Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fruntieri Intelliġenti: Is-sistema ta’ dħul/ħruġ tal-Unjoni Ewropea

Fruntieri Intelliġenti: Is-sistema ta’ dħul/ħruġ tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ biex tiġi rreġistrata data ta’ ċittadini mhux tal-UE li qed jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE

Ir-Regolament (UE) 2017/2225 li jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen rigward l-użu tas-sistema ta’ dħul/ħruġ

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 għandu l-għan li jtejjeb l-effettività u l-effiċjenza tal-kontrolli mal-fruntieri esterni taż-żona Schengen billi joħloq sistema ċentralizzata ta’ dħul/ħruġ (EES) għal ċittadini mhux tal-Unjoni Ewropea (UE) li qed jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE għal soġġorn qasir.

L-EES se tkun sistema tal-IT awtomatizzata għar-reġistrazzjoni ta’ dħul u ħruġ ta’ vjaġġaturi minn pajjiżi mhux tal-UE fil-fruntieri esterni. Ser tapplika għal dawk li jeħtieġu viża għal żmien qasir u għal dawk li jiġu minn pajjiżi eżenti mill-viża.

L-EES ser tissostitwixxi s-sistema attwali li tieħu ħafna żmien biex jiġu ttimbrati l-passaporti manwalment, li la jippovdi data affidabbli dwar qsim tal-fruntieri u lanqas issib lil dawk li jaqbżu ż-żmien dovut tagħhom b’mod effettiv. Ser tgħin ukoll fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità serja.

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 jemenda diversi liġijiet tal-UE:

L-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen rigward l-użu tal-EES hija att leġiżlattiv separat, ir-Regolament (UE) 2017/2225.

PUNTI EWLENIN

Suġġett

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 joħloq l-EES, sistema elettronika komuni li:

  • tirreġistra u taħżen id-data, il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini mhux tal-UE li jaqsmu l-fruntieri tal-UE;
  • awtomatikament tikkalkula ż-żmien tas-soġġorn awtorizzat ta’ tali ċittadini mhux tal-UE, u tiġġenera twissijiet lill- Istati Membri tal-UE meta s-soġġorn awtorizzat jiskadi.

Is-sistema tissostitwixxi r-rekwiżit tal-istampar ta’ passporti ta’ ċittadini mhux tal-UE, li hija applikabbli għall-Istati Membri kollha.

Kamp ta’ applikazzjoni

L-EES:

  • tapplika għal vjaġġaturi li jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona ta’ Schengen u huma suġġetti għar-rekwiżit ta’ visa, inkluż dawk eżenti minnha u aċċettati għal soġġorn qasir sa massimu ta’ 90 ġurnata f’perjodu ta’ 180 ġurnata;
  • ser tirreġistra wkoll data fuq ċittadini mhux tal-UE li għalihom ġiet irrifjutata daħla għal soġġorn qasir;
  • ser topera fuq il-fruntieri esterni tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ u mal-fruntieri tal-Istati Membri li - fiż-żmien li s-sistema tibda l-operazzjonijiet tagħha - tkun għadha ma tapplikax l-acquista’ Schengen bis-sħiħ, iżda tkun għaddiet b’suċċess mill-proċedura ta’ valutazzjoni ta’ Schengen u tkun kisbet aċċess passiv għall-VIS kif ukoll aċċess sħiħ għas-Sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen.

Ħżin ta’ data u aċċessibbiltà

L-EES ser taħżen data fuq identità, dokumenti tal-ivvjaġġar u data bijometrika.

Din id-data ser tkun:

  • miżmuma għal 3 snin għal dawk il-vjaġġaturi li jirrispettaw ir-regoli ta’ soġġorn qasir, u 5 snin għal dawk li jaqbżu l-perjodu ta’ soġġorn awtorizzat tagħhom;
  • aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-fruntieri, l-awtoritajiet li joħorġu l-visa u dawk responsabbli għall-monitoraġġ jekk ċittadin mhux tal-UE jissodisfax il-kundizzjonijiet tad-dħul u ta’ residenza.

Sabiex tevita, issib jew tinvestiga reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra, awtoritajiet maħtura għall-infurzar tal-liġi kif ukoll l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) jistgħu jitolbu li jikkonsultaw id-data tal-EES.

Arkitettura teknika

L-EES tikkonsisti fi:

  • sistema ċentrali li ser topera bażi ta’ data kompjuterizzata ċentrali ta’ data bijometrika u alfanumerika (taħlita ta’ ittri u numri);
  • interfaċċa uniformi nazzjonali f’kull pajjiż parteċipant;
  • kanal ta’ komunikazzjoni sigura bejn is-sistemi ċentrali tal-EES u tal-VIS;
  • infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura u kkriptata bejn is-sistema ċentrali tal-EES u l-interfaċċi uniformi nazzjonali (interfaċċi identiċi għall-Istati Membri kollha jgħaqqdu l-infrastrutturi tal-fruntiera tagħhom mas-sistema ċentrali tal-EES);
  • repożitorju tad-data biex jinkisbu rapporti u statistiċi li jistgħu jiġu personalizzati;
  • servizz tal-web biex jippermetti lil ċittadini mhux tal-UE li jivverifikaw iż-żjara awtorizzata li baqalhom.

eu-LISA hija responsabbli għall-iżvilupp u l-operat tas-sistema, inkluż l-adattament tal-VIS sabiex l-interoperabilità bejn l-EES u s-sistemi ċentrali tal-VIS tiġi assigurata.

Emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

Ir-Regolament (UE) 2017/2225 jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen rigward l-użu tal-EES mal-fruntieri esterni tal-UE kif ġej:

  • id-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini mhux tal-UE jiġi reġistrat direttament fl-EES;
  • Stat Membru jista’ jkompli jistampa d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini mhux tal-UE jekk huma għandhom permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn twil maħruġ minn dak l-Istat Membru, fejn dan huwa pprovdut b’mod ċar mil-liġi nazzjonali tiegħu;
  • ċittadini mhux tal-UE għandhom jipprovdu data bijometrika biex joħolqu l-fajl tal-EES individwali tagħhom jew biex jagħmlu kontrolli fil-fruntiera;
  • l-identità u n-nazzjonalità ta’ ċittadini mhux tal-UE kif ukoll l-awtentiċità u l-validità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom biex jaqsmu l-fruntiera jiġu verifikati;
  • L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu programmi nazzjonali għall-faċilitazzjoni tad-dħul fuq bażi volontarja għal ċittadini mhux tal-UE li jkunu diġà ġew evalwati;
  • L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk, u sa liema punt, jagħmlux użu minn teknoloġiji bħal sistemi ta’ self-service għal ċittadini mhux tal-UE biex jirreġistraw minn qabel jew jaġġornaw id-data fl-EES, e-gates u sistemi awtomatizzati ta’ kontroll tal-fruntieri, sakemm jiġi żgurat livell xieraq ta’ sigurtà, li l-użu tagħhom ikun sorveljat u li l-gwardji tal-fruntiera jkollhom aċċess għar-riżultat ta’ tali verifiki fuq il-fruntiera.

Atti ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea adottat serje ta’ atti li jimplimentaw ir-Regolament (UE) 2017/2226:

  • Id-Deċiżjoni(UE) 2018/1547 - speċifikazzjonijiet għall-kollegament tal-punti ta’ aċċess ċentrali mal-EES u għal soluzzjoni teknika għall-iffaċilitar tal-ġbir tad-data mill-Istati Membri għall-fini ta’ ġġenerar ta’ statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi;
  • Id-Deċiżjoni (UE) 2018/1548 — regoli biex titfassal il-lista ta’ persuni identifikati bħala dawk li qabżu s-soġġorn tagħhom fl-EES u l-proċedura li tagħmel din il-lista disponibbli lill-Istati Membri;
  • Id-Deċiżjoni (UE) 2019/326 — miżuri għad-dħul tad-data fl-EES;
  • Id-Deċiżjoni (UE) 2019/327 — miżuri għall-aċċess tad-data fl-EES;
  • Id-Deċiżjoni (UE) 2019/328 — miżuri għaż-żamma u l-aċċess tal-logs fl-EES;
  • Id-Deċiżjoni (UE) 2019/329 — speċifikazzjonijiet għall-kwalità, għar-riżoluzzjoni u għall-użu ta’ teħid ta’ marki tas-swaba u immaġni tal-wiċċ għal verifikazzjoni u identifikazzjoni bijometrika fl-EES;
  • Id-Deċiżjoni (UE)2022/1337 — mudell għall-għoti ta’ informazzjoni lil ċittadini mhux tal-UE dwar l-ipproċessar ta’ data personali fl-EES;
  • Ir-Regolament (UE)2022/1409 — kundizzjonijiet għall-operar tas-servizz web li jinsabu fir-Regolament (UE) 2017/2226 u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tiegħu.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 ilu japplika mid-29 ta’ Diċembru 2017, bl-eċċezzjoni ta’ regoli dwar il-bidu tad-data tal-operazzjoni li jeħtieġ li tiġi deċiża mill-Kummissjoni Ewropea. Minn dik id-data, ir-Regolament (UE) 2017/2225 ser japplika.

SFOND

L-EES tal-UE hija inizzjattiva ta’ priorità biex timmodernizza t-tmexxija tal-fruntiera esterna tal-UE u tgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, flimkien ma’ oqsma oħra importanti dwar tmexxija u sigurtà tal-fruntieri.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, pp. 20-82).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/2226 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) 2017/2225 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (ĠU L 327, 9.12.2017, pp. 1-19).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1409 tat-18 ta’ Awwissu 2022 li jikkonċerna r-regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għall-operar tas-servizz web u r-regoli tas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data applikabbli għas-servizz web kif ukoll miżuri għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tas-servizz web u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1224 (ĠU L 216, 19.8.2022, pp. 3-19).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1337 tat-28 ta’ Lulju 2022 li tistabbilixxi l-mudell għall-għoti ta’ informazzjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar l-ipproċessar tad-data personali fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (ĠU L 201, 1.8.2022, pp. 48-53).

Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, pp. 27-84).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/326 tal-25 ta’ Frar 2019 li tistipula miżuri biex tiddaħħal id-data fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) (ĠU L 57, 26.2.2019, pp. 5-9).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/327 tal-25 ta’ Frar 2019 li tistipula miżuri biex tiġi aċċessata d-data fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) (ĠU L 57, 26.2.2019, pp. 10-13).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/328 tal-25 ta’ Frar 2019 li tistipula miżuri biex tiġi aċċessata d-data fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) (ĠU L 57, 26.2.2019, pp. 14-17).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/329 tal-25 ta’ Frar 2019 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet dwar il-kwalità, ir-riżoluzzjoni u l-użu tal-marki tas-swaba’ u tal-immaġni tal-wiċċ għall-verifika u l-identifikazzjoni bijometrika fis-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) (ĠU L 57, 26.2.2019, pp. 18-28).

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 99-137).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1547 tal-15 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-kollegament tal-punti ċentrali ta’ aċċess mas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) u għal soluzzjoni teknika għall-iffaċilitar tal-ġbir tad-data mill-Istati Membri għall-fini ta’ ġġenerar ta’ statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi (ĠU L 259, 16.10.2018, pp. 35-38).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1548 tal-15 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi miżuri biex tkun stabbilita lista ta’ persuni identifikati fis-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) bħala li baqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-proċedura sabiex dik il-lista tkun għad-disponibbiltà tal-Istati Membri (ĠU L 259, 16.10.2018, pp. 39-42).

Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, pp. 1-71).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (kodifikazzjoni) (ĠU L 77, 23.3.2016, pp. 1-52).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 60-81).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, pp. 19-62).

l-aħħar aġġornament 31.08.2022

Top