EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0794

Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI

OJ L 135, 24.5.2016, p. 53–114 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/06/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/794/oj

24.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/53


REGOLAMENT (UE) 2016/794 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Mejju 2016

dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 88 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Uffiċċju Europol kien ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI (2) bħala entità tal-Unjoni ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni biex tappoġġa u ssaħħaħ l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u forom oħra ta' kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar. Id-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI ssostitwixxiet il-Konvenzjoni bbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-istabbiliment ta' Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni Europol) (3).

(2)

L-Artikolu 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Europol tkun irregolata b'regolament li għandu jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Dan jirrikjedi wkoll l-istabbiliment ta' proċeduri għall-iskrutinju tal-attivitajiet tal-Europol mill-Parlament Ewropew, flimkien mal-parlamenti nazzjonali, soġġett għall-punt (c) tal-Artikolu 12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness għat-TUE u għat-TFUE (“Protokoll Nru 1”) sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà tal-Europol lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI għandha tiġi sostitwita b'regolament li, inter alia, jistabbilixxi regoli dwar l-iskrutinju parlamentari.

(3)

Il-“Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini” (4) jħeġġeġ li l-Europol tevolvi u ssir ċentru għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, fornitur ta' servizzi u pjattaforma għas-servizzi tal-infurzar tal-liġi. Abbażi ta' valutazzjoni tal-funzjonament tal-Europol, huwa meħtieġ tisħiħ ulterjuri tal-effikaċja operazzjonali tagħha sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(4)

Netwerks kriminali u terroristiċi fuq skala kbira huma ta' theddida sinifikanti għas-sigurtà interna tal-Unjoni u għas-sigurtà u l-għajxien taċ-ċittadini tagħha. Il-valutazzjonijiet disponibbli tat-theddidiet juru li l-gruppi kriminali qed isiru dejjem aktar polikriminali u transkonfinali fl-attivitajiet tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi għalhekk għandhom bżonn jikkooperaw dejjem iżjed mill-qrib mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra. F'dan il-kuntest, huwa meħtieġ li l-Europol tiġi mgħammra sabiex tappoġġa aħjar lill-Istati Membri fil-prevenzjoni, l-analiżi u l-investigazzjonijiet tal-kriminalità madwar l-Unjoni kollha. Dan ġie kkonfermat ukoll fl-evalwazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI.

(5)

Dan ir-Regolament jimmira li jemenda u jespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/934/ĠAI (5), 2009/935/ĠAI (6), 2009/936/ĠAI (7) u 2009/968/ĠAI (8) li jimplimentaw id-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI. Peress li l-emendi li ser isiru huma ta' għadd u ta' natura sostanzjali, dawk id-Deċiżjonijiet għandhom, fl-interess taċ-ċarezza, jiġu sostitwiti fl-intier tagħhom b'relazzjoni mal-Istati Membri marbuta b'dan ir-Regolament. Il-Europol kif stabbilita b'dan ir-Regolament għandha tissostitwixxi u tassumi l-funzjonijiet tal-Europol kif stabbilit bid-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI, li, bħala konsegwenza, għandha titħassar.

(6)

Peress li l-kriminalità serja ħafna drabi sseħħ bejn il-fruntieri interni, il-Europol għandha tgħin u ssaħħaħ l-azzjonijiet tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar. Minħabba li t-terroriżmu huwa wieħed mit-theddidiet l-aktar sinifikanti għas-sigurtà tal-Unjoni, il-Europol għandha tgħin lill-Istati Membri jaffrontaw l-isfidi komuni f'dan ir-rigward. Bħala l-aġenzija għall-infurzar tal-liġi tal-Unjoni, il-Europol għandha tappoġġa u ssaħħaħ ukoll l-azzjonijiet u l-kooperazzjoni fl-indirizzar tal-forom ta' kriminalità li jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni. Fost il-forom ta' kriminalità l-Europol hija kompetenti li tittratta, il-kriminalità organizzata ser tibqa' taqa' fl-ambitu tal-objettivi ewlenin tal-Europol, peress li, minħabba l-iskala, is-sinifikat u l-konsegwenzi tagħha, titlob ukoll approċċ komuni mill-Istati Membri. Il-Europol għandha wkoll toffri appoġġ fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati kriminali relatati li jiġu kommessi sabiex jinkisbu l-mezzi jew biex jitwettqu atti li fir-rigward tagħhom il-Europol hija kompetenti jew sabiex jiġu ffaċilitati jew kommessi tali atti jew sabiex tiġi żgurata l-impunità tal-kommissjoni tagħhom.

(7)

Il-Europol għandha tipprovdi analiżi strateġika u valutazzjonijiet tat-theddid biex tassisti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu prijoritajiet strateġiċi u operazzjonali tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità u fl-implimentazzjoni operazzjonali ta' dawk il-prijoritajiet. Fejn il-Kummissjoni titlob dan f'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (9) il-Europol għandha wkoll twettaq analiżi tar-riskju, inkluż rigward il-kriminalità organizzata, sa fejn ir-riskji kkonċernati jistgħu jdgħajfu l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen mill-Istati Membri. Barra minn hekk, fuq talba tal-Kunsill jew il-Kummissjoni fejn adatt, il-Europol għandha tipprovdi analiżi strateġika u valutazzjonijiet tat-theddid biex tagħti kontribut għall-evalwazzjoni tal-Istati li huma kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni.

(8)

L-attakki kontra s-sistemi ta' informazzjoni li jaffettwaw korpi tal-Unjoni jew żewġ Stati Membri jew aktar huma theddida li dejjem qed tikber fl-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tar-rapidità tagħhom u l-impatt u d-diffikultà biex jiġu identifikati s-sorsi tagħhom. Meta jqisu talbiet mill-Europol biex tibda investigazzjoni dwar attakk serju ta' oriġini kriminali suspettata kontra s-sistemi ta' informazzjoni li jaffettwaw korpi tal-Unjoni jew żewġ Stati Membri jew aktar, l-Istati Membri għandhom iwieġbu lill-Europol mingħajr dewmien, billi jqisu l-fatt li r-rapidità tat-tweġiba hija fattur ewlieni biex tiġi ttrattata b'suċċess il-kriminalità tal-informatika.

(9)

Minħabba l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji, il-Europol u l-Eurojust għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti l-arranġamenti neċessarji biex il-kooperazzjoni operazzjonali tagħhom tkun kemm jista' jkun effiċjenti, b'kont debitu meħud tal-missjonijiet u l-mandati rispettivi tagħhom u fl-interessi tal-Istati Membri. B'mod partikolari, il-Europol u l-Eurojust għandhom iżommu lil xulxin infurmati bi kwalunkwe attività li tinvolvi l-finanzjament tal-iskwadri ta' investigazzjoni konġunta.

(10)

Meta tiġi stabbilita skwadra ta' investigazzjoni konġunta, il-ftehim rilevanti għandu jiddetermina l-kondizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni tal-persunal tal-Europol f'din l-iskwadra. Il-Europol għandha żżomm rekord tal-parteċipazzjoni tagħha f'tali skwadri ta' investigazzjoni konġunta li għandhom fil-mira l-attivitajiet kriminali li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tagħha.

(11)

Il-Europol għandha tkun tista' titlob lill-Istati Membri jiftħu, iwettqu jew jikkoordinaw investigazzjonijiet kriminali f'każijiet speċifiċi meta l-kooperazzjoni transkonfinali tkun ta' valur miżjud. Il-Europol għandha tinforma lill-Eurojust b'dawn it-talbiet.

(12)

Il-Europol għandha tkun ċentru għall-iskambju tal-informazzjoni fl-Unjoni. L-informazzjoni miġbura, maħżuna, proċessata, analizzata u skambjata mill-Europol tinkludi l-intelligence kriminali, relatata ma' informazzjoni dwar il-kriminalità u attivitajiet kriminali li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tal-Europol, miksuba bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk twettqux jew jistgħux jitwettqu atti kriminali konkreti fil-futur.

(13)

Biex tiġi żgurata l-effettività tal-Europol bħala ċentru għall-iskambju tal-informazzjoni, għandhom jiġu stipulati obbligi ċari li jeħtieġu l-Istati Membri biex jipprovdu lill-Europol bid-data neċessarja biex tkun tista' tissodisfa l-objettivi tagħha. Meta jimplimentaw dawn l-obbligi, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari li jipprovdu data rilevanti għall-ġlieda kontra l-kriminalità meqjusa bħala strateġika u ta' prijorità operazzjonali fl-istrumenti ta' politika rilevanti tal-Unjoni, b'mod partikolari l-prijoritajiet stabbiliti mill-Kunsill fil-qafas taċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja. L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu ħilithom biex jipprovdu lill-Europol b'kopja tal-iskambji bilaterali u multilaterali ta' informazzjoni ma' Stati Membri oħra dwar kriminalità li taqa' fi ħdan l-objettivi tal-Europol. Meta jipprovdu lill-Europol bl-informazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll informazzjoni dwar kwalunkwe attakk ċibernetiku allegat li jaffettwa korpi tal-Unjoni li jinsabu fit-territorju tagħhom.Fl-istess ħin, il-Europol għandha żżid il-livell tal-appoġġ tagħha lill-Istati Membri, sabiex jissaħħu l-kooperazzjoni reċiproka u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Il-Europol għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali dwar l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri individwali.

(14)

Sabiex tkun żgurata kooperazzjoni effettiva bejn il-Europol u l-Istati Membri, għandha tiġi stabbilita unità nazzjonali f'kull Stat Membru (l-“unità nazzjonali”). L-unità nazzjonali għandha tkun il-kollegament bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Europol, biex b'hekk ikun hemm rwol ta' koordinazzjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Istati Membri mal-Europol, u b'hekk tgħin biex jiġi żgurat li kull Stat Membrujirrispondi għat-talbiet tal-Europol b'mod uniformi. Sabiex ikun żgurat skambju ta' informazzjoni effettiv u kontinwu bejn il-Europol u l-unitajiet nazzjonali u tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni bejniethom, kull unità nazzjonali għandha taħtar mill-inqas uffiċjal ta' kollegament wieħed li jkollu x'jaqsam mal-Europol.

(15)

Filwaqt li jittieħed kont tal-istruttura deċentralizzata ta' xi Stati Membri u l-ħtieġa li jiġu żgurati skambji rapidi ta' informazzjoni, il-Europol għandha titħalla tikkoopera direttament mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, soġġett għall-kondizzjonijiet definiti mill-Istati Membri filwaqt li jżomm lill-unitajiet nazzjonali infurmati fuq talba ta' dawn tal-aħħar.

(16)

L-istabbiliment ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunta għandu jiġi inkoraġġut u l-persunal tal-Europol għandu jkun jista' jipparteċipa fihom. Sabiex tiġi żgurata li tali parteċipazzjoni tkun possibbli f'kull Stat Membru, ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEFA, KEE) Nru 549/69 (10), jipprevedi li l-persunal tal-Europol ma jibbenefikax minn immunitajiet waqt li jkun qed jipparteċipa fi skwadri ta' investigazzjoni konġunta.

(17)

Hemm ukoll bżonn li tittejjeb il-governanza tal-Europol, billi wieħed ifittex li jikseb żieda fl-effiċjenza u proċeduri li jissimplifikaw.

(18)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu rrappreżentati fuq il-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Europol (il-“Bord ta' Amministrazzjoni”) sabiex jagħmlu superviżjoni ta' ħidmietu b'mod effikaċi. Il-membri u l-membri supplenti tal-Bord ta' Amministrazzjoni għandhom jiġu maħtura b'kont meħud tal-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji rilevanti u l-għarfien tal-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi. Il-membri supplenti għandhom jaġixxu bħala membri fl-assenza tal-membru.

(19)

Il-partijiet kollha rappreżentati fuq il-Bord ta' Amministrazzjoni għandhom jagħmlu sforzi sabiex jillimitaw it-tibdil tar-rappreżentanti tagħhom, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-Bord ta' Amministrazzjoni. Il-partijiet kollha għandhom jimmiraw biex jiksbu rappreżentanza bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-Bord ta' Amministrazzjoni.

(20)

Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jkun jista' jistieden osservaturi li ma jivvotawx li l-opinjoni tagħhom tista' tkun rilevanti għad-diskussjoni, inkluż rappreżentant maħtur mill-Grupp ta' Skrutinju Parlamentari Konġunt speċjalizzat (GSPK).

(21)

Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jingħata s-setgħat meħtieġa, b'mod partikolari sabiex jistabbilixxi l-baġit, jivverifika l-eżekuzzjoni tiegħu, u jadotta r-regoli finanzjarji u d-dokumenti tal-ippjanar xierqa, kif ukoll jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-konflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu, jistabbilixxi proċeduri trasparenti ta' ħidma għat-teħid ta' deċiżjonijiet mid-Direttur Eżekuttiv tal-Europol u jadotta r-rapport tal-attività annwali. Huwa għandu jeżerċita s-setgħat ta' awtorità li taħtar vis-à-vis il-persunal tal-aġenzija, inkluż id-Direttur Eżekuttiv.

(22)

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament effiċjenti ta' kuljum tal-Europol, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant ġuridiku u l-maniġer tagħha, li jaġixxi indipendentement fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u jiżgura li l-Europol twettaq il-kompiti previsti f'dan ir-Regolament. B'mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tal-baġit u d-dokumenti tal-ippjanar sottomessi għad-deċiżjoni tal-Bord ta' Amministrazzjoni, u għall-implimentazzjoni tal-programmazzjoni tal-ħidma pluriennali u l-programmi ta' ħidma annwali tal-Europol u dokumenti oħra ta' ppjanar.

(23)

Għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tagħha, huwa meħtieġ li l-Europol ikollha l-informazzjoni l-iktar kompleta u aġġornata possibbli. Għalhekk, il-Europol għandha tkun tista' tipproċessa data li tingħatalha mill-Istati Membri, korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u, skont kondizzjonijiet stretti stipulati b'dan ir-Regolament, partijiet privati kif ukoll data li tiġi minn sorsi disponibbli għall-pubbliku, sabiex tiżviluppa fehim tal-fenomeni u x-xejriet kriminali, tiġbor informazzjoni dwar in-netwerks kriminali, u tiskopri rabtiet bejn reati kriminali differenti.

(24)

Sabiex tittejjeb l-effettività tal-Europol fil-forniment ta' analiżi preċiżi dwar il-kriminalità lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, din għandha tuża teknoloġiji ġodda biex tipproċessa d-data. Il-Europol għandha tkun tista' tiskopri malajr konnessjonijiet bejn investigazzjonijiet u modi operandi komuni bejn gruppi kriminali differenti, tikkontrolla kontrokonkordji ta' data u jkollha stampa ġenerali ċara tax-xejriet, filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali tal-individwi. Għalhekk, il-bażijiet ta' data tal-Europol għandhom ikunu strutturati b'tali mod li jippermettu li l-Europol tkun tista' tagħżel l-aktar struttura tal-IT effiċjenti. Il-Europol għandha tkun tista' wkoll taġixxi bħala fornitur ta' servizzi, b'mod partikolari billi jipprovdi netwerk sigur għall-iskambju ta' data, bħall-Applikazzjoni ta' Netwerk Sikur għall-Iskambju ta' Informazzjoni (SIENA), bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri, il-Europol, korpi oħra tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Sabiex ikun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-data, għandhom jiġu stipulati l-għan tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar u d-drittijiet tal-aċċess kif ukoll salvagwardji speċifiċi addizzjonali. B'mod partikolari, il-prinċipju tan-neċessità u l-prinċipju tal-proporzjonalità għandhom jiġu osservati fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali.

(25)

Il-Europol għandha tiżgura li d-data personali kollha proċessata għall-analiżi operazzjonali tiġi allokata għan speċifiku. Madankollu, sabiex il-Europol twettaq il-missjoni tagħha, hija għandha titħalla tipproċessa d-data personali kollha li tasal biex tidentifika rabtiet bejn bosta żoni ta' kriminalità u investigazzjonijiet, u ma għandhiex tkun limitata li tidentifika rabtiet biss ma' żona ta' kriminalità waħda.

(26)

Sabiex jiġu rrispettati s-sjieda tad-data u l-protezzjoni tad-data personali, l-Istati Membri, il-korpi tal-Unjoni, il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw l-iskop jew l-iskopijiet li għalihom il-Europol tipproċessa d-data li jipprovdu u jirrestrinġu d-drittijiet tal-aċċess. Il-limitazzjoni tal-iskop hija prinċipju fundamentali tal-ipproċessar tad-data personali; b'mod partikolari, hija tikkontribwixxi għat-trasparenza, iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà u hija b'mod speċjali ta' importanza kbira fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, fejn is-suġġetti tad-data normalment ma jkunux konxji meta d-data personali tagħhom qed tinġabar u tiġi proċessata u fejn l-użu tad-data personali jista' jkollu impatt sinifikanti kbir fuq il-ħajja u l-libertajiet tal-individwi.

(27)

Biex ikun żgurat li l-aċċess għad-data isir biss minn dawk li għandhom bżonn aċċess sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom, dan ir-Regolament għandu jistipula regoli dettaljati għal gradi differenti ta' drittijiet ta' aċċess għad-data pproċessata mill-Europol. Tali regoli għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet fuq l-aċċess imposti mill-fornituri tad-data, peress li għandu jiġu rrispettat il-prinċipju tas-sjieda tad-data. Sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità li taqa' fl-ambitu tal-objettivi tal-Europol, il-Europol għandha tinnotifika lill-Istati Membri bl-informazzjoni li tikkonċernahom.

(28)

Biex titjieb il-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-aġenziji, u b'mod partikolari biex jiġu stabbiliti rabtiet bejn id-data diġà fil-pussess tal-aġenziji differenti, il-Europol għandha tippermetti lill-Eurojust u lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) ikollhom aċċess għad-data disponibbli mill-Europol. Il-Europol u l-Eurojust għandhom ikunu jistgħu jikkonkludu arranġament ta' ħidma li jiżgura, b'mod reċiproku fil-mandati rispettivi tagħhom, l-aċċess għal u l-possibbiltà ta' tiftix għall-informazzjoni kollha li ġiet ipprovduta sabiex jitqabblu l-verifiki f'konformità mal-garanziji speċifiċi u l-garanziji ta' protezzjoni tad-data previsti f'dan ir-Regolament. Kwalunkwe aċċess għal data disponibbli fil-Europol ikun limitat, b'mod tekniku, għal informazzjoni li taqa' fil-mandati rispettivi ta' dawk il-korpi tal-Unjoni.

(29)

Il-Europol għandha żżomm relazzjonijiet ta' kooperazzjoni ma' korpi oħra tal-Unjoni, awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet privati, sal-punt meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

(30)

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja operazzjonali, il-Europol għandha tkun tista' tiskambja l-informazzjoni kollha rilevanti, bl-eċċezzjoni ta' data personali, ma' korpi oħra tal-Unjoni, awtoritajiet ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, sal-punt meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha. Peress li kumpanniji, ditti, assoċjazzjonijiet ta' impriżi, organizzazzjonijiet mhux governattivi u partijiet privati oħra għandhom għarfien espert u informazzjoni b'rilevanza diretta għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu, il-Europol għandha tkun tista' tiskambja tali informazzjoni ma' partijiet privati. Għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, fir-rigward ta' inċidenti fis-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, il-Europol għandha, skont l-att leġiżlattiv applikabbli tal-Unjoni li jistipula miżuri biex jiġi żgurat livell komuni għoli ta' sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni madwar l-Unjoni, jikkoopera u jiskambja informazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' data personali, mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u l-informazzjoni.

(31)

Il-Europol għandha tkun tista' tiskambja data personali rilevanti ma' korpi oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha jew tagħhom.

(32)

Ir-reati serji u t-terroriżmu ħafna drabi jkollhom rabtiet lil hinn mit-territorju tal-Unjoni. Il-Europol għandha għalhekk tkun tista' tiskambja data personali mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali — Interpol sal-punt meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

(33)

L-Istati Membri kollha huma affiljati mal-Interpol. Sabiex twettaq il-missjoni tagħha, l-Interpol tirċievi, taħżen, u tiċċirkola data biex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali. Għalhekk, jinħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Europol u l-Interpol bil-promozzjoni ta' skambju effiċjenti tad-data personali filwaqt li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta' data personali. Meta data personali tiġi trasferita mill-Europol għall-Interpol, għandu japplika dan ir-Regolament, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti internazzjonali.

(34)

Biex tiġi garantita l-limitazzjoni tal-iskop, huwa importanti li jiġi żgurat li d-data personali tkun tista' tiġi ttrasferita mill-Europol lill-korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, biss jekk dan ikun meħtieġ għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità li taqa' fi ħdan l-objettivi tal-Europol. Għal dan il-għan, huwa neċessarju li jiġi żgurat li, meta tiġi trasferita data personali, ir-riċevitur jintrabat li d-data tintuża mir-riċevitur jew tiġi trasferita lil awtorità kompetenti ta' pajjiż terz biss għall-iskop li għalih din kienet oriġinarjament trasferita. Aktar trasferiment tad-data għandu jsir f'konformità ma' dan ir-Regolament.

(35)

Il-Europol għandha tkun tista' tittrasferixxi data personali lill-awtorità ta' pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali abbażi ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li l-pajjiż jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni tad-data (deċiżjoni ta' adegwatezza), jew, fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza, ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, jew ftehim ta' kooperazzjoni li jippermetti l-iskambju ta' data personali konkluż bejn il-Europol u dan il-pajjiż terz qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transizzjonali anness għat-TUE u għat-TFUE, l-effetti legali ta' tali ftehimiet għandhom jiġu ppreżervati sakemm dawk il-ftehimiet jiġu rrevokati, annullati jew emendati fl-implementazzjoni tat-Trattati. Fejn adatt u f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), il-Kummissjoni għandha tkun tista' tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) qabel u waqt in-negozjati ta' ftehim internazzjonali. Fejn il-Bord ta' Amministrazzjoni jidentifika ħtieġa operazzjonali għal kooperazzjoni ma' pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, għandu jkun jista' jissuġġerixxi lill-Kunsill li dan tal-aħħar jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-bżonn ta' deċiżjoni ta' adegwatezza jew għal rakkomandazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati dwar ftehim internazzjonali kif imsemmi hawn fuq.

(36)

Fejn trasferiment ta' data personali ma jistax jiġi bbażat fuq deċiżjoni ta' adegwatezza, jew minn ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, jew minn ftehim ta' kooperazzjoni eżistenti, il-Bord ta' Amministrazzjoni bi qbil mal-KEPD għandhom ikunu jistgħu jawtorizzaw sett ta' trasferimenti, fejn kondizzjonijiet speċifiċi jitolbu dan u dment li jkunu żgurati salvagwardji adegwati. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun jista' jawtorizza t-trasferiment tad-data f'każijiet eċċezzjonali abbażi ta' każ b'każ, meta tali trasferiment huwa rikjest, suġġett għall-konformita' ma' kondizzjonijiet speċifiċi stretti.

(37)

Il-Europol għandha tkun tista' tipproċessa data personali li toriġina minn partijiet privati u minn persuni privati biss jekk dik id-data tiġi ttrasferita lill-Europol minn unità nazzjonali f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha jew punt ta' kuntatt f'pajjiż terz jeworganizzazzjoni internazzjonali li magħha hemm kooperazzjoni stabbilita permezz ta' ftehim ta' kooperazzjoni li tippermetti l-iskambju ta' data personali konkluż f'konformità mal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament; awtorità ta' pajjiż terz; jew organizzazzjoni internazzjonali li tkun soġġetta għal deċiżjoni ta' adegwatezza jew li magħha l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE. Madankollu, f'każijiet fejn il-Europol tirċievi data personali direttament minn partijiet privati u l-unità nazzjonali, il-punt ta' kuntatt jew l-awtorità kkonċernata ma tistax tiġi identifikata, il-Europol għandha tkun tista' tipproċessa dik id-data personali unikament għall-fini li tidentifika dawk l-entitajiet, u t-tali data għandha titħassar sakemm dawk l-entitajiet jerġgħu jissottomettu dik id-data personali fi żmien erba' xhur wara li jsir it-trasferiment. Il-Europol għandha tiżgura, permezz ta' mezzi tekniċi li, matul dak il-perijodu, it-tali data ma tkunx aċċessibbli għall-ipproċessar għal kwalunkwe skop ieħor.

(38)

B'kont meħud tat-theddida eċċezzjonali u speċifika għas-sigurtà interna tal-Unjoni mit-terroriżmu u forom oħra ta' kriminalità serja, speċjalment meta tkun faċilitata, promossa jew issir bl-Internet, l-attivitajiet li l-Europol għandha tagħmel abbażi ta' dan ir-Regolament, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tagħha tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2015 u l-appell mill-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015 b'rabta speċjalment ma' dawk l-oqsma prijoritarji, b'mod partikolari l-prassi korrispondenti tal-iskambji diretti ta' data personali ma' partijiet privati għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni sal-1 ta' Mejju 2019.

(39)

Kwalunkwe informazzjoni li b'mod ċar tkun inkisbet bi ksur ovvju tad-drittijiet tal-bniedem ma għandhiex tiġi pproċessata.

(40)

Ir-regoli tal-protezzjoni tad-data fil-Europol għandhom jissaħħu u jiffukaw fuq il-prinċipji li jirfdu r-Regolament (KE) Nru 45/2001 biex ikun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali. Peress li d-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, mehmuża mat-TUE u t-TFUE tirrikonoxxi l-ispeċifiċità tal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi, ir-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-Europol għandhom ikunu awtonomi u konsistenti fl-istess ħin ma' strumenti rilevanti oħra tal-protezzjoni tad-data applikabbli fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija fl-Unjoni. Dawk l-istrumenti inkluż, b'mod partikolari, id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), kif ukoll il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali tal-Kunsill tal-Ewropa u r-Rakkomandazzjoni Nru. R(87)15 (13) tagħha.

(41)

Kwalunkwe pproċessar ta' data personali mill-Europol jeħtieġ ikun legali u ġust b'rabta mas-suġġetti tad-data kkonċernati. Il-prinċipju ta' pproċessar ġust jitlob trasparenza tal-ipproċessar li tippermetti li s-suġġetti tad-data kkonċernati jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament. Madankollu, aċċess għad-data personali tagħhom jeħtieġ li jkun possibbli li jiġi rrifjutat jew ristrett, jekk, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-interessi tas-suġġetti tad-data kkonċernati, tali rifjut jew restrizzjoni jikkostitwixxu miżura neċessarja li tippermetti lill-Europol twettaq il-kompiti tagħha b'mod adatt, biex jitħarsu s-sigurtà u l-ordni pubbliku jew għall-prevenzjoni tal-kriminalità, biex ikun żgurat li l-ebda investigazzjoni nazzjonali ma tiġi mhedda jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' partijiet terzi. Biex ittejjeb it-trasparenza, il-Europol għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dokument li jistipula f'forma li tinftiehem tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-ipproċessar ta' data personali u l-mezzi disponibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Il-Europol għandha tippubblika wkoll fuq is-sit web tagħha lista ta' deċiżjonijiet ta' adegwatezza, ftehimiet, u arranġamenti amministrattivi dwar it-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Barra minn hekk, sabiex tiżdied it-trasparenza tal-Europol vis-à-vis iċ-ċittadini tal-Unjoni u r-responsabbiltà tagħha, il-Europol għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni tagħha u, fejn meħtieġ, is-sommarji tal-eżitu tal-laqgħat tal-Bord ta' Amministrazzjoni, filwaqt li tirrispetta r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.

(42)

Kemm jista' jkun, għandha ssir distinzjoni bejn id-data personali skont il-grad tagħhom tal-preċiżjoni u l-affidabbiltà. Il-fatti għandhom jiġu distinti mill-valutazzjonijiet personali, sabiex tiġi żgurata kemm il-protezzjoni tal-individwi kif ukoll il-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni pproċessata mill-Europol. F'każ ta' informazzjoni miksuba minn sorsi pubblikament disponibbli, partikolarment sorsi fuq l-internet, il-Europol għandha sa fejn ikun possibbli tivvaluta l-preċiżjoni ta' tali informazzjoni u l-affidabbiltà tas-sors tagħha b'diliġenza partikolari sabiex tindirizza riskji assoċjati mal-internet fir-rigward tal-protezzjoni ta' informazzjoni personali u l-privatezza.

(43)

Data personali relatata ma' kategoriji differenti ta' suġġetti tad-data hija pproċessata fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi tal-pulizija. Il-Europol għandha tagħmel id-distinzjonijiet bejn id-data personali fir-rigward ta' kategoriji differenti ta' suġġetti tad-data ċari kemm jista' jkun. Id-data personali li tikkonċerna persuni bħal vittmi, xhieda u persuni b'informazzjoni rilevanti, kif ukoll data personali li tikkonċerna lill-minuri, għandha, b'mod partikolari, tiġi protetta. Il-Europol għandha tipproċessa data sensittiva biss jekk din id-data tissupplimenta data personali oħra diġà pproċessata mill-Europol.

(44)

Fid-dawl tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, il-Europol ma għandhiex taħżen data personali għal aktar żmien milli huwa meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha. Il-ħtieġa li t-tali data tibqa' maħżuna għandha tiġi riveduta mhux aktar tard minn tliet snin mill-bidu tal-ipproċessar inizjali tagħha.

(45)

Sabiex tiġi garantita s-sigurtà tad-data personali, il-Europol u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi neċessarji.

(46)

Kwalunkwe suġġett tad-data għandu jkollu dritt ta' aċċess għad-data personali li tikkonċernah, dritt għal rettifika jekk dik id-data ma tkunx preċiża, u dritt għat-tħassir jew restrizzjoni, jekk dik id-data ma tkunx għadha meħtieġa. L-ispejjeż relatati mal-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess għal data personali ma għandhom qatt jirrappreżentaw ostaklu għall-eżerċizzju effettiv dan id-dritt. Id-drittijiet tas-suġġett tad-data u l-eżerċizzju tagħhom ma għandhomx jaffettwaw l-obbligi li jaqgħu fuq l-Europol u għandhom ikunu soġġetti għar-restrizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(47)

Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data teħtieġ attribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet skont dan ir-Regolament. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-preċiżjoni tad-data, għaż-żamma aġġornata tad-data li jkunu ttrasferew lill-Europol u għal-legalità ta' dan it-trasferimenti tad-data. Il-Europol għandha tkun responsabbli għall-preċiżjoni tad-data u biex iżżomm d-data provduta minn fornituri oħra ta' data jew li tirriżulta mill-analiżi tal-Europol stess aġġornata. Il-Europol għandha wkoll tiżgura li d-data tiġi pproċessata b'mod ġust u legali, tinġabar u tiġi pproċessata għal skop speċifiku. Il-Europol teħtieġ li tiżgura wkoll li d-data hija adegwata, rilevanti, mhux iżżejjed f'relazzjoni mal-iskop li għalih tkun qed tiġi pproċessata, maħżuna għal mhux aktar żmien milli huwa neċessarju għal dak l-iskop, u pproċessata b'mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali u l-kunfidenzjalità tal-ipproċessar tad-data.

(48)

Għall-finijiet tal-verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, l-awtomonitoraġġ u l-iżgurar tal-integrità u s-sigurtà xierqa tad-data, il-Europol għandha żżomm rekords tal-ġbir, it-tibdil, l-aċċess, l-iżvelar, il-kombinazzjoni jew it-tħassir ta' data personali. Il-Europol għandha tkun obbligata tikkoopera mal-KEPD u meta jintalab, għandha tagħmel ir-reġistrazzjonijiet tal-aċċess jew id-dokumentazzjoni disponibbli, fuq talba, sabiex dawn ikunu jistgħu jintużaw f'operazzjonijiet ta' monitoraġġ tal-ipproċessar.

(49)

Il-Europol għandha taħtar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data biex jgħinha fil-monitoraġġ tal-konformità ma' dan ir-Regolament. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkun f'pożizzjoni li jwettaq d-dmirijiet u l-kompiti tiegħu b'mod indipendenti u effettiv u għandu jingħata r-riżorsi neċessarji biex jagħmel dan.

(50)

Strutturi ta' superviżjoni indipendenti, trasparenti, responsabbli u effettivi huma essenzjali għall-protezzjoni tan-nies fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali kif mitlub mill-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni tal-ipproċessar tad-data personali għandhom jimmonitorjaw il-legalità tad-data personali pprovduta mill-Istati Membri lill-Europol. Il-KEPD għandu jimmonitorja l-legalità tal-ipproċessar tad-data mwettqa mill-Europol fl-eżerċitu tal-funzjonijiet tiegħu jew tagħha b'indipendenza sħiħa. F'dan ir-rigward, il-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni minn qabel huwa salvagwardja importanti għal tipi ġodda ta' operazzjonijiet ta' pproċessar. Dan m'għandux japplika għal attività operazzjonali individwali speċifika, bħall-proġetti ta' analiżi operazzjonali, iżda għall-użu ta' sistemi tal-IT ġodda għall-ipproċessar ta' data personali u kwalunkwe tibdil sostanzjali tagħhom.

(51)

Huwa importanti li tiġi żgurata superviżjoni msaħħa u effettiva tal-Europol u li jiġi garantit li l-KEPD jkun jista' jagħmel użu minn għarfien espert adatt dwar l-infurzar tal-liġi rigward il-protezzjoni tad-data meta hu jew hi jassumi jew tassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data tal-Europol. Il-KEPD u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin dwar kwistjonijiet speċifiċi li jkunu jeħtieġu l-involviment nazzjonali u għandhom jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha.

(52)

Sabiex tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni bejn il-KEPD u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, iżda mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-KEPD u r-responsabbiltà tiegħu jew tagħha għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data tal-Europol, dawn għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari fil-Bord ta' Kooperazzjoni li, bħala korp ta' konsulenza, għandu jagħti opinjonijiet, linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prassi dwar diversi kwistjonijiet li jeħtieġu involviment nazzjonali.

(53)

Peress li l-Europol tipproċessa wkoll data personali mhux operazzjonali, li ma tkunx relatata ma' investigazzjoni kriminali, bħad-data personali li tikkonċerna l-persunal tal-Europol, il-fornituri tas-servizzi jew il-viżitaturi, l-ipproċessar ta' din id-data għandu jkun suġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(54)

Il-KEPD għandu jisma' u jinvestiga l-ilmenti mressqa mis-soġġetti tad-data. L-investigazzjoni b'segwitu ta' lment għandha titwettaq, soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, sal-punt li huwa adegwat fil-każ speċifiku. L-awtorità superviżorja nazzjonali għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment fi żmien raġonevoli.

(55)

Kull individwu għandu jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjonijiet tal-KEPD li jirrigwardjawh.

(56)

Il-Europol għandha tkun soġġetta għar-regoli ġenerali dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali applikabbli għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, minbarra fir-rigward tar-regoli fuq ir-responsabbiltà għall-ipproċessar illegali ta' data.

(57)

Jista' ma jkunx ċar għall-individwu konċernat jekk dannu mġarrab b'riżultat ta' proċessar illegali ta' data kienx konsegwenza ta' azzjoni mill-Europol jew minn Stat Membru. Il-Europol u l-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu għandhom għalhekk ikunu responsabbli b'mod konġunt u in solidum.

(58)

Filwaqt li jiġi rispettat ir-rwol tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-parlamenti nazzjonali fl-iskrutinju tal-attivitajiet tal-Europol, huwa neċessarju li l-Europol tkun organizzazzjoni responsabbli u trasparenti bis-sħiħ. Għal dak il-għan, fid-dawl tal-Artikolu 88 tat-TFUE, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għall-iskrutinju tal-attivitajiet tal-Europol mill-Parlament Ewropew flimkien mal-parlamenti nazzjonali. Tali proċeduri għandhom ikunu soġġetti għall-punt (c) tal-Artikolu 12 tat-TUE u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 1, jipprevedu li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jiddeterminaw flimkien l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fl-Unjoni. Il-proċeduri biex jiġu stabbiliti għall-iskrutinju tal-attivitajiet tal-Europol għandhom jieħdu kont dovut tal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jkunu fuq l-istess livell kif ukoll il-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni operazzjonali. Madankollu, il-mod li bih il-parlamenti nazzjonali jagħmlu skrutinju fuq il-gvernijiet tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet tal-Unjoni jiddependi mill-organizzazzjoni u l-prattika kostituzzjonali partikolari ta' kull Stat Membru.

(59)

Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (il-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra”) stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (14) għandhom japplikaw għall-persunal tal-Europol. Il-Europol għandha tkun tista' timpjega persunal mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bħala aġenti temporanji li l-perijodu ta' servizz tagħhom għandu jkun limitat sabiex jinżamm il-prinċipju ta' rotazzjoni, peress li r-riintegrazzjoni sussegwenti tat-tali membri tal-persunal fis-servizz tal-awtorità kompetenti tagħhom tiffaċilita l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura neċessarja sabiex jiżguraw li l-persunal ingaġġat fil-Europol bħala aġenti temporanji jkunu jistgħu, fl-aħħar tas-servizz tagħhom fil-Europol, jirritornaw għas-servizz ċivili nazzjonali li jappartjenu għalih.

(60)

Minħabba n-natura tad-dmirijiet tal-Europol u r-rwol tad-Direttur Eżekuttiv, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew għandu jkun jista' jistieden lid-Direttur Eżekuttiv biex jidher qabel il-ħatra tiegħu jew tagħha, kif ukoll qabel kwalunkwe estensjoni tal-mandat tiegħu jew tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta r-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu jistgħu jistiednu lid-Direttur Eżekuttiv jirrapporta dwar it-twettiq tal-kompiti tiegħu jew tagħha.

(61)

Sabiex tkun garantita l-awtonomija u l-indipendenza sħiħa tal-Europol, din għandha tingħata baġit awtonomu li d-dħul tiegħu jkun ġej essenzjalment minn kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni għandha tkun applikabbli kull fejn ikunu konċernati kontribuzzjoni mill-Unjoni u kwalunkwe sussidju ieħor li jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-awditjar tal-kontijiet għandu jsir mill-Qorti tal-Awdituri.

(62)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (15) għandu japplika għall-Europol.

(63)

Minħabba s-setgħat legali u amministrattivi speċifiċi tagħhom u l-kompetenzi tekniċi tagħhom fit-twettiq ta' attivitajiet, operazzjonijiet u investigazzjonijiet ta' skambju ta' informazzjoni transkonfinali, inkluż fi skwadri ta' investigazzjoni konġunta, u fil-proviżjoni ta' faċilitajiet għat-taħriġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirċievu għotjiet mill-Europol mingħajr sejħa għal proposti f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 190(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (16).

(64)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) għandu japplika għall-Europol.

(65)

Il-Europol tipproċessa data li teħtieġ protezzjoni partikolari peress li tinkludi informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u klassifikata tal-UE. Il-Europol għandha għalhekk tistabbilixxi regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-ipproċessar ta' tali informazzjoni. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE għandhom ikunu konsistenti mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (18).

(66)

Huwa xieraq li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tiġi evalwata regolarment.

(67)

Id-dispożizzjonijiet neċessarji fir-rigward tal-akkomodazzjoni tal-Europol fl-Aja fejn għandha l-kwartieri ġenerali tagħha, u r-regoli speċifiċi applikabbli għall-persunal kollu tal-Europol u għall-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim tal-kwartieri ġenerali. Barra minn hekk, l-Istat Membru ospitanti għandu jipprovdi kondizzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-Europol, inklużi skejjel multilingwi, b'orjentazzjoni Ewropea u kollegamenti xierqa tat-trasport, sabiex jiġu attirati riżorsi umani ta' kwalità għolja minn firxa ġeografika wiesgħa kemm jista' jkun.

(68)

Il-Europol, kif stabbilita minn dan ir-Regolament, tissostitwixxi u tissuċċedi l-Europol kif stabbilit mid-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI. Hija għandha għalhekk tkun is-suċċessur ġuridiku tal-kuntratti kollha tiegħu, inklużi l-kuntratti tax-xogħol, l-obbligi u l-proprjetajiet miksuba. Il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Europol kif stabbilit mid-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI u l-ftehimiet konklużi mill-Europol kif stabbiliti mill-Konvenzjoni Europol qabel l-1 ta' Jannar 2010 għandhom jibqgħu fis-seħħ.

(69)

Sabiex il-Europol tkun tista' tkompli taqdi l-kompiti tal-Europol kif stabbilit bid-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI skont l-aħjar ħiliet tagħha, għandhom jiġu stipulati miżuri ta' transizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-Bord ta' Amministrazzjoni u d-Direttur Eżekuttiv u l-persunal impjegat b'kuntratt ta' żmien indeterminat bħala membri tal-persunal lokali konkluż mill-Europol kif stabbilit mill-Konvenzjoni Europol, li għandhom jiġi offruti possibbiltà ta' impjieg bħala membri tal-persunal temporanju jew kuntrattwali skont il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra.

(70)

L-Att tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 1998 (19) dwar ir-regolamenti tal-persunal tal-Europol tħassar bl-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI. Madankollu, għandu jkompli japplika għall-persunal impjegat mill-Europol qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet transitorji għandhom jipprevedu li kuntratti konklużi f'konformità ma' dawk ir-regolamenti dwar il-persunal għandhom jibqgħu rregolati minnhom.

(71)

Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' entità responsabbli għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fil-livell tal-Unjoni, ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri u jista', għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(72)

F'konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-TUE u għat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(73)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 u Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-TUE u għat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhux ser jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhux marbut minnu jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(74)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-TUE u t-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(75)

Il-KEPD ġie kkonsultat u ta opinjoni fil-31 ta' Mejju 2013.

(76)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-privatezza kif protetti mill-Artikoli 8 u 7 tal-Karta, kif ukoll mill-Artikolu 16 tat-TFUE,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI, OBJETTIVI U KOMPITI TAL-EUROPOL

Artikolu 1

Stabbiliment tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi

1.   Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) hija b'dan stabbilita bil-ħsieb li tagħti appoġġ fil-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Unjoni.

2.   Il-Europol, kif stabbilita b'dan ir-Regolament, tissostitwixxi u tissuċċedi l-Europol kif ġie stabbilit bid-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri” tfisser l-awtoritajiet kollha tal-pulizija u servizzi oħra tal-infurzar tal-liġi li jeżistu fl-Istati Membri li huma responsabbli skont il-liġi nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati kriminali. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll awtoritajiet pubbliċi oħra li jeżistu fl-Istati Membri li huma responsabbli skont il-liġi nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati kriminali li fir-rigward tagħhom il-Europol huwa kompetenti;

(b)

“analiżi strateġika” tfisser il-metodi u t-tekniki kollha li permezz tagħhom tinġabar, tiġi maħżuna, ipproċessata u vvalutata l-informazzjoni bil-għan li tiġi appoġġata u żviluppata politika kriminali li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni effiċjenti u effettiva kontra il-kriminaltà u l-ġlieda kontriha;

(c)

“analiżi operattiva” tfisser il-metodi u t-tekniki kollha li permezz tagħhom tinġabar, tiġi maħżuna, ipproċessata u vvalutata l-informazzjoni bil-għan li jiġu appoġġati l-investigazzjonijiet kriminali;

(d)

“korpi tal-Unjoni” tfisser istituzzjonijiet, korpi, missjonijiet, uffiċċji u aġenziji stabbiliti mit-TUE u t-TFUE, jew abbażi tagħhom;

(e)

“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni u l-korpi subordinati tagħha regolata bil-liġi internazzjonali pubblika jew kwalunkwe korp ieħor li huwa stabbilit minn, jew abbażi ta' ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar;

(f)

“partijiet privati” tfisser entitajiet u korpi stabbiliti skont il-liġi ta' Stat Membru jew pajjiż terz, b'mod partikolari kumpanniji u ditti, assoċjazzjonijiet kummerċjali, organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ u persuni ġuridiċi oħra li mhumiex koperti mill-punt (e);

(g)

“persuni privati” tfisser kwalunkwe persuna fiżika;

(h)

“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' suġġett tad-data;

(i)

“suġġett tad-data” tfisser persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, persuna identifikabbli tfisser persuna li tkun tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data dwar il-post jew identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna;

(j)

“data ġenetika” tfisser id-data personali kollha relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi tal-individwu li jkunu ntirtu jew inkisbu, li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta' dak l-individwu, li tirriżulta b'mod partikolari minn analiżi ta' kampjun bijoloġiku mill-individwu inkwistjoni;

(k)

“proċessar” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew settijiet ta' data personali, kemm jekk b'mezzi awtomatiċi jew le, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew it-tibdil, il-ġbid, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar permezz ta' trażmissjoni, it-tixrid jew modi oħra li jrendu disponibbli, l-allinjament jew il-kombinazzjoni, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(l)

“riċevitur” tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kull korp ieħor li lilu/lilha jinkixef id-data, sew jekk parti terza sew jekk le;

(m)

“trasferiment ta' data personali” tfisser il-komunikazzjoni ta' data personali, li b'mod attiv titqiegħed għad-dispożizzjoni, bejn għadd limitat ta' partijiet identifikati, bl-għarfien jew l-intenzjoni tal-ispeditur li jagħti aċċess għad-data personali lir-riċevitur;

(n)

“ksur ta' data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bdil, żvelar mhux awtorizzat ta', jew aċċess għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata mod ieħor;

(o)

“il-kunsens tas-suġġett tad-data” tfisser kwalunkwe indikazzjoni mogħtija liberament, speċifika, infurmata u mhux ambigwa tax-xewqa tiegħu jew tagħha li permezz tagħha, is-suġġett tad-data, permezz ta' dikjarazzjoni jew azzjoni affirmattiva ċara, juri jew turi l-qbil li tiġi pproċessata data personali marbuta miegħu jew magħha;

(p)

“data personali amministrattiva” tfisser id-data personali kollha proċessata mill-Europol minbarra dik li tiġi pproċessata biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

Objettivi

1.   Il-Europol għandha tappoġġa u ssaħħaħ l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar, it-terroriżmu u l-forom ta' kriminalità li jolqtu interess komuni kopert minn politika tal-Unjoni, kif elenkata fl-Anness I.

2.   Minbarra l-paragrafu 1, l-objettivi tal-Europol għandhom ikopru wkoll reati kriminali relatati. Ir-reati li ġejjin għandhom jitqiesu bħala reati kriminali relatati:

(a)

reati kriminali mwettqa biex jinkisbu l-mezzi sabiex jitwettqu atti li fir-rigward tagħhom huwa kompetenti l-Europol;

(b)

reati kriminali mwettqa biex jiġi ffaċilitat jew jitwettqu atti li fir-rigward tagħhom huwa kompetenti l-Europol;

(c)

reati kriminali mwettqa biex tiġi żgurata l-impunità ta' dawk l-atti li fir-rigward tagħhom huwa kompetenti l-Europol.

Artikolu 4

Kompiti

1.   Il-Europol għandha twettaq il-kompiti li ġejjin biex tilħaq l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3:

(a)

tiġbor, taħżen, tipproċessa, tanalizza u tiskambja informazzjoni, inkluża intelligence kriminali;

(b)

tinnotifika mingħajr dewmien lill-Istati Membri, permezz tal-unitajiet nazzjonali stabbiliti jew maħtura f'konformità mal-Artikolu 7(2) b'kull informazzjoni u konnessjoni bejn reati kriminali li jolqtu lilhom;

(c)

tikkoordina, torganizza u timplimenta azzjonijiet investigattivi u operazzjonali biex tappoġġa u ssaħħaħ azzjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-Istati Membri, li jitwettqu:

(i)

b'mod konġunt mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; jew

(ii)

fil-kuntest ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunta, skont l-Artikolu 5 u fejn xieraq, f'kollegament mal-Eurojust;

(d)

tipparteċipa fi skwadri ta' investigazzjoni konġunta, kif ukoll tipproponi li jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 5;

(e)

tipprovdi informazzjoni u appoġġ analitiku lill-Istati Membri f'konnessjoni ma' avvenimenti internazzjonali ewlenin;

(f)

tħejji valutazzjonijiet tat-theddid, analiżi strateġiċi u operazzjonali u rapporti tas-sitwazzjoni ġenerali;

(g)

tiżviluppa, tikkondividi u tippromwovi għarfien speċjalizzat ta' metodi ta' prevenzjoni tal-kriminalità, proċeduri investigattivi u metodi tekniċi u forensiċi, u tipprovdi pariri lill-Istati Membri;

(h)

tappoġġa l-attivitajiet transkonfinali tal-iskambju ta' informazzjoni tal-Istati Membri, l-operazzjonijiet u l-investigazzjonijiet, kif ukoll l-iskwadri ta' investigazzjoni konġunta, inkluż billi tipprovdi appoġġ operazzjonali, tekniku u finanzjarju;

(i)

tipprovdi taħriġ speċjalizzat u tassisti lill-Istati Membri fl-organizzazzjoni tat-taħriġ, inkluż bl-għoti ta' appoġġ finanzjarju, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-objettivi tagħha u skont ir-riżorsi tal-persunal u tal-baġit disponibbli għalih f'koordinazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea fl-Infurzar tal-Liġi u t-Taħriġ (CEPOL);

(j)

tikkoopera mal-korpi tal-Unjoni stabbiliti abbażi tat-Titolu V tat-TFUE u mal-OLAF, b'mod partikolari permezz ta' skambji ta' informazzjoni u billi tipprovdilhom appoġġ analitiku fl-oqsma li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tagħhom;

(k)

tipprovdi informazzjoni u appoġġ lill-istrutturi tal-UE tal-ġestjoni ta' kriżijiet u lill-missjonijiet stabbiliti abbażi tat-TUE fil-kamp ta' applikazzjoni tal-objettivi tal-Europol kif stabbiliti fl-Artikolu 3;

(l)

tiżviluppa ċentri tal-Unjoni ta' għarfien espert speċjalizzat għall-ġlieda kontra ċerti tipi ta' reati li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tal-Europol, b'mod partikolari ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità;

(m)

tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra forom ta' kriminalità elenkati fl-Anness I li jiġu faċilitati, promossi jew li jitwettqu bl-internet, inkluż, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, it-tiswir ta' riferimenti ta' kontenut tal-internet, li permezz tiegħu dawn il-forom ta' kriminalità jiġu faċilitati, promossi jew imwettqa, lill-fornituri tas-servizzi online ikkonċernati għall-konsiderazzjoni volontarja tagħhom tal-kompatibbiltà tal-kontenut fuq l-internet riferut bit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom stess.

2.   Il-Europol għandha tipprovdi analiżi strateġika u valutazzjonijiet tat-theddid biex tassisti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu l-prijoritajiet strateġiċi u operazzjonali tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Il-Europol għandha tassisti wkoll fl-implimentazzjoni operazzjonali ta' dawk il-prijoritajiet.

3.   Il-Europol għandha tipprovdi analiżi strateġika u valutazzjonijiet ta' theddida biex tassisti l-użu effiċjenti u effikaċi tar-riżorsi disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni għall-attivitajiet operazzjonali u l-appoġġ għal dawk l-attivitajiet.

4.   Il-Europol għandha taġixxi bħala l-Uffiċċju Ċentrali fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/511/ĠAI (20). Il-Europol għandha wkoll tħeġġeġ il-koordinazzjoni tal-miżuri implimentati sabiex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni tal-euro, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew fil-kuntest ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunta, fejn xieraq b'kollegament ma' korpi tal-Unjoni u mal-awtoritajiet ta' pajjiż terzi.

5.   Il-Europol ma għandhiex tapplika miżuri koerċittivi fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

KAPITOLU II

KOOPERAZZJONI BEJN L-ISTATI MEMBRI U L-EUROPOL

Artikolu 5

Parteċipazzjoni fi skwadri ta' investigazzjoni konġunta

1.   Il-persunal tal-Europol jista' jipparteċipa fl-attivitajiet ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunta li jkunu qed jindirizzaw reati li jaqgħu fi ħdan l-objettivi tal-Europol. Il-ftehim dwar l-istabbiliment ta' skwadra ta' investigazzjoni konġunta għandu jiddetermina l-kondizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tal-persunal tal-Europol fl-iskwadra, inkluża l-informazzjoni dwar ir-regoli dwar ir-responsabbiltà.

2.   Il-persunal tal-Europol jista', fil-limiti tal-liġijiet tal-Istati Membri li fihom tkun qed topera skwadra ta' investigazzjoni konġunta, jassisti fl-attivitajiet u l-iskambju ta' informazzjoni kollha mal-membri kollha tal-iskwadra ta' investigazzjoni konġunta.

3.   Il-persunal tal-Europol li jipparteċipa fi skwadra ta' investigazzjoni konġunta jista', f'konformità ma' dan ir-Regolament, jipprovdi lill-membri kollha tal-grupp bl-informazzjoni meħtieġa pproċessata mill-Europol għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(2). Il-Europol għandha fl-istess ħin tinforma lill-unitajiet nazzjonali tal-Istati Membri rrappreżentati fl-iskwadra kif ukoll dawk tal-Istati Membri li pprovdew l-informazzjoni.

4.   L-informazzjoni miksuba mill-persunal tal-Europol waqt li jkun parti minn skwadra ta' investigazzjoni konġunta tista', bil-kunsens u taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru li pprovda l-informazzjoni, tiġi pproċessata mill-Europol għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(2), bil-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

5.   Fejn il-Europol ikollha għalxiex taħseb li l-istabbiliment ta' skwadra ta' investigazzjoni konġunta jżid il-valur ta' investigazzjoni, tista' tipproponi dan lill-Istati Membri kkonċernati u tieħu miżuri biex tgħinhom fl-istabbiliment tal-iskwadra ta' investigazzjoni konġunta.

Artikolu 6

Talbiet mill-Europol biex tinbeda investigazzjoni kriminali

1.   F'każijiet speċifiċi fejn il-Europol tqis li investigazzjoni kriminali għandha tinbeda fir-rigward ta' reat li jaqa' fl-ambitu tal-objettivi tagħha, hija għandha titlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati permezz tal-unitajiet nazzjonali sabiex jibdew, iwettqu jew jikkoordinaw tali investigazzjoni kriminali.

2.   L-unitajiet nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-Europol mingħajr dewmien dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fir-rigward ta' kwalunkwe talba li ssir skont il-paragrafu 1.

3.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jiddeċiedu li ma jilqgħux it-talba li ssir mill-Europol skont il-paragrafu 1, huma għandhom jinfurmaw lill-Europol bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom, mingħajr dewmien bla bżonn, preferibbilment fi żmien xahar minn meta tasal it-talba. Madankollu, ir-raġunijiet jistgħu ma jingħatawx jekk l-għoti tagħhom ikun:

(a)

imur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru konċernat; jew

(b)

jipperikola s-suċċess ta' investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin jew is-sikurezza ta' individwi.

4.   Il-Europol għandha tinforma minnufih lill-Eurojust bi kwalunkwe talba li tkun saret skont il-paragrafu 1 u bi kwalunkwe deċiżjoni ta' awtorità kompetenti ta' Stat Membru skont il-paragrafu 2.

Artikolu 7

Unitajiet nazzjonali tal-Europol

1.   L-Istati Membri u l-Europol għandhom jikkooperaw ma' xulxin fit-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom li jinsabu f'dan ir-Regolament.

2.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jaħtar unità nazzjonali li għandha tkun il-korp ta' kollegament bejn il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru. Kull Stat Membru għandu jaħtar uffiċjal bħala kap tal-unità nazzjonali tiegħu.

3.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-unità nazzjonali tiegħu hija kompetenti taħt il-liġi nazzjonali tkun tista' twettaq il-kompiti assenjati lill-unitajiet nazzjonali f'dan ir-Regolament, u b'mod partikolari li jkollha aċċess għad-data tal-infurzar tal-liġi nazzjonali u data rilevanti oħra meħtieġa għall-kooperazzjoni mal-Europol.

4.   Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-organizzazzjoni u l-persunal tal-unità nazzjonali tiegħu skont il-liġi nazzjonali tiegħu.

5.   F'konformità mal-paragrafu 2, l-unità nazzjonali għandha tkun korp ta' kollegament bejn il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Madankollu, soġġett għall-kondizzjonijiet determinati mill-Istati Membri, inkluż l-involviment minn qabel tal-unità nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jippermettu kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-Europol. L-unità nazzjonali għandha fl-istess ħin tirċievi mill-Europol kwalunkwe informazzjoni skambjata matul il-kuntatti diretti bejn il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti, sakemm l-unità nazzjonali ma tindikax li m'għandhiex bżonn tirċievi tali informazzjoni.

6.   Kull Stat Membru għandu, permezz tal-unità nazzjonali tiegħu jew, soġġett għall-paragrafu 5, permezz ta' awtorità kompetenti, b'mod partikolari:

(a)

jipprovdu lill-Europol bl-informazzjoni meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, inkluż informazzjoni marbuta ma' tipi ta' reati li l-prevenzjoni u l-ġlieda kontrihom huma meqjusa bħala prijorità mill-Unjoni;

(b)

jiżguraw komunikazzjoni u kooperazzjoni effettivi tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha tal-Europol;

(c)

joħolqu sensibilizzazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Europol;

(d)

f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 38(5), jiżguraw konformità mal-liġi nazzjonali meta jagħtu informazzjoni lill-Europol.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-kwittanza mill-Istati Membri tar-responsabbiltajiet fir-rigward taż-żamma tal-ordni skont il-liġi u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati fl-ebda każ partikolari li jipprovdu informazzjoni skont il-punt (a) tal-paragrafu 6 li:

(a)

tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat;

(b)

tipperikola s-suċċess ta' investigazzjoni li tkun għaddejja jew is-sigurtà ta' individwu; jew

(c)

tagħti informazzjoni marbuta ma' organizzazzjonijiet jew attivitajiet speċifiċi ta' intelligence fil-qasam tas-sikurezza nazzjonali.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jissupplixxu l-informazzjoni hekk kif ma tibqax taqa' fil-kamp tal-applikazzjoni tal-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja tagħhom stabbiliti f'konformità mad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) jkunu jistgħu jikkooperaw mal-Europol permezz tal-unità nazzjonali tagħhom fir-rigward ta' analiżi fi ħdan il-limiti tal-mandat u l-kompetenza tagħhom.

9.   Il-kapijiet tal-unitajiet nazzjonali għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari, b'mod partikolari biex jiddiskutu u jirriżolvu problemi li jqumu fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali tagħhom mal-Europol.

10.   L-ispejjeż imġarrba mill-unitajiet nazzjonali fil-komunikazzjonijiet mal-Europol għandhom jitħallsu mill-Istati Membri u, ħlief l-ispejjeż ta' konnessjoni, ma għandhomx jiġu imposti fuq il-Europol.

11.   Il-Europol għandha tfassal rapport annwali dwar l-informazzjoni mogħtija minn kull Stat Membru skont il-punt (a) tal-paragrafu 6 abbażi tal-kriterji ta' evalwazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi definiti mill-Bord ta' Amministrazzjoni. Ir-rapport annwali għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Artikolu 8

Uffiċjali ta' kollegament

1.   Kull unità nazzjonali għandha taħtar mill-inqas uffiċjal ta' kollegament wieħed biex jaħdem mal-Europol. Ħlief jekk ikun stipulat mod ieħor f'dan ir-Regolament, l-uffiċjali ta' kollegament għandhom ikunu soġġetti għal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jaħtar.

2.   L-uffiċjali ta' kollegament għandhom jikkostitwixxu l-uffiċċji nazzjonali ta' kollegament tal-Europol u għandhom jingħataw istruzzjonijiet mill-unitajiet nazzjonali tagħhom biex jirrappreżentaw l-interessi ta' dawn tal-aħħar fl-Europol f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jaħtar u d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-amministrazzjoni tal-Europol.

3.   L-uffiċjali ta' kollegament għandhom jassistu fl-iskambju tal-informazzjoni bejn il-Europol u l-Istati Membri tagħhom.

4.   L-uffiċjali ta' kollegament għandhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, jassistu fl-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri tagħhom u l-uffiċjali ta' kollegament ta' Stati Membri oħra, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. L-infrastruttura tal-Europol tista' tintuża, f'konformità mal-liġi nazzjonali, biex dawn l-iskambji bilaterali jkopru wkoll reati li ma' jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-objettivi tal-Europol. L-iskambji ta' informazzjoni kollha bħal dawn għandhom isiru f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli.

5.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali ta' kollegament fir-rigward tal-Europol. L-uffiċjali ta' kollegament għandhom igawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont l-Artikolu 63(2).

6.   Il-Europol għandha tiżgura li l-uffiċjali ta' kollegament ikunu informati bis-sħiħ dwar u assoċjati mal-attivitajiet kollha tagħha, sa fejn huwa meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

7.   Il-Europol għandha tkopri l-ispejjeż biex tagħti l-ispazju neċessarju lill-Istati Membri fi ħdan il-bini tal-Europol u biex tagħti appoġġ adegwat lill-uffiċjali ta' kollegament biex iwettqu dmirijiethom. L-ispejjeż l-oħra kollha li jinħolqu b'rabta mal-ħatra tal-uffiċjali ta' kollegament għandhom jitħallsu mill-Istat Membru li jaħtar, inklużi l-ispejjeż tat-tagħmir għall-uffiċjali ta' kollegament, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor fuq rakkomandazzjoni tal-Bord ta' Amministrazzjoni.

KAPITOLU III

ORGANIZZAZZJONI TAL-EUROPOL

Artikolu 9

Struttura amministrattiva u tal-ġestjoni tal-Europol

L-istruttura amministrattiva u tal-ġestjoni tal-Europol għandha tinkludi:

(a)

Bord ta' Amministrazzjoni;

(b)

Direttur Eżekuttiv;

(c)

jekk xieraq, kwalunkwe korp konsultattiv ieħor stabbilit mill-Bord ta' Amministrazzjoni skont il-punt (s) tal-Artikolu 11(1);

TAQSIMA 1

Bord ta' Amministrazzjoni

Artikolu 10

Kompożizzjoni tal-Bord ta' Amministrazzjoni

1.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni. Kull rappreżentant għandu jkollu d-dritt tal-vot.

2.   Il-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni għandhom jinħatru kont tal-għarfien tagħhom tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi.

3.   Kull membru tal-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jkollu membru supplenti li l-ħatra tiegħu għandha tieħu kont tal-kriterju stipulat fil-paragrafu 2. Il-membru supplenti għandu jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu jew tagħha.

Il-prinċipju ta' rappreżentazzjoni bilanċjata bejn il-ġeneri fuq il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jittieħed kont debitu tiegħu wkoll.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni li jtemmu l-mandat tal-membri u tal-membri supplenti rispettivi tagħhom, il-parteċipazzjoni fil-Board ta' Amministrazzjoni għandu jkun ta' erba' snin. Dak il-mandat għandu jkun jista' jiġi estiż.

Artikolu 11

Funzjonijiet tal-Bord ta' Amministrazzjoni

1.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu:

(a)

jadotta kull sena, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri u f'konformità mal-Artikolu 12, dokument li jkun fih il-programmazzjoni pluriennali tal-Europol u l-programm ta' ħidma annwali għas-sena ta' wara;

(b)

jadotta, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu, il-baġit annwali tal-Europol u jeżerċita funzjonijiet oħra fir-rigward tal-baġit tal-Europol skont il-Kapitolu X;

(c)

jadotta rapport konsolidat tal-attività annwali dwar l-attivitajiet tal-Europol u jibagħtu, sal-1 ta' Lulju tas-sena ta' wara, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali. Ir-rapport konsolidat tal-attività annwali għandu jsir pubbliku;

(d)

jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Europol skont l-Artikolu 61;

(e)

jadotta strateġija interna kontra l-frodi, proporzjonata għar-riskji ta' frodi, filwaqt li jqis l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati;

(f)

jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu, inkluż b'rabta mad-dikjarazzjoni tal-interessi tagħhom;

(g)

f'konformità mal-paragrafu 2, jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Europol, is-setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra lill-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta' impjieg għall-aġenti l-oħra (“setgħat tal-awtorità li taħtar”);

(h)

jadotta regoli ta' implimentazzjoni xierqa biex jimplimenta r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(i)

jadotta regoli interni rigward il-proċedura ta' għażla tad-Direttur Eżekuttiv, inklużi regoli dwar il-kompożizzjoni tal-kumitat ta' għażla li jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu;

(j)

jipproponi lill-Kunsill lista mqassra ta' kandidati għall-pożizzjonijiet ta' Direttur Eżekuttiv u Viċi Diretturi Eżekuttivi u, fejn rilevanti, jipproponi lill-Kunsill li l-mandati tagħhom jiġu estiżi jew li jitneħħew mill-kariga skont l-Artikoli 54 u 55;

(k)

jistabbilixxi indikaturi tal-prestazzjoni u jissorvelja l-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, inkluża l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Amministrazzjoni;

(l)

jaħtar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, li għandu jkun funzjonalment indipendenti fit-twettiq ta' dmirijiet tiegħu jew tagħha;

(m)

jaħtar uffiċjal tal-kontabilità, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, u funzjonalment indipendenti fit-twettiq ta' dmirijiet tiegħu jew tagħha;

(n)

jistabbilixxi, fejn xieraq, kapaċità tal-awditjar intern;

(o)

jiżgura segwitu adegwat tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditjar interni jew esterni, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u mill-KEPD;

(p)

jiddefinixxi l-kriterji ta' evalwazzjoni għar-rapport annwali f'konformità mal-Artikolu 7(11);

(q)

jadotta linji gwida li jispeċifikaw aktar il-proċeduri għall-ipproċessar ta' informazzjoni mill-Europol f'konformità mal-Artikolu 18, wara li jikkonsulta lill-KEPD;

(r)

jiddeċiedi dwar il-konklużjoni tal-arranġamenti amministrattivi u tal-ħidma f'konformità mal-Artikolu 23(4) u l-Artikolu 25(1), rispettivament;

(s)

jiddeċiedi, b'kont meħud tar-rekwiżiti kummerċjali kif ukoll dawk finanzjarji, dwar l-istabbiliment tal-istrutturi interni tal-Europol, inklużi ċ-ċentri ta' għarfien espert tal-Unjoni kif msemmija fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1), fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv;

(t)

jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kompiti u l-funzjonament tas-segretarjat tiegħu;

(u)

jadotta, fejn xieraq, regoli interni oħrajn.

2.   Jekk il-Bord ta' Amministrazzjoni jqis li jkun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol, huwa jista' jissuġġerixxi lill-Kunsill li jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-bżonn ta' deċiżjoni ta' adegwatezza kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 25(1) jew ta' rakkomandazzjoni għal deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati bi ħsieb tal-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 25(1).

3.   Skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jadotta deċiżjoni, abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, li tiddelega s-setgħat rilevanti ta' awtorità li taħtar lid-Direttur Eżekuttiv u li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet skont liema dawn id-delegi ta' setgħat jistgħu jiġu sospiżi. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawk is-setgħat.

Fejn ikun meħtieġ minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord ta' Amministrazzjoni jista', permezz ta' deċiżjoni, temporanjament jissospendi d-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u kwalunkwe sottodelega ta' tali setgħat u jeżerċitahom huwa stess jew jiddelega dawk is-setgħat lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal li mhuwiex id-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 12

Programmazzjoni pluriennali u programmi ta' ħidma annwali

1.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu, sat-30 ta' Novembru ta' kull sena, jadotta d-dokument li jkun fih il-programmazzjoni pluriennali tal-Europol u programm ta' ħidma annwali abbażi ta' abbozz preżentat mid-Direttur Eżekuttiv, b'kont meħud tal-opinjoni tal-Kummissjoni u, b'relazzjoni mal-programmazzjoni pluriennali wara konsultazzjoni mal-GSPK. Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jintbagħat d-dokument lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-GSPK.

2.   Il-programmazzjoni tal-ħidma pluriennali għandha tistipula programmazzjoni strateġika komprensiva li tinkludi objettivi, riżultati mistennija u indikaturi tal-prestazzjoni. Għandha wkoll tistipula l-ippjanar tar-riżorsi inklużi l-baġit pluriennali u l-persunal. Għandha tinkludi l-istrateġija għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-programmazzjoni pluriennali għandha tiġi implimentata permezz ta' programmi ta' ħidma annwali u għandha, fejn xieraq, tiġi aġġornata skont ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet esterni u interni. Il-konklużjoni ta' dawk l-evalwazzjonijiet għandhom ukoll jiġu riflessi, fejn xieraq, fil-programm ta' ħidma annwali tas-sena ta' wara.

3.   Il-programm ta' ħidma annwali għandu jinkludi objettivi dettaljati, ir-riżultati mistennija u indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li ser jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, skont il-prinċipji ta' bbaġitjar u ġestjoni ibbażati fuq l-attività. Il-programm ta' ħidma annwali għandu jkun konsistenti mal-programmazzjoni pluriennali. Għandu jindika b'mod ċar il-kompiti li ġew miżjuda, mibdula jew imħassra b'paragun mas-sena finanzjarja preċedenti.

4.   Fejn, wara l-adozzjoni ta' programm ta' ħidma annwali, jiġi assenjat kompitu ġdid, il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jemenda l-programm ta' ħidma annwali.

5.   Kwalunkwe emenda sostanzjali fil-programm ta' ħidma annwali għandha tkun adottata bl-istess proċedura bħal dik applikabbli għall-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali inizjali. Il-Bord ta' Amministrazzjoni jista' jiddelega lid-Direttur Eżekuttiv is-setgħa li jagħmel emendi mhux sostanzjali fil-programm ta' ħidma annwali.

Artikolu 13

President u Viċi President tal-Bord ta' Amministrazzjoni

1.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-grupp ta' tliet stati Membri li flimkien ħejjew il-programm ta' 18-il xahar tal-Presidenza. Huma għandhom iservu għall-perijodu ta' 18-il xahar li jikkorrispondi għal dak il-programm tal-Kunsill. Jekk, madankollu, is-sħubija tal-President jew tal-Viċi President fil-Bord ta' Amministrazzjoni tintemm fi kwalunkwe waqt tul il-mandat tagħhom bħala President jew Viċi President, il-mandat tagħhom għandu awtomatikament jiskadi f'dik l-istess żmien.

2.   Il-President u l-Viċi President għandhom ikunu eletti b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni.

3.   Fejn il-president ma jkunx kapaċi jwettaq il-kompiti tiegħu jew tagħha, għandu jiġi sostitwit jew għandha tiġi sostitwita awtomatikament mill-Viċi.

Artikolu 14

Laqgħat tal-Bord ta' Amministrazzjoni

1.   Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Bord ta' Amministrazzjoni.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord ta' Amministrazzjoni.

3.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jiltaqa' mill-anqas darbtejn fis-sena f'sessjoni ordinarja. Barra minn hekk, għandu jiltaqa' fuq inizjattiva tal-President jew fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' mill-anqas terz tal-membri tiegħu.

4.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni jista' jistieden lil kwalunkwe persuna li l-opinjoni tagħha tista' tkun rilevanti għad-diskussjoni inkluż, fejn adatt, rappreżentant tal-GSPK, biex tattendi l-laqgħa tiegħu bħala osservatur mingħajr vot.

5.   Il-membri u l-membri supplenti tal-Bord ta' Amministrazzjoni jistgħu soġġett għar-regoli ta' proċedura tiegħu, jiġu assistiti fil-laqgħat mill-konsulenti jew l-esperti.

6.   Il-Europol għandha tipprovdi s-segretarjat għall-Bord ta' Amministrazzjoni.

Artikolu 15

Regoli tal-votazzjoni tal-Bord ta' Amministrazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-punti (a) u (b) tal-Artikolu 11(1), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 50(2), l-Artikolu 54(8) u l-Artikolu 64, il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet skont il-maġġoranza tal-membri.

2.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Fl-assenza ta' xi membru bi dritt tal-vot, is-supplenti tiegħu għandu jkun intitolat jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jieħu sehem fil-votazzjoni.

4.   Ir-regoli ta' proċedura tal-Bord ta' Amministrazzjoni għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta' votazzjoni aktar dettaljati, b'mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor, u kwalunkwe rekwiżit ta' kworum, fejn meħtieġ.

TAQSIMA 2

Direttur Eżekuttiv

Artikolu 16

Responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jamministra l-Europol. Għandu jkun responsabbli quddiem il-Bord ta' Amministrazzjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni jew tal-Bord ta' Amministrazzjoni, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fil-qadi ta' dmirijietu u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minn xi gvern jew minn kwalunkwe korp ieħor.

3.   Il-Kunsill jista' jistieden lid-Direttur Eżekuttiv biex jirrapporta dwar il-prestazzjoni ta' dmirijietu.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Europol.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lill-Europol permezz ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari:

(a)

għall-amministrazzjoni ta' kuljum tal-Europol;

(b)

biex jagħmel proposti lill-Bord ta' Amministrazzjoni rigward l-istabbiliment tal-istrutturi interni tal-Europol;

(c)

għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta' Amministrazzjoni;

(d)

għat-tħejjija tal-abbozz ta' programmazzjoni pluriennali u programmi ta' ħidma annwali u biex iressaqhom quddiem il-Bord ta' Amministrazzjoni, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

(e)

għall-implimentazzjoni ta' programmazzjoni pluriennali u programmi ta' ħidma annwali u biex jirrapporta lill-Bord ta' Amministrazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

(f)

għat-tħejjija ta' abbozz ta' regoli ta' implimentazzjoni xierqa biex jidħlu b'effett ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(g)

għat-tħejjija tal-abbozz ta' rapport annwali konsolidat dwar l-attivitajiet tal-Europol u jippreżentah lill-Bord ta' Amministrazzjoni għall-adozzjoni;

(h)

għat-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni ta' segwitu għall-konklużjonijiet tar-rapporti tal-awditjar u l-evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll ir-rapporti ta' investigazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet wara investigazzjonijiet mill-OLAF u l-KEPD u għar-rappurtar lill-Kummissjoni darbtejn fis-sena dwar il-progress, u lill-Bord ta' Amministrazzjoni regolarment;

(i)

għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri li jipprevjenu l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra u, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza investigattiva tal-OLAF, permezz ta' kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa skorrettament u, fejn ikun xieraq, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi;

(j)

għat-tħejjija ta' abbozz ta' strateġija interna kontra l-frodi għall-Europol u l-preżentazzjoni tagħha lill-Bord ta' Amministrazzjoni għall-adozzjoni;

(k)

għat-tħejjija ta' abbozz ta' regoli interni għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni u l-preżentazzjoni ta' dawk l-abbozzi ta' regoli lill-Bord ta' Amministrazzjoni għall-adozzjoni;

(l)

għat-tħejjija ta' abbozz ta' regoli finanzjarji applikabbli għall-Europol;

(m)

għat-tħejjija tal-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Europol u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha;

(n)

għall-appoġġ għall-President tal-Bord ta' Amministrazzjoni fit-tħejjija tal-laqgħat tal-Bord ta' Amministrazzjoni;

(o)

biex jinforma lill-Bord ta' Amministrazzjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi u operazzjonali tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità;

(p)

għat-twettiq ta' kompiti oħra f'konformità ma' dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

PROĊESSAR TA' INFORMAZZJONI

Artikolu 17

Sorsi ta' informazzjoni

1.   Il-Europol għandha tipproċessa biss informazzjoni li ngħatat lilha:

(a)

mill-Istati Membri skont il-liġi nazzjonali tagħhom u l-Artikolu 7;

(b)

minn korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali skont il-Kapitolu V;

(c)

minn partijiet privati u persuni privati skont il-Kapitolu V.

2.   Il-Europol tista' tiġbed direttament u tipproċessa informazzjoni, inkluża data personali, minn sorsi disponibbli pubblikament, inkluż l-internet u data pubblika.

3.   Sa fejn il-Europol tkun intitolata skont strumenti legali tal-Unjoni, internazzjonali jew nazzjonali li tikseb aċċess kompjuterizzat għad-data minn sistemi ta' informazzjoni tal-Unjoni, jew dawk internazzjonali jew nazzjonali, hija tista' tiġbed u tipproċessa informazzjoni, inkluż data personali b'dawn il-mezzi jekk dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha. Id-dispożizzjonijiet applikabbli ta' dawn l-istrumenti legali tal-Unjoni, internazzjonali jew nazzjonali għandhom jirregolaw aċċess għal, u l-użu ta', dik l-informazzjoni mill-Europol, sakemm dawn jipprevedu regoli, dwar l-aċċess u l-użu, li jkunu aktar stretti minn dawk stipulati ta' dan ir-Regolament. L-aċċess għal dawn is-sistemi ta' informazzjoni għandu jingħata biss lil persunal tal-Europol awtorizzat u biss sa fejn dan ikun meħtieġ u proporzjonat għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Artikolu 18

Għanijiet tal-attivitajiet tal-ipproċessar tal-informazzjoni

1.   Sa fejn ikun meħtieġ sabiex tikseb l-objettivi tagħha kif stipulati fl-Artikolu 3, il-Europol tista' tipproċessa informazzjoni, inkluż data personali.

2.   Id-data personali tista' tiġi pproċessata għal dawn il-finijiet biss:

(a)

kontroverifika li għandha l-għan li tidentifika konnessjonijiet jew assoċjazzjonijiet oħra rilevanti bejn l-informazzjoni b'rabta ma':

(i)

persuni li huma suspettati li wettqu jew li ħadu sehem f'reat kriminali li fir-rigward tiegħu hija kompetenti l-Europol, jew li jkunu nstabu ħatja ta' tali reat;

(ii)

persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet suffiċjenti biex wieħed jemmen li ser iwettqu reati kriminali li fir-rigward tiegħu hija kompetenti l-Europol;

(b)

analiżi ta' natura strateġika jew tematika;

(c)

analiżi operattivi;

(d)

jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Europol, korpi oħra tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

3.   L-ipproċessar għall-fini ta' analiżi operattivi kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2 għandu jitwettaq permezz ta' proġetti ta' analiżi operattiva, li fir-rigward tagħhom għandhom japplikaw il-garanziji speċifiċi li ġejjin:

(a)

għal kull proġett ta' analiżi operazzjonali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddefinixxi l-iskop speċifiku, il-kategoriji ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data, il-parteċipanti, it-tul ta' żmien tal-ħażna u l-kondizzjonijiet għal aċċess, trasferiment u użu tad-data kkonċernata, u għandu jinforma lill-Bord ta' Amministrazzjoni u lill-KEPD;

(b)

id-data personali tista' tinġabar u tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-proġett ta' analiżi operazzjonali speċifikat. Fejn jibda jidher li d-data personali tista' tkun rilevanti għal proġett ta' analiżi operazzjonali ieħor, aktar proċessar ta' dik id-data personali għandu jkun permess biss sakemm tali proċessar ulterjuri jkun meħtieġ u proporzjonat u d-data personali tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) li japplikaw għall-proġett ta' analiżi ieħor;

(c)

il-persunal awtorizzat biss jista' jaċċessa u jipproċessa d-data fir-rigward tal-proġett rilevanti.

4.   L-ipproċessar imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 għandu jitwettaq f'konformità mal-garanziji ta' protezzjoni tad-data previsti f'dan ir-Regolament. Il-Europol għandu jiddokumenta kif xieraq dawk l-operazzjonijiet ta' pproċessar. Id-dokumentazzjoni għandha tkun disponibbli, fuq talba, għall-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u għall-KEPD għall-finijiet ta' verifika tal-legalità tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar.

5.   Il-kategoriji ta' data personali u l-kategoriji ta' suġġetti tad-data li d-data tagħhom tista' tinġabar u tiġi pproċessata għal kull skop speċifiku msemmi fil-paragrafu 2 jinsabu elenkati fl-Anness II.

6.   Il-Europol tista' temporanjament tipproċessa d-data bil-għan li tiddetermina jekk tali data hijiex rilevanti għall-kompiti tagħha u, jekk ikun hekk, għal liema mill-finijiet imsemmija fil-paragrafu 2. Il-Bord ta' Amministrazzjoni, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv u wara konsultazzjoni mal-KEPD, għandu jkompli jispeċifika l-kondizzjonijiet relatati mal-ipproċessar tat-tali data, partikolarment fir-rigward tal-aċċess għad-data u l-użu tagħha, kif ukoll il-limiti ta' żmien għall-ħażna u t-tħassir tad-data li ma jistgħux jaqbżu s-sitt xhur, wara li jittieħed kont dovut tal-prinċipji msemmijin fl-Artikolu 28.

7.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni, wara li kkonsulta lill-KEPD, għandu, kif adatt, jadotta linji gwida li jkomplu jispeċifikaw proċeduri għall-ipproċessar ta' informazzjoni għall-finijiet elenkati fil-paragrafu 2 f'konformità mal-punt (q) tal-Artikolu 11(1).

Artikolu 19

Determinazzjoni tal-għan tal-ipproċessar tal-informazzjoni mill-Europol u restrizzjonijiet fuq dan

1.   Stat Membru, korp tal-Unjoni, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li tipprovdi informazzjoni lill-Europol, għandha tiddetermina l-għan jew l-għanijiet li għalih għandha tiġi pproċessata, kif imsemmi fl-Artikolu 18. Jekk ma tkunx għamlet dan, il-Europol bi qbil mal-fornitur ta' informazzjoni kkonċernata, għandha tipproċessa l-informazzjoni sabiex tiddetermina r-rilevanza ta' tali informazzjoni kif ukoll il-għan jew l-għanijiet għall-ipproċessar ulterjuri tagħha. Il-Europol tista' tipproċessa informazzjoni għal għan differenti minn dak li għalih ingħatat l-informazzjoni jekk tkun awtorizzata li tagħmel dan mill-fornitur tal-informazzjoni biss.

2.   L-Istati Membri, il-korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jindikaw, fil-mument meta jipprovdu informazzjoni lill-Europol, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess għaliha jew l-użu li għandu jsir minnha, f'termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż rigward it-trasferiment, it-tħassir jew il-qerda tagħha. Fejn il-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir apparenti wara li tiġi pprovduta l-informazzjoni, huma għandhom jinformaw lill-Europol b'dan. Il-Europol għandha tikkonforma ma' dawn ir-restrizzjonijiet.

3.   F'każijiet debitament ġustifikati, il-Europol tista' tassenja restrizzjonijiet għall-aċċess jew l-użu mill-Istati Membri, il-korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali ta' informazzjoni miġbuda minn sorsi disponibbli pubblikament.

Artikolu 20

Aċċess mill-persunal tal-Istati Membri u tal-Europol għall-informazzjoni maħżuna mill-Europol

1.   L-Istati Membri għandhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom u mal-Artikolu 7(5), ikollhom aċċess għal, u jkunu jistgħu jfittxu, l-informazzjoni kollha pprovduta għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 18(2). Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri, il-korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jindikaw kwalunkwe restrizzjoni f'konformità mal-Artikolu 19(2).

2.   L-Istati Membri għandhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom u mal-Artikolu 7(5), ikollhom aċċess indirett abbażi ta' sistema “hit/no hit” għall-informazzjoni pprovduta għall-iskopijiet tal-punt (c) tal-Artikolu 18(2), mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe restrizzjoni indikata mill-Istati Membri, il-korpi tal-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali li pprovdew l-informazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 19(2).

F'każ ta' “hit”, il-Europol għandha tibda l-proċedura li biha l-informazzjoni li ġġenerat il-“hit” tkun tista' tiġi kondiviża, skont id-deċiżjoni tal-fornitur tal-informazzjoni lill-Europol.

3.   F'konformità mal-liġi nazzjonali, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi aċċessata u tkompli tiġi pproċessata minn Stati Membri biss għall-fini ta' prevenzjoni u fil-ġlieda kontra:

(a)

forom ta' kriminalità li fir-rigward tagħhom il-Europol hija kompetenti, u

(b)

forom oħra ta' kriminalità serja, kif stipulat fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (22).

4.   Il-persunal tal-Europol awtorizzat debitament mid-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni proċessata mill-Europol sa fejn meħtieġ għat-twettiq ta' dmirijietu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 67.

Artikolu 21

Aċċess mill-Eurojust u l-OLAF għal informazzjoni maħżuna mill-Europol

1.   Il-Europol għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tippermetti lill-Eurojust u lill-OLAF, fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom, ikollhom aċċess indirett abbażi ta' sistema “hit/no hit” għall-informazzjoni pprovduta għall-iskopijiet tal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 18(2) mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe restrizzjoni indikata minn Stat Membru, korp tal-Unjoni, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li jipprovdu l-informazzjoni inkwistjoni, skont l-Artikolu 19(2).

F'każ ta' “hit”, il-Europol għandha tibda l-proċedura li biha l-informazzjoni li ġġenerat il-“hit” tkun tista' tiġi kondiviża, skont id-deċiżjoni tal-fornitur tal-informazzjoni lill-Europol u biss sa fejn id-data li tiġġenera l-'hit' tkun neċessarja għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tal-Eurojust jew l-OLAF.

2.   Il-Europol u l-Eurojust jistgħu jikkonkludu arranġament ta' ħidma li jiżgura b'mod reċiproku fil-mandati rispettivi tagħhom, aċċess għal, u l-possibbiltà li jfittxu, l-informazzjoni kollha li tkun ingħatat għall-iskop speċifikata fil-punt (a) tal-Artikolu 18(2). Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri, korpi tal-Unjoni u pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jindikaw restrizzjonijiet dwar aċċess għal, u l-użu ta', tali data, u għandu jkun skont il-garanziji ta' protezzjoni tad-data stipulati f'dan ir-Regolament.

3.   Tiftix ta' informazzjoni f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 għandu jitwettaq biss għall-iskop li jiġi identifikat jekk l-informazzjoni disponibbli għand l-Eurojust jew l-OLAF, rispettivament, taqbilx mal-informazzjoni pproċessata fl-Europol.

4.   Il-Europol għandha tippermetti tfittix skont il-paragrafi 1 u 2 wara li tkun kisbet mingħand l-Eurojust informazzjoni dwar liema Membri Nazzjonali, Deputati, Assistenti kif ukoll membri tal-persunal tal-Eurojust, u mingħand l-OLAF informazzjoni dwar liema membri tal-persunal tal-OLAF ġew innominati bħala awtorizzati jwettqu dan it-tfittix.

5.   Jekk, matul l-attivitajiet ta' pproċessar ta' informazzjoni mill-Europol fir-rigward ta' investigazzjoni individwali, il-Europol jew Stat Membru jidentifika l-ħtieġa għal koordinazzjoni, kooperazzjoni jew appoġġ skont il-mandat tal-Eurojust jew l-OLAF, il-Europol għandha tinnotifikahom dwar dan u għandha tibda l-proċedura għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, f'konformità mad-deċiżjoni tal-Istat Membru li pprovda l-informazzjoni. F'dan il-każ l-Eurojust jew l-OLAF għandu jikkonsulta mal-Europol.

6.   L-Eurojust, inkluż il-Kulleġġ, il-Membri Nazzjonali, id-Deputati, l-Assistenti, kif ukoll il-membri tal-persunal tal-Eurojust, u l-OLAF, għandhom jirrispettaw kwalunkwe restrizzjoni għall-aċċess jew l-użu, f'termini ġenerali jew speċifiċi, indikati mill-Istati Membri, il-korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali skont l-Artikolu 19(2).

7.   Il-Europol, il-Eurojust u l-OLAF għandhom jinfurmaw lil xulxin jekk, wara li jkunu kkonsultaw id-data ta' xulxin f'konformità mal-paragrafu 2 jew bħala riżultat ta' “hit” f'konformità mal-paragrafu 1, ikun hemm indikazzjonijiet li dik id-data tista' tkun żbaljata jew tista' tikkonfliġġi ma' data oħra.

Artikolu 22

Dmir li jiġu nnotifikati l-Istati Membri

1.   Il-Europol għandha, f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 4(1), tinnotifika lil Stat Membru minnufih dwar kwalunkwe informazzjoni li tikkonċernah. Jekk tali informazzjoni hija soġġetta għal restrizzjonijiet tal-aċċess skont l-Artikolu 19(2), li jipprojbixxu li tiġi kondiviża, il-Europol għandha tikkonsulta mal-fornitur tal-informazzjoni li jistipula r-restrizzjonijiet tal-aċċess u jitlob il-kunsens tiegħu għall-kondiviżjoni.

F'tali każ, l-informazzjoni ma għandhiex tiġi kondiviża ingħajr awtorizzazzjoni espliċita mill-fornitur.

2.   Irrispettivament minn kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess, il-Europol għandha tinnotifika lil Stat Membru dwar kwalunkwe informazzjoni li tikkonċernah jekk dan hu assolutament meħtieġ fl-interess tal-prevenzjoni ta' theddida imminenti għall-ħajja.

F'tali każ, il-Europol għandha fl-istess ħin tinnotifika lill-fornitur tal-informazzjoni dwar il-kondiviżjoni tali informazzjoni u tiġġustifika l-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni.

KAPITOLU V

RELAZZJONIJIET MAS-SĦAB

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet komuni

1.   Sa fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, il-Europol tista' tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet ta' kooperazzjoni ma' korpi tal-Unjoni skont l-objettivi ta' dawn il-korpi, l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet privati.

2.   Soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni stipulata skont l-Artikolu 19(2) u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 67, il-Europol tista' tiskambja direttament l-informazzjoni kollha, bl-eċċezzjoni ta' data personali, mal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, sa fejn tali skambju jkun rilevanti għall-prestazzjoni tal-kompiti tal-Europol.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma lill-Bord ta' Amministrazzjoni dwar kwalunkwe relazzjoni ta' kooperazzjoni regolari li l-Europol ikollha l-ħsieb tistabbilixxi u żżomm f'konformità mal-paragrafi 1 u 2, u dwar l-iżvilupp ta' relazzjonijiet bħal dawn ladarba stabbiliti.

4.   Għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, il-Europol tista' tikkonkludi arranġamenti ta' ħidma ma'entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1. Tali arranġamenti ta' ħidma m'għandhomx jippermettu l-iskambju ta' data personali u m'għandhomx jorbtu lill-Unjoni jew lill-Istati Membri tagħha.

5.   Il-Europol tista' tirċievi u tipproċessa data personali mingħand l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 sa fejn meħtieġ u proporzjonat għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tagħha u soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30(5), data personali għandha tiġi trażmessa biss mill-Europol lil korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, jekk dan ikun neċessarju għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tal-Europol u b'konformità ma' dan ir-Regolament u jekk ir-riċevitur jintrabat li d-data tkun ser tiġi pproċessata biss għall-għan li għalih ġiet trasferita. Jekk id-data li se tiġi ttrasferita tkun ġiet ipprovduta minn Stat Membru, il-Europol għandha titlob il-kunsens ta' dak l-Istat Membru, sakemm l-Istat Membru ikun ta l-awtorizzazzjoni tiegħu minn qabel għal tali trasferiment ulterjuri, jew f'termini ġenerali jew soġġett għal kondizzjonijiet speċifiċi. Tali kunsens jista' jiġi rtirat fi kwalunkwe żmien.

7.   It-trasferimenti ulterjuri ta' data personali miżmuma mill-Europol mill-Istati Membri, il-korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu pprojbiti, sakemm il-Europol ma tkunx tat minn qabel l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha.

8.   Il-Europol għandha tiżgura li r-rekords dettaljati tat-trasferimenti kollha tad-data personali u tar-raġunijiet li għalihom tali trasferimenti jiġu rreġistrati b'konformità ma' dan ir-Regolament.

9.   Kwalunkwe informazzjoni li b'mod ċar tkun inkisbet bi ksur ovvju tad-drittijiet tal-bniedem ma għandhiex tiġi pproċessata.

TAQSIMA 2

Trasferiment u skambju ta' data personali

Artikolu 24

Trasferiment ta' data personali lil korpi tal-Unjoni

Soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni possibbli skont l-Artikolu 19(2) jew (3) u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 67, il-Europol tista' tittrasferixxi b'mod dirett data personali lil korp tal-Unjoni sa fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha jew dawk tal-korp tal-Unjoni destinatarju.

Artikolu 25

Trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   Soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni possibbli skont l-Artikolu 19(2) jew (3) u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 67 il-Europol tista' tittrasferixxi data personali lil awtorità ta' pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, sa fejn tali trasferiment hu neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol, abbażi ta' waħda milli ġejjin:

(a)

deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2016/680, li ssib li l-pajjiż terz jew territorju jew settur tal-ipproċessar f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni (“deċiżjoni ta' adegwatezza”); jew

(b)

ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jagħti prova ta' garanziji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi;

(c)

ftehim ta' kooperazzjoni li jippermetti l-iskambju ta' data personali konkluż qabel l-1 ta' Mejju 2017, bejn il-Europol u dak il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI.

Il-Europol tista' tikkonkludi arranġamenti amministrattivi biex timplimenta tali ftehimiet jew deċiżjonijiet ta' adegwatezza.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma lill-Bord ta' Amministrazzjoni dwar skambji ta' data personali abbażi ta' deċiżjonijiet ta' adegwatezza f'konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 1.

3.   Il-Europol għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha u żżomm aġġornata lista ta' deċiżjonijiet ta' adegwatezza, arranġamenti amministrattivi u strumenti oħra marbuta mat-trasferiment ta' data personali f'konformità mal-paragrafu 1.

4.   Sal-14 ta' Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-ftehimiet ta' kooperazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu ta' dik il-valutazzjoni, u tista', jekk ikun adatt, tippreżenta lill-Kunsill rakkomandazzjoni għal deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragarfu 1.

5.   B'deroga mill-paragrafu 1, id-Direttur Eżekuttiv jista' jawtorizza t-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew lejn organizzazzjonijiet internazzjonali fuq bażi ta' każ b'każ jekk it-trasferiment huwa:

(a)

neċessarju għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna oħra;

(b)

neċessarju sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data meta l-liġi tal-Istat Membru li jkun qiegħed jittrasferixxi d-data personali tipprevedi dan;

(c)

essenzjali għall-prevenzjoni ta' theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta' Stat Membru jew ta' pajjiż terz;

(d)

neċessarju f'każijiet individwali għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali; jew

(e)

neċessarju f'każijiet individwali għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali relatati mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reat kriminali speċifiku jew l-eżekuzzjoni ta' piena kriminali speċifika.

Id-data personali ma għandhiex tiġi ttrasferita jekk id-Direttur Eżekuttiv jiddetermina li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat jieħdu preċedenza fuq l-interess pubbliku fit-trasferiment kif imsemmi fil-punti (d) u (e).

Id-derogi ma jistgħux ikunu applikabbli għal trasferimenti sistematiċi, massivi jew strutturali.

6.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-Bord ta' Amministrazzjoni jista', bi ftehim mal-KEPD, jawtorizza għal perijodu li ma jaqbiżx sena, li jista' jiġi mġedded, sett ta' trasferimenti f'konformità mal-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 5, filwaqt li jieħu kont tal-eżistenza ta' salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi. Tali awtorizzazzjoni għandha tkun debitament ġustifikata u dokumentata.

7.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma kemm jista' jkun malajr lill-Bord ta' Amministrazzjoni u lill-KEPD dwar każijiet fejn ikun applika l-paragrafu 5.

8.   Il-Europol għandha żżomm rekords dettaljati tat-trasferimenti kollha skont dan l-Artikolu.

Artikolu 26

Skambji ta' data personali ma' partijiet privati

1.   Sa fejn hu neċessarju għall-Europol biex twettaq il-kompiti tagħha, il-Europol tista' tipproċessa data personali miksuba minn partijiet privati b' kondizzjoni li dawn jaslu permezz ta':

(a)

unità nazzjonali ta' Stat Membru skont il-liġi nazzjonali;

(b)

il-punt ta' kuntatt ta' pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li miegħu l-Europol tkun ikkonkludiet, qabel 1 ta' Mejju 2017, ftehim ta' kooperazzjoni li jippermetti l-iskambju ta' data personali f'konformità mal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI; jew

(c)

awtorità ta' pajjiż terz jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tkun is-suġġett ta' deċiżjoni ta' adegwatezza kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 25(1) ta' dan ir-Regolament jew li magħha l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE.

2.   F'każijiet fejn minkejja dan, il-Europol tirċievi data personali direttament minn partijiet privati u fejn l-unità nazzjonali, il-punt ta' kuntatt jew l-awtorità kkonċernata, kif imsemmija fil-paragrafu 1, ma tistax tiġi identifikata, il-Europol tista' tipproċessa dik id-data personali unikament għall-fini tat-tali identifikazzjoni. Sussegwentement, id-data personali għandha tintbagħat minnufih lill-unità nazzjonali, il-punt ta' kuntatt jew l-awtorità kkonċernata u għandha titħassar sakemm l-unità nazzjonali, il-punt ta' kuntatt jew l-awtorità kkonċernata ma jerġgħux jippreżentaw dik id-data personali f'konformità mal-Artikolu 19(1) fi żmien erba' xhur wara li jkun sar it-trasferiment. Il-Europol għandha tiżgura permezz ta' mezzi tekniċi li, matul dak il-perijodu, id-data inkwistjoni mhijiex aċċessibbli għall-ipproċessar għal kwalunkwe fini ieħor.

3.   Wara t-trasferiment ta' data personali f'konformità mal-punt (c) tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Europol tista', b'rabta ma' dan, tirċievi data personali direttament mingħand parti privata li dik il-parti privata tiddikjara bħala li tista' tittrażmettiha skont il-liġi applikabbli, sabiex tipproċessa dik id-data għat-twettiq tal-kompitu stipulat fil-punt (m) tal-Artikolu 4(1).

4.   Jekk il-Europol tirċievi data personali minn parti privata f'pajjiż terz li miegħu m'hemm ebda ftehim, konkluż abbażi tal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI jew abbażi tal-Artikolu 218 tat-TFUE, jew li mhux is-suġġett ta' deċiżjoni ta' adegwatezza kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 25(1) ta' dan ir-Regolament, il-Europol tista' tgħaddi dik id-data biss lil Stat Membru, jew lil pajjiż terz ikkonċernat li miegħu ġie konkluż tali ftehim.

5.   Il-Europol ma tistax tittrasferixxi data personali lil partijiet privati ħlief fejn, abbażi tal-każ individwali fejn ikun strettament meħtieġ u soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni possibbli stipulata skont l-Artikolu 19(2) jew (3) u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 67:

(a)

it-trasferiment mingħajr dubju jkun fl-interess tal-suġġett tad-data, u jew ikun ingħata l-kunsens tas-suġġett tad-data jew iċ-ċirkostanzi jippermettu preżunzjoni ċara ta' tali kunsens; jew

(b)

it-trasferiment ikun assolutament meħtieġ fl-interess tal-prevenzjoni tat-twettiq imminenti ta' reat kriminali, inkluż terroriżmu, li għalih hi kompetenti l-Europol; jew

(c)

it-trasferiment ta' data personali li huma pubblikament disponibbli ikun strettament meħtieġ għat-twettiq tal-kompitu stipulat fil-punt (m) tal-Artikolu 4(1) u filwaqt li jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

it-trasferiment jikkonċerna każ individwali u speċifiku; u

(ii)

l-ebda dritt u libertà fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat ma jieħu preċedenza fuq l-interess tal-pubbliku li jkun jeħtieġ it-trasferiment fil-każ inkwistjoni.

6.   Fir-rigward tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, jekk il-parti privata kkonċernata ma tkunx stabbilita fl-Unjoni jew f'pajjiż li miegħu l-Europol ikollha ftehim ta' kooperazzjoni li jippermetti l-iskambju ta' data personali jew li miegħu l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE u li jkun is-suġġett ta' deċiżjoni ta' adegwatezza kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 25(1) ta' dan ir-Regolament, it-trasferiment ma għandux ikun awtorizzat ħlief jekk it-trasferiment ikun:

(a)

meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna oħra; jew

(b)

neċessarju sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew

(c)

essenzjali għall-prevenzjoni ta' theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta' Stat Membru jew ta' pajjiż terz; jew

(d)

neċessarju f'każijiet individwali għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali li għalih hi kompetenti l-Europol; jew

(e)

ineċessarju f'każijiet individwali għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali relatati mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reat kriminali speċifiku li għalih hi kompetenti l-Europol.

7.   Il-Europol għandha tiżgura li rekords dettaljati tat-trasferimenti kollha ta' data personali u r-raġunijiet għal tali trasferimenti jiġu rreġistrati f'konformità ma' dan ir-Regolament, u kkomunikati fuq talba lill-KEPD f'konformità mal-Artikolu 40.

8.   Jekk id-data personali li tkun waslet jew ġiet ittrasferita taffettwa l-interessi ta' Stat Membru, il-Europol għandha minnufih tinforma lill-unità nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

9.   Il-Europol ma għandhiex tikkuntattja lil partijiet privati sabiex tikseb data personali.

10.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-prattika ta' skambji diretti ta' data personali ma' partijiet privati sal-1 ta' Mejju 2019.

Artikolu 27

Informazzjoni minn persuni privati

1.   Sa fejn hu neċessarju għall-Europol biex twettaq il-kompiti tagħha, il-Europol tista' tirċievi u tipproċessa informazzjoni li toriġina minn persuni privati. Data personali li toriġina minn persuni privati tista' tiġi pproċessata mill-Europol biss b' kondizzjoni li din tasal permezz ta':

(a)

unità nazzjonali skont il-liġi nazzjonali;

(b)

il-punt ta' kuntatt ta' pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li miegħu l-Europol tkun ikkonkludiet, qabel l-1 ta' Mejju 2017, ftehim ta' kooperazzjoni li jippermetti l-iskambju ta' data personali f'konformità mal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI; jew

(c)

awtorità ta' pajjiż terz jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li huwa s-suġġett ta' deċiżjoni ta' adegwatezza kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 25(1) jew li magħha l-Unjoni kkonkludiet ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE.

2.   Jekk il-Europol tirċievi informazzjoni, inkluż data personali, minn parti privata residenti f'pajjiż terz li miegħu m'hemm ebda ftehim internazzjonali, la konkluż abbażi tal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI jew abbażi tal-Artikolu 218 tat-TFUE, jew li mhux is-suġġett ta' deċiżjoni ta' adegwatezza kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 25(1), il-Europol tista' tgħaddi dik l-informazzjoni biss lil Stat Membru jew lil pajjiż terz konċernat li miegħu tkun ġie konkluż tali ftehim internazzjonali.

3.   Jekk id-data personali li tasal taffettwa l-interessi ta' Stat Membru, il-Europol għandha minnufih tinforma lill-unità nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   Il-Europol ma għandhiex tikkuntattja lil persuni privati sabiex tikseb informazzjoni.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 36 u 37, il-Europol ma tistax tittrasferixxi data personali lil persuni privati.

KAPITOLU VI

SALVAGWARDJI GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 28

Prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data

1.   Id-data personali għandha:

(a)

tiġi pproċessata b'mod ġust u skont il-liġi;

(b)

tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u ma tiġix ipproċessata ulterjorment b'mod li ma jkunx kompatibbli ma' dawk il-finijiet. L-ipproċessar ulterjuri ta' data personali għal finijiet ta' riċerka storika, xjentifika jew marbuta mal-istatistika ma għandux jitqies inkompatibbli dment li l-Europol tipprovdi salvagwardji xierqa, b'mod partikolari biex tiżgura li d-data ma tiġix ipproċessata għal xi fini ieħor;

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b'rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata;

(d)

tkun preċiża u tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevolment possibbli biex jiġi żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, filwaqt li tieħu kont tal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew titranġa mingħajr dewmien;

(e)

tinżamm f'forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tiġi pproċessata; u

(f)

tiġi pproċessata b'mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali.

2.   Il-Europol għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dokument li jistipula f'forma intelliġibbli d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-ipproċessar ta' data personali u l-mezzi disponibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

Artikolu 29

Valutazzjoni tal-affidabbiltà tas-sors u l-preċiżjoni tal-informazzjoni

1.   L-affidabilità tas-sors ta' informazzjoni li toriġina minn Stat Membru għandha tiġi vvalutata sa fejn possibbli mill-Istat Membru fornitur bl-użu tal-kodiċijiet tal-evalwazzjoni tas-sors li ġejjin:

 

(A): fejn ma hemm ebda dubju dwar l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-kompetenza tas-sors, jew jekk l-informazzjoni tiġi pprovduta minn sors li ta prova li huwa dejjem affidabbli;

 

(B): fejn l-informazzjoni hija pprovduta minn sors li fil-biċċa l-kbira tad-drabi wera li huwa affidabbli;

 

(C): fejn l-informazzjoni hija pprovduta minn sors li fil-biċċa l-kbira tad-drabi wera li mhuwiex affidabbli;

 

(X): fejn l-affidabbiltà tas-sors ma tistax tiġi vvalutata.

2.   Il-preċiżjoni tal-informazzjoni li toriġina minn Stat Membru għandha tiġi vvalutata sa fejn possibbli mill-Istat Membru fornitur bl-użu tal-kodiċijiet tal-evalwazzjoni tal-informazzjoni li ġejjin:

 

(1): informazzjoni li ma hemmx dubju dwar il-preċiżjoni tagħha;

 

(2): informazzjoni magħrufa personalment mis-sors iżda li mhijiex magħrufa personalment mill-uffiċjal li qed jgħaddiha;

 

(3): informazzjoni li mhijiex magħrufa personalment mis-sors iżda korroborata minn informazzjoni oħra diġà reġistrata;

 

(4): informazzjoni li mhijiex magħrufa personalment mis-sors u li ma tistax tiġi korroborata.

3.   Fejn il-Europol, abbażi ta' informazzjoni diġà fil-pussess tagħha, tasal għall-konklużjoni li jeħtieġ li l-valutazzjoni provduta fil-paragrafi 1 jew 2 tiġi korretta, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat u tfittex ftehim dwar emenda għall-valutazzjoni. Il-Europol ma għandhiex tibdel il-valutazzjoni mingħajr tali ftehim.

4.   Jekk il-Europol tirċievi informazzjoni mhux ivvalutata mingħand Stat Membru f'konformità mal-paragrafi 1 jew 2, għandha tipprova tivvaluta l-affidabbiltà tas-sors jew il-preċiżjoni tal-informazzjoni abbażi tal-informazzjoni diġà fil-pussess tagħha. Il-valutazzjoni ta' data u informazzjoni speċifiċi għandha ssir bi qbil mal-Istat Membru fornitur. Stat Membru jista' wkoll jilħaq qbil mal-Europol f'termini ġenerali dwar il-valutazzjoni ta' tipi speċifikati ta' data u sorsi speċifikati. Jekk ma jintlaħaqx qbil f'każ speċifiku, jew ma jkunx jeżisti ftehim f'termini ġenerali, il-Europol għandha tivvaluta l-informazzjoni jew id-data u għandha tattribwixxi lil din l-informazzjoni jew data l-kodiċi tal-evalwazzjoni (X) u (4) imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.

5.   Dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis fejn il-Europol tirċievi data jew informazzjoni minn korp tal-Unjoni, pajjiż terz, organizzazzjoni internazzjonali jew parti privata.

6.   L-informazzjoni minn sorsi disponibbli pubblikament għandha tiġi vvalutata mill-Europol bl-użu tal-kodiċijiet tal-evalwazzjoni stipulati fil-paragrafi 1 u 2.

7.   Fejn l-informazzjoni hija r-riżultat ta' analiżi magħmula mill-Europol fit-twettiq tal-kompiti tagħha, il-Europol għandha tivvaluta tali informazzjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu, u fi qbil mal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-analiżi.

Artikolu 30

Proċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali u ta' kategoriji differenti ta' suġġetti tad-data

1.   L-ipproċessar ta' data personali fir-rigward tal-vittmi ta' reat kriminali, xhieda jew persuni oħra li jistgħu jipprovdu informazzjoni rigward reati kriminali, jew fir-rigward tal-persuni taħt it-18-il sena, għandu jkun permess jekk ikun strettament meħtieġ u proporzjonat għall-prevenzjoni jew għall-ġlieda kontra l-kriminalità li taqa' fi ħdan l-objettivi tal-Europol.

2.   L-ipproċessar ta' data personali, b'mezzi awtomatizzati jew mezzi oħra, li jiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew is-sħubija fi trejdjunjin, u l-ipproċessar ta' data ġenetika jew data li tikkonċerna s-saħħa jew il-ħajja sesswali ta' bniedem għandu jkun projbit, sakemm ma jkunx strettament meħtieġ u proporzjonat għall-prevenzjoni jew għall-ġlieda kontra l-kriminalità li taqa' taħt l-objettivi tal-Europol u jekk din id-data tissupplimenta data personali oħra proċessata mill-Europol. L-għażla ta' grupp ta' persuni unikament abbażi ta' tali data personali għandha tkun ipprojbita.

3.   Il-Europol biss għandu jkollha aċċess dirett għad-data personali kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jawtorizza debitament għadd limitat ta' uffiċjali li jkollhom dan l-aċċess, jekk ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

4.   L-ebda deċiżjoni minn awtorità kompetenti li tħalli effetti legali negattivi li jikkonċernaw suġġett tad-data ma għandha tkun ibbażata biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data kif imsemmija fil-paragrafu 2, sakemm id-deċiżjoni ma tkunx espliċitament awtorizzata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni.

5.   Id-data personali kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex tiġi trażmessa lill-Istati Membri, korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali dment li tali trażmissjoni ma tkunx strettament meħtieġa u proporzjonata f'każijiet individwali li jikkonċernaw reati li jaqgħu fi ħdan l-objettivi tal-Europol u f'konformità mal-Kapitolu V.

6.   Kull sena l-Europol għandha tipprovdi lill-KEPD ħarsa ġenerali permezz ta' statistika tad-data personali kollha kif msemmija fil-paragrafu 2 li pproċessat.

Artikolu 31

Limiti ta' żmien għall-ħżin u t-tħassir ta' data personali

1.   Id-data personali pproċessata mill-Europol għandha tinħażen mill-Europol biss sakemm tkun meħtieġa u proporzjonata għall-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata d-data.

2.   Il-Europol għandha fil-każijiet kollha tanalizza l-ħtieġa li d-data tibqa' maħżuna sa mhux aktar tard minn tliet snin wara l-bidu tal-ipproċessar inizjali tad-data personali. Il-Europol tista' tiddeċiedi dwar li d-data personali tkompli tinħażen sal-analiżi li jkun imiss, li għandha ssir wara perijodu ieħor ta' tliet snin jekk, ikun għadu meħtieġ li tkompli tinħażen għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol. Ir-raġunijiet biex id-data tkompli tinżamm maħżuna għandhom ikunu ġġustifikati u rreġistrati. Jekk ma titteħidx deċiżjoni dwar jekk għandhiex tkompli tinżamm maħżuna d-data personali, dik id-data għandha titħassar awtomatikament wara tliet snin.

3.   Jekk id-data personali tat-tip kif imsemmi fl-Artikolu 30(1) u (2) tinħażen għal perijodu itwal minn ħames snin, il-KEPD għandu jiġi infurmat dwar dan.

4.   Fejn Stat Membru, korp tal-Unjoni, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali tkun indikat xi restrizzjoni fir-rigward tat-tħassir jew il-qerda aktar kmieni tad-data personali fil-mument tat-trasferiment f'konformità mal-Artikolu 19(2), il-Europol għandha tħassar id-data personali f'konformità ma' dawn ir-restrizzjonijiet. Jekk abbażi ta' informazzjoni li hija aktar estensiva minn dik li jkollu l-fornitur tad-data, jitqies neċessarju li d-data tibqa' tinħażen, biex il-Europol tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha, il-Europol għandha titlob awtorizzazzjoni mingħand il-fornitur tad-data biex tkompli taħżen id-data u għandha tippreżenta ġustifikazzjoni għat-tali talba.

5.   Fejn Stat Membru, korp tal-Unjoni, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali tħassar data pprovduta lill-Europol mill-fajls nazzjonali tad-data personali tagħha, din għandha tgħarraf lill-Europol kif meħtieġ. Il-Europol għandha tħassar id-data sakemm abbażi ta' informazzjoni aktar estensiva minn dik li jkollu l-fornitur tad-data, sabiex il-Europol tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha. Il-Europol għandha tinforma lill-fornitur tad-data li ser tkompli taħżen tali data u tippreżenta ġustifikazzjoni għalfejn ser tkompli taħżinha.

6.   Data personali ma għandhiex titħassar jekk:

(a)

dan ikun ta' dannu għall-interessi ta' suġġett tad-data li jkun jeħtieġ protezzjoni. F'dawn il-każijiet, id-data għandha tintuża biss bil-kunsens espliċitu u bil-miktub tas-suġġett tad-data;

(b)

il-preċiżjoni tagħha tiġi kkontestata mis-suġġett tad-data, għal perijodu li jippermetti lill-Istati Membri jew lill-Europol, fejn xieraq, jivverifikaw il-preċiżjoni tad-data;

(c)

tkun trid tinżamm għal finijiet ta' prova jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali; jew

(d)

is-suġġett tad-data jopponi t-tħassir tagħha u minflok jitlob ir-restrizzjoni tal-użu tagħha.

Artikolu 32

Sigurtà tal-ipproċessar

1.   Il-Europol għandha timplimenta l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex tipproteġi d-data personali kontra l-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf aċċidentali jew żvelar mhux awtorizzat, tibdil u aċċess jew kwalunkwe forma oħra ta' pproċessar mhux awtorizzata.

2.   Fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data, il-Europol u kull Stat Membru għandhom jimplimentaw miżuri mfasslin sabiex:

(a)

jinċaħad l-aċċess għat-tagħmir li jipproċessa d-data użat għall-ipproċessar ta' data personali (kontroll tal-aċċess għat-tagħmir) lil persuni mhux awtorizzati;

(b)

jiġi impedit il-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzati tal-mezzi tad-data (kontroll tal-mezzi tad-data);

(c)

jiġi impedit li tiddaħħal data b'mod mhux awtorizzat kif ukoll l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta' data personali maħżuna (kontroll tal-ħżin);

(d)

jiġi impedit l-użu ta' sistemi ta' pproċessar tad-data awtomatizzati minn persuni mhux awtorizzati permezz ta' tagħmir tal-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-utent);

(e)

jiġi żgurat li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema ta' pproċessar tad-data awtomatizzata jkollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (kontroll tal-aċċess għad-data);

(f)

jiġi żgurat li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit lil liema korpi tista' tintbagħat, jew intbagħtet, data personali permezz ta' tagħmir ta' komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

(g)

jiġi żgurat li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali ddaħħlet f'sistemi awtomatizzati tal-ipproċessar tad-data u meta u minn min iddaħħlet id-data (kontroll tal-input);

(h)

jiġi żgurat li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data ġiet aċċessata, minn liema membru tal-persunal u f'liema ħin (reġistru tal-aċċess);

(i)

jiġi impedit il-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' data personali matul it-trasferiment ta' data personali jew matul it-trasportazzjoni tal-mezzi tad-data (kontroll tat-trasport);

(j)

jiġi żgurat li huwa possibli, f'każ ta' interruzzjoni, li jiġu restawrati s-sistemi installati minnufih (irkupru); u

(k)

jiġi żgurat li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu mingħajr difett, li meta jseħħu ħsarat fil-funzjonijiet jiġu rrappurtati minnufih (affidabbiltà) u li d-data maħżuna ma tistax tiġi korrotta mill-ħsarat tekniċi tas-sistema (integrità).

3.   Il-Europol u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi li jiżguraw li l-ħtiġijiet tas-sigurtà jiġu implimentati fis-sistemi tal-informazzjoni kollha.

Artikolu 33

Protezzjoni tad-data mid-disinn

Il-Europol għandha timplimenta miżuri u proċeduri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar tad-data jkun konformi ma' dan ir-Regolament u jipproteġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data kkonċernati.

Artikolu 34

Notifika ta' ksur ta' data personali lill-awtoritajiet ikkonċernati

1.   Fil-każ ta' ksur ta' data personali, il-Europol għandha, mingħajr dewmien bla bżonn, tinnotifika lill-KEPD kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati ta' dak il-ksur, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(5), kif ukoll lill-fornitur tad-data kkonċernata.

2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha, bħala minimu:

(a)

tiddeskrivi n-natura tal-ksur ta' data personali inkluż, fejn hu possibbli u xieraq, il-kategoriji u l-għadd ta' suġġetti tad-data kkonċernati u l-kategoriji u l-għadd ta' rekords tad-data kkonċernati;

(b)

tiddeskrivi l-konsegwenzi mistennija tal-ksur ta' data personali;

(c)

tiddeskrivi l-miżuri proposti jew meħuda mill-Europol sabiex tindirizza l-ksur ta' data personali; u

(d)

fejn xieraq, tirrakkomanda miżuri sabiex jiġu mitigati l-effetti negattivi possibbli tal-ksur ta' data personali;

3.   Il-Europol għandha tiddokumenta kwalunkwe ksur ta' data personali, inkluż li tiddeskrivi l-fatti li jirrigwardaw il-ksur, l-effetti tiegħu u l-azzjoni ta' rimedju meħuda, billi tippermetti lill-KEPD jivverifika l-konformità ma' dan l-Artikolu.

Artikolu 35

Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data

1.   Soġġett għall-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, fejn ksur ta' data personali kif imsemmi fl-Artikolu 34 x'aktarx jaffettwa d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data b'mod sever u avvers, il-Europol għandha tikkomunika l-ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien bla bżonn.

2.   Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data kkonċernat imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiddeskrivi, fejn possibbli, in-natura tal-ksur ta' data personali, tirrakkomanda miżuri biex jiġu mitigati l-effetti negattivi possibbli tal-ksur ta' data personali, u tinkludi l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data.

3.   F'każ li l-Europol ma jkollhiex id-dettalji ta' kuntatt tas-suġġett tad-data kkonċernat, hija għandha titlob lill-fornitur tad-data biex jikkomunika l-ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data kkonċernat u biex jinforma lill-Europol dwar id-deċiżjoni meħuda. L-Istati Membri li jipprovdu d-data għandhom jikkomunikaw il-ksur lis-suġġett tad-data kkonċernat f'konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tagħhom.

4.   Il-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data ma għandhiex tkun meħtieġa jekk:

(a)

il-Europol tkun applikat għad-data personali kkonċernata minn dak il-ksur, miżuri ta' protezzjoni teknoloġika xierqa li jwasslu d-data b'tali mod li ma tkunx tista' tingħaraf minn kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata biex taċċessaha;

(b)

il-Europol tkun ħadet miżuri sussegwenti li jiżguraw li d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data ma għadhomx fil-probabbiltà li jkunu affettwati serjament; jew

(c)

tali komunikazzjoni tkun tinvolvi sforz sproporzjonat, b'mod partikolari minħabba l-għadd ta' każijiet involuti. F'każ bħal dan, minflok għandu jkun hemm komunikazzjoni pubblika jew miżura simili li tinforma lis-suġġetti tad-data kkonċernati b'mod ugwalment effettiv.

5.   Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data tista' tiġi ttardjata, ristretta jew titħalla barra fejn tikkostitwixxi miżura meħtieġa b'konsiderazzjoni xierqa tal-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata sabiex:

(a)

jiġi evitat it-tfixkil ta' inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)

jiġi evitat milli jiġi ppreġudikati l-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali;

(c)

titħares is-sigurtà pubblika u nazzjonali;

(d)

tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta' partijiet terzi.

Artikolu 36

Dritt ta' aċċess għas-suġġett tad-data

1.   Kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt, f'intervalli raġonevoli, jikseb informazzjoni dwar jekk data personali dwaru jew dwarha hijiex qed tiġi pproċessata mill-Europol.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, il-Europol għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja lis-suġġett tad-data:

(a)

konferma dwar jekk hijiex qed tiġi pproċessata data relatata miegħu jew magħha jew le;

(b)

informazzjoni tal-anqas dwar il-finijiet tal-operazzjoni ta' pproċessar, il-kategoriji tad-data kkonċernata, u d-destinatarji jew kategoriji ta' destinatarji li lilhom ġiet żvelata d-data;

(c)

komunikazzjoni f'forma intelliġibbli tad-data li qed tiġi pproċessata u ta' kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar is-sorsi tagħha.

(d)

indikazzjoni tal-bażi legali għall-ipproċessar tad-data;

(e)

il-perijodu previst li għalih id-data personali tkun ser tinħażen;

(f)

l-eżistenza tad-dritt li jitlob mill-Europol rettifika, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċerna s-suġġett tad-data.

3.   Kwalunkwe suġġett tad-data li jixtieq jeżerċita d-dritt tal-aċċess għad-data personali relatata miegħu jew magħha jista' jagħmel talba għal dak l-għan, mingħajr ma jġarrab spejjeż eċċessivi, lill-awtorità maħtura għal dak il-għan fl-Istat Membru tal-għażla tiegħu/tagħha. Dik l-awtorità għandha tirreferi t-talba lill-Europol mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta tirċeviha. Il-Europol għandha tikkonferma l-wasla tat-talba.

4.   Il-Europol għandha tikkonferma li tkun waslitilha t-talba taħt il-paragrafu 3, il-Europol għandha twieġeb mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mill-wasla għand il-Europol tat-talba mill-awtorità nazzjonali.

5.   Il-Europol għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, f'konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(5), u l-fornitur tad-data kkonċernati, dwar deċiżjoni li għandha tittieħed. Deċiżjoni dwar l-aċċess għad-data personali għandha tkun tiddependi fuq kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Europol u l-fornitur tad-data direttament ikkonċernat mill-aċċess tas-suġġett tad-data għal tali data. Jekk Stat Membru jew il-fornitur tad-data joġġezzjona għat-tweġiba proposta tal-Europol, dan għandu jinnotifika lill-Europol bir-raġunijiet għall-oġġezzjoni tiegħu f'konformità mal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Il-Europol għandha tqis bl-aktar mod sħiħ kwalunkwe oġġezzjoni bħal din. Il-Europol għandha sussegwentement tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, f'konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(5), u lill-fornitur tad-data.

6.   L-għoti ta' informazzjoni b'rispons għal kwalunkwe talba skont il-paragrafu 1 jista' jiġi rrifjutat jew ristrett jekk it-tali ċaħda jew restrizzjoni tikkostitwixxi miżura li hija neċessarja sabiex:

(a)

tippermetti lill-Europol twettaq korrettament il-kompiti tagħha;

(b)

tipproteġi s-sigurtà u l-ordni pubbliku jew tipprevjeni r-reati;

(c)

tiggarantixxi li kwalunkwe investigazzjoni nazzjonali ma tiġix ipperikolata; jew

(d)

tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta' partijiet terzi.

Meta ssir valutazzjoni tal-applikabbiltà ta' eżenzjoni għar-regola li ttirrikjedi dak il-forniment ta' informazzjoni, għandu jittieħed kont tad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data.

7.   Il-Europol għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni għall-aċċess, dwar ir-raġunijiet għal tali deċiżjoni u dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li jressaq jew tressaq ilment lill-KEPD. Fejn il-forniment ta' tali informazzjoni jimmina l-effett tal-paragrafu 6, il-Europol għandha tinnotifika biss lis-suġġett tad-data konċernat li wettqet il-verifiki mingħajr ma tagħti ebda informazzjoni li tista' tiżvela lilu jew lilha jekk id-data personali li tikkonċernah jew tikkonċernaha hijiex tiġi pproċessata mill-Europol jew le.

Artikolu 37

Dritt għal rettifika, tħassir u restrizzjoni

1.   Kwalunkwe suġġett tad-data li jkun aċċessa data personali li tikkonċernah pproċessata mill-Europol f'konformità mal-Artikolu 36 għandu jkollu d-dritt jirrikjedi lill-Europol, permezz tal-awtorità maħtura għal dak il-għan fl-Istat Membru tal-għażla tiegħu jew tagħha, għal rettifika tad-data personali li tikkonċernah miżmuma mill-Europol jekk ma tkunx korretta jew biex tikkompletaha jew taġġornaha. Dik l-awtorità għandha tirreferi t-talba lill-Europol mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta tirċeviha.

2.   Kwalunkwe suġġett tad-data li jkun aċċessa data personali li tikkonċernah ipproċessata mill-Europol f'konformità mal-Artikolu 36 għandu jkollu d-dritt jitlob lill-Europol permezz tal-awtorità maħtura għal dak il-għan fl-Istat Membru tal-għażla tiegħu/tagħha għat-tħassir tad-data personali li tikkonċernahmiżmuma mill-Europol jekk ma tkunx għadha meħtieġa għall-finijiet li għalihom din tkun inġabret jew ġiet ipproċessata ulterjorment. Dik l-awtorità għandha tirreferi t-talba lill-Europol mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta tirċeviha.

3.   Il-Europol għandha tirrestrinġi iktar milli tħassar data personali kif imsemmija fil-paragrafu 2 jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li t-tħassir ikun jista' jaffettwa l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data. Data ristretta għandha tiġi pproċessata biss għall-għan li jkun impedixxa t-tħassir tagħha.

4.   Jekk id-data personali msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 miżmuma mill-Europol kienet ġiet ipprovduta lilha minn pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali jew korpi tal-Unjoni, kienet ġiet ipprovduta direttament minn partijiet privati jew inkisbet mill-Europol minn sorsi disponibbli pubblikament jew li rriżulta mill-analiżi mwettqa mill-Europol stess, il-Europol għandha tikkoreġi, tħassar jew tirrestrinġi tali data u tinforma, fejn xieraq, lill-fornituri tad-data.

5.   Jekk id-data personali msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 miżmuma mill-Europol kienet ġiet ipprovduta lill-Europol mill-Istati Membri, l-Istati Membri konċernati għandhom jikkoreġu, iħassru jew jirrestrinġu din id-data f'kollaborazzjoni mal-Europol fil-kompetenzi rispettivi tagħhom.

6.   Jekk kienet ġiet trasferita data personali żbaljata b'mezzi xierqa oħra jew jekk l-iżbalji fid-data pprovduta mill-Istati Membri jkunu minħabba trasferiment difettuż jew trasferiment bi ksur ta' dan ir-Regolament jew jekk jirriżultaw minn data li ddaħħlet, ittieħdet jew ġiet maħżuna b'mod żbaljat jew bi ksur ta' dan ir-Regolament mill-Europol, il-Europol għandha tikkoreġi jew tħassar tali data f'kollaborazzjoni mal-fornitur tad-data kkonċernat.

7.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 4, 5 u 6 d-destinatarji kollha tad-data konċernata għandhom jiġu nnotifikati minnufih. F'konformità mar-regoli applikabbli għalihom, id-destinatarji għandhom imbagħad jikkoreġu, iħassru jew jirrestrinġu dik id-data fis-sistemi tagħhom.

8.   Il-Europol għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub mingħajr dewmien żejjed, u f'kull każ fi żmien tliet xhur minn meta tasal talba f'konformità mal-paragrafi 1 jew 2, li d-data li tikkonċernah jew tikkonċernaha tkun ġiet ikkoreġuta, imħassra jew ristretta.

9.   Fi żmien tliet xhur mill-wasla ta' talba f'konformità mal-paragrafi 1 jew 2, il-Europol għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub bi kwalunkwe rifjut ta' korrezzjoni, tħassir jew ristrizzjoni, tar-raġunijiet għal tali rifjut u bil-possibbiltà li jippreżenta ilment mal-KEDP u li jfittex rimedju ġudizzjarju.

Artikolu 38

Responsabbiltà fi kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data

1.   Il-Europol għandha taħżen id-data personali b'tali mod li tiżgura li jkun jista' jiġi stabbilit is-sors tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 17.

2.   Ir-responsabbiltà għall-kwalità tad-data personali kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 28(1) għandha tkun:

(a)

tal-Istat Membru jew tal-korp tal-Unjoni li pprovdew d-data personali lill-Europol;

(b)

tal-Europol fir-rigward tad-data personali pprovduta minn pajjiżi terzi, jew organizzazzjonijiet internazzjonali jew ipprovduta direttament minn partijiet privati; tad-data personali miksuba mill-Europol minn sorsi disponibbli b'mod pubbliku jew li tirriżulta mill-analiżi mwettqa mill-Europol stess; u tad-data personali maħżuna mill-Europol f'konformità mal-Artikolu 31(5).

3.   Jekk il-Europol issir taf li data personali pprovduta f'konformità mal-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 17(1) hija fattwalment żbaljata jew inħażnet illegalment, hija għandha tinforma lill-fornitur ta' dik id-data kif xieraq.

4.   Il-Europol għandha tkun responsabbli għall-konformità mal-prinċipji msemmija fil-punti (a), (b), (c), (e) u (f) tal-Artikolu 28(1)

5.   Ir-responsabbiltà għal-legalità ta' trasferiment tad-data għandha tkun ta':

(a)

l-Istat Membru li jkun ipprovda d-data personali lill-Europol; u

(b)

tal-Europol fil-każ ta' data personali pprovduta minnha lill-Istati Membri, lill-pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

6.   F'każ ta' trasferiment bejn il-Europol u korp tal-Unjoni, ir-responsabbiltà għal-legalità tat-trasferiment tkun tal-Europol.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, meta d-data tiġi ttrasferita mill-Europol wara talba mingħand ir-riċevitur, kemm il-Europol kif ukoll ir-riċevitur għandhom iġorru r-responsabbiltà tal-legalità ta' tali trasferiment.

7.   Il-Europol għandha tkun responsabbli għall-operazzjonijiet kollha ta' pproċessar ta' data mwettqa minnha bl-eċċezzjoni tal-iskambju bilaterali ta' data bl-użu tal-infrastruttura tal-Europol bejn l-Istati Membri, il-korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li għalih il-Europol m'għandhiex aċċess. Tali skambji bilaterali għandhom isiru taħt ir-responsabbiltà tal-entitajiet konċernati u f'konformità mal-liġi tagħhom. Is-sigurtà ta' tali skambji għandha tiġi żgurata f'konformità mal-Artikolu 32.

Artikolu 39

Konsultazzjoni minn qabel

1.   Kwalunkwe tip ġdid ta' operazzjoni ta' proċessar li għandha titwettaq, għandha tkun soġġetta għal konsultazzjoni minn qabel fejn:

(a)

ikunu ser jiġu pproċessati kategoriji speċjali ta' data kif imsemmija fl-Artikolu 30(2);

(b)

it-tip ta' pproċessar, partikolarment bl-użu ta' teknoloġiji, mekkaniżmi jew proċeduri ġodda, jippreżenta riskji speċifiċi mod ieħor għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u partikolarment għall-protezzjoni tad-data personali, tas-suġġetti tad-data.

2.   Il-konsultazzjoni minn qabel għandha titwettaq mill-KEPD wara li jkun irċieva notifika mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data li għandha tinkludi mill-inqas deskrizzjoni ġenerali tal-operazzjonijiet ta' proċessar previsti, valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, il-miżuri previsti li jindirizzaw dawk ir-riskji, il-garanziji, u l-miżuri ta' sigurtà u l-mekkaniżmi li jiżguraw il-protezzjoni tad-data personali u li juru konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati.

3.   Il-KEPD għandu jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Bord ta' Amministrazzjoni fi żmien xahrejn wara li tasal in-notifika. Dak il-perijodu jista' jiġi sospiż sakemm il-KEPD jkun kiseb aktar informazzjoni li jista' jkun talab.

Jekk l-opinjoni ma tingħatax wara erba' xhur għandha titqies li tkun favorevoli.

Jekk l-opinjoni tal-KEPD tkun li l-ipproċessar notifikat jista' jinvolvi ksur ta' xi dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu fejn ikun xieraq, jagħmel proposti biex jiġi evitat dan il-ksur. Meta l-Europol ma timmodifikax l-operazzjoni ta' proċessar skont dan, il-KEPD jista' jeżerċita l-poteri mogħtija lilu skont l-Artikolu 43(3).

4.   Il-KEPD għandu jżomm reġistru tal-operazzjonijiet ta' proċessar kollha li jkunu ġew notifikati lilu skont il-paragrafu 1. Ir-reġistru ma għandux isir pubbliku.

Artikolu 40

Reġistrazzjoni u dokumentazzjoni

1.   Għall-fini ta' verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, l-awtomonitoraġġ u l-iżgurar tal-integrità u s-sigurtà xierqa tad-data, il-Europol għandha żżomm rekords tal-ġbir, it-tibdil, l-aċċess, l-iżvelar, il-kombinazzjoni jew it-tħassir ta' data personali. Tali reġistri jew dokumentazzjoni għandhom jitħassru wara tliet snin, sakemm id-data li jkun fihom ma tkunx meħtieġa aktar għall-kontroll li jkun għaddej. Ma għandu jkun hemm l-ebda possibbiltà li r-reġistri jiġu mmodifikati.

2.   Ir-reġistri jew dokumentazzjoni mħejjija skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu kkomunikati, fuq talba, lill-KEPD, lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u, jekk meħtieġa għal investigazzjoni speċifika, lill-unità nazzjonali kkonċernata. L-informazzjoni hekk ikkomunikata għandha tintuża biss għall-kontroll tal-protezzjoni tad-data u l-iżgurar ta' pproċessar xieraq tad-data kif ukoll l-integrità u s-sigurtà tagħha.

Artikolu 41

Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jaħtar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data li għandu jkun membru tal-persunal. Fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, għandu jaġixxi indipendentement.

2.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jintgħażel fuq il-bażi tal-kwalitajiet personali u professjonali tiegħu u, b'mod partikolari, l-għarfien espert dwar il-protezzjoni tad-data.

Għandu jkun żgurat li fl-għażla tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data ma jkun hemm l-ebda kunflitt ta' interess li jista' jirriżulta mill-prestazzjoni tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha bħala f'dik il-kapaċità u lanqas minn kwalunkwe dmir uffiċjali ieħor, b'mod partikolari dawk relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jinħatar għal mandat ta' erba' snin. Għandu jkun eliġibbli biex jerġa' jinħatar mill-ġdid sa mandat totali massimu ta' tmien snin. Huwa jew hija jista' jew tista' jitneħħa jew titneħħa mill-funzjoni ta' Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data mill-Bord ta' Amministrazzjoni unikament bil-kunsens tal-KEDP, jekk ma j/tibqax j/tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu/ha.

4.   Wara l-ħatra tiegħu/tagħha, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi rreġistrat mal-KEPD mill-Bord ta' Amministrazzjoni.

5.   L-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data ma għandu jirċievi jew għandha tirċievi ebda struzzjoni marbuta mal-qadi ta' dmirijietu/ha.

6.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu b'mod partikolari l-kompiti li ġejjin fir-rigward tad-data personali, bl-eċċezzjoni tad-data personali amministrattiva:

(a)

jiżgura, b'mod indipendenti, l-applikazzjoni interna ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali;

(b)

jiżgura li jinżamm rekord tat-trasferiment u l-wasla ta' data personali, f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(c)

jiżgura li fuq talba tagħhom is-suġġetti tad-data jkunu mgħarrfin bid-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament;

(d)

jikkoopera mal-persunal tal-Europol responsabbli għall-proċeduri, it-taħriġ u l-pariri dwar l-ipproċessar tad-data;

(e)

jikkoopera mal-KEPD;

(f)

iħejji rapport annwali u jikkomunika dan ir-rapport lill-Bord ta' Amministrazzjoni u lill-KEPD;

(g)

iżomm reġistru ta' ksur ta' data personali.

7.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jwettaq ukoll il-funzjonijiet previsti mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tad-data personali amministrattiva.

8.   Fil-qadi tal-kompiti tiegħu jew tagħha, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu aċċess għad-data kollha pproċessata mill-Europol u għall-uffiċċji kollha tal-Europol.

9.   Jekk l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jqis li ma kienx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali, huwa għandu jinforma lid-Direttur Eżekuttiv u għandu jitolbu jirriżolvi n-nuqqas ta' konformità fi żmien speċifikat.

Jekk id-Direttur Eżekuttiv ma jirriżolvix in-nuqqas ta' konformità fl-ipproċessar fiż-żmien speċifikat, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jgħarraf lill-Bord ta' Amministrazzjoni. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Bord ta' Amministrazzjoni għandhom jiftiehmu dwar żmien speċifikat biex tittieħed azzjoni mingħand tal-aħħar. Jekk il-Bord ta' Amministrazzjoni ma jirriżolvix in-nuqqas ta' konformità fiż-żmien speċifikat, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jirriferi l-kwistjoni lill-KEPD.

10.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jadotta regoli ta' implimentazzjoni, fir-rigward tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Dawk ir-regoli ta' implimentazzjoni għandhom, b'mod partikolari, jirrigwardaw il-proċedura tal-għażla għall-kariga tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u t-tneħħija, il-kompiti, id-dmirijiet u s-setgħat tiegħu, u l-garanziji li jiżguraw l-indipendenza tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data.

11.   Il-Europol għandha tipprovdi lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data l-persunal u r-riżorsi meħtieġa biex ikun jista' jwettaq dmirijietu. Dawn il-membri tal-persunal għandhom ikollhom aċċess għad-data kollha pproċessata fil-Europol u għall-uffiċċji tal-Europol biss sa fejn meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom.

12.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-persunal tiegħu/tagħha għandhom ikunu marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità f'konformità mal-Artikolu 67(1).

Artikolu 42

Superviżjoni mill-awtorità superviżorja nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità superviżorja nazzjonali. L-awtorità superviżorja nazzjonali għandu jkollha l-kompitu ta' monitoraġġ indipendenti, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, tal-permissibbiltà tat-trasferiment, il-ġbid u kwalunkwe komunikazzjoni lill-Europol ta' data personali mill-Istat Membru kkonċernat u teżamina jekk tali trasferiment, ġbid jew komunikazzjoni jiksrux id-drittijiet tas-suġġetti tad-data kkonċernati. Għal dak il-għan, l-awtorità superviżorja nazzjonali għandu jkollha aċċess, fl-unità nazzjonali jew fl-uffiċċji tal-uffiċjali ta' kollegament, għad-data ppreżentata mill-Istat Membru tagħha lill-Europol f'konformità mal-proċeduri nazzjonali rilevanti u għar-reġistri u d-dokumentazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 40.

2.   Għall-fini tal-eżerċizzju tal-funzjoni superviżorja tagħhom, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom ikollhom aċċess għall-uffiċċji u d-dokumenti tal-uffiċjali ta' kollegament rispettivi tagħhom fl-Europol.

3.   L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom, f'konformità mal-proċeduri nazzjonali rilevanti, iwettqu superviżjoni tal-attivitajiet tal-unitajiet nazzjonali u l-attivitajiet tal-uffiċjali ta' kollegament, sa fejn dawn l-attivitajiet ikunu rilevanti għall-protezzjoni tad-data personali. Għandhom ukoll iżommu lill-KEPD infurmat b'kull azzjoni li jieħdu fir-rigward tal-Europol.

4.   Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt titlob lill-awtorità superviżorja nazzjonali biex tivverifika l-legalità ta' kwalunkwe trasferiment jew il-komunikazzjoni lill-Europol ta' data li tikkonċernaha fi kwalunkwe forma u l-aċċess għal dik id-data mill-Istat Membru kkonċernat. Dan id-dritt għandu jkun eżerċitat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn issir it-talba.

Artikolu 43

Superviżjoni mill-KEPD

1.   Il-KEPD għandu jkun responsabbli li jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-Europol, u biex jagħti pariri lill-Europol u lis-suġġetti tad-data dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-ipproċessar tad-data personali. Għal dak il-għan, huwa għandu jwettaq id-dmirijiet stipulati fil-paragrafu 2, u jeżerċita s-setgħat stipulati fil-paragrafu 3, filwaqt li jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 44.

2.   Il-KEPD għandu jkollu d-dmirijiet li ġejjin:

(a)

jisma' u jinvestiga lmenti, u jinforma lis-suġġett tad-data dwar ir-riżultat f'perijodu raġonevoli ta' żmien;

(b)

iwettaq inkjesti jew fuq inizjattiva tiegħu/tagħha stess jew fuq il-bażi ta' lment, u jinforma lis-suġġetti tad-data dwar ir-riżultat f'perijodu raġonevoli ta' żmien;

(c)

jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni li jirrelataw mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-Europol;

(d)

jagħti parir lill-Europol, jew fuq inizjattiva tiegħu bħala rispons għal konsultazzjoni, dwar il-kwistjonijiet kollha rigward l-ipproċessar ta' data personali, b'mod partikolari qabel ma dan ifassal regoli interni relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali;

(e)

iżomm reġistru ta' tipi ġodda ta' operazzjonijiet ta' proċessar notifikati lilu bis-saħħa tal-Artikolu 39(1) u rreġistrati f'konformità mal-Artikolu 39(4);

(f)

iwettaq konsultazzjoni minn qabel dwar l-ipproċessar notifikat lilu.

3.   Il-KEPD jista' skont dan ir-Regolament:

(a)

jagħti pariri lis-suġġetti tad-data fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom;

(b)

jirreferi l-kwistjoni lill-Europol fil-każ ta' ksur allegat tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali, u, fejn xieraq, jagħmel proposti għar-rimedji ta' dak il-ksur u għat-titjib tal-protezzjoni tas-suġġetti tad-data;

(c)

jordna li talbiet għall-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet b'relazzjoni mad-data jiġu osservati meta dawk it-talbiet ikunu ġew irrifjutati bi ksur tal-Artikoli 36 u 37;

(d)

javża jew iċanfar lill-Europol;

(e)

jordna lill-Europol tagħmel ir-rettifika, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew id-distruzzjoni ta' data personali li tkun ġiet ipproċessata bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali u jinotifikaw tali azzjonijiet lill-partijiet terzi li lilhom tkun ġiet żvelata tali data;

(f)

jimponi projbizzjoni temporanja jew definittiva fuq l-operazzjonijiet ta' proċessar mill-Europol li huma ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-data personali;

(g)

jirreferi l-kwistjoni lill-Europol, u, jekk meħtieġ, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

(h)

jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skont il-kondizzjonijiet previsti fit-TFEU;

(i)

jintervjeni fl-azzjonijiet miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-KEPD għandu jkollu s-setgħa li:

(a)

jikseb mingħand il-Europol aċċess għad-data personali kollha u għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-investigazzjonijiet tiegħu/tagħha;

(b)

jikseb aċċess għal kwalunkwe bini li fih il-Europol twettaq l-attivitajiet tagħha meta jkun hemm bażi raġonevoli biex jiġi preżunt li tkun qed titwettaq fih attività koperta b'dan ir-Regolament.

5.   Il-KEPD għandu jħejji rapport annwali dwar l-attivitajiet superviżorji tal-Europol, wara li jkkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Dak ir-rapport għandu jkun parti mir-rapport annwali tal-KEPD imsemmi fl-Artikolu 48 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Dan ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni statistika dwar ilmenti, inkjesti u investigazzjonijiet imwettqa skont il-paragrafu 2, kif ukoll dwar trasferimenti ta' data personali lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, każijiet ta' konsultazzjoni minn qabel, u l-użu tas-setgħat stipulati fil-paragrafu 3.

6.   Il-KEPD, l-uffiċjali u membri oħra tal-persunal tas-Segretarjat tal-KEPD għandhom ikunu marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 67(1).

Artikolu 44

Kooperazzjoni bejn il-KEPD u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali

1.   Il-KEPD għandu jaġixxi f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fi kwistjonijiet li jkunu jeħtieġu l-involviment nazzjonali, b'mod partikolari jekk il-KEPD jew awtorità superviżorja nazzjonali ssib diskrepanzi kbar bejn il-prassi tal-Istati Membri jew trasferimenti potenzjalment illegali fl-użu tal-kanali tal-Europol għall-iskambji ta' informazzjoni, jew fil-kuntest ta' mistoqsijiet imqajma minn awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar dwar l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-KEPD għandu juża kif xieraq il-kompetenzi u l-esperjenza tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu kif stipulat fl-Artikolu 43(2). Fit-twettiq ta' spezzjonijiet konġunti flimkien mal-KEPD, il-membri u l-persunal tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, b'kont debitu meħud tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, għandu jkollhom setgħat ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 43(4) u jkunu marbuta b'obbligu ekwivalenti għal dak stabbilit fl-Artikolu 43(6). Il-KEPD u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom, filwaqt li jaġixxu fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jiskambjaw informazzjoni rilevanti u jgħinu lil xulxin fit-twettiq ta' awditi u spezzjonijiet.

3.   Il-KEPD għandu jżomm lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali infurmati bis-sħiħ dwar il-kwistjonijiet kollha li jolqtuhom direttament jew b'xi mod rilevanti għalihom. Fuq talba ta' awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar, il-KEPD għandu jinformahom dwar kwistjonijiet speċifiċi.

4.   F'każijiet relatati ma' data li toriġina minn Stat Membru wieħed jew aktar, inkluż il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 47(2), il-KEPD għandu jikkonsulta l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati. Il-KEPD ma għandux jiddeċiedi dwar azzjoni ulterjuri li għandha tittieħed qabel ma dawk l-awtoritajiet superviżorji jkunu infurmaw lill-KEPD dwar il-pożizzjoni tagħhom, sa skadenza speċifikata minnu li ma għandhiex tkun anqas minn xahar u mhux aktar minn tliet xhur. Il-KEPD għandu jieħu l-kont massimu tal-pożizzjonijiet rispettivi tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati. F'każijiet fejn il-KEPD ikollu l-intenzjoni li ma jsegwix il-pożizzjoni tal-awtorità superviżorja nazzjonali, hu għandu jgħarraf lil dik l-awtorità, jipprovdi ġustifikazzjoni u jressaq il-kwistjoni quddiem il-Bord ta' Kooperazzjoni stabbilit mill-Artikolu 45(1).

F'każijiet li l-KEPD iqis estremament urġenti, hu jista' jiddeċiedi li jieħu azzjoni immedjata. F'tali każijiet, il-KEPD għandu jinforma immedjatament lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati u jiġġustifika n-natura urġenti tas-sitwazzjoni kif ukoll l-azzjoni li jkun ħa.

Artikolu 45

Bord ta' Kooperazzjoni

1.   Il-Bord ta' Kooperazzjoni b'funzjoni ta' konsulenza qiegħed b'dan jiġi stabbilit. Il-Bord ta' Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentant ta' awtorità superviżorja nazzjonali ta' kull Stat Membru u tal-KEPD.

2.   Il-Bord ta' Kooperazzjoni għandu jaġixxi indipendentement meta jwettaq xogħlu skont il-paragrafu 3 u ma għandux jitlob jew lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand kwalunkwe korp.

3.   Il-Bord ta' Kooperazzjoni għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

jiddiskuti l-politika ġenerali u l-istrateġija tas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data tal-Europol u l-permissibilità tat-trasferiment, l-irkupru u kull komunikazzjoni ta' data personali mill-Istati Membri lill-Europol;

(b)

jeżamina d-diffikultajiet ta' interpretazzjoni jew applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(c)

jistudja problemi ġenerali marbutin mat-twettiq ta' superviżjoni indipendenti jew it-tħaddim tad-drittijiet tas-suġġetti ta' data;

(d)

jiddiskuti u jfassal proposti armonizzati għal soluzzjonijiet konġunti dwar kwistjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 44(1);

(e)

jiddiskuti każijiet imressqa mill-KEPD f'konformità mal-Artikolu 44(4);

(f)

jiddiskuti każijiet imressqa minn kull awtorità superviżorja nazzjonali; u

(g)

iħeġġeġ l-għarfien tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data.

4.   Il-Bord ta' Kooperazzjoni jista' jagħti opinjonijiet, joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aqwa prattika lil,l-KEPD. Il-KEDP u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tagħhomu, filwaqt li kull wieħed jaġixxu fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom iqisuhom bir-reqqa.

5.   Il-Bord ta' Kooperazzjoni għandu jiltaqa', kull meta jkun meħtieġ, u tal-anqas darbtejn fis-sena. L-ispejjeż u s-servizzi tal-laqgħat tiegħu għandhom jiġġarrbu mill-KEPD.

6.   Ir-regoli ta' proċedura tal-Bord ta' Kooperazzjoni għandhom jiġu adottati fl-ewwel laqgħa tagħha b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Metodi ta' ħidma ulterjuri għandhom jiġu żviluppati b'mod konġunt skont il-bżonn.

Artikolu 46

Data personali amministrattiva

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu japplika għad-data personali amministrattiva kollha miżmuma mill-Europol.

KAPITOLU VII

RIMEDJI U RESPONSABBILTÀ

Artikolu 47

Dritt li jitressaq ilment quddiem il-KEPD

1.   Kwalunkwe suġġett ta' data għandu jkollu d-dritt jippreżenta ilment quddiem il-KEPD, jekk jidhirlu li l-ipproċessar mill-Europol ta' data personali relatata miegħu ma jkunx konformi ma' dan ir-Regolament.

2.   Meta ilment ikun dwar deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 36 jew 37, il-KEPD għandu jikkonsulta mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fl-Istat Membru minn fejn ħarġet id-data jew mal-Istat Membru direttament ikkonċernat. Fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu, li tista' testendi għal ċaħda li tiġi kkomunikata kwalunkwe informazzjoni, l-KEPD għandu jieħu kont tal-opinjoni tal-awtorità superviżorja nazzjonali.

3.   Fejn ilment jirrigwarda l-kontroll tad-data provduta minn Stat Membru lill-Europol, il-KEPD u l-awtorità superviżorja nazzjonali tal-Istat Membru li pprovda d-data, għandhom, filwaqt li kull wieħed minnhom jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, jiżguraw li l-kontrolli meħtieġa fuq il-legalità tal-ipproċessar tad-data twettqu b'mod korrett.

4.   Fejn ilment jirrigwarda l-ipproċessar tad-data mogħtija lill-Europol minn korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, jew data miġbura mill-Europol minn sorsi disponibbli pubblikament jew li jirriżultaw mill-analiżi tal-Europol stess il-KEPD għandu jiżgura li l-Europol tkun wettqet b'mod korrett il-kontrolli meħtieġa fuq il-legalità tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 48

Dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra l-KEPD

Kwalunkwe azzjoni kontra deċiżjonijiet tal-KEPD għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 49

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-responsabbiltà u d-dritt għal kumpens

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Europol għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt konċernat.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni li tagħti sentenza skont kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ li tkun tinsab f'kuntratt konkluż mill-Europol.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 49, fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Europol għandha, f'konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mid-dipartimenti tagħha jew mill-persunal tagħha waqt il-qadi ta' dmirijiethom.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni f'tilwim relatati ma' kumpens għal kwalunkwe dannu kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tal-Europol vis-à-vis il-Europol għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra li japplikaw għalihom.

Artikolu 50

Responsabbiltà għal proċessar mhux korrett ta' data personali u d-dritt għal kumpens

1.   Kwalunkwe individwu li jkun ġarrab dannu b'riżultat ta' xi operazzjoni ta' proċessar illegali għandu jkollu d-dritt jirċievi kumpens għad-dannu mġarrab, jew mill-Europol f'konformità mal-Artikolu 340 tat-TFUE, jew mill-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu. L-individwu għandu jieħu azzjoni kontra l-Europol quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew kontra l-Istat Membru quddiem qorti nazzjonali kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

2.   Kwalunkwe tilwima bejn il-Europol u l-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà aħħarija għal kumpens mogħti lil individwu f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi rriferita lill-Bord ta' Amministrazzjoni, li għandu jiddeċiedi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kontestazzjoni ta' dik id-deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 263 tat-TFUE.

KAPITOLU VIII

SKRUTINJU PARLAMENTARI KONĠUNT

Artikolu 51

Skrutinju Parlamentari konġunt

1.   Skont l-Artikolu 88 TFUE, l-iskrutinju tal-attivitajiet tal-Europol għandu jitwettaq mill-Parlament Ewropew flimkien mal-parlamenti nazzjonali. Dan għandu jikkostitwixxi Grupp ta' Skrutinju Parlamentari Konġunt speċjalizzat (JPSG) stabbilit flimkien mill-parlamenti nazzjonali u l-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew. L-organizzazzjoni u r-regoli ta' proċedura tal-JPSG għandhom jiġu determinati flimkien mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 1.

2.   Il-JPSG għandu jwettaq monitoraġġ politiku tal-attivitajiet tal-Europol fit-twettiq tal-missjoni tagħha, inkluż fir-rigward tal-impatt ta' dawk l-attivitajiet fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu:

(a)

il-President tal-Bord ta' Amministrazzjoni, id-Direttur Eżekuttiv jew il-Viċijiet tagħhom għandhom jidhru quddiem il-JPSG fuq talba tiegħu biex jiddiskutu materji marbutin mal-attivitajiet b'referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu, inklużi l-aspetti baġitarji ta' tali attivitajiet, l-organizzazzjoni strutturali tal-Europol u l-istabbiliment potenzjali ta' unitajiet u ċentri speċjalizzati ġodda, b'kont meħud tal-obbligi ta' diskrezzjoni u kunfidenzjalità. Il-JPSG jista' jiddeċiedi li jistieden għal-laqgħat tiegħu persuni rilevanti oħra, fejn xieraq;

(b)

il-KEPD għandu jidher quddiem il-JPSG fuq talba tiegħu u tal-anqas darba fis-sena biex jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, u b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali, fir-rigward tal-attivitajiet tal-Europol, b'kont meħud tal-obbligi ta' diskrezzjoni u kunfidenzjalità;

(c)

il-JPSG għandu jiġi kkonsultat b'rabta mal-programmazzjoni pluriennali tal-Europol f'konformità mal-Artikolu 12(1).

3.   Il-Europol għandha tibgħat id-dokumenti li ġejjin għall-finijiet ta' informazzjoni lill-JPSG, b'kont meħud tal-obbligi ta' diskrezzjoni u kunfidenzjalità:

(a)

il-valutazzjonijiet tat-theddid, l-analiżi strateġiċi u r-rapporti tas-sitwazzjoni ġenerali marbuta mal-objettiv tal-Europol kif ukoll ir-riżultati tal-istudji u tal-evalwazzjonijiet kummissjonati mill-Europol;

(b)

l-arranġamenti amministrattivi konklużi f'konformità mal-Artikolu 25(1);

(c)

id-dokument li fih il-programmazzjoni pluriennali u l-programm ta' ħidma annwali tal-Europol, imsemmi fl-Artikolu 12(1);

(d)

ir-rapport konsolidat tal-attività annwali dwar l-attivitajiet tal-Europol, imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 11(1);

(e)

ir-rapport ta' evalwazzjoni mfassal mill-Kummissjoni, imsemmi fl-Artikolu 68(1).

4.   Il-JPSG jista' jitlob dokumenti rilevanti neċessarji oħrajn biex iwettaq il-kompiti tiegħu dwar il-monitoraġġ politiku tal-attivitajiet tal-Europol, soġġetti għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 52 u 67 ta' dan ir-Regolament.

5.   Il-JPSG jista' jfassal konklużjonijiet sommarji dwar il-monitoraġġ politiku tal-attivitajiet tal-Europol u jippreżenta dawk il-konklużjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali. Il-Parlament Ewropew għandu jgħaddihom lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Europol għall-finijiet ta' informazzjoni.

Artikolu 52

Aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni proċessata mill-Europol jew permezz tagħha

1.   Għall-fini tal-eżerċizzju ta' skrutinju parlamentari tal-attivitajiet tal-Europol f'konformità mal-Artikolu 51, aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva mhux klassifikata pproċessata permezz mill-Europol jew permezz tagħha, fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, għandu jkun konformi mar-regoli msemmijin fl-Artikolu 67(1).

2.   L-aċċess mill-Parlament Ewropew għal Informazzjoni Klassifikata tal-UE proċessata permezz ta' jew mill-Europol għandu jkun konsistenti mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-12 ta' Marzu 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar kif il-Parlament Ewropew jibgħat jew jittratta informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill dwar kwistjonijiet għajr dawk fil-qasam tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni (24) u għandu jikkonforma mar-regoli msemmijin fl-Artikolu 67(2) ta' dan ir-Regolament.

3.   Id-dettalji neċessarji dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu regolati minn arranġamenti ta' ħidma konklużi bejn il-Europol u l-Parlament Ewropew.

KAPITOLU IX

PERSUNAL

Artikolu 53

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti l-Oħra u r-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jidħlu fis-seħħ ir-Regolamenti tal-Persunal u l-lill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti l-Oħra għandhom japplikaw għall-persunal tal-Europol bl-eċċezzjoni tal-persunal li, fl-1 ta' Mejju 2017, huma impjegati skont kuntratt konkluż mill-Europol kif stabbilit mill-Konvenzjoni Europol mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73(4) ta' dan ir-Regolament. Tali kuntratti għandhom jibqgħu jiġu regolati mill-Att tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 1998.

2.   Il-persunal tal-Europol għandu jikkonsisti minn persunal temporanju u/jew persunal b'kuntratt. Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jiġi infurmat fuq bażi annwali b'kuntratti ta' żmien indeterminat mogħtija mid-Direttur Eżekuttiv. Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi liema karigi temporanji previsti fil-pjan ta' stabbiliment jistgħu jimtlew biss minn persunal mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-membri tal-persunal reklutati biex jokkupaw tali karigi għandhom ikunu uffiċjali temporanji u jistgħu jingħataw biss kuntratti b'terminu fiss, li jistgħu jiġġeddu darba għal perijodu fiss.

Artikolu 54

Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Europol f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Kunsill minn lista qasira ta' kandidati proposti mill-Bord ta' Amministrazzjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti.

Il-lista qasira għandha titfassal minn kumitat tal-għażla stabbilit mill-Bord ta' Amministrazzjoni u magħmul minn membri maħtura mill-Istati Membri u rappreżentant tal-Kummissjoni.

Għall-fini li jiġi konkluż kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, il-Europol għandha tkun rappreżentata mill-President tal-Bord ta' Amministrazzjoni.

Qabel il-ħatra, il-kandidat magħżul mill-Kunsill jista' jiġi mistieden jidher quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew, li għandu sussegwentement jagħti l-opinjoni tiegħu li mhijiex vinkolanti.

3.   Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' erba' snin. Sal-aħħar ta' dak il-perijodu, il-Kummissjoni, b'assoċjazzjoni mal-Bord ta' Amministrazzjoni, għandha twettaq valutazzjoni li tieħu kont

(a)

tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, u

(b)

il-kompiti u l-isfidi futuri tal-Europol.

4.   Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord ta' Amministrazzjoni li jieħu kont tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba u għal perijodu ta' mhux aktar minn erba' snin.

5.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jinforma lill-Parlament Ewropew jekk ikollu l-intenzjoni li jipproponi lill-Kunsill li l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv jiġi estiż. Fix-xahar ta' qabel kwalunkwe estensjoni bħal din, id-Direttur Eżekuttiv jista' jiġi mistieden jidher quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew.

6.   Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma għandux jipparteċipa fi proċedura oħra ta' selezzjoni għall-istess kariga fit-tmiem tal-perijodu totali.

7.   Id-Direttur Eżekuttiv jista' jitneħħa mill-kariga unikament b'deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Bord ta' Amministrazzjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar dik id-deċiżjoni.

8.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jieħu deċiżjonijiet fir-rigward proposti li għandhom isiru lill-Kunsill dwar ħatra, estensjoni tal-mandat jew tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu bi dritt tal-vot.

Artikolu 55

Viċi Diretturi Eżekuttivi

1.   Tliet Viċi Diretturi Eżekuttivi għandhom jassistu lid-Direttur Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddefinixxi l-kompiti tagħhom.

2.   L-Artikolu 54 għandu japplika għall-Viċi Diretturi Eżekuttivi. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi kkonsultat qabel il-ħatra tagħhom, kwalunkwe estensjoni tal-mandat tagħhom jew it-tneħħija tagħhom mill-kariga.

Artikolu 56

Esperti nazzjonali sekondati

1.   Il-Europol tista' tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati.

2.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar is-sekondar ta' esperti nazzjonali mal-Europol.

KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 57

Baġit

1.   L-istimi tad-dħul u l-infiq kollu tal-Europol għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li għandhom jikkorrispondu għas-sena kalendarja, u għandhom jidhru fil-baġit tal-Europol.

2.   Il-baġit tal-Europol għandu jkun bilanċjat f'termini ta' dħul u nfiq.

3.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tal-Europol għandu jinkludi kontribuzzjoni mill-Unjoni, li tiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

4.   Il-Europol tista' tibbenefika mill-finanzjament tal-Unjoni fil-forma ta' ftehimiet ta' delega jew għotjiet ad hoc f'konformità mar-regoli finanzjarji tagħha msemmija fl-Artikolu 61 u mad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti rilevanti li jappoġġaw il-politiki tal-Unjoni.

5.   L-infiq tal-Europol għandu jinkludi r-rimunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u ta' infrastruttura u spejjeż operattivi.

6.   L-impenji baġitarji għal azzjonijiet relatati ma' proġetti ta' skala kbira li jdumu aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f'pagamenti annwali.

Artikolu 58

Stabbiliment tal-baġit

1.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta' dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Europol għas-sena finanzjarja ta' wara, inkluż il-pjan tal-istabbiliment, u għandu jibagħtu lill-Bord ta' Amministrazzjoni.

2.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu, abbażi tal-abbozz ta' dikjarazzjoni tal-estimi, jadotta abbozz proviżorju tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Europol għas-sena finanzjarja ta' wara u għandu jintbagħat lill-Kummissjoni kull sena sal-31 ta' Jannar.

3.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jibgħat abbozz finali tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Europol, li għandu jinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbilimentlill-Parlament Ewropew,lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu kull sena.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dikjarazzjoni tal-estimi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

5.   Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-estimi li tqis neċessarji għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni li jiġi debitat lill-baġit ġenerali, li għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-TFUE.

6.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jawtorizzaw l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni lill-Europol.

7.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-pjan ta' stabbiliment tal-Europol.

8.   Il-baġit tal-Europol għandu jiġi adottat mill-Bord ta' Amministrazzjoni. Għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn ikun hemm bżonn, dan għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ.

9.   Għal kwalunkwe proġett ta' kostruzzjoni li probabbilment ser ikollu implikazzjonijiet għall-baġit tal-Europol, għandhom japplikaw ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1271/2013.

Artikolu 59

Implimentazzjoni tal-baġit

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Europol.

2.   Kull sena d-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill l-informazzjoni kollha rilevanti għar-riżultat ta' kwalunkwe proċedura ta' evalwazzjoni.

Artikolu 60

Preżentazzjoni tal-kontijiet u l-kwittanza

1.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Europol għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji għas-sena finanzjarja (sena N) lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta' Marza tas-sena finanzjarja li jkun imiss (sena N + 1).

2.   Il-Europol għandha tibgħat rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri, sal-31 ta' Marzu tas-sena N + 1.

3.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet konsolidati proviżorji tal-Europol għas-sena N, ikkonsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta' Marza tas-sena N + 1.

4.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Europol għas-sena N, f'konformità mal-Artikolu 148 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Europol għandu jħejji l-kontijiet finali tal-Europol għal dik is-sena. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżentahom lill-Bord ta' Amministrazzjoni għal opinjoni.

5.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Europol għas-sena N.

6.   Sal-1 ta' Lulju tas-sena N + 1, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Europol għandu jibgħat il-kontijiet finali għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali, flimkien mal-opinjoni tal-Bord ta' Amministrazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

7.   Il-kontijiet finali għas-sena N għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru tas-sena N + 1.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri, sat-30 ta' Settembru tas-sena N + 1, risposta għall-osservazzjonijiet imniżżla fir-rapport annwali tiegħu. Huwa/Hija għandu/ha wkoll j/tibgħat din ir-risposta lill-Bord ta' Amministrazzjoni.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena N, kif stabbilit fl-Artikolu 109(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1271/2013.

10.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu jagħti, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N + 2, kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

Artikolu 61

Regoli finanzjarji

1.   Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Europol għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Amministrazzjoni wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Huma ma għandhomx jitbiegħdu mir-Regolament Delegat (UE) Nru 1271/2013 għajr jekk dan ikun meħtieġ speċifikament għall-Europol u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens preċedenti tagħha.

2.   Il-Europol tista' tagħti għotjiet relatati mat-twettiq ta' kompiti kif msemmi fl-Artikolu 4.

3.   Il-Europol tista' tagħti għotjiet mingħajr sejħa għal proposti lill-Istati Membri għat-twettiq tal-operazzjonijiet u investigazzjonijiet transkonfinali tagħhom u għat-tħarriġ b'rabta mal-kompiti msemmija fil-punti (h) u (i) tal-Artikolu 4(1).

4.   Fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju li għandu jingħata lill-attivitajiet tal-iskwadri ta' investigazzjoni konġunti, il-Europol u l-Eurojust għandhom jistabbilixxu b'mod konġunt ir-regoli u l-kondizzjonijiet li skonthom l-applikazzjonijiet għal tali appoġġ għandhom jiġu pproċessati.

KAPITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 62

Status ġuridiku

1.   Il-Europol għandha tkun aġenzija tal-Unjoni. Hija għandu jkollha personalità ġuridika.

2.   F'kull Stat Membru l-Europol għandha tgawdi l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. Il-Europol tista', b'mod partikolari, takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u tkun parti għal proċeduri legali.

3.   F'konformità mal-Protokoll Nru 6 dwar il-lokalità tas-sedi tal-istituzzjonijiet u ta' ċerti korpi, aġenziji u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, anness għat-TUE u għat-TFUE (“Protokoll Nru 6”) il-Europol għandu jkollha s-sede tagħha fl-Aja.

Artikolu 63

Privileġġi u immunitajiet

1.   Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness għat-TUE u għat-TFUE, għandu japplika għall-Europol u l-persunal tagħha.

2.   Il-privileġġi u l-immunitajiet tal-uffiċjali ta' kollegament u l-membri tal-familji tagħhom għandhom ikunu soġġetti għal ftehim bejn ir-Renju tan-Netherlands u l-Istati Membri l-oħra. Dak il-ftehim għandu jipprovdi għal dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma meħtieġa għat-twettiq korrett tal-kompiti tal-uffiċjali ta' kollegament.

Artikolu 64

Arranġamenti lingwistiċi

1.   Id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament Nru 1 (26) għandhom japplikaw għall-Europol.

2.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni tal-Europol.

3.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Europol għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 65

Trasparenza

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Europol.

2.   Sal-14 ta' Diċembru 2016, il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fir-rigward tad-dokumenti tal-Europol.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Europol taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' ilment għand l-Ombudsman Ewoprew jew ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-Artikoli 228 u 263 tat-TFUE rispettivament.

4.   Il-Europol għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha lista tal-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni tagħha u sommarji tal-eżiti tal-laqgħat tal-Bord ta' Amministrazzjoni. Il-pubblikazzjoni ta' dawk is-sommarji għandha titħalla barra jew tiġi ristretta temporanjament jew b'mod permanenti jekk ikun hemm ir-riskju li tali pubblikazzjoni tikkomprometti t-twettiq tal-kompiti tal-Europol, b'kont meħud tal-obbligi tagħha ta' diskrezzjoni u kunfidenzjalità u l-karattru operazzjonali tal-Europol.

Artikolu 66

Ġlieda kontra l-frodi

1.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, il-Europol għandha, sat-30 ta' Ottubru 2017, taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (27) u għandha tadotta d-dispożizzjonijiet adatti applikabbli għall-impjegati kollha tal-Europol, bl-użu tal-mudell li jidher fl-Anness għal dak il-Ftehim.

2.   Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha setgħa li tagħmel awditi, abbażi ta' dokumenti u ta' kontrolli fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha ta' għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand il-Europol.

3.   L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' għotja jew kuntratt mogħti mill-Europol. Tali investigazzjonijiet għandhom jitwettqu skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (28).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, arranġamenti ta' ħidma ma' korpi tal-Unjoni, awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet privati, il-kuntratti, il-ftehimiet ta' għotja u d-deċiżjonijiet ta' għotja tal-Europol għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li espliċitament jagħtu s-setgħa lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-OLAF li jwettqu l-awditi u l-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 67

Regoli dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u ta' informazzjoni klassifikata

1.   Il-Europol għandha tistabbilixxi regoli dwar l-obbligi tad-diskrezzjoni u l-kunfidenzjalità u dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata.

2.   Il-Europol għandha tistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE li għandhom ikunu konsistenti mad-Deċiżjoni 2013/488/UE sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta' protezzjoni għal informazzjoni bħal din.

Artikolu 68

Evalwazzjoni u eżami

1.   Sal-1 ta' Mejju 2022 u suċċessivament kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ssir evalwazzjoni li tivvaluta, b'mod partikolari, l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tal-Europol u tal-prassi tal-ħidma tagħha. L-evalwazzjoni tista', b'mod partikolari, tindirizza l-possibbiltà tal-ħtieġa li jiġu mmodifikati l-istruttura, l-operazzjoni, il-qasam ta' azzjoni ul-kompiti tal-Europol, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' kwalunkwe modifika bħal din.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta' evalwazzjoni lill-Bord Amministrattiv. Il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jagħti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rapport ta' evalwazzjoni fi żmien tliet xhur mid-data tar-riċezzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni għandha mbagħad tissottometti r-rapport ta' evalwazzjoni finali bil-konklużjonijiet tagħha, flimkien mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Bord ta' Amministrazzjoni f'anness għalih, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Bord ta' Amministrazzjoni. Fejn xieraq, ir-riżultati prinċipali tar-rapport ta' evalwazzjoni għandhom isiru pubbliċi.

Artikolu 69

Inkjesti amministrattivi

L-attivitajiet tal-Europol huma soġġetti għall-inkjesti magħmula mill-Ombudsman Ewropew f'konformità mal-Artikolu 228 tat-TFEU.

Artikolu 70

Kwartieri Ġenerali

L-arranġamenti neċessarji dwar l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-Renju tan-Netherlands u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli mir-Renju tan-Netherlands, flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli hemmhekk għad-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni, il-persunal tal-Europol u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stipulati bi Ftehim ta' Kwartieri Ġenerali bejn il-Europol u r-Renju tan-Netherlands f'konformità mal-Protokoll Nru 6.

KAPITOLU XII

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI

Artikolu 71

Suċċessjoni ġuridika

1.   Il-Europol, kif stabbilita b'dan ir-Regolament għandha tkun is-suċċessur ġuridiku fir-rigward tal-kuntratti kollha konklużi, l-obbligi tal-Europol u l-proprjetajiet akkwistati mill-Europol, kif stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI.

2.   Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-forza legali ta' ftehimiet konklużi mill-Europol kif stabbilit bid-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI qabel it-13 ta' Ġunju 2016, jew ta' ftehimiet konklużi mill-Europol kif stabbilit mill-Konvenzjoni Europol qabel l-1 ta' Jannar 2010.

Artikolu 72

Arranġamenti transizzjonali fir-rigward tal-Bord ta' Amministrazzjoni

1.   It-terminu tal-kariga tal-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni kif stabbilit abbażi tal-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI għandu jintemm fl-1 ta' Mejju 2017.

2.   Matul il-perijodu mit-13 ta' Ġunju 2016 sal-1 ta' Mejju 2017, il-Bord ta' Amministrazzjoni kif stabbilit abbażi tal-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI għandu:

(a)

jeżerċita l-funzjonijiet tal-Bord ta' Amministrazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament;

(b)

iħejji l-adozzjoni tar-regoli biex jiġi applikat ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fir-rigward tad-dokumenti tal-Europol imsemmija fl-Artikolu 65(2) ta' dan ir-Regolament, u tar-regoli msemmija fl-Artikolu 67 ta' dan ir-Regolament;

(c)

iħejji kwalunkwe strument meħtieġ għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari kwalunkwe miżura relatata mal-Kapitolu IV; u

(d)

jagħmel rieżami tar-regoli u l-miżuri interni li jkun adottata abbażi tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI sabiex il-Bord ta' Amministrazzjoni kif stabbilit skont l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament ikun jista' jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 76 ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien wara t-13 ta' Ġunju 2016 tieħu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li l-Bord ta' Amministrazzjoni stabbilit f'konformità mal-Artikolu 10 jibda l-ħidma tiegħu fl-1 ta' Mejju 2017.

4.   Sal-14 ta' Diċembru 2016, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet tal-persuni li huma jkunu ħatru bħala membru u membru supplenti tal-Bord ta' Amministrazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 10.

5.   Il-Bord ta' Amministrazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 10 għandu jkollu l-ewwel laqgħa tiegħu fl-1 ta' Mejju 2017. F'dik l-okkażjoni huwa għandu, jekk meħtieġ, jieħu deċiżjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 76.

Artikolu 73

Arranġamenti transizzjonali rigward id-Direttur Eżekuttiv, il-Viċi Diretturi u l-persunal

1.   Id-Direttur tal-Europol maħtur abbażi tal-Artikolu 38 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI għandu, għall-bqija tal-perijodu tal-mandat tiegħu/tagħha, jingħata r-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv, kif previst fl-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament. Il-kondizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt tiegħu/tagħha ma għandhomx jinbidlu. Jekk il-mandat jintemm bejn it-13 ta' Ġunju 2016 u l-1 ta' Mejju 2017, għandu jiġu estiż awtomatikament sal-1 ta' Mejju 2018.

2.   Jekk id-Direttur maħtur abbażi tal-Artikolu 38 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI ma jkunx irid li jew ma jkunx jista' jaġixxi f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Bord ta' Amministrazzjoni għandu jaħtar Direttur Eżekuttiv interim biex jeżerċita d-dmirijiet assenjati lid-Direttur Eżekuttiv għal perijodu li ma jaqbiżx 18-il xahar, sakemm issir il-ħatra prevista fl-Artikolu 54(2) ta' dan ir-Regolament..

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-Viċi Diretturi maħtura abbażi tal-Artikolu 38 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI.

4.   F'konformità mal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra, l-awtorità msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tagħhom għandha toffri impjieg għal tul ta' żmien indefinit bħala membru tal-persunal temporanju jew b'kuntratt lil kwalunkwe persuna li fl-1 ta' Mejju 2017, ikun impjegat taħt kuntratt ta' tul ta' żmien indefinit bħala membru tal-persunal lokali konkluż mill-Europol kif stabbilit mill-Konvenzjoni Europol. L-offerta ta' impjieg għandha tkun ibbażata fuq il-kompiti li għandhom jitwettqu mill-aġent bħala membru tal-persunal temporanju jew b'kuntratt. Il-kuntratt konċernat għandu jidħol fis-seħħ mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju 2018. Membru tal-persunal li ma jaċċettax l-offerta msemmija fil-paragrafu jista' jżomm ir-relazzjoni kuntrattwali tiegħu jew tagħha mal-Europol f'konformità mal-Artikolu 53(1).

Artikolu 74

Dispożizzjonijiet baġitarji transizzjonali

Il-proċedura tal-kwittanza fir-rigward tal-baġits approvati abbażi tal-Artikolu 42 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI għandha titwettaq f'konformità mar-regoli stabbiliti bl-Artikolu 43 tagħha.

KAPITOLU XIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 75

Sostituzzjoni u tħassir

1.   Id-Deċiżjonijiet 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI huma b'dan sostitwiti għall-Istati Membri marbuta b'dan ir-Regolament b'effett mill-1 ta' Mejju 2017.

Għaldaqstant id-Deċiżjonijiet 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI huma mħassra.

2.   Rigward l-Istati Membri marbuta b'dan ir-Regolament, ir-referenzi għad-Deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 76

Żamma fis-seħħ tar-regoli interni adottati mill-Bord ta' Amministrazzjoni

Ir-regoli u l-miżuri interni adottati mill-Bord ta' Amministrazzjoni abbażi tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI għandhom jibqgħu fis-seħħ wara l-1 ta' Mejju 2017, dment li l-Bord ta' Amministrazzjoni ma jkunx iddeċieda mod ieħor fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 77

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2017.

Madankollu, l-Artikoli 71, 72 u 73 għandhom japplikaw mit-13 ta' Ġunju 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konfomità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Mejju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta' Marzu 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Mejju 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).

(3)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 1.

(4)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/934/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta' data personali u informazzjoni kklassifikata (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 6).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/935/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tiddetermina l-lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 12).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/936/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi għar-reġistri ta' ħidma ta' analiżi tal-Europol (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 14).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/968/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tadotta r-regoli dwar il-konfidenzjalità tal-informazzjoni tal-Europol (ĠU L 332, 17.12.2009, p. 17).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

(10)  Ir-Regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 549/69 tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 1969 li jistabbilixxi l-kategoriji ta' uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej lil liema d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 u l-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet japplikaw (ĠU L 74, 27.3.1969, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar Deċiżjoni Kwadra tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(13)  Ir-Rakkomandazzjoni Nru R(87)15 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar ir-regolamentazzjoni tal-użu tad-dejta personali fis-settur tal-pulizija, 17.9.1987.

(14)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(15)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(16)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(19)  L-Att tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 1998 li jistipula r-regolamenti tal-persunal applikabbli għall-impjegati tal-Europol (ĠU C 26, 30.1.1999, p. 23).

(20)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/511/ĠAI tat-12 ta' Lulju 2005 dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni, permezz tan-nomina tal-Europol bħala l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro (ĠU L 185, 16.7.2005, p. 35).

(21)  Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

(22)  Id-Deċiżjoni Kwadra tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

(23)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(24)  ĠU C 95, 1.4.2014, p.1.

(25)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(26)  Ir-Regolament Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).

(27)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(28)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS I

Lista ta' forom ta' reati kriminali msemmija fl-Artikolu 3(1)

terroriżmu,

kriminalità organizzata,

traffikar ta' droga,

attivitajiet ta' ħasil tal-flus,

reati konnessi ma' sustanzi nukleari u radjuattivi,

faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni,

traffikar tal-bnedmin,

reati konnessi ma' vetturi bil-mutur,

qtil u offiżi gravi fuq il-persuna,

kummerċ illegali ta' organi u tessuti umani,

ħtif ta' persuni, żamma illegali ta' persuni u teħid ta' ostaġġi,

razziżmu u ksenofobija,

serq u serq aggravat,

traffikar illeċitu ta' oġġetti kulturali, inklużi antikitajiet u opri ta' arti,

ingann u frodi,

kriminalità kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni,

abbuż minn informazzjoni pprivileġġjata u manipulazzjoni tas-suq finanzjarju,

rikattar organizzat u estorsjoni,

falsifikazzjoni u piraterija tal-prodotti,

falsifikazzjoni ta' dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom,

falsifikazzjoni ta' flus u mezzi ta' ħlas,

kriminalità permezz tal-kompjuter,

korruzzjoni,

traffikar illegali fl-armi, munizzjon u splussivi,

traffikar illeċitu fi speċijiet ta' annimali fil-periklu,

traffikar illeċitu fi speċijiet u varjetajiet ta' pjanti fil-periklu,

reati ambjentali, inkluż it-tniġġis mill-bastimenti,

traffikar illegali ta' sustanzi ormonali u ta' promoturi oħrajn ta' tkabbir,

abbuż sesswali u sfruttament sesswali, inkluż materjal marbut mal-abbuż tat-tfal u s-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali,

ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra.


ANNESS II

A.   Kategoriji ta' data personali u kategoriji ta' suġġetti tad-data li d-data tagħhom tista' tinġabar u tiġi pproċessata għal finijiet ta' kontroverifika kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 18(2)

1.

Data personali miġbura u proċessata għal finijiet ta' kontroverifika għandha tkun relatata ma':

(a)

persuni li, f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru konċernat, ikunu suspettati li wettqu jew ħadu sehem f'reat kriminali li jaqa' taħt il-kompetenza tal-Europol, jew li ġew ikkundannati għal tali reat;

(b)

persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet suffiċjenti taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru konċernat biex wieħed jemmen li ser iwettqu reati kriminali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Europol.

2.

Data relatata mal-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 tista' tinkludi biss il-kategoriji ta' data personali li ġejjin:

(a)

kunjom, kunjom ta' xebba, ismijiet attribwiti u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;

(b)

id-data u l-post tat-twelid;

(c)

nazzjonalità;

(d)

sess;

(e)

post ta' residenza, professjoni u l-inħawi fejn tinsab il-persuna konċernata;

(f)

data dwar numri tas-sigurtà soċjali, liċenzji tas-sewqan, dokumenti ta' identifikazzjoni u data tal-passaport; u

(g)

fejn meħtieġ, karatteristiċi oħrajn li x'aktarx jgħinu fl-identifikazzjoni, inkluża kwalunkwe karatteristika fiżika, oġġettiva u speċifika, li ma tistax tinbidel bħal data dattiloskopika u l-profil tad-DNA (stabbilit mill-parti nonkodifikanti tad-DNA).

3.

Minbarra d-data msemmija fil-paragrafu 2, jistgħu jinġabru u jiġu proċessati dawn il-kategoriji ta' data personali dwar il-persuni msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

reati kriminali, reati kriminali allegati u meta, fejn u kif (allegatament) twettqu;

(b)

mezzi li ntużaw jew jistgħu jintużaw biex jitwettqu dawn ir-reati kriminali inkluż informazzjoni dwar persuni ġuridiċi;

(c)

dipartimenti li jittrattaw il-każ u r-referenzi tar-reġistri tagħhom;

(d)

sħubija suspettata f'organizzazzjoni kriminali;

(e)

kundanni, fejn huma relatati ma' reati kriminali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Europol;

(f)

parti li ddaħħal id-data.

Din id-data tista' tingħata lill-Europol anki meta tkun għad ma fihiex referenza għal xi persuna.

4.

Informazzjoni addizzjonali miżmuma mill-Europol jew l-unitajiet nazzjonali dwar il-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 tista' tiġi kkomunikata lil kwalunkwe unità nazzjonali jew lill-Europol, jekk xi ħadd minn dawn jitlobha. L-unitajiet nazzjonali għandhom jagħmlu dan b'mod konformi mal-liġi nazzjonali tagħhom.

5.

Jekk il-proċedimenti kontra l-persuna konċernata jiġu rtirati definittivament jew jekk dik il-persuna tinħeles definittivament mill-akkuża, id-data marbuta mal-każ li dwaru tkun ittieħdet waħda minn dawn id-deċiżjonijiet għandha titħassar.

B.   Kategoriji ta' data personali u kategoriji ta' suġġetti tad-data li d-data tagħhom tista' tiġi miġbura u proċessata għall-fini ta' analiżi strateġika jew ta' natura tematika oħra, għall-fini ta' analiżi operazzjonali jew għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni kif imsemmi fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 18(2)

1.

Id-data personali miġbura u proċessata għall-fini ta' analiżi ta' natura tematika oħra, jew għall-fini ta' analiżi operazzjonali u, għall-fini li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Europol, korpi oħra tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali għandha tkun relatata ma':

(a)

persuni li, f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru konċernat, ikunu suspettati li wettqu jew ħadu sehem f'reat kriminali li jaqa' taħt il-kompetenza tal-Europol jew li ġew ikkundannati għal tali reat;

(b)

persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet suffiċjenti taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru konċernat biex wieħed jemmen li ser iwettqu reati kriminali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Europol;

(c)

persuni li jistgħu jintalbu jixhdu f'investigazzjonijiet marbutin mar-reati konċernati jew fi proċedimenti kriminali sussegwenti;

(d)

persuni li kienu l-vittmi ta' wieħed mir-reati konċernati jew li ċerti fatti dwarhom jagħtu lok biex wieħed jemmen li setgħu kienu l-vittmi ta' tali reat;

(e)

kuntatti u assoċjati; u

(f)

persuni li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar ir-reati kriminali konċernati.

2.

Il-kategoriji ta' data personali, inkluża data amministrattiva assoċjata, jistgħu jiġu proċessati meta jkunu tal-kategoriji tal-persuni msemmija fil-punt (a) u (b): tal-paragrafu 1

(a)

dettalji personali:

(i)

kunjomijiet attwali u dawk ta' qabel;

(ii)

ismijiet attwali u ta' qabel;

(iii)

kunjom ta' xebba;

(iv)

isem il-missier (fejn meħtieġ għall-fini ta' identifikazzjoni);

(v)

isem l-omm (fejn meħtieġ għall-fini ta' identifikazzjoni):

(vi)

sess;

(vii)

data tat-twelid;

(viii)

post tat-twelid;

(ix)

nazzjonalità;

(x)

stat ċivili;

(xi)

psewdonimu;

(xii)

laqam;

(xiii)

isem assunt jew falz;

(xiv)

residenza u/jew domiċilju attwali u ta' qabel;

(b)

deskrizzjoni fiżika:

(i)

deskrizzjoni fiżika;

(ii)

karatteristiċi li jiddistingwu (marki/marki ta' feriti/tatwaġġi, eċċ.);

(c)

identifikazzjoni tfisser:

(i)

dokumenti tal-identità/liċenzja tas-sewqan;

(ii)

karta tal-identità nazzjonali/numri tal-passaport;

(iii)

in-numru nazzjonali ta' identifikazzjoni/in-numru tas-sigurtà soċjali, jekk applikabbli;

(iv)

immaġni viżivi u informazzjoni oħra fuq l-apparenza;

(v)

informazzjoni dwar l-identifikazzjoni forensika bħal marki tas-swaba', il-profil tad-DNA (stabbilit mill-parti nonkodifikanti tad-DNA), il-profil tal-vuċi, il-grupp tad-demm, informazzjoni dentali;

(d)

xogħol u ħiliet:

(i)

impjieg u xogħol attwali;

(ii)

impjieg u xogħol ta' qabel;

(iii)

edukazzjoni (skola/università/professjonali);

(iv)

kwalifiki;

(v)

ħiliet u oqsma oħra ta' għarfien (lingwa/oħrajn);

(e)

informazzjoni ekonomika u finanzjarja:

(i)

data finanzjarja (kontijiet u kodiċijiet bankarji, karti ta' kreditu, eċċ.);

(ii)

assi fi flus;

(iii)

ishma azzjonarji/assi oħra;

(iv)

data dwar il-proprjetà;

(v)

rabtiet ma' kumpaniji;

(vi)

kuntatti bankarji u ta' kreditu;

(vii)

sitwazzjoni mat-taxxa;

(viii)

informazzjoni oħra li tiżvela l-immaniġġjar tal-persuna tal-affarijiet finanzjarji tagħha.

(f)

data dwar l-imġiba:

(i)

stil ta' għajxien (bħal li wieħed jgħix lil hinn mill-mezzi tiegħu) u rutina;

(ii)

movimenti;

(iii)

postijiet frekwentati;

(iv)

armi u strumenti perikolużi oħra;

(v)

klassifikazzjoni tal-periklu;

(vi)

riskji speċifiċi bħalma huma l-probabbiltà ta' ħrib, l-użu ta' aġenti doppji, konnessjonijiet ma' persunal tal-infurzar tal-liġi;

(vii)

karatteristiċi u profili b'rabta kriminali;

(viii)

abbuż tad-drogi;

(g)

kuntatti u assoċjati, inklużi t-tip u n-natura tal-kuntatt jew l-assoċjazzjoni;

(h)

il-mezzi ta' komunikazzjoni użati, bħat-telefown (statiku/mobbli), faks, pager, posta elettronika, indirizzi postali, konnessjoni(jiet) mal-internet;

(i)

mezzi ta' trasport użati, bħal vetturi, dgħajjes, inġenji tal-ajru, inkluż informazzjoni li tidentifika dawk il-mezzi ta' trasport (numri ta' reġistrazzjoni);

(j)

informazzjoni relatata mal-kondotta kriminali:

(i)

kundanni preċedenti;

(ii)

suspett ta' involviment f'attivitajiet kriminali;

(iii)

modi operandi;

(iv)

mezzi li ntużaw jew jistgħu jintużaw biex iħejju u/jew iwettqu reati;

(v)

sħubija fi gruppi/organizzazzjonijiet kriminali u pożizzjoni fil-grupp/organizzazzjoni;

(vi)

rwol fl-organizzazzjoni kriminali;

(vii)

il-firxa ġeografika tal-attivitajiet kriminali;

(viii)

materjal miġbur fil-kors ta' investigazzjoni, bħal immaġnijiet bil-vidjow u r-ritratti;

(k)

referenzi għal sistemi oħra ta' informazzjoni li fihom tkun maħżuna informazzjoni dwar il-persuna:

(i)

Europol;

(ii)

aġenziji tal-pulizija/dwana;

(iii)

aġenziji tal-infurzar oħra;

(iv)

organizzazzjonijiet internazzjonali;

(v)

entitajiet pubbliċi;

(vi)

entitajiet privati;

(l)

informazzjoni dwar persuni ġuridiċi assoċjati mad-data msemmija fil-punti (e) u (j):

(i)

nomina tal-persuna ġuridika;

(ii)

post;

(iii)

data u post tat-twelid;

(iv)

numru tar-reġistrazzjoni amministrattiva;

(v)

forma ġuridika;

(vi)

kapital;

(vii)

qasam ta' attività;

(viii)

sussidjarji nazzjonali u internazzjonali;

(ix)

diretturi;

(x)

rabtiet ma' banek.

3.

“Kuntatti u assoċjati”, kif imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1 huma persuni li permezz tagħhom ikun hemm raġuni biżżejjed biex wieħed jemmen li l-informazzjoni, li tirrigwarda l-persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 u li hija rilevanti għall-analiżi tista' tinkiseb, kemm-il darba ma jkunux inklużi f'waħda mill-kategoriji ta' persuni msemmija fil-punti (a), (b), (c), (d) u (f) tal-paragrafu 1. “Kuntatti” huma dawk il-persuni li għandhom kuntatt sporadiku mal-persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1. “Assoċjati” huma dawk il-persuni li jkollhom kuntatt regolari mal-persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1.

F'dak li għandu x'jaqsam ma' kuntatti u assoċjati, id-data msemmija fil-paragrafu 2 tista' tinħażen kif meħtieġ, sakemm ikun hemm raġuni biex wieħed jassumi li tali data tkun meħtieġa għall-analiżi tar-relazzjoni ta' tali persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1. F'dan il-kuntest, għandu jiġi osservat dan li ġej:

(a)

tali relazzjoni għandha tiġi ċċarata mill-aktar fis possibbli;

(b)

id-data msemmija fil-paragrafu 2 għandha titħassar mingħajr dewmien jekk is-suppożizzjoni li teżisti tali relazzjoni teżisti tirriżulta li hija bla bażi;

(c)

id-data kollha msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinħażen jekk il-kuntatti jew l-assoċjati jkunu suspettati li qed jikkommettu reat li jaqa' taħt l-ambitu tal-objettivi tal-Europol, jew ġew ikkundannati għall-kummissjoni ta' tali reat, jew jekk ikun hemm indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet suffiċjenti taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru konċernat biex wieħed jemmen li ser iwettqu tali reat;

(d)

id-data msemmija fil-paragrafu 2 data dwar kuntatti u assoċjati ta' kuntatti kif ukoll dwar assoċjati u dwar assoċjati ta' assoċjati ma għandhiex tinħażen, bl-eċċezzjoni ta' data dwar it-tip u n-natura tal-kuntatt tagħhom jew assoċjazzjoni mal-persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1;

(e)

jekk kjarifika skont il-punti ta' qabel ma tkunx possibbli, dan għandu jitqies meta tittieħed deċiżjoni dwar il-ħtieġa għal, u l-firxa tal-ħażna tad-data għal analiżi ulterjuri.

4.

Fir-rigward ta' persuna li, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1, kienet il-vittma ta' wieħed mir-reati konċernati jew li, abbażi ta' ċerti fatti hemm raġuni biex wieħed jemmen li tista' tkun vittma ta' tali reat, id-data msemmija fil-punt (a) sal-punt (c)(iii) tal-paragrafu 2, kif ukoll dawn il-kategoriji ta' data li ġejjin, jistgħu jinħażnu:

(a)

data ta' identifikazzjoni tal-vittmi;

(b)

raġuni għal vittimizzazzjoni;

(c)

ħsara (fiżika/finanzjarja/psikoloġika/oħra);

(d)

jekk għandhiex tiġi garantita l-anonimità;

(e)

jekk il-parteċipazzjoni f'seduta tal-qorti hijiex possibbli;

(f)

informazzjoni relatata mar-reat provduta minn jew permezz tal-persuni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1, inkluż fejn meħtieġ informazzjoni dwar ir-relazzjoni tagħhom ma' persuni oħra, għall-iskop li jidentifikaw il-persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1.

Data oħra msemmija fil-paragrafu 2 tista' tinħażen kif meħtieġ, sakemm ikun hemm raġuni li wieħed jassumi li hija meħtieġa għall-analiżi tar-rwol ta' persuna bħala vittma jew vittma potenzjali.

Data mhux meħtieġa għal xi analiżi ulterjuri għandha titħassar.

5.

Fir-rigward ta' persuni li, kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1, jistgħu jintalbu jixhdu f'investigazzjonijiet marbutin mar-reati konċernati jew fi proċedimenti kriminali sussegwenti, id-data msemmija fil-punt (a) sal-punt (c)(iii) tal-paragrafu 2 kif ukoll kategoriji ta' data li tikkonforma mal-kriterji li ġejjin jistgħu jinħażnu:

(a)

informazzjoni marbuta mar-reat provduta minn tali persuni, inkluża informazzjoni dwar ir-relazzjoni tagħhom ma' persuni oħra inklużi fil-fajl operattiv tal-analiżi;

(b)

jekk għandhiex tiġi garantita l-anonimità;

(c)

jekk għandhiex tiġi garantita l-protezzjoni u minn min;

(d)

identità ġdida;

(e)

jekk il-parteċipazzjoni f'seduta tal-qorti hijiex possibbli.

Data oħra msemmija fil-paragrafu 2 tista' tinħażen kif meħtieġ, sakemm ikun hemm raġuni li wieħed jassumi li hija meħtieġa għall-analiżi tar-rwol ta' dawn il-persuni bħala xhieda.

Data mhux meħtieġa għal xi analiżi ulterjuri għandha tiġi mħassra.

6.

Fir-rigward ta' persuni li, kif imsemmi fil-punt (f) tal-paragrafu 1, jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar ir-reati kriminali konċernati, id-data msemmija fil-punt (a) sal-punt (c)(iii) tal-paragrafu 2, kif ukoll kategoriji ta' data li tikkonforma mal-kriterji li ġejjin, jistgħu jinħażnu:

(a)

dettalji personali kodifikati;

(b)

tip ta' informazzjoni fornuta;

(c)

jekk għandhiex tiġi garantita l-anonimità;

(d)

jekk għandhiex tiġi garantita l-protezzjoni u minn min;

(e)

identità ġdida;

(f)

jekk il-parteċipazzjoni f'seduta tal-qorti hijiex possibbli;

(g)

esperjenzi negattivi;

(h)

premjijiet (finanzjarji/favuri).

Data oħra msemmija fil-paragrafu 2 tista' tinħażen kif meħtieġ, sakemm ikun hemm raġuni li wieħed jassumi li hija meħtieġa għall-analiżi tar-rwol ta' tali persuni bħala informatur.

Data mhux meħtieġa għal xi analiżi ulterjuri għandha tiġi mħassra.

7.

Jekk, fi kwalunkwe ħin matul il-kors ta' analiżi, joħroġ ċar abbażi ta' indikazzjonijiet serji u korroborattivi li persuna għandha tkun inkluża f'kategorija differenti ta' persuni, kif definiti f'dan l-Anness, għajr il-kategorija li tpoġġiet fiha l-persuna inizjalment, il-Europol tista' tipproċessa biss id-data dwar dik il-persuna li hija permessa taħt dik il-kategorija l-ġdida, u d-data l-oħra kollha għandha tiġi mħassra.

Jekk, fuq il-bażi ta' dawn l-indikazzjonijiet, joħroġ ċar li persuna għandha tiġi inkluża f'żewġ kategoriji differenti jew aktar kif definiti f'dan l-Anness, id-data kollha permessa taħt dawn il-kategoriji tista' tiġi pproċessata mill-Europol.


Top