EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AR0150

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-pakkett tas-servizzi: Perspettiva aġġornata mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa

COR 2020/00150

OJ C 324, 1.10.2020, p. 53–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/53


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-pakkett tas-servizzi: Perspettiva aġġornata mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa

(2020/C 324/09)

Relatur:

Jean-Luc VANRAES (BE/ALDE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Uccle

Dokumenti ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' e-Card Ewropea tas-servizzi u l-faċilitajiet amministrattivi relatati

COM(2016) 824 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas legali u operattiv tal-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament [ir-Regolament tal-ESC] …

COM(2016) 823 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

COM(2016) 822 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi il-proċedura ta' notifika għal skemi ta' awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma' servizzi, u li temenda d-Direttiva 2006/123/KE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern

COM(2016) 821 final

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar rakkomandazzjonijiet ta' riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali

COM(2016) 820 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

L-importanza u l-urġenza tal-ikkompletar tas-Suq Uniku fis-servizzi

1.

jirrikonoxxi li s-Suq Uniku huwa kisba ewlenija tal-politika tal-UE li jsejjes il-kompetittività Ewropea, il-prosperità u l-benessri tal-konsumatur; jenfasizza li Suq Uniku li jiffunzjona kif suppost jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-impjieg fil-livelli reġjonali u lokali u li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, bħala xerrejja pubbliċi importanti, jibbenifikaw minn Suq Uniku b'funzjonament aħjar, inkluż fis-servizzi;

2.

jirrikonoxxi li s-Suq Uniku għadu qed jiġi żviluppat u li għad hemm ostakli sinifikanti; jenfasizza li l-implimentazzjoni u l-approfondiment tiegħu jitolbu impenn akbar mill-atturi istituzzjonali fil-livelli kollha tal-governanza, u li l-Istati Membri b'mod partikolari għandhom responsabbiltajiet importanti biex jiżguraw implimentazzjoni effettiva;

3.

jenfasizza li l-proposti ta' politika tas-Suq Uniku jista' jkollhom impatti territorjali importanti li għandhom jiġu vvalutati kif xieraq. Il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali jikkontribwixxu għall-kejl tal-effetti possibbli tal-proposti leġislattivi b'mod komprensiv u bbilanċjat, filwaqt li jkopru medda wiesgħa ta' aspetti, u li huma essenzjali għal bosta reġjuni li mhumiex involuti direttament fil-proċess leġislattiv, iżda li jimplimentaw il-leġislazzjoni; itenni mill-ġdid li l-KtR lest jikkontribwixxi l-għarfien espert tiegħu għal dawn il-valutazzjonijiet;

4.

jitlob li l-implimentazzjoni tas-Suq Uniku tirrispetta, sa fejn huwa possibbli, il-prinċipji tal-awtonomija lokali; ifakkar li l-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali (1) tirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali huwa waħda mill-pedamenti ewlenin ta' kwalunkwe reġim demokratiku, li s-salvagwardja u r-rinfurzar tal-awtonomija lokali hija kontribut importanti għall-bini ta' Ewropa bbażata fuq il-prinċipji tad-demokrazija u tad-deċentralizzazzjoni tal-poter, u li dan ifisser li l-awtoritajiet lokali għandhom grad wiesa' ta' awtonomija fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom, il-modi u l-mezzi li bihom jiġu eżerċitati dawn ir-responsabbiltajiet u r-riżorsi meħtieġa għall-qadi tagħhom;

5.

jikkunsidra li għandu jiġi eżaminat approċċ aktar deċentralizzat għal implimentazzjoni tas-Suq Uniku li tinvolvi d-deċentralizzazzjoni tar-responsabbiltà għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni għall-aġenziji fil-livell tal-Istat Membru, immudellat fuq l-approċċ deċentralizzat għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE; jemmen li tali approċċ deċentralizzat jgħin kemm biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fil-livelli kollha kif ukoll biex jippromovi s-sjieda tal-Istati Membri tas-Suq Uniku, li hija essenzjali għall-funzjonament korrett tiegħu;

6.

jinnota li ħafna mill-ostakli ekonomiċi li fadal l-aktar sinifikanti jinsabu fil-qasam tas-servizzi;

7.

jenfasizza li s-servizzi huma l-komponent ewlieni tal-ekonomija Ewropea, u jgħoddu għal madwar 70 % kemm tal-PDG kif ukoll tal-impjiegi (2); jinnota, madankollu, li s-settur tas-servizzi tal-UE huwa kkaratterizzat minn tkabbir bil-mod fil-produttività u kompetizzjoni dgħajfa, u minn diversità enormi ta’ setturi tas-servizzi b’karatteristiċi differenti; jinnota li l-kummerċ fl-UE fis-servizzi jirrappreżenta biss terz mill-kummerċ fl-UE fil-merkanzija u ma juri l-ebda sinjal li se jżid il-livell tiegħu;

8.

jisħaq li l-ostakli mhux ġustifikati għall-provvista transkonfinali tas-servizzi, l-aktar b'riżultat ta' regoli u proċeduri nazzjonali li jvarjaw, huma fost il-kawżi ewlenin tal-prestazzjoni batuta tas-settur u li jekk jitneħħew dawn l-ostakli dan jista' jagħti lill-fornituri tas-servizzi u lill-konsumaturi opportunitajiet akbar biex jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tas-Suq Uniku; li azzjoni ulterjuri għandha tkun ibbażata fuq ħtiġijiet demonstrabbli tal-fornituri tas-servizzi; li d-diversità enormi tas-setturi tas-servizzi tista’ tirrikjedi approċċ aktar speċifiku għas-setturi u li l-gvernijiet reġjonali u lokali jista’ jkollhom rwol importanti biex isolvu l-problemi li jinqalgħu;

9.

jisħaq li s-servizzi huma input intermedju importanti fl-ekonomija bħala parti minn katini globali ta’ valur u li s-servizzi kompetittivi, b'mod partikolari s-servizzi tan-negozju, huma kruċjali għall-produttività u l-kompetittività fl-ispejjeż f'setturi oħra bħal dak tal-manifattura li huma vitali għall-ekonomiji reġjonali u lokali;

10.

jinnota li, għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, il-potenzjal tad-Direttiva dwar is-Servizzi biex ittejjeb il-moviment liberu tas-servizzi għadu ma ntlaħaqx għal kollox u li l-fornituri f'firxa ta' setturi tas-servizzi għadhom iħabbtu wiċċhom ma' firxa wiesgħa ta' ostakli meta huma jkunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor jew jipprovdu servizzi fuq bażi transkonfinali temporanja; jinnota li l-istimi jindikaw li l-indirizzar tal-ostakli għall-kummerċ u l-investiment transkonfinali fis-servizzi skont il-qafas diġà pprovdut mid-Direttiva dwar is-Servizzi jista' jżid 1,7 % mal-PDG tal-UE;

11.

jinnota li mill-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni fil-pakkett tas-servizzi, waħda biss ġiet adottata, jiġifieri d-direttiva dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet; jinnota wkoll li l-proposti leġislattivi għall-e-Card Ewropea tas-servizzi huma mblokkati fil-proċess leġislattiv u li d-direttiva proposta li tistipula proċedura ta' notifika għal skemi ta' awtorizzazzjoni u rekwiżiti relatati mas-servizzi mxiet 'il quddiem bil-mod ħafna;

12.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza l-attivitajiet kummerċjali u professjonali l-aktar komuni f’kull Stat Membru, li diġà jistgħu jibbenefikaw mid-Direttiva dwar is-Servizzi fis-seħħ, sabiex fl-iktar fis possibbli jista’ jsir inventarju komprensiv tal-ispejjeż u l-konġestjonijiet mhux neċessarji għall-intraprendituri; huwa jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tħejji, b’urġenza, rakkomandazzjoni li tinkorpora mudell standard ta’ punti ta’ kuntatt waħdieni – kif previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva – sabiex l-Istati Membri jsegwu mudell komuni li jagħmilha kemm jista’ jkun faċli għall-fornituri biex jużawh bil-lingwi differenti tagħhom, bl-istess mod kif isir fil-qasam tar-regolamenti tekniċi b’effiċjenza kbira u bl-inqas spejjeż ta’ traduzzjoni possibbli;

13.

jinnota li s-sentenza tal-QĠUE fil-każ Visser Vastgoed (3) jista’ jkollha implikazzjonijiet sinifikanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jikkunsidra li dawn għandhom jiġu indirizzati mil-leġislazzjoni tal-UE u li d-direttiva ta' notifika proposta hija l-qafas xieraq fejn għandu jsir dan;

14.

jikkunsidra li l-implikazzjonijiet tal-każ Visser Vastgoed jistgħu ma jkunux limitati għal obbligi ta' notifika għal pjani ta' żonar tal-użu tal-art li jikkonċernaw servizzi tal-bejgħ bl-imnut iżda potenzjalment jestendu b’mod usa’;

15.

jirrikonoxxi l-importanza ta' Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb għar-reġjuni tal-fruntiera u jemmen li strumenti ta' kooperazzjoni transkonfinali tal-UE bħar-REKT (4) jista' jkollhom rwol utli x'jaqdu f'dan;

e-Card Ewropea tas-servizzi

16.

jieħu nota tal-fatt li l-Parlament Ewropew irrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal e-Card tas-servizzi u talab lill-Kummissjoni biex tirtira l-fajl; jinnota wkoll li l-Kunsill ma setax jilħaq pożizzjoni komuni dwar l-istess fajl u jfakkar li, sabiex jiġu appoġġjati n-negozji li jipprovdu servizzi transkonfinali, il-miżuri mid-Direttiva attwali dwar is-Servizzi, bħall-punti ta’ kuntatt individwali, għandhom jiġu implimentati b’mod korrett;

17.

ifakkar lill-koleġislaturi li l-e-Card tas-servizzi kienet oriġinarjament ibbażata fuq l-idea, liema idea l-proposta naqset li timplimenta, li tnaqqas il-kumplessità amministrattiva u l-ispejjeż għall-fornituri tas-servizzi transkonfinali, u b’mod partikolari għall-SMEs, meta jissodisfaw formalitajiet amministrattivi;

18.

jinnota li mingħajr l-implimentazzjoni ta' e-Card tas-servizzi, il-fornituri tas-servizzi transkonfinali għadhom jiffaċċjaw l-istess spejjeż biex jaqdu formalitajiet amministrattivi u li l-e-Card tas-servizzi suppost kellha tnaqqashom bin-nofs, li kien ikun ta' benefiċċju kbir għall-SMEs;

19.

għalhekk, ifakkar il-ħtieġa li jittieħdu passi importanti fis-simplifikazzjoni amministrattiva mill-perspettiva tal-fornituri tas-servizzi u l-ispejjeż mhux meħtieġa li għadhom jiffaċċjaw; jirrimarka, madankollu, li l-piż leġislattiv, tekniku u amministrattiv tal-introduzzjoni tal-e-Card tas-servizzi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkun proporzjonat mal-benefiċċji mistennija;

20.

ifakkar lill-koleġislaturi li d-Direttiva dwar is-Servizzi tistipula li l-Istati Membri ma jistgħux jidduplikaw rekwiżiti li huma ekwivalenti għal dawk li l-fornitur diġà ssodisfa fi Stat Membru ieħor; jinnota, madankollu, li dan għadu mhux applikat biżżejjed fil-prattika, u li l-fornituri tas-servizzi għalhekk ħafna drabi jiffaċċjaw l-istess rekwiżiti bħall-kumpaniji domestiċi avolja diġà jkunu kkonformaw ma' rekwiżiti ekwivalenti jew simili fl-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom;

21.

ifakkar lill-koleġislaturi li l-kumplessità tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-piż amministrattiv li jirriżulta mill-proċedura proposta tal-e-Card tas-servizzi kienu fost ir-raġunijiet ewlenin għaliex ma ntlaħaqx il-kompromess fin-negozjati dwar din il-kwistjoni. F’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkonċentra fuq regoli sempliċi u ċari għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-proposti futuri tagħha;

22.

jinnota li d-diversità sinifikanti fil-forma legali u r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja fl-Istati Membri wkoll għadha ostakolu għal-libertà tal-istabbiliment fis-settur tas-servizzi tan-negozju;

23.

jinnota bl-istess mod li l-fornituri tas-servizzi jesperjenzaw diffikultajiet kbar biex jiksbu kopertura tal-assigurazzjoni tal-indemnità professjonali meħtieġa bil-liġi meta jfittxu li joffru s-servizzi tagħhom fi Stat Membru ieħor;

24.

jinnota wkoll li l-liġijiet settorjali nazzjonali mhux dejjem jagħmlu d-distinzjoni meħtieġa bejn ir-rekwiżiti applikabbli għall-fornituri tas-servizzi li jkunu qed ifittxu li jistabbilixxu lilhom infushom u dawk li jkunu qed ifittxu li jipprovdu servizzi transkonfinali b'mod temporanju, u dan jirriżulta f'inċertezza u rekwiżiti regolatorji sproporzjonati għall-fornituri tas-servizzi transkonfinali;

25.

jinnota b'dispjaċir li l-ostakli msemmija hawn fuq ma tneħħewx u għadhom jikkontribwixxu għal integrazzjoni fqira tas-servizzi fis-Suq Uniku, taħt il-qafas diġà pprovdut mid-Direttiva dwar is-Servizzi;

26.

għalhekk, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħrajn biex isibu bażi komuni biex jindirizzaw il-kwistjonijiet li l-proposta leġislattiva għall-e-Card hija maħsuba li tindirizza, b'hekk tippermetti implimentazzjoni aħjar abbażi tad-Direttiva dwar is-Servizzi;

27.

jirrikonoxxi l-approċċi differenti fl-Istati Membri għall-kriterji ta' eliġibbiltà għall-fornituri tas-servizzi biex jieħdu sehem f'offerti, li jistgħu jkunu ostaklu għas-Suq Uniku; għalhekk, il-potenzjal tal-istrumenti tal-UE għandu jintuża biex jissimplifika dawn l-approċċi kull fejn ikun possibbli;

28.

jiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva dwar is-Servizzi li għandhom l-għan li jżidu l-attivitajiet transkonfinali u l-iżvilupp ta' Suq Uniku ġenwin għas-servizzi, permezz ta' konverġenza akbar tar-regoli tal-professjonijiet fil-livell Ewropew, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi inizjattivi biex jinċentivaw lill-assoċjazzjonijiet professjonali fil-livell Ewropew biex jużaw dawn il-possibbiltajiet u b'hekk jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-fornituri tas-servizzi;

29.

jenfasizza l-importanza tad-Direttiva dwar is-Servizzi u l-kontribut tagħha għall-moviment liberu tas-servizzi fis-Suq Uniku. Fl-istess ħin jenfasizza li n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs u l-awtoritajiet pubbliċi, jiffaċċjaw ħafna sfidi meta japplikaw ir-regoli tad-Direttiva;

Proċedura ta' notifika

30.

jieħu nota tas-sentenza tal-QĠUE fil-każ Visser Vastgoed u tal-inċertezzi legali li jistgħu jġibu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali (5), partikolarment fir-rigward tal-kwistjoni tal-obbligu ta' notifika; ukoll peress li l-kamp ta' applikazzjoni jista' ma jkunx limitat għal servizzi ta' bejgħ bl-imnut u ppjanar tal-użu tal-art, iżda jista' jaffettwa attivitajiet regolatorji oħra tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

31.

jara opportunità fit-titjib tal-proċedura ta' notifika taħt il-Pakkett tas-Servizzi biex tindirizza l-kwistjonijiet li nħolqu mis-sentenza tal-QĠUE u jistieden lill-koleġislaturi biex jikkonċentraw l-isforzi tagħhom sabiex joħorġu b'soluzzjonijiet matul in-negozjati attwali dwar il-proċedura ta' notifika, li jiżguraw ukoll li l-proċedura tipprovdi ċ-ċertezza legali meħtieġa;

32.

jisħaq li bosta awtoritajiet lokali u reġjonali jaffaċċjaw sfidi f'termini ta' kapaċità u riżorsi biex ilaħħqu mal-piż amministrattiv tal-obbligu ta' notifika legali attwali – fid-dawl tas-sentenza tal-QĠUE – u li kwalunkwe proċedura ta' notifika ġdida għandha tikkunsidra dan sabiex tnaqqas dan il-piż amministrattiv kemm jista' jkun;

33.

jinnota l-ħtieġa li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-isforzi meħtieġa mill-obbligi ta' notifika u l-valur miżjud biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva dwar is-Servizzi, billi jiġi kkunsidrat li l-biċċa l-kbira tar-regolamenti lokali u reġjonali għandhom effett insinifikanti fuq is-Suq Uniku u li aktarx jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

34.

jenfasizza li kwalunkwe proċedura ta' notifika ġdida għandha tevita li twassal għal dewmien bla bżonn fl-adozzjoni tar-regolamenti lokali u reġjonali, peress li dan id-dewmien jaffettwa b'mod ħażin il-partijiet ikkonċernati kollha involuti u jxekkel l-attività ekonomika kif ukoll l-investiment (pereżempju fil-bejgħ bl-imnut u fl-iżvilupp tal-proprjetà immobbli relatat);

35.

jitlob trasparenza suffiċjenti u ftuħ għal djalogu min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta' kwalunkwe proċedura ta' notifika ġdida, partikolarment waqt il-fażi tal-proċedura li fiha l-Kummissjoni tivvaluta jekk regolament lokali jew reġjonali huwiex konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi;

36.

jinsisti fuq il-ħtieġa għal implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-Servizzi u għalhekk jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea toħroġ b'sett ta' kriterji kwantitattivi u/jew kwalitattivi sabiex tevalwa liema tip ta' regolamenti lokali u reġjonali jistgħu jiġu eżentati min-notifika skont id-Direttiva dwar is-Servizzi, mingħajr ma din l-eżenzjoni xxekkel l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi;

37.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-affidabbiltà ta' elementi deċentralizzati tal-implimentazzjoni, inkluż in-notifika, marbuta ma' kriterji kwantitattivi u/jew kwalitattivi, peress li dan jista' jżid l-effiċjenza tal-implimentazzjoni u jwassal għal valutazzjoni aktar preċiża tal-interess pubbliku reġjonali u lokali; b'hekk jiġi rispettat il-prinċipju tal-awtonomija u tas-sussidjarjetà;

38.

jenfasizza l-importanza tal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, tal-proporzjonalità u tal-interess pubbliku kif applikati fid-Direttiva dwar is-Servizzi, u jissottolinja li fil-kuntest regolatorju lokali u reġjonali l-Premessa 9 tad-Direttiva dwar is-Servizzi teskludi espliċitament mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha regoli li jikkonċernaw l-iżvilupp jew l-użu tal-art u l-ippjanar urban u rurali.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Kunsill tal-Ewropa, 1985.

(2)  Commission Staff Working Document, Single Market Performance Report 2019, SWD(2019) 444 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Kawżi Konġunti C-360/15 u C-31/16 deċiżi fit-30 ta' Jannar 2018.

(4)  Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali.

(5)  Hemm aktar minn 95 000 muniċipalità fl-UE, b'differenzi kbar fid-daqs u fil-kapaċità. Fil-Ġermanja u fl-Awstrija flimkien, sa 250 000 pjan spazjali lokali fil-prinċipju jistgħu jaqgħu taħt id-Direttiva dwar is-servizzi u l-obbligu ta' notifika tagħha (Rapport interim tal-15 ta' Jannar 2020 ta' studju kkummissjonat mill-KtR dwar l-Implikazzjoni għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tad-Direttiva tan-notifika tal-KE fid-dawl tas-sentenza tal-QĠUE ta' Jannar 2018).


Top