Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġlieda kontra frodi ta’ dokument: is-sistema tad-dokumenti foloz u awtentiċi online

Il-ġlieda kontra frodi ta’ dokument: is-sistema tad-dokumenti foloz u awtentiċi online

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2020/493 dwar is-sistema tad-dokumenti foloz u awtentiċi online (FADO)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan iħassar l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/700/ĠAI (ara s-sommarju) li oriġinarjament stabbiliet is-sistema Ewropea ta’ arkivjar ta’ immaġni dwar dokumenti foloz u awtentiċi online (FADO).
  • Dan jissettja bażi legali ġdid għas-sistema FADO, u jaġġorna s-sistema ta’ ġestjoni tiegħu billi jadattaha għall-bażi istituzzjonali ġdida, kif stipulat fl-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

PUNTI EWLENIN

Is-sistema tad-dokumenti foloz u awtentiċi online

  • Is-sistema FADO għandha informazzjoni dwar dokumenti awtentiċi maħruġa mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), l-UE u partijiet terzi (bħal pajjiżi mhux tal-UE, entitajiet territorjali, organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet oħra suġġetti għad-dritt internazzjonali) u dwar verżjonijiet foloz ta’ dawk id-dokumenti.
  • L-għan tagħha huwa li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti u tal-identità billi:
    • tixxerja informazzjoni dwar il-karatteristċi ta’ sigurtà ta’, u karatteristċi ta’ frodi potenzjali f’dokumenti awtentiċi u foloz bejn awtoritajiet ta’ Stati Membri kompetenti fil-qasam ta’ frodi ta’ dokumenti;
    • tixxerja informazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati oħra, inkluż il-pubbliku ġenerali.

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Is-sistema FADO għandha informazzjoni dwar dokumenti maħruġa minn Stati Membri jew l-UE. Id-dokumenti jinkludu:
    • dokumenti dwar l-ivvjaġġar, l-identità, ir-residenza u l-istatus ċivili;
    • liċenzji tas-sewqan u liċenzji tal-vetturi.
  • Jista’ jkun fiha wkoll informazzjoni dwar:
    • dokumenti ekwivalenti maħruġa minn partijiet terzi;
    • dokument uffiċjali relatati oħra, b’mod partikorai dawk użati bħala appoġġ ta’ applikazzjonijiet għal dokumenti uffiċjali, maħruġa minn Stati Membri u, fejn hu xieraq, partijiet terzi.
  • L-informazzjoni li għandha tkun inkluża fis-sistema tinkludi:
    • informazzjoni, inklużi immaġnijiet, dwar dokumenti awtentiċi, kampjuni ta’ dawk id-dokumenti u l-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħhom;
    • informazzjoni, inklużi immaġnijiet, dwar dokumenti foloz, sew jekk ikunu dokumenti ffalsifikati, kontrafatti jew psewdo, u l-karatteristiċi ta’ frodi tagħhom;
    • sommarji ta’ tekniki ta’ falsifikazzjoni;
    • sommarji tal-karatteristiċi ta’ sigurtà tad-dokumenti awtentiċi;
    • statistika dwar dokumenti foloz skoperti.
  • Is-sistema jista’ jkollha wkoll manwali, listi ta’ kuntatt, informazzjoni dwar dokumenti validi ta’ vjaġġar u r-rikonoxximent tagħhom minn Stati Membri, rakkomandazzjonijiet dwar modi effettivi ta’ detezzjoni ta’ metodi speċifiċi ta’ falsifikazzjoni u informazzjoni oħra utli relatata.
  • L-Istati Membri, l-UE u partijiet terzi jridu jissottomettu din l-informazzjoni lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u Kosta (Frontex), li kienet imwaqqfa minn Regolament (UE) 2019/1896 — ara s-sommarju. Appoġġ tekniku għal Frontex jista’ jkun ipprovdut mill-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), li twaqqfet mir-Regolament (UE) 2018/1726 — ara s-sommarju.

Aċċess

Is-sistema FADO tipprovdi lill-utenti b’livelli differenti ta’ aċċess għall-informazzjoni.

  • Il-Kummissjoni Ewropea u Frontex, sal-estent neċessarju biex iwettqu l-kompiti tagħhom u l-awtoritajiet rilevanti nazzjonali, bħall-pulizija, il-gwardja tal-fruntiera u awtoritajiet oħra tal-esekuzzjoni tal-liġi, għandhom aċċess sikur għas-sistema FADO fuq bażi ta’ bżonn li tkun taf.
  • Il-pubbliku ġenerali għandu aċċess għal kampjuni ta’ dokumenti awtentiċi jew dokumenti awtentiċi b’data psewdonoma.
  • Partijiet ikkonċernati oħra jistgħu jiksbu aċċess għall-informazzjoni maħżuna fis-sistema FADO b’manjiera limitata:
    • istituzzjonijiet oħra tal-UE, korpi, uffiċċji u aġenziji, inkluża l-Europol (Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, li kienet imwaqqfa mir-Regolament (UE) 2016/794 — ara sommarju;
    • partijiet terzi, bħal pajjiżi mhux tal-UE, entitajiet territorjali, organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet oħra soġġetti għal-liġi internazzjonali;
    • entitajiet privati, bħal linji tal-ajru u trasportaturi oħra.
  • Id-data personali hi protetta mir-Regolament (UE) 2016/679 — ara s-sommarju.
    • l-użu tad-data mill-pulizija u awtoritajiet ġudizzjariji hu speċifikament protett mid-Direttiva (UE) 2016/680 — ara s-sommarju
    • Il-Frontex trid tapplika r-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2018/1725 — ara s-sommarju.

Is-sistema FADO ta’ Frontex

  • Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2020/493, is-sistema FADO, li qabel kienet operata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għaddiet għand il-Frontex.
  • Att ta’ implimentazzjoni, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/729 tistabbilixxi l-arkitettura teknika, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-dħul u ħażna ta’ informazzjoni u l-proċeduri għall-kontroll u verifika ta’ informazzjoni li jkun hemm fis-sistema FADO ta’ Frontex.
  • Dan iħalli lil Frontex tiżgura sistema funzjonali tajba u affidabbli u li ddaħħal l-informazzjoni miksuba fil-ħin u b’mod effiċjenti, u li tiggarantixxi l-uniformità u l-kwalità ta’ dik l-informazzjoni konformi ma’ standards għoljin. Verifika xierqa ta’ dokument u identità ser tkun żgurata fil-livelli kollha. Is-sistema FADO ser tipprovdi punt uniku ta’ aċċess għal utenti li jridu jimmaniġġjaw informazzjoni jew ifittxu kontenut FADO.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) 2020/493 ilu japplika mis-26 ta’ April 2020

SFOND

Ir-regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen li, abbażi ta’ protokolli meħmuża mat-Trattat ta’ Liżbona, ċerti Stati Membri għandhom inklużjoni fakultattiva jew non-parteċipazzjoni.

  • Id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-regolament u allura mhijiex marbuta miegħu jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu tista’ tiddeċiedi li tagħżel li tipparteċipa f’perjodu ta’ 6 xhur wara li r-regolament jidħol fis-seħħ.
  • L-Irlanda, pajjiż mhux membru taż-żona Schengen, għażlet li tieħu sehem.
  • Il-ftehim japplika wkoll għall-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2020/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar is-sistema tad-dokumenti foloz u awtentiċi online (FADO) u li jħassar l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/700/ĠAI (ĠU L 107, 6.4.2020, pp. 1–8).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/729 tat-30 ta’ Marzu 2023 dwar l-istabbiliment tal-arkitettura teknika, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex l-informazzjoni tiddaħħal u tinħażen u l-proċeduri għall-kontroll u l-verifika tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema Online ta’ Dokumenti Foloz u Awtentiċi tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (“EBCG FADO”) (ĠU L 94, 3.4.2023, pp. 66–72).

Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, pp. 1–131).

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 99–137).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2018/1726 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politiki u Azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu V — L-ispazju tal-libertà, sigurtà u ġustizzja — Kapitolu 5 — Kooperazzjoni tal-pulizija — Artikolu 87 (ex Artikolu 30 TUE) (ĠU L 202, 7.6.2016, pp. 83–84).

Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, pp. 53–114).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1–88).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 89–131).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 03.01.2024

Top