Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Netwerk ferrovjarju uniku għall-Ewropa

Netwerk ferrovjarju uniku għall-Ewropa

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2012/34/EU li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2012/34/UE għandha l-għan li tiċċara r-regoli legali li japplikaw għas-settur ferrovjarju tal-Unjoni Ewropea (UE) sabiex:

  • ittejjeb il-kwalità billi tagħti spinta lill-kompetizzjoni;
  • issaħħaħ is-superviżjoni tas-suq; u
  • ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-investiment.

Id-direttiva tgħaqqad u tħassar it-tliet direttivi mill-ewwel pakkett ferrovjarju tal-2001. Dawn id-direttivi jikkonċernaw:

  • l-iżvilupp tal-ferroviji tal-UE (id-Direttiva 2001/12/KE);
  • l-għoti ta’ liċenzji għal impriżi ferrovjarji (Direttiva 2001/13/KE); u
  • l-immaniġġjar ta’ infrastruttura tal-ferroviji (id-Direttiva 2001/14/KE).

Id-Direttiva (UE) 2016/2370 temenda d-Direttiva 2012/34/UE fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja.

PUNTI EWLENIN

Żieda fil-kwalità permezz tal-kompetizzjoni

Direttiva 2012/34/UE:

  • tippermetti aktar trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq ferrovjarju;
  • ittejjeb l-aċċess għall-operaturi għal servizzi relatati mal-ferroviji bħal:
    • stazzjonijiet tal-ferrovija
    • terminals tal-merkanzija u
    • faċilitajiet ta’ manutenzjoni.

Il-maniġers tal-infrastruttura*

  • Meta l-infrastruttura titħaddem minn kumpaniji tal-ferroviji li storikament kellhom pożizzjoni dominanti fis-suq, għandha:
    • tkun independenti f’termini ta’ organizzazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet; u
    • jkolllha sistemi ta’ kontabilità separati.
  • Soġġett għal salvagwardji xierqa li jkunu fis-seħħ biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-maniġer tal-infrastruttura fir-rigward tal-funzjonijiet essenzjali*, l-immaniġġjar tat-traffiku u l-ippjanar tal-manutenzjoni, l-Istati Membri tal-UE jistgħu jagħżlu bejn mudelli ta’ organizzazzjoni differenti. Dawn il-mudelli jvarjaw minn separazzjoni strutturali sħiħa għal integrazzjoni vertikali.
  • Hemm regoli dettaljati li jirregolaw it-trasparenza finanzjarja self, dividendi lis-sidien tal-kumpaniji ferrovjarji u flussi finanzjarji f’impriżi integrati vertikalment. Dawn ir-regoli huma mfassla biex jimpedixxu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari r-riskju ta’ sussidjar reċiproku fi strutturi integrati.

Servizzi domestiċi tal-passiġġieri

  • L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-kumpaniji ferrovjarji kollha jkollhom aċċess ugwali għall-binarji u l-istazzjonijiet. Madankollu, huma jistgħu jillimitaw id-dritt ta’ aċċess għal servizzi tal-passiġġieri bejn post ta’ tluq partikolari u destinazzjoni partikolari fejn kuntratt ta’ servizz pubbliku wieħed jew aktar ikopri l-istess rotta. Dan japplika wkoll meta kuntratt wieħed jew aktar ta’ servizz pubbliku jkopri rotta alternattiva, kieku l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kellu jikkomprometti l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt jew tal-kuntratti inkwistjoni.

Kontroll regolatorju

  • Id-Direttiva 2012/34/UE ssaħħaħ l-indipendenza tal-korpi regolatorji nazzjonalili jissorveljaw is-suq ferrovjarju nazzjonali. Dawn il-korpi jistgħu jimponu multi fil-każ ta’ kondotta mhux xierqa jew jistgħu jwettqu awditi. Il-kontroll regolatorju huwa msaħħaħ permezz ta’ koperazzjoni mill-qrib bejn il-korpi regolatorji u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sikurezza u liċenzjar tal-ferroviji.
  • Il-korpi regolatorji għandhom is-setgħa li jimmonitorjaw:
    • il-ġestjoni tat-traffiku
    • l-ippjanar ta’ tiġdid u
    • x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni skedati kif ukoll dawk mhux skedati.

Finanzjament tas-servizz ferrovjarju

L-awtoritajiet pubbliċi kompetenti għandhom iħejju strateġiji ta’ investiment fuq medda itwal ta’ żmien biex joffru aktar stabbiltà lill-maniġer tal-infrastruttura, (fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment u fl-ippjanar ta’ xogħlijiet), kif ukoll aktar ċertezza għall-investituri, sabiex jinkoraġġixxu kumpaniji biex jinvestu fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura. Dawn l-istrateġiji għandhom ikopru perjodu ta’ mill-inqas ħames (5) snin u dan il-perjodu għandu jkun jista’ jiġġedded.

Adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni u ta’ delega

Il-Kummissjoni Ewropea adottat serje ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jissupplimentaw id-Direttiva 2012/34/UE u jikkonċernaw dan li ġej.

  • Id-dettalji tal-proċedura u l-kriterja li trid tkun segwita meta jkun qed jiġi determinat jekk il-bilanċ ekonomiku ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku għat-trasport ferrovjarju jiġix kompromess minn servizz ġdid ferrovjarju għal passiġġieri sew jekk ikun domestiku jew internazzjonali (Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2018/1795).
  • Il-kriterja għal applikanti ta’ kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja (Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2015/10).
  • Ċerti aspetti tal-proċedura ta’ liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/171).
  • Il-kalkolu tal-ispejjeż diretti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/909).
  • L-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri rigward il-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju (Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1100).
  • Il-proċeduri u l-kriterji rigward ftehim qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/545).
  • Aċċess għall-faċilitajiet tas-servizzi u servizzi relatati mal-ferroviji (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2177).

Fl-2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni Delegata (UE) 2017/2075 li tissostitwixxi l-Anness VII tad-Direttiva 2012/34/UE. Din tikkonċerna l-iskeda għall-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-Direttiva 2012/34/KE kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sas-16 ta’ Ġunju 2015. Ir-regoli li hemm fid-direttiva jridu japplikaw mill-istess data.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Maniġer tal-infrastruttura. Kwalunkwe korp jew ditta responsabbli għat-tħaddim, il-manutenzjoni u t-tiġdid ta’ infrastruttura ferrovjarja fuq network, u għall-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tagħha kif determinat minn Stat Membru bħala parti mill-politika ġenerali tiegħu dwar l-iżvilupp u l-finanzjament tal-infrastruttura tiegħu.
Funzjonijiet essenzjali. It-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferroviji, inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet ta’ ferroviji individwali; u l-imposti fuq l-infrastruttura, inkluż id-determinazzjoni u l-ġbir tal-imposti.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, pp. 32–77).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2012/34/UE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1795 tal-20 ta’ Novembru 2018 li jistabbilixxi l-proċedura u l-kriterji għall-applikazzjoni tat-test tal-bilanċ ekonomiku skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 21.11.2018, pp. 5–14).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2177 tat-22 ta’ Novembru 2017 dwar l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ servizz u għas-servizzi relatati mal-ferroviji (ĠU L 307, 23.11.2017, pp. 1–13).

Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/2075 tal-4 ta’ Settembru 2017 li tissostitwixxi l-Anness VII tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 295, 14.11.2017, pp. 69–73).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/545 tas-7 ta’ April 2016 dwar proċeduri u kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ ftehimiet qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja (ĠU L 94, 8.4.2016, pp. 1–11).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1100 tas-7 ta’ Lulju 2015 dwar l-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri fil-qafas tal-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju (ĠU L 181, 9.7.2015, pp. 1–26).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/909 tat-12 ta’ Ġunju 2015 dwar il-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju (ĠU L 148, 13.6.2015, pp. 17–22).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/171 tal-4 ta’ Frar 2015 dwar ċerti aspetti tal-proċedura ta’ liċenzjar tal-impriżi ferrovjarji (ĠU L 29, 5.2.2015, pp. 3–10).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/10 tas-6 ta’ Jannar 2015 dwar kriterji għall-applikanti għall-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 870/2014 (ĠU L 3, 7.1.2015, pp. 34–36).

l-aħħar aġġornament 14.06.2024

Top