolidat u, meta prodotta separatament, id-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva li għandha tiġi provduta skond l-Artikolu 46a tad-Direttiva 78/660/KEE jitfasslu u jiġu pubblikati skond ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u, fejn ikun applikabbli, skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabbiltà (******). Tali korpi għandhom jaġixxu fil-limiti tal-kompetenzi assenjati lilhom mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 36b

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom dwar ir-responsabbiltà japplikaw għall-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' sorveljanza msemmija fl-Artikolu 36a, għall-inqas lejn l-impriża li tfassal il-kontijiet konsolidati, għall-ksur tad-dmir imsemmi fl-Artikolu 36a.

(******)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.”"

4.

fl-Artikolu 41, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   ‘Parti relatata’ għandha l-istess tifsira li għandha fl-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà, adottati skondir-Regolament (KE) Nru 1606/2002.”

5.

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 48

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implementati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 86/635/KEE

L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 86/635/KEE għandha tinbidel b'dan li ġej:

“L-Artikoli 2, 3, 4(1), (3) sa (6), l-Artikoli 6, 7, 13, 14, 15(3) u (4), l-Artikoli 16 sa 21, 29 sa 35, 37 sa 41, 42 l-ewwel sentenza, 42a sa 42f, 45(1), 46(1) u (2), 46a, l-Artikoli 48 sa 50, 50a, 50b, 50ċ, 51(1) u 51a, 56 sa 59, 60a, 61 u 61a tad-Direttiva 78/660/KEE għandhom japplikaw għall-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva, ħlief fejn din id-Direttiva tipprovdi mod ieħor.”

Artikolu 4

Emendi għad-Direttiva 91/674/KEE

L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/674/KEE għandha tinbidel b'dan li ġej:

“L-Artikoli 2, 3, 4(1), (3) sa (6), l-Artikoli 6, 7, 13, 14, 15(3) u (4), l-Artikoli 16 sa 21, 29 sa 35, 37 sa 41, 42, 42a sa 42f, 43 (1), punti 1 sa 7b u 9 sa 14, 45(1), 46(1) u (2), 46a, 48 sa 50, 50a, 50b, 50ċ, 51(1), 51a, 56 sa 59, 60a, 61 u 61a tad-Direttiva 78/660/KEE għandhom japplikaw għall-intrapriżi msemmija fl-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva, ħlief fejn din id-Direttiva tipprovdi mod ieħor.”

Artikolu 5

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 5 ta' Settembru 2008.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar l-14 ta’ Ġunju 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 294, 25.11.2005, p. 4.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2006.

(3)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

(4)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/43/KE.

(5)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 178, 17.7.2003, p. 16).

(7)  ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2003/51/KE.

(8)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


Top