Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea

Proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 1896/2006 — il-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Ir-regolament joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea għal talbiet mhux ikkontestati mill-konvenut. Dan jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż tal-litigazzjoni f’każijiet li jinvolvu aktar minn pajjiż tal-UE wieħed.
  • Jippermetti wkoll iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ ordnijiet ta’ ħlas Ewropej li huma rikonoxxuti u infurzati fill-pajjiżi tal-UE kollha.
  • Dan japplika għall-pajjiżi tal-UE kollha minbarra d-Danimarka.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (EOP) tapplika għall-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali kollha f’każijiet fejn tal-inqas waħda mill-partijiet tgħix f’pajjiż tal-UE differenti minn dak fejn issir l-applikazzjoni għal ordni.

Il-proċedura ma tapplikax għal ċerti kwistjonijiet, bħal:

  • dħul, dwana jew kwistjonijiet amministrattivi,
  • responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità ta’ Stat,
  • sistemi ta’ proprjetà li toriġina miż-żwieġ,
  • falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpaniji insolventi jew persuni ġuridiċi oħra, u arranġamenti ġudizzjarji,
  • sigurtà soċjali,
  • talbiet li joriġinaw minn obbligi mhux kuntrattwali, sakemm ma kienx hemm ftehim bejn il-partijiet jew ammissjoni ta’ debitu, jew għandhom x’jaqsmu ma’ debiti likwidi li joriġinaw minn sjieda konġunta ta’ proprjetà.

Proċess ta’ applikazzjoni

  • Ir-regolament jinkludi formola standard għall-applikazzjoni ma’ qorti għal EOP.
  • It-talba trid tkun għal ammont speċifiku li huwa dovut fiż-żmien li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni.
  • Il-ġurisdizzjoni tal-qrati hija ddeterminata mir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1215/2012.
  • Il-qorti li lilha ssir applikazzjoni tqis jekk id-diversi kundizzjonijiet ġewx issodisfati (in-natura transkonfinali tal-każ fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, il-ġurisdizzjoni tal-qorti, eċċ.) malajr kemm jista’ jkun, kif ukoll jekk it-talba tidhirx li hija fondata sew.
  • Il-qorti trid tinforma lill-applikant bir-raġunijiet tagħha għaċ-ċaħda ta’ talba. F’dak il-każ, ma hemm ebda dritt ta’ appell, iżda l-pretendent jista’ japplika għal EOP mill-ġdid jew jagħmel użu minn proċedura oħra disponibbli taħt id-dritt ta’ pajjiż tal-UE.

Il-ħruġ ta’ EOP

  • Jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-qorti toħroġ EOP malajr kemm jista’ jkun u normalment fi żmien 30 jum minn meta titressaq l-applikazzjoni.
  • EOP tinħareġ biss fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-pretendent jekk it-talba tidher li tkun fondata sew.
  • Sakemm il-konvenut ma jippreżentax dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni mal-qorti li toħroġha, hija awtomatikament rikonoxxuta u infurzata f’pajjiżi tal-UE oħrajn mingħajr ebda possibbiltà oħra li jiġi oppost ir-rikonoxximent tagħha.
  • Il-proċeduri ta’ infurzar huma rregolati mid-dritt nazzjonali tal-pajjiż tal-UE fejn jintalab l-infurzar tal-EOP.

In-notifika ta’ EOP lill-konvenut

EOP tiġi notifikata lill-konvenut b’konformità mad-dritt nazzjonali tal-pajjiż fejn tiġi notifikata. Il-metodi possibbli ta’ notifika ta’ EOP, bi prova li waslet għand il-konvenut jew mingħajrha, huma stabbiliti fir-regolament.

Oppożizzjoni għal EOP

  • Il-konvenut jista’ jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni mal-qorti li ħarġet l-ordni ta’ ħlas. Din trid tintbagħat fi żmien 30 ġurnata min-notifika tal-EOP.
  • Meta konvenut jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, il-proċedimenti ċivili ordinarji jkomplu quddiem il-qrati kompetenti tal-pajjiż tal-UE fejn tkun inħarġet l-EOP, sakemm il-pretendent ma jkunx jixtieq ikompli l-proċedimenti.

Il-konvenut jista’ japplika għal reviżjoni tal-EOP quddiem il-qorti kompetenti wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien ta’ 30 ġurnata mill-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, jekk:

  • l-ordni ta’ ħlas tkun ġiet notifikata mingħajr dikjarazzjoni li waslet għand il-konvenut u mhux fi żmien suffiċjenti biex titħejja difiża,
  • il-konvenut ma tħalliex joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta’ force majeure jew minħabba ċirkostanzi straordinarji,
  • l-ordni ta’ ħlas kjarament inħarġet ħażin.

Jekk il-qorti tiċħad l-applikazzjoni tal-konvenut, l-EOP tibqa’ fis-seħħ. Jekk, min-naħa l-oħra, il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni hija ġġustifikata, l-EOP issir nulla u mingħajr effett.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2008.

SFOND

Proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea

Formoli tal-Ordni ta' Ħlas Ewropea (Portal Ewropew e-Ġustizzja)

ATT

Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1-32).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq Proċedura għal Ordni ta’ Ħlas Ewropea (COM(2015) 495 final tat-13.10.2015)

l-aħħar aġġornament 25.01.2016

Top