Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-liv tal-ġenituri

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw' for an updated information about the subject.

Il-liv tal-ġenituri

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2010/18/UE dwar il-ftehim qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din timplimenta l-ftehim qafas rivedut dwar il-liv tal-ġenituri konkluż mill-imsieħba soċjali Ewropej fit-18 ta’ Ġunju 2009.

PUNTI EWLENIN

  • Il-ħaddiema huma intitolati għal-liv tal-ġenituri mat-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild. Dan il-liv jista’ jittieħed sakemm il-wild jilħaq età ddeterminata mil-liġi nazzjonali u/jew ftehimiet kollettivi, iżda qabel l-età ta’ tmien snin.
  • Din id-direttiva tapplika bl-istess mod għall-ħaddiema kollha, irġiel u nisa, irrispettivament mit-tip ta’ kuntratt ta’ impjieg tagħhom (għal perjodu indeterminat, għal żmien fiss, part-time jew temporanju).
  • Il-liv tal-ġenituri għandu jingħata mill-inqas għal perijodu ta’ erba’ xhur bħala dritt individwali taż-żewġ ġenituri. Fil-prinċipju, il-ħaddiema għandhom ikunu kapaċi jieħdu l-liv kollu tagħhom. B’hekk ma għandux ikun jista’ jiġi ttrasferit minn ġenitur għal ieħor. Madankollu, tali trasferimenti jistgħu jkunu awtorizzati sakemm kull ġenitur iżomm mill-inqas wieħed mill-erba’ xhur ta’ liv bl-għan li ż-żewġ ġenituri jitħeġġu jieħdu l-liv tal-ġenituri b’mod iktar ugwali. Id-direttiva tistabbilixxi standards minimi, sabiex l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli.

It-teħid tal-liv

  • Il-kundizzjonijiet tal-aċċess għal-liv u l-kundizzjonijiet għat-teħid tal-liv għandhom ikunu definiti mil-liġi nazzjonali u/jew ftehimiet kollettivi. Pereżempju, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu:
    • jipprovdu għall-għoti tal-liv fuq bażi full-time jew part-time, b’mod frammentat jew b’sistema ta’ kreditu ta’ ħin, b’konsiderazzjoni tal-bżonnijiet kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema;
    • jagħmlu d-dritt għal-liv tal-ġenituri soġġett għal kwalifikazzjoni għal perijodu ta’ servizz fix-xogħol li ma għandux jaqbeż sena. Fejn applikabbli, dak il-perjodu għandu jiġi kkalkolat filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntratti kollha suċċessivi għal żmien fiss konklużi mal-istess persuna li tħaddem;
    • jistabbilixxu ċ-ċirkustanzi li fihom min iħaddem huwa awtorizzatjipposponi l-liv, għal raġunijiet ġustifikabbli relatati mal-operat tal-organizzazzjoni;
    • jawtorizzaw arranġamenti speċjali biex jiżguraw l-operat xieraq ta’ impriżi żgħar.
  • Il-ħaddiema li jkunu jixtiequ jieħdu l-liv tal-ġenituri jridu javżaw lil min iħaddem. Il-perijodu ta’ avviż għandu jkun speċifikat f’kull Stat Membru filwaqt li jiġu kkunsidrati l-interessi tal-ħaddiema kif ukoll ta’ min iħaddem.
  • Id-direttiva tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri u/jew lill-imsieħba soċjali jiddefinixxu miżuri addizzjonali u/jew kundizzjonijiet speċifiċi għat-teħid tal-liv minn ġenituri li jadottaw u ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà jew marda fit-tul.

Id-dħul lura x-xogħol u n-nondiskriminazzjoni

  • Wara li jieħdu l-liv tal-ġenituri, il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt jirritornaw għall-istess impjieg. Jekk dan ma jkunx possibbli, min iħaddem għandu jipprovdilhom impjieg ekwivalenti jew simili konsistenti mal-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom.
  • Barra minn hekk, id-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jkunu miksuba mill-ħaddiem fid-data li fiha jibda l-liv tal-ġenituri:
    • iridu jinżammu kif inhuma sa meta jintemm il-liv;
    • iridu japplikaw fl-aħħar tal-liv, bħall-bidliet kollha li jirriżultaw mil-liġi, ftehimiet kollettivi u/jew il-prattika nazzjonali.
  • B’mod simili, il-ħaddiema għandhom ikunu protetti kontra trattament inqas favorevoli jew tkeċċija abbażi ta’ applikazzjoni għal-liv tal-ġenituri jew it-teħid tiegħu.
  • L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali nazzjonali jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mas-sigurtà soċjali u d-dħul b’rabta mal-liv tal-ġenituri. Għaldaqstant il-ftehim ma jinkludix regoli dwar il-ħlas ta’ salarju jew kumpens matul il-liv tal-ġenituri.
  • Finalment, malli jirritornaw mil-liv, il-ħaddiema jridu jkunu kapaċi jitolbu tibdil fil-ħinijiet u/jew fl-arranġamenti tax-xogħol għal perijodu stipulat ta’ żmien. Min iħaddem għandu jikkunsidra u jwieġeb għal tali talbiet, b’konsiderazzjoni kemm għall-bżonnijiet tiegħu kif ukoll tal-ħaddiema.

Liv abbażi ta’ “forza maġġuri (ċirkustanzi imprevedibbli)

  • Il-ħaddiema jistgħu jitolbu wkoll il-liv abbażi ta’ forza maġġuri għal raġunijiet tal-familja. Dan il-liv jista’ jintalab b’mod partikolari f’każijiet ta’ mard jew aċċident li jagħmel il-preżenza immedjata tal-ħaddiem mal-familja indispensabbli.

Revoka

Id-direttiva ser titħassar mid-direttiva dwar il-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol (2019/1158/UE) b’effett mit-2 ta’ Awwissu 2022.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mis-7 ta’ April 2010 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-8 ta’ Marzu 2012.

Id-direttiva ser titħassar mid-direttiva dwar il-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol (Direttiva (UE) 2019/1158 - ara s-sommarju) b’effett mit-2 ta’ Awwissu 2022.

SFOND

Dan il-ftehim huwa segwitu għall-ftehim Qafas tal-14 ta’ Diċembru 1995 dwar il-liv tal-ġenituri, li ngħata forza legali mid-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE.

Huwa jirrappreżenta mezz ta’ rikonċiljazzjoni aħjar tar-responsabbiltajiet professjonali u tal-ġenituri tal-ħaddiema u ta’ promozzjoni tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

Huwa implimentat minn direttiva tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-liv tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010, pp. 13-20).

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2010/18/UE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss bħala referenza.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, pp. 79-93).

l-aħħar aġġornament 03.02.2022

Top