EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Swieq finanzjarji regolati aħjar u aktar trasparenti

Swieq finanzjarji regolati aħjar u aktar trasparenti

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Magħrufa bħala d-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFID II), din għandha l-għan li tagħmel is-swieq finanzjarji fl-Unjoni Ewropea (UE) aktar robusti u trasparenti.
  • Din toħloq qafas legali ġdid li jirregola aħjar l-attivitajiet ta’ investiment u kummerċ fuq is-swieq finanzjarji u jtejjeb il-protezzjoni tal-investitur.

PUNTI EWLENIN

  • 1.
    L-iżgurar li l-prodotti finanzjarji jiġu negozjati f’postijiet regolati

    L-għan huwa li jingħalqu l-lakuni fl-istruttura tas-swieq finanzjarji. Ġiet stabbilita pjattaforma ġdida għal kummerċ regolat sabiex taqbad il-massimu ta’ kummerċ mhux regolat: il-faċilità ta’ negozjar organizzat (OTF)*, li teżisti flimkien ma’ pjattaformi kummerċjali oħrajn bħal swieq regolati.

  • 2.
    Aktar trasparenza

    Ir-regoli jsaħħu r-rekwiżiti tat-trasparenza li japplikaw qabel u wara li l-istrumenti finanzjarji jiġu kkummerċjalizzati, pereżempju meta l-parteċipanti tas-suq ikollhom jippubblikaw informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji. Dawn ir-rekwiżiti huma kkalibrati b’mod differenti, skont it-tip ta’ strument finanzjarju.

  • 3.
    Limitazzjoni tal-ispekulazzjoni fuq il-komoditajiet

    Spekulazzjoni fuq il-komoditajiet — prattika finanzjarja li tista’ twassal għal prezzijiet li jogħlew b’mod drastiku ta’ prodotti bażiċi (bħal prodotti agrikoli) — hija ristretta bl-introduzzjoni ta’ sistema armonizzata tal-UE li tistabbilixxi limiti fuq il-pożizzjonijiet miżmuma fid-derivattivi soċjoekonomiċi. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jillimitaw id-daqs ta’ pożizzjoni li l-parteċipanti fis-suq jista’ jkollhom fid-derivattivi tal-komoditajiet.

  • 4.
    Adattament tar-regoli għal teknoloġiji ġodda

    Skont ir-regoli l-ġodda, għandhom jiġu stabbiliti kontrolli għal attivitajiet kummerċjali li jitwettqu b’mod elettroniku b’veloċità għolja ħafna, bħall-kummerċ ta’ frekwenza għolja*. Ir-riskji potenzjali miż-żieda fl-użu tat-teknoloġija huma mtaffija minn kombinazzjoni ta’ regoli li jimmiraw biex jiżguraw li dawn it-tekniki kummerċjali ma joħolqux swieq mhux organizzati.

  • 5.
    Tisħiħ tal-protezzjoni tal-investituri

    Id-ditti ta’ investiment għandhom jaġixxu f’konformità mal-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom meta jipprovdulhom servizzi ta’ investiment. Dawn id-ditti għandhom jissalvagwardjaw l-assi tal-klijenti tagħhom jew jiżguraw li l-prodotti li huma jimmanifatturaw, joffru jew jirrakomandaw ikunu ddisinjati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-klijenti finali. L-investituri għandhom jiġu pprovduti wkoll b’aktar informazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi offruti jew rakkomandati lilhom. Barra minn hekk, id-ditti għandhom jiżguraw li l-ħlas u l-inċentivi tal-persunal li jirċievu, jew jitħallsu liid-ditti biex jirrakkomandaw prodott finanzjarju partikolari ma jiġux organizzati b’mod li jmur kontra l-interessi tal-klijenti.

  • 6.
    Kapital inizjali

    Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2034 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment (ara s-sommarju) tarmonizza l-livell meħtieġ tal-kapital inizjali tad-ditti tal-investiment li joperaw l-OTFs u l-faċilitajiet multilaterali tan-negozjar* (MTFs).

  • 7.
    Awtorizzazzjoni u superviżjoni

    L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) hija responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-impriżi li jkollhom l-intenzjoni li jipprovdu servizzi ta’ rappurtar tad-data, wara emendi introdotti mid-Direttiva (UE) 2019/2177.

  • 8.
    Fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv

    Persuni ġuridiċi awtorizzati bħala fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv skont ir-Regolament (UE) 2020/1503 huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE.

  • 9.
    Swieq ta’ tkabbir tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

    Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/2115 jintroduċi regoli ġodda biex jippromwovi b’mod attiv l-użu tas-swieq tat-tkabbir żgħar u ta’ daqs medju (SME), tip ġdid ta’ post kummerċjali maħluqa taħt id-Direttiva 2014/65/UE u subkategorija tal-MTFs. Dawn huma mfassla biex itejbu l-aċċess tal-SMEs għall-kapital u jippermettulhom jikbru, u biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ swieq speċjalizzati li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-emittenti tal-SMEs b’potenzjal ta’ tkabbir.

  • 10.
    Il-pandemija tal-COVID-19

    Biex tgħin fl-irkupru mill-pandemija, id-Direttiva emendatorja (UE) 2021/338 issimplifikat ċerti regoli tal-MiFID li dehru li ma kinux utli jew li huma ta’ wisq piż. Ir-rapportar perjodiku li għandu jiġi ppubblikat minn postijiet ta’ negozjar u eżekuzzjoni u minn internalizzaturi sistematiċi* ġie sospiż sa Frar 2023. L-att emendatorju introduċa wkoll xi bidliet fir-reġim ta’ limitu tal-pożizzjoni għad-derivattivi tal-komoditajiet biex jiġi appoġġat il-ħolqien u t-tkabbir ta’ swieq tad-derivattivi fiskali denominati f’euro.

  • 11.
    Reżiljenza operazzjonali diġitali

    Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/2556 tallinja d-dispożizzjonijiet tad-direttiva, u diversi direttivi relatati oħra, mar-rekwiżiti dwar ir-riskju tal-ICT għall-entitajiet finanzjarji stabbiliti fir-reżiljenza operazzjonali diġitali tar-regolament dwar is-settur finanzjarju (DORA), ir-Regolament (UE) 2022/2554 (ara s-sommarju).

Atti Delegati u ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea adottat serje ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni, inkluż dan li ġej.

  • Id-Direttiva Delegata (UE) 2017/593, kif emendata bid-Direttiva Delegata (UE) 2021/1269, li tittratta aspetti tal-protezzjoni tal-investitur:
    • is-salvagwardja tal-fondi u tal-istrumenti finanzjarji tal-klijenti;
    • il-governanza tal-prodotti*;
    • il-kumpens monetarju u mhux monetarju; u
    • l-integrazzjoni tal-fatturi ta’ sostenibbiltà fl-obbligi ta’ governanza tal-prodotti.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/565 rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment, kif emendat mir-Regolamenti Delegati (UE) 2021/1253 rigward l-integrazzjoni tal-fatturi, tar-riskji u tal-preferenzi ta’ sostenibbiltà u (UE) 2021/1254 dwar ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-kundizzjonijiet għall-operat tad-ditti tal-investiment.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/824 li jistabilixxi standards tekniċi li jiddeskrivu l-funzjonament tal-MTFs u tal-OTFs u n-notifika tagħhom lill-ESMA.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sat-3 a’ Lulju 2017 u r-regoli ilhom japplikaw mit-3 ta’ Jannar 2018 (posposta b’sena bid-Direttiva (UE) 2016/1034).

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Faċilità ta’ negozjar organizzat. Sistema multilaterali li mhix regolata minn suq jew minn faċilità ta’ negozjar multilaterali (ara hawn taħt), u fejn interessi ta’ negozjar u bejgħ minn terzi f’bonds, prodotti finanzjarji strutturati, kwoti jew derivattivi ta’ emissjonijiet ikunu jistgħu jinteraġixxu fis-sistema.
Kummerċ ta’ frekwenza għolja. Tip ta’ kummerċ li juża programmi tal-kompjuter biex jagħmel kummerċ b’veloċità għolja bl-użu ta’ data finanzjarja aġġornata malajr.
Faċilità ta’ negozjar multilaterali. Faċilità li fiha partijiet terzi multipli li jixtru u jbiegħu interessi kummerċjali fi strumenti finanzjarji jistgħu jinteraġixxu fis-sistema.
Internalizzatur sistematiku. Internalizzaturi sistematiċi huma ditti ta’ investiment li jinnegozjaw akkont tagħhom stess meta jwettqu l-ordnijiet tal-klijenti barra minn suq regolat, faċilità ta’ negozjar multilaterali jew faċilitajiet tan-negozjar organizzati mingħajr ma joperaw sistema multilaterali, fuq bażi organizzata, frekwenti, sistematika u sostanzjali.
Governanza tal-prodotti. Din tiżgura li d-ditti li jimmanifatturaw u jiddistribwixxu strumenti finanzjarji u depożiti strutturati jaġixxu fl-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (riformulazzjoni) (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 349–496).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/65/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2022/2556 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE, 2014/65/UE, (UE) 2015/2366 u (UE) 2016/2341 fir-rigward tar-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (ĠU L 333, 27.12.2022, pp. 153–163).

Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, pp. 1–79).

Ir-Regolament (UE) Nru 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2013, pp. 1–49).

Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 tas-7 ta’ April 2016 li tissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti, l-obbligi ta’ governanza tal-prodotti u r-regoli applikabbli għall-provvediment jew ir-riċeviment ta’ tariffi, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju jew mhux monetarju (ĠU L 87, 31.3.2017, pp. 500–517).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal- 25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 87, 31.3.2017, pp. 1–83).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/824 tal-25 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-kontenut u l-format tad-deskrizzjoni tal-funzjonament ta’ faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u faċilitajiet organizzati tan-negozjar u n-notifika lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (ĠU L 137, 26.5.2016, pp. 10–16).

Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li temenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, pp. 84–119).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 20.06.2023

Top