Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0196

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal

    /* COM/2012/0196 final */

    52012DC0196

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal /* COM/2012/0196 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal

    Kif enfasizzat fl-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal[1], l-effetti fit-tul ta’ żmien ta’ nuqqas ta’ investiment biżżejjed fil-politiki li jaffettwaw lit-tfal[2] jista’ jkollhom impatt profond fuq is-soċjetajiet tagħna. Billi l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[3] timmira li jkollha kull Ewropew diġitali, it-tfal għandhom bżonnijiet u dgħufiji partikolari fuq l-internet, li għandhom jiġu indirizzati speċifikament biex l-Internet isir post ta’ opportunitajiet għat-tfal sabiex ikollhom aċċess għall-għarfien, jikkomunikaw, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jtejbu l-perspettivi tagħhom ta’ impjiegi u għall-impjegabilità[4].

    It-tfal huma dejjem aktar esposti għall-internet, permezz ta’ firxa dejjem tikber ta' apparati u f’età iżgħar. Huwa għalhekk meħtieġ li issa tiġi żviluppata strateġija xierqa li tirrappreżenta l-bżonnijiet tagħhom. Għandhom jiġu żviluppati kontenut u servizzi ġodda ta' kwalità ogħla, iddedikati għat-tfal. Is-sikurezza fuq l-internet għat-tfal għandha tkun garantita. Min-naħa l-oħra, l-analiżi turi li użu aħjar u aktar mifrux tal-internet mit-tfal qed jiftaħ il-bieb għal żvilupp intensiv ta’ negozju f’kontenut u servizzi innovattivi fuq l-internet. Billi jittieħed kapital mid-daqs tas-suq intern, il-kumpaniji Ewropej jistgħu jkunu qegħdin f’qagħda tajba biex jaħtfu dawn l-opportunitajiet għat-tkabbir u l-impjiegi.

    Kif enfasizzat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni tat-Tfal fid-Dinja Diġitali tat-28 ta’ Novembru 2011, hija meħtieġa taħlita ta’ politiki biex toffri Internet Aħjar għat-Tfal. L-azzjonijiet qegħdin jiġu żviluppati fuq livell settorjali, nazzjonali jew Ewropew. Dawn għandhom jiġu inklużi fi strateġija għall-UE kollha, li tiżviluppa r-rekwiżiti bażiċi u li tevita l-frammentazzjoni. Ir-Regolament jibqa’ għażla, iżda, fejn ikun xieraq, preferibbilment dan għandu jiġi evitat, favur għodod awtoregolatorji aktar adattabbli u favur l-edukazzjoni u l-awtorizzazzjoni.

    L-istrateġija hija artikolata madwar erba' ‘pilastri’ ewlenin li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku (1) L-istimolu tal-kontenut ta’ kwalità tal-internet għaż-żgħażagħ; (2) L-intensifikazzjoni ta’ sensibilizzazzjoni u awtorizzazzjoni; (3) Il-ħolqien ta’ ambjent sikur għat-tfal fuq l-internet; u (4) Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal. L-istrateġija tipproponi sensiela ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-katina tal-valur tal-industrija kollha.

    1.           Għaliex hija meħtieġa strateġija Ewropea issa?

    1.1.        Opportunitajiet ġodda għat-tfal u għal żvilupp tan-negozju

    Għalkemm meta nħoloq l-internet, dan ma kienx ntiż għat-tfal, 75 % tat-tfal u ż-żgħażagħ fl-Ewropa bejn is-6 u s-17-il sena kienu rrappurtati mill-ġenituri tagħhom li jużaw l-internet[5]. Żgħażagħ bejn il-15 u s-16-il-sena jirrapportaw li bdew jużaw l-internet meta kellhom 11-il sena. B'paragun, tfal bejn id-9 u l-10 snin jirrappurtaw li bħala medja, bdew jużawh meta kellhom 7 snin. 33% tal-persuni bejn id-9 u s-16-il-sena li jużaw l-internet jgħidu li jagħmlu hekk billi jużaw il-mowbajl jew apparat ieħor li jinżamm fl-idejn[6].

    It-tfal għandhom ħtiġijiet u vulnerabbiltajiet speċifiċi u d-differenza tagħhom għandha tiġi rikonoxxuta. L-internet u l-ICT jipprovdu lit-tfal b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex jilagħbu, jitgħallmu, jinnovaw u jkunu kreattivi, jikkomunikaw u jesprimu ruħhom, biex jikkollaboraw u jinvolvu ruħhom fis-soċjetà, biex ikunu aktar konxji tad-dinja ta’ madwarhom, u biex jiżviluppaw il-ħiliet essenzjali, u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom[7]. Iżda t-tfal jeħtieġ ukoll li jiġu protetti.

    Billi tingħata attenzjoni għat-talbiet tat-tfal tkun qed tinfetaħ firxa wiesgħa ta' opportunitajiet ta' negozju. Fl-2012, is-suq globali tal-kontenut diġitali huwa mbassar li jlaħħaq EUR 113 biljun[8]. Il-valur tas-suq tal-apps tal-mowbajl kien EUR 5 biljun u dan mistenni jikber sa EUR 27 biljun sal-2015, prinċipalment xpruntat mil-logħob u b'aktar minn 5 biljun abbonament tal-mowbajl madwar id-dinja. Is-suq globali tal-logħob tal-kompjuter huwa mbassar li jlaħħaq il-bejgħ ta’ aktar minn EUR 62 biljun[9]. Bil-proliferazzjoni wiesgħa ta’ tablets, smart phones u laptops li t-tfal jużaw bil-kbir, is-suq potenzjali għal kontenut edukattiv, kreattiv u interattiv fuq l-internet għat tfal żgħar u l-adoloxxenti huwa sostanzjali. L-apps mobbli u fuq l-internet u l-logħob jipprovdu opportunitajiet mingħajr preċedent għall-iżvilupp tan-negozju, b'mod partikolari għall-SMEs u l-ħallieqa, peress li jippermettu kuntatt dirett mal-utenti potenzjali/il-klijenti. It-tfal infushom jistgħu jsiru ħallieqa fuq l-internet u jibdew in-negozji.

    1.2.        Diskrepanzi u problemi attwali

    1.2.1.     Il-frammentazzjoni tas-suq

    Ir-rapport tal-Kummissjoni[10] dwar kif ir-rakkomandazzjonijiet eżistenti għas-sikurezza tat-tfal qegħdin jiġu implimentati fl-Istati Membri juri li, ġeneralment, dawn qed iżidu l-isforzi biex jirrispondu għall-isfidi diġitali, iżda l-miżuri meħuda mhumiex biżżejjed. Politiki differenti, kemm regolatorji jew awtoregolatorji, huma implimentati madwar l-Istati Membri – pereżempju għal kontrolli tal-ġenituri, għall-klassifikazzjoni tal-kontenut u għar-rappurtar tal-kontenut illegali u ta’ ħsara.

    Fir-Renju Unit, il-fornituri tas-servizzi tal-Internet (ISPs) adottaw kodiċi ta’ prattika[11] li tippromwovi "għażla attiva"[12] li l-implimentazzjoni tagħha titħalla f’idejn kull ISP; fi Franza, l-ISPs jridu jipprovdu mingħajr ħlas, is-softwer tal-kontroll tal-ġenituri; fil-Ġermanja softwer iċċertifikat "għall-ħarsien taż-żagħżagħ" jista’ jintuża biex iżomm lit-tfal milli jaċċessaw siti elettroniċi li jipprovdu kontenut ta’ ħsara. F’pajjiżi oħra ma teżisti l-ebda dispożizzjoni bħal din.

    Il-Ġermanja wkoll timplimenta qafas awtoregolatorji li jippermetti lill-fornituri li jikklassifikaw tipi differenti ta’ kontenut fuq l-internet bħal vidjows, siti elettroniċi jew logħob fuq l-internet. Fir-Renju Unit, waħda mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Bailey[13] kienet biex il-vidjows mużikali jiġu kklassifikati skont l-età. F’pajjiżi oħra ma teżisti l-ebda dispożizzjoni għall-klassifikazzjoni tal-kontenut fuq l-intenet.

    Fil-Finlandja u l-Belġju, il-kodiċijiet ta’ kondotta tal-industrija wkoll ġew negozjati, l-ewwel nett għall-midja soċjali u t-tieni nett biex tiġi indirizzata firxa aktar mifruxa ta' fornituri.

    Fil-pajjiżi bħar-Renju Unit, Spanja, l-Italja jew ir-Repubblika Ċeka, il-mekkaniżmi ta’ rappurtar differenti u l-kontenut illegali u l-imġiba ta’ ħsara huma implimentati bl-appoġġ ta’ partijiet interessati differenti bħall-pulizija, l-NGOs jew l-industrija.

    Għalkemm dawn il-miżuri jista' jkollhom impatt pożittiv fuq is-swieq nazzjonali u l-utenti, jistgħu iwasslu wkoll għal frammentazzjoni iktar profonda tas-suq u joħolqu ostakoli speċjalment għal fornituri Ewropej, inklużi l-SMEs li m’għandhomx ir-riżorsi biex ilaħħqu ma’ sistemi politiki differenti min-naħa għall-oħra tal-fruntieri u ma jistgħux jibbenefikaw minn suq diġitali uniku. Fl-istess waqt, huwa ċar li mhux it-tfal kollha madwar l-Ewropa jiksbu l-istess opportunitajiet ta’ awtorizzazzjoni u protezzjoni meta jkunu fuq l-internet.

    1.2.2.     Falliment tas-suq biex iwassal miżuri ta’ protezzjoni u kontenut ta’ kwalità madwar l-Ewropa

    It-tfal għad iridu jiġu identifikati bħala udjenza fil-mira li ta’ min wieħed jinvestigaha. L-għodod ta’ integrazzjoni għall-ħarsien tagħhom u li jagħtuhom il-possibilità li jimmaniġġjaw il-preżenza tagħhom fuq l-internet b'mod sikur u responsabbli (bħal kontrolli tal-ġenituri) f'apparati jew servizzi hija ta’ spiss meqjusa bħala żieda fl-ispiża u l-kumpaniji mhumiex ħerqana li jiżviluppaw u jimplimentaw dawn l-għodod jekk ma jkunux fiduċjużi li se jkun hemm suq ta' daqs suffiċjenti li jiġġustifika l-investiment.

    Il-valutazzjoni komparattiva tal-kontrolli tal-ġenituri[14] turi li l-parti l-kbira tal-għodod huma effettivi biss bl-Ingliż. Apparati ġodda jqanqlu problemi ulterjuri: ma hemmx ħafna għodod tajbin għal konsowls tal-logħob, tablets u mowbajls – l-apparati użati dejjem iktar mit-tfal li jużaw l-internet - u m’hemm l-ebda soluzzjoni għall-utenti li jkollhom aċċess għall-kontenut fuq il-mowbajl jew tablets li jużaw applikazzjoni u mhux browser.

    Fl-istess waqt, m’hemmx biżżejjed kontenut ta’ kwalità disponibbli. Skont stħarriġ panEwropew[15], 32 % biss tat-tfal bejn id-9 u t-12-il sena jħossu li hemm biżżejjed "affarijiet tajbin għat-tfal" tal-età tagħhom li jistgħu jużaw fuq l-internet[16].

    F'setturi bħall-apps, jiġu applikati sistemi tal-klassifikazzjoni tal-kontenut li ma kinux żviluppati għas-suq u l-utenti Ewropej.

    1.2.3.     Ġestjoni tar-riskji sabiex tinbena fiduċja fis-servizzi u l-kontenut

    Ir-riċerka turi li madwar l-Ewropa, minkejja varjazzjoni konsiderevoli fost il-pajjiżi, il-klassifikazzjoni tar-riskji esperjenzati hija pjuttost simili f’kull pajjiż[17]. Fl-2010, 4 minn kull 10 itfal fl-Ewropa rrappurtaw li ltaqgħu ma’ wieħed mir-riskji li ġejjin: komunikazzjoni permezz tal-internet ma’ xi ħadd li qatt ma kienu ltaqgħu wiċċ imb'wiċċ miegħu; espożizzjoni għal kontenut iġġenerat mill-utent li jippromwovi l-anoressja, il-ħsara li persuna tista’ tagħmel lilha nfisha, it-teħid tad-droga jew is-suwiċidju; espożizzjoni għal xbihat sesswali fuq l-internet u l-użu ħażin tad-dejta personali; laqgħat barra mill-internet ma’ persuni li l-ewwel ma ltaqgħu magħhom kien fuq l-internet; li jiġu bbulijati fuq l-internet (cyber-bullied)[18]. Qed jinbtu xejriet ġodda ta’ mġiba, bħat-tqassim ta’ filmati, meħuda permezz ta’ kamera tal-mowbajl, ta' assalti fiżiċi fuq tfal oħrajn[19] jew jintbagħtu/jiġu riċevuti xbihat/messaġġi sesswali lil/minn tfal tamparhom[20].

    Servizzi ġodda b’impatt potenzjali dwar il-privatezza, bħal ġeolokalizzazzjoni, huma dejjem aktar popolari. Ir-reklamar fuq l-internet ukoll qed jikseb suċċess, u t-tfal ma jkunux għandhom żviluppaw l-abbiltà li jinteraġixxu b’mod kritiku ma’ dan.[21].

    Barra minn hekk, l-użu tal-internet qed jespandi għar-reklutaġġ tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u għar-reklamar tas-servizzi tagħhom, inklużi t-tfal[22]. L-internet jipprovdi wkoll ambjent li fih faċilment jista’ jitqassam materjal dwar l-abbuż tat-tfal. Filwaqt li dan mhux marbut mal-użu tal-internet mit-tfal, hija problema li taffettwa t-tfal bħala vittmi. Skont L-Internet Watch Foundation (IWF), aktar minn 40 % tal-URLs dwar l-abbuż sesswali ikkonfermati fuq it-tfal (skont il-lokazzjoni tal-fornitur ospitanti) huma ospitati fl-Ewropa u r-Russja. Xbihat ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal issa qegħdin jitqassmu fuq l-internet permezz ta’ mezzi oħra minbarra s-siti elettroniċi (eż. in-netwerks bejn il-pari). Minħabba n-natura mingħajr fruntieri tal-internet u l-fatt li x-xbihat ta' abbuż fuq it-tfal huma illegali madwar l-Ewropa kollha, hija meħtieġa azzjoni f'dan il-qasam fil-livell Ewropew.

    1.2.4.     Nuqqas ta’ ħiliet

    Filwaqt li sal-2015 huwa mistenni li 90 % tal-impjiegi fis-setturi kollha ser jeħtieġu ħiliet tekniċi, 25 % biss taż-żgħażagħ madwar l-UE jirrappurtaw huma stess li għandhom livell "għoli" ta’ ħiliet bażiċi fl-internet (bħal l-użu tal-internet biex jagħmlu telefonati, joħolqu paġna elettronika, l-użu tqassim ta’ fajls bejn il-pari)[23]. Ir-riċerka turi li hemm żbilanċ serju fil-ħiliet diġitali fost it-tfal Ewropej, minkejja l-fehma popolari li dawn huma "nattivi diġitali" (digital natives). Pereżempju, 38 % tat-tfal bejn id-9 u t-12-il sena fl-Ewropa li jużaw l-internet jirapportaw li għandhom profil personali fuq sit ta' netwerking soċjali. Madankollu, 56 % biss tat-tfal bejn il-11 u t-12-il sena jgħidu li jafu kif ibiddlu l-konfigurazzjoni tagħhom tal-privatezza[24]. Ir-riċerka sabet ukoll li l-firxa ta’ ħiliet diġitali u tal-attivitajiet fuq l-internet huma marbutin flmkien[25]. Għalhekk, l-iżvilupp tal-ħiliet ta’ sikurezza jista’ jinkoraġġixxi ħiliet oħrajn assoċjati ma’ attivitajiet oħra fuq l-internet.

    2.           Ekosistema ġdida: Strateġija Ewropea għal internet aħjar għat-tfal

    Matul is-snin ġew żviluppati sensiela ta’ politiki fil-livell Ewropew biex jappoġġaw lit-tfal. Madankollu, dawn ta' spiss kienu speċifiċi, eż. jiffokaw fuq mezzi tal-midja[26] jew pjattaformi teknoloġiċi[27] u ma ġewx ikkombinati f'qafas koerenti. Il-politiki tal-UE sal-lum għadhom ma rrikonoxxewx biżżejjed li t-tfal jikkostitwixxu udjenza mmirata speċifika għall-internet, li teħtieġ ekosistema ġdida li tappoġġa l-ħtiġijiet tagħha. L-Ewropa teħtieġ strateġija li ma tippermettix il-frammentazzjoni tas-suq u toħloq ambjent aktar sikur u ta’ valur għal tfal kollha fl-UE li jużaw l-internet.

    Huwa propost li tkun kombinata sensiela ta' strumenti bbażati madwar leġiżlazzjoni, awtoregolamentazzjoni u appoġġ finanzjarju. Il-leġiżlazzjoni mhux ser tiġi injorata, iżda ser tingħata preferenza għall-awtoregolamentazzjoni, li tibqa' l-aktar qafas flessibbli sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli f'dan il-qasam. Madankollu, jeħtieġ li tkun proċess dinamiku li jirrispondi għal sfidi ġodda bħall-konverġenza tat-teknoloġija[28] u li jipprovdi mekkaniżmi xierqa għall-valutazzjoni komparattiva u l-monitoraġġ indipendenti. Il-Kummissjoni ser tiffinanzja wkoll azzjonijiet taħt l-istrateġija permezz tal-Programm tal-Internet Aktar Sikur[29] (2009-2013), il-"Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa"[30] u l-"Orizzont 2020" mill-2014[31].

    2.1.        Kontenut fuq l-internet ta’ kwalità għolja għat-tfal u ż-żgħażagħ

    L-istimolu tal-produzzjoni ta' kontenut fuq l-internet ta’ kwalità għolja għat-tfal u ż-żgħażagħ huwa ta’ benefiċċju kemm għalihom u kemm għall-iżvilupp tas-suq diġitali uniku. Din l-istrateġija tappoġġa żewġ linji ta' azzjoni li huma magħqudin flimkien b’mod ċar u jista' jwassal biss għal riżultati jekk jitwettqu b’mod parallel.

    2.1.1.     Stimolu tal-produzzjoni ta' kontenut fuq l-internet kreattiv u edukattiv għat-tfal

    It-tfal żgħar jeħtieġu ‘online playgrounds’ fejn jistgħu jilagħbu u jitgħallmu; l-adoloxxenti jistgħu jibbenefikaw minn logħob kreattiv u edukattiv li jistimola l-immaġinazzjoni tagħhom u jkun ta’ sostenn għall-użu pożittiv tagħhom tal-internet. Fl-istess waqt, it-teknoloġija ser tintuża aktar u aktar fil-klassijiet għall-gruppi tal-etajiet kollha. Tagħlim interattiv permezz tat-teknoloġiji jista' jistimula l-kreattività u l-ħsieb kritiku. Sabiex dan jiġi ffaċilitat, huwa meħtieġ li jkun stimulat il-ħolqien tal-kontenut li ser jappoġġa kemm l-iżvilupp tat-tfal kif ukoll is-suq uniku diġitali Ewropew. Ċerti Stati Membri, bħall-Ġermanja, nedew inizjattivi biex jistimulaw il-produzzjoni u l-viżibilità ta' kontenut ta' kwalità għat-tfal ma' kriterji u/jew standards speċifiċi.

    2.1.2.     Promozzjoni ta’ esperjenzi pożittivi fuq l-internet għat-tfal żgħar

    Il-maġġoranza taż-żgħażagħ għadhom ‘jikkonsmaw’ online aktar milli joħolqu. L-għan huwa li titħeġġeġ il-kreattività u l-użu pożittiv tal-internet li mhux biss se jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet diġitali tagħhom iżda wkoll se jawtorizzahom biex jikbru u jiffurmaw id-dinja tagħhom b’mod sikur, kreattiv, biex jinbnew komunitajiet, u biex ikunu attivi f’soċjetà parteċipattiva. Jista' wkoll jagħti l-ħajja lill-innovazzjoni teknoloġika u l-bidu li jikkontribwixxi għas-suq diġitali uniku.

    Il-Kummissjoni ser:

    · tappoġġja pjattaformi interoperabbli għall-għodod li jiżguraw aċċess għal kontenut adattat skont l-età (bħal listi bojod[32] jew brawżers adatatti għat-tfal), filwaqt li jikkunsidraw il-kwistjoni dwar il-kontroll kontinwu tal-kwalità.

    · tistimula l-innovazzjoni f’kontenut kreattiv mit-tfal u għat-tfal billi tappoġġja proġetti u inizjattivi bħall-kompetizzjoni ‘l-Aqwa Kontenut Onlajn tat-Tfal’.

    L-industrija għandha

    · tiżviluppa u toffri kontenut interattiv ta’ kwalità, immirat għat-tfal, kif ukoll l-għodod faċli biex jintużaw li jħeġġu l-kreattività tagħhom u jgħinuhom jitgħallmu.

    · tappoġġja finanzjarjament u/jew teknikament inizjattivi f’dan il-qasam li jkunu ġejjin mit-tfal stess, l-iskejjel jew l-NGOs.

    L-Istati Membri għandhom

    · jagħtu l-istess appoġġ tal-Kummissjoni għall-inizjattivi immirati sabiex jinħoloq kontenut ta’ kwalità għolja fuq l-internet għat-tfal u jippromwovhom b’mod attiv

    · jikkoordinaw bejniethom f'dan il-qasam, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, u jimplimentaw l-istandards għall-kontenut ta’ kwalità online għat-tfal[33].

    2.2.        Intensifikazzjoni tas-sensibilizzazzjoni u l-awtorizzazzjoni

    It-tfal, il-kuraturi, l-għalliema u l-ġenituri tagħhom għandhom ikunu konxji mir-riskji li t-tfal jistgħu jiltaqgħu magħhom fuq l-internet kif ukoll mill-għodod u l-istrateġiji biex jipproteġu lilhom infushom jew ilaħħqu ma' dawn ir-riskji. It-tfal jeħtieġu jiżviluppaw il-ħsieb kritiku tagħhom u l-ħiliet tal-litteriżmu diġitali tal-midja biex ikunu kapaċi jikkontribwixxu b’mod attiv f’soċjetà parteċipattiva. Dawn jeħtieġu aċċess għall-għodod addattati skont l-età tagħhom u kif jużawhom li jkunu jistgħu jgħinuhom jaġixxu online b’mod sikur u responsabbli. L-iffokar ta’ azzjonijiet ta’ kuxjenza u awtorizzazzjoni għandu jkun biex tiġi żviluppata l-awtoprotezzjoni u l-awtoresponsabbiltà fl-ambjent online fost it-tfal.

    2.2.1.     Litteriżmu diġitali medjatiku[34] u t-tagħlim tas-sikurezza online fl-iskejjel

    Il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali u medjatiċi huma kruċjali għall-użu tal-internet mit-tfal. Hekk kif it-tfal jibdew jużaw l-internet minn etajiet żgħar ħafna, huwa meħtieġ li jkun hemm edukazzjoni dwar is-sikurezza fuq l-internet li tibda mit-tfulija bikrija, billi tadatta l-istrateġiji ta’ implimentazzjoni għall-bżonnijiet u l-livelli differenti ta' awtonomija tat-tfal żgħar u l-adoloxxenti. L-iskejjel jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex tintlaħaq il-maġġoranza tat-tfal, irrispettivament mill-età, l-introjtu jew l-isfond, kif ukoll mir-riċevituri ewlenin oħrajn tal messaġġi tas-sikurezza tal-internet, bħall-għalliema u l-ġenituri (indirettament). Is-sikurezza fuq l-internet bħala tema speċifika hija attwalment inkluża fil-kurrikulu tal-iskejjel fi 23 sistema edukattiva madwar l-Ewropa[35], iżda din mhux qed tiġi implimentata biżżejjed b'nuqqas ta' riżorsi ta' tagħlim online relevanti. It-tagħlim tas-sikurezza online fl-iskejjel hija wkoll azzjoni mitluba mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

    L-Istati Membri għandhom

    · jintensifikaw l-implimentazzjoni tal-strateġiji biex sal-2013, jinkludu t-tagħlim tas-sikurezza fuq l-internet fil-kurrikula skolastiċi.

    · isaħħu l-edukazzjoni informali dwar is-sikurezza fuq l-internet u jipprovdu għal politiki dwar is-“sikurezza fuq l-internet ” fl-iskejjel u t-taħriġ adegwat tal-għalliema.

    · jappoġġjaw sħubiji pubbliċi-privati biex jilħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq.

    Il-Kummissjoni ser

    · tappoġġja l-identifikazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fl-oqsma ta’edukazzjoni formali u informali dwar is-sikurezza fuq l-internet, il-ħolqien ta' kontenut edukattiv relevanti, u sħubiji pubbliċi-privati immirati biex jilħqu u jagħtu l-attenzjoni lit-tfal, il-ġenituri, l-għalliema u min jieħu ħsiebhom.

    · tiżviluppa modulu speċifiku fi ħdan il-Europass għal kompetenza diġitali u ser ittejjeb l-indikaturi għall-użu u l-impatt tal-ICT fl-edukazzjoni.

    L-industrija għandha

    · tipparteċipa fi sħubiji privati-pubbliċi biex tappoġġja l-iżvilupp ta' għodod u pjattaformi interattivi li jipprovdu materjal edukakattiv u ta’ għarfien għall-għalliema u t-tfal, li jibnu fuq l-inizjattivi eżistenti[36]

    2.2.2.     Intensifikazzjoni fl-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ

    Prattiki tajba għandhom jiżdiedu sabiex il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni konsistentement jaslu għand it-tfal kollha, il-ġenituri, l-għalliema u l-kuraturi madwar l-UE[37]. Strateġiji li jqajmu kuxjenza għandhom iqisu l-livelli differenti ta' żvilupp ta' tfal iżgħar u l-adolexxenti u għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-iżgħar tfal u l-aktar vulnerabbli, inklużi dawk b'diżabilitajiet intellettwali u ta’ tagħlim. Fl-istess waqt, l-edukazzjoni tal-pari hija strateġija imprezzabbli għat-tfal ta’ kull età biex isiru jafu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom fuq l-internet.

    Il-Kummissjoni ser

    · tiffinanzja l-ħolqien ta' infrastruttura ta’ servizz interoperabbli madwar l-UE mill-2014, biex tappoġġja Ċentri ta’ Internet Aktar Sikur, li jipprovdu informazzjoni dwar is-sikurezza fuq l-internet u għodod ta’ kuxjenza pubblika, kif ukoll pjattaformi għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Il-pjattaforma ser tinkludi wkoll livelli komparattiva għall-iskambju tal-aħjar prattika[38].

    · tagħti l-ħajja mill-ġdid lill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, b’konformità mal-istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ[39], li joffri ambjent virtwali sikur u dinamiku għall-iskambju tal-informazzjoni għaż-żgħażagħ. Din timmira biex issir referenza għall-kwalità tal-informazzjoni għaż-żgħażagħ dwar l-istudju, ix-xogħol u l-volontarjat, l-iskambji taż-żgħażagħ, il-kultura, il-kreattività, is-saħħa u oqsma oħra relatati maż-żgħażagħ madwar l-Ewropa u għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fuq l-internet, u tilħaq liż-żgħażagħ Ewropej kollha, inklużi dawk b'inqas opportunitajiet.

    L-Istati Membri għandhom

    · jagħtu l-istess appoġġ tal-Kummissjoni għal kampanji għat-tqajjim ta' kuxjenza pubblika fl-livell nazzjonali.

    · jinvolvu lit-tfal meta dawn jiżviluppaw kampanji nazzjonali u/jew leġiżlazzjoni b’impatt fuq l-attivitajiet tagħhom fuq l-internet.

    · jagħtu l-istess appoġġ tal-Kummissjoni għal Gruppi nazzjonali taż-Żgħażagħ.

    L-industrija għandha tappoġġja l-intensifikazzjoni fl-attivitajiet li jqajmu kuxjenza billi

    · tipprovdi appoġġ tekniku u ta’ finanzjament lill-NGOs u lill-edukaturi għall-iżvilupp tar-riżorsi

    · ixxerred materjal tal-għarfien lill-klijenti tagħha jew fil-punt tal-bejgħ jew permezz tal-mezzi tagħhom fuq l-internet.

    2.2.3.     Għodod ta’ rappurtar sempliċi u b’saħħithomt għall-utenti

    Sabiex it-tfal jingħataw l-awtorizzazjoni li jittrattaw ir-riskji bħall-ibbuljar fuq l-internet jew it-tħejjija għall-abbuż sesswali (grooming)[40], għandhom ikunu disponibbli madwar l-UE kollha, mekkaniżmi b’saħħithom għal kontenut ta' rappurtar u kuntatti li jkunu jidhru ta’ ħsara għat-tfal,.

    Dawn il-mekkaniżmi ser jikkomplementaw ukoll l-għan li tagħmilha eħfef għaċ-ċittadini biex jirrapportaw iċ-ċiberkriminalità, partikolarment fil-kuntest tal-iżvilupp tan-netwerk ta' pjattaformi ta’ twissija taċ-ċiberkriminalità nazzjonali u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-ġejjieni[41].

    Fl-istess waqt, huma ser jikkumplimentaw il-116-il hotline li joffru għajnuna u appoġġ għat-tfal li jkunu neqsin u l-ġenituri tagħhom[42] billi l-vjolenza fuq l-internet kontra t-tfal tista’ tikkostitwixxi wħud mill-kawżi għat-tfal li jgħibu mid-dar.

    L-industrija għandha

    · tistabbilixxi u tħaddem madwar l-UE kollha, mekkaniżmu biex it-tfal jużaw is-servizzi tagħhom sabiex jirrappurtaw il-kontenut u kondotta ta’ ħsara, b'kooperazzjoni ma' atturi nazzjonali rilevanti. Dan għandu jkun viżibbli, faċli biex jinstab, jingħaraf, aċċessibbli għal kulħadd u disponibbli fi kwalunkwe stadju ta’ esperjenza fuq l-internet fejn it-tfal jistgħu jiġu bżonnu. Għandu jkollha kategoriji ta’ rappurtar ċari u li jinftehmu komunement u infrastruttura tal-uffiċċju li tiżgura segwitu ċar u veloċi. L-immaniġġar tar-rapporti għandu jsir b'konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-dejta.

    Il-Kummissjoni ser

    · tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-industrija involuta fi ftehimiet awtoregolatorji pan-Ewropej u l-helplines tal-Internet Aktar Sikur.

    · tikkunsidra miżuri regolatorji jekk inizjattiva tal-industrija tonqos milli twettaq xogħolha.

    · tkompli tiżgura l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva Servizz Universali fir-rigward tal-obbligu tal-Istati Membri biex jagħmlu 116000 hotline operattivi u ser tipprovdi wkoll il-finanzjament għat-twaqqif u l-immaniġġjar ta’ hotlines għat-tfal li jkunu neqsin.

    L-Istati Membri għandhom

    · jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għat-twaqqif u tħaddim tal-mekkaniżmi tar-rappurtar, speċjalment fejn il-kooperazzjoni mal-imsieħba bħall-helplines għat-tfal u l-korpi tal-infurzar tal-liġi tkun neċessarja.

    · jissorveljaw it-tħaddim effettiv tagħhom f’livell nazzjonali.

    · irendu l-116000 hotline operattivi.

    2.3.        Ħolqien ta’ ambjent sikur għat-tfal fuq l-internet

    Filwaqt li l-awtorizzazzjoni u l-edukazzjoni jeħtieġ li jkunu intensifikati, dawn jeħtieġu wkoll li jiġu kkomplimentati minn protezzjoni. Dan huwa għaliex it-tfal mhux dejjem jaraw r-riskji potenzjali li jiffaċċjaw fuq l-internet u/jew mhumiex dejjem konxji tal-konsegwenzi potenzjali tal-azzjonijiet tagħhom. Madankollu, l-espożizzjoni tagħhom għal imġiba jew kontenut ta’ ħsara jistgħu jirriżultaw f’esperjenzi skonvolġenti online jew f’riskji fid-dinja offline. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu implimentati miżuri li jipprevjenu lit-tfal milli jiġu f’kuntatt ma’ kontenut jew imġiba bħal din. L-azzjonijiet proposti jindirizzaw kemm lit-tfal iżgħar u l-adoloxxenti, għaliex it-tfal ta’ etajiet differenti jużaw teknoloġiji ġodda b'modi differenti u mhux possibbli li tinstab soluzzjoni universali għat-tfal kollha jew għas-sikurezza tagħhom fuq l-internet. Id-differenzi fl-approċċ bejn il-gruppi ta’ età għandhom ikunu deskritti fejn meħtieġ.

    2.3.1.     Konfigurazzjoni tal-privatezza addattata skont l-età

    Għalkemm jeżistu riskji għall-privatezza għall-utenti kollha, it-tfal huma grupp partikolarment vulnerabbli. Tfal żgħar ħafna, b’mod partikulari, ma jafux kif ibiddlu l-konfigurazzjonijiet tal-privatezza tagħhom u ma jistgħux jifhmu l-konsegwenzi potenzjali tal-azzjonijiet tagħhom, bħal pereżempju jsiru mira faċli għat-tħejjija għall-abbuż sesswali jew li jesponu lilhom infushom għar-riskji għar-reputazzjoni tagħhom fuq l-internet. Għalhekk, il-konfigurazzjonijiet awtomatiċi tal-privatezza għal tfal għandhom ikunu amministrasti b'mezzi li jiżguraw li dawn ikunu sikuri kemm jista’ jkun.

    L-industrija hi mistennija li

    · timplimenta[43] l-konfigurazzjonijiet awtomatiċi trasparenti tal-privatezza li jkunu adattati skont l-età, b'informazzjoni ċara u bi twissijiet lill-minorenni tal-konsegwenzi potenzjali ta' kull tibdil li jagħmlu fil-konfigurazzjonijiet awtomatiċi tas-sikurezza tagħhom u bit-tagħrif kuntestwali dwar il-livell ta’ privatezza ta’ kull biċċa informazzjoni mitluba jew issuġġerita biex jiġi stabbilit profil fuq l-internet.

    · timplimenta mezzi tekniċi għall-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettronika.

    Il-Kummissjoni

    · ipproponiet Regolament ġdid dwar il-protezzjoni tad-dejta li tieħu kont speċifiku tal-privatezza tat-tfal u tintroduċi d-"dritt li jintesa".

    · biħsiebha tipproponi qafas pan-Ewropew fl-2012 għall-awtentifikazzjoni elettronika li ser jippermetti l-użu ta' attributi personali (l-età b’mod partikolari) biex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet skont l-età tar-regolament propost dwar il-protezzjoni tad-dejta.

    · ser tappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp biex tiżviluppa mezzi tekniċi għall-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettronika dwar is-servizzi rilevanti madwar l-UE u l-iskjerament tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom

    · jiżguraw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam fil-livell nazzjonali.

    · jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta’ miżuri awtoregolatorji mill-industrija u jsegwu l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali.

    · jappoġġjaw l-attivitajiet li jqajmu kuxjenza fil-livell nazzjonali.

    2.3.2.     Disponibbiltà u użu aktar mifrux tal-kontroll tal-ġenituri

    80 % tal-ġenituri jemmnu li d-disponibbiltà u l-prestazzjoni mtejba tal-għodod ta’ kontroll mill-ġenituri jikkontribwixxi għal użu aktar sikur u effettiv tal-internet mit-tfal tagħhom[44]. Madankollu, bħala medja 28 % biss tal-ġenituri fl-Ewropa jinblukkaw jew jiffiltraw is-siti elettroniċi li jżuru uliedhom[45]. B'rispett għal-libertà tal-espressjoni, il-kontrolli mill-ġenituri huma miżura komplimentari li tikkontribwixxi għall-protezzjoni ta’ tfal iżgħar milli jaraw kontenut mhux xieraq fuq l-internet peress li jipprovdu konfigurazzjonijiet għall-iffiltrar tal-kontenut u l-monitoraġġ tal-attività fuq l-internet. Huwa meħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbiltà u l-użu aktar mifrux tal-għodod ta’ kontroll mill-ġenituri f'diversi lingwi sabiex jippermettu lill-ġenituri jagħmlu għażla infurmata dwar jekk jużawx dawn l-għodod.

    L-industrija għandha

    · tiżgura id-disponibbiltà ta’ kontrolli mill-ġenituri li huma sempliċi biex jiġu pprogrammati, li huma faċli biex jintużaw u aċċessibbli għal kulħadd fuq l-apparati kollha li jistgħu jaqbdu mal-internet disponibbli fl-Ewropa. L-għodod għandhom ikunu effiċjenti fuq kull tip ta’ mezz u għal kull tip ta' kontenut, inkluż il-kontenut iġġenerat mill-utent. Dawn għandhom jikkonformaw mal-aħjar prattiki biex jiżguraw il-kontabilità u t-trasparenza. L-għodod għandhom ikunu promossi sabiex jiżguraw l-aktar kuxjenza mifruxa possibbli tal-eżistenza u l-bidu tal-użu tagħhom.

    Il-Kummissjoni ser

    · tappoġġja l-valutazzjoni komparattiva u l-ittestjar tal-għodda tal-kontroll mill-ġenituri u servizzi rilevanti li jawtorizzaw lill-ġenituri u t-tfal.

    · tappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp sabiex jistħarrġu kif is-sistemi tal-kontenut u l-klassifikazzjoni skont l-età jistgħu jsiru interpretabbli permezz ta’ kontrolli effettivi mill-ġenituri li jistgħu jittrattaw firxa aktar mifruxa ta’ lingwi.

    · tikkunsidra miżuri leġiżlattivi jekk l-awtoregolamentazzjoni tal-industrija tonqos milli tirnexxi.

    L-Istati Membri huma mistiedna biex

    · jappoġġjaw l-isforzi tal-industrija f’dan il-qasam u jsegwu l-implimentazzjoni tagħhom fuq apparati mibjugħa fit-territorju tagħhom.

    · iwettqu ċikli ta’ testijiet u ċertifikazzjoni għall-għodod ta’ kontroll mill-ġenituri.

    · jippromwovu d-disponibilità tagħhom.

    2.3.3.     Użu aktar mifrux tal-klassifikazzjoni tal-kontenut u skont l-età

    Wieħed mir-riskji li t-tfal jaffaċċjaw fuq l-internet huwa li jaraw kontenut mhux xieraq (bħall-pornografija jew kontenut vjolenti). L-ambizzjoni hija li jkun hemm approċċ ġeneralment applikabbli, trasparenti u konsistenti għall-klassifikazzjoni tal-kontenut u skont l-età fl-UE kollha, għal varjetà ta’ kontenut/servizzi (inklużi logħob fuq l-internet, apps u kontenut kulturali u edukattiv ieħor) u biex jiġu esplorati soluzzjonijiet innovattivi (pereżempju klassifikazzjoni mill-utenti jew klassifikazzjoni awtomatika). Is-sistema għandhha tipprovdi lill-ġenituri b’kategoriji ta’ età li jinftiehmu, filwaqt li tirrikonoxxi li l-istess kontenut jista’ jiġi kklassifikat bħala xieraq għal kategoriji ta’ etajiet differenti f'pajjiżi differenti. Dan l-approċċ għandu jintuża b’mod konsistenti fis-setturi kollha, biex b'hekk jiġu indirizzati d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni tas-sistemi attwali għal mezzi differenti tal-midja sabiex tibbenefika l-kompetizzjoni tas-suq.

    L-industrija għandha

    · tistabbilixxi approċċ tal-UE għall-klassifikazzjoni tal-kontenut u skont l-età applikabbli fis-servizzi kif deskritti hawn fuq, filwaqt li tibni fuq is-suċċess tal-inizjattivi eżistenti bħal tal-PEGI.

    · tiskopri kif dawn is-sistemi jistgħu jsiru interpretabbli mill-kontrolli tal-ġenituri.

    Il-Kummissjoni ser tappoġġja

    · l-awtoregolazzjoni f’dan il-qasam iżda ser teżamina wkoll miżuri leġiżlattivi possibbli jekk l-awtoregolamentazzjoni tal-industrija tonqos milli tirnexxi.

    · l-użu ta’ pjattaformi interoperabbli mill-2014, biex jipprovdu servizzi adattati skont l-età.

    L-Istati Membri huma mistiedna biex

    · jikkooperaw skont ir-regolamenti tagħhom fil-qasam u jinkoraġġixxu l-partijiet interessati rilevanti fuq livell nazzjonali biex jikkontribwixxu għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta' klassifikazzjoni tal-kontenut u skont l-età fl-UE.

    · jappoġġjaw il-proċess tal-ilmenti neċessarju għat-tħaddim kif suppost ta’ dawn is-sistemi.

    2.3.4.     Reklamar fuq l-internet u infiq żejjed

    It-tfal, speċjalment iż-żgħar, ma jkunux għadhom żviluppaw l-abbiltà li jifhmu b’mod kritiku l-messaġġi tar-reklami. F’dinjiet virtwali, it-tfal jistgħu ta’ spiss iħallsu għal oġġetti virtwali permezz tal-mowbajls tagħhom, billi jċemplu jew jibagħtu SMS, u għalhekk mingħajr il-permess meħtieġ minn qabel tal-ġenituri[46]. It-tfal jistgħu ifittxu siti tal-logħob tal-azzard jew tal-logħob fuq l-internet. Jistgħu jniżżlu ringtones għall-mowbajls tagħhom jew jaċċessaw aċċidentalment l-internet fuq il-mowbajls tagħhom. Dan kollu jista’ jinvolvi pagamenti għoljin.

    L-għanijiet huma li jiżguraw li l-istandards għar-reklamar fuq is-siti elettroniċi għat-tfal jippermettu livell ta’ protezzjoni komparabbli ma' dak ta’ reklamar fis-servizzi awdjoviżivi[47] u li, fir-rigward tar-reklamar li jagħraf l-imġiba, l-ebda parti bħal din ma tinħoloq biex ikollha t-tfal fil-mira tagħha, u biex jiġi żgurat li l-infiq minn fuq l-internet jew mill-mowbajls mit-tfal ma jiġġenerax spejjeż għoljin mhux previsti.

    L-industrija għandha tosserva l-leġiżlazzjoni fis-seħħ[48], partikolarment fir-rigward tal-profil fuq l-internet u r-reklamar li jagħraf l-imġiba. Din għandha

    · tipprovdi informazzjoni trasparenti, ċara u adatta skont l-età dwar l-ispejjeż ta’ servizzi li jistgħu jiġu akkwistati minn fuq l-internet u tevita l-konfigurazzjonijiet awtomatiċi li jippermettu faċilment li t-tfal ikollhom aċċess għas-servizzi tal-primjum li għalihom huwa meħtieġ pagament addizzjonali.

    · tevita li tindirizza direttament lit-tfal u tħeġġiġhom biex jixtru oġġetti virtwali jew krediti bil-mowbajls tagħhom jew b’mezzi oħrajn li ma jeħtiġux il-kontroll minn qabel tal-ġenituri. Twissijiet kuntestwali bikrija dwar spejjeż addizzjonali għandhom jiġu previsti biex tissaħħaħ l-awtonomija tat-tfal u tal-ġenituri.

    · tibni fuq standards awtoregolatorji bħal dawk definiti mill-Alleanza Ewropea għall-Etika fir-Reklamar għal reklamar li jagħraf l-imġiba[49] u timplimenta b’mod proattiv miżuri biex jiġi evitat l-esponiment tat-tfal għal reklamar mhux xieraq fi kwalunkwe forma ta’ midja fuq l-internet.

    · tadotta miżuri biex tipprevjeni lit-tfal milli jkollhom aċċess għal-siti tal-logħob tal-azzard fuq l-internet.

    Il-Kummissjoni ser

    · tintensifika l-infurzar tar-regoli eżistenti tal-UE u tistimola aktar miżuri awtoregolatorji sabiex it-tfal jitħarsu aħjar minn reklamar mhux xieraq u minn infiq żejjed.

    · tindaga f’leġiżlazzjoni ulterjuri jekk il-miżuri awtoregolatorji jonqsu milli jirnexxu.

    · tespandi fil-kwistjoni aktar mifruxa tat-tfal bħala konsumaturi fl-Aġenda tal-Konsumatur li jmiss.

    · tindaga kif tista' l-aħjar ittejjeb il-protezzjoni tal-minorenni f’Komunikazzjoni dwar il-logħob tal-azzard fuq l-internet fis-Suq Intern li għandha tiġi ppreżentata fl-2012.

    L-Istati Membri huma mistiedna biex

    · jiżguraw li l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam tkun osservata mill-kumpaniji attivi fil-livell nazzjonali.

    · jappoġġjaw lill-industrija fl-iżvilupp ta' kodiċi ta' imġiba fir-rigward ta’ reklamar mhux xieraq fuq l-internet u biex jissorveljaw l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali.

    2.4.        Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal

    L-internet qed jintuża dejjem iktar biex jitqassmu xbihat ta' abbuż sesswali fuq it-tfal. Jeżistu għadd ta' problemi li għandhom jiġu indirizzati: huwa neċessarju li jiġu identifikati, salvati u appoġġjati l-vittmi, tittieħed azzjoni kontra l-dawk li jwettqu r-reati u titrażżan iċ-ċirkolazzjoni kontinwa tax-xbihat billi jinstabu u jitneħħew ix-xbihat ta' abbuż sesswali fuq it-tfal mill-internet u ma jitħallewx li dawn jerġgħu jittellgħu mill-ġdid fuq l-intenet.

    2.4.1.     Identifikazzjon iktar veloċi u sistematika ta' materjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal mxerred permezz ta’ metodi varji fuq l-internet, notifiki u t-tneħħija ta’ dan il-materjal

    Jeħtieġ li tiżdied il-viżibilità tal-punti tar-rappurtar attwali (hotlines) fejn iċ-ċittadini jistgħu jirrappurtaw il-kontenut illegali, inkluża l-konnessjoni lejn kwalunkwe mekkaniżmu tar-rappurtar madwar l-UE u miżuri għar-rappurtar dwar il-kriminalità ċibernetika li tista’ tiġi żviluppata fil-ġejjieni. Hemm bżonn li tittejjeb is-sejba, it-tneħħija u l-prevenzjoni sistematika tat-tqegħid mill-ġdid fuq l-internet tax-xbihat tal-abbuż sesswali fuq it-tfal.

    L-azzjonijiet f’dan il-qasam għandhom ikunu konformi mad-Direttiva l-ġdida dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-pornografija[50], id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku[51] kif ukoll mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    Il-Kummissjoni ser

    · tappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-industrija, l-infurzar tal-liġi u l-hotlines biex ittejjeb il-proċess u tqassar iż-żmien għat-tneħħija tax-xbihat tal-abbuż sesswali fuq it-tfal, tikkoordina l-iskambju tal-għodod u r-riżorsi u tkompli tappoġġja n-netwerk ta’ hotlines INHOPE biex tagħmilha aktar faċli sabiex il-pubbliku jkun jista’ jirrappurta l-kontenut illegali, biex tkompli ssegwi permezz ta’ azzjoni xierqa billi tkompli tnaqqas id-dewmien għat-tneħħija, u biex tesplora mezzi kif tkattar il-viżibilità pubblika tagħhom.

    · tappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp u l-iskjerament ta' soluzzjonijiet tekniċi innovattivi għall-investigazzjonijiet tal-pulizija, speċjalment għall-identifikazzjoni u t-tqabbil aktar effiċjenti tal-materjal tal-abbuż sesswali fuq it-tfal mxerred permezz ta’ mezzi differenti fuq l-internet, u għat-tneħħija u l-prevenzjoni tat-tqegħid mill-ġdid fuq l-internet ta’ xbihat ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal

    · tappoġġja t-taħriġ għall-infurzar tal-liġi.

    · tadotta inizjattivi orizzontali dwar proċeduri ta’ avviż u ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni ser tindirizza b’mod partikolari l-ostakli għal mekkaniżmu effettiv ta’ avviżi u ta’ tneħħija għall-kategoriji kollha ta’ kontenut illegali, inklużi xbihat ta’ abbuż sesswali fuq t-tfal[52].

    L-Istati Membri għandhom

    · iżidu r-riżorsi tal-korpi tal-infurzar tal-liġi li jiġġieldu kontra l-materjal tal-abbuż tat-tfal fuq l-internet.

    · b'konformità mad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal, jiżguraw li jkunu disponibbli għodod effettivi tal-investigazzjoni biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-investigatur biex jidentifikaw it-tfal vittmi, li jiggarantixxu li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji effettivi biex tiġi żgurata responsabilità demokratika fl-użu ta’dawn l-għodod.

    · jagħtu l-istess appoġġ għat-tħaddim u l-viżibbiltà tal-hotlines fil-livell nazzjonali fejn il-pubbliku jkun jista’ jirrappurta l-kontenut illegali misjuba fuq l-internet.

    · jappoġġjaw it-titjib fil-kooperazzjoni bejn il-hotlines u l-industrija għat-tneħħija tal-materjal tal-abbuż fuq it-tfal.

    L-industrija

    · ser tiġi mħeġġa biex tieħu passi, li jinkludu miżuri proattivi, biex ineħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal mill-internet.

    · għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-korpi għall-infurzar tal-liġi u l-hotlines sabiex tirfina l-proċeduri tal-avviż u u t-tneħħija minn fuq l-internet u biex tistabbilixxi l-livelli komparattivi.

    · ser tkun inkoraġġita tiżviluppa u tuża għodod sabiex iżżid l-effikaċja tal-identifikazzjoni tax-xbihat ta' abbuż sesswali fuq it-tfal, il-proċeduri tal-avviż u t-tneħħija, u l-prevenzjoni tat-tqegħid mill-ġdid fuq l-internet.

    2.4.2.     Kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali biex jiġi miġġieled l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal

    Peress li l-Internet ma għandu l-ebda fruntiera, il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali. Hemm il-ħtieġa għal approċċ globali sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet fuq bażi aktar ikkoordinata u sostenibbli. Materjal ta’ abbuż sesswali fuq t-tfal jista’ jidher u jkun irrappurtat f’pajjiż wieħed filwaqt li jkun ospitat f'pajjiż terz imma li jkun ġie mtella’ minn terġa pajjiż ieħor: aktar min-nofs il-materjal tal-abbuż fuq it-tfal irrappurtat fl-2011, mill-Internet Watch Foundation ġie identifikat bħala li sar barra mill-Ewropa.[53] L-istess rapport jinnota li l-metodi tat-tqassim u l-mezzi li bihom il-materjal huwa aċċessat qed ikomplu jispostjaw hekk kif qed jinbidlu t-teknoloġiji. dan jirrikjedi li l-hotlines ikomplu jiżviluppaw l-istrateġiji u l-għodod tagħhom sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw kollettivament u jikkumbattu l-preżenza tal-materjal tal-abbuż fuq it-tfal fil-kuntesti tiegħu li qed jinbidlu fuq l-internet.

    Il-Kummissjoni ser

    · tinkoraġġixxi n-netwerk INHOPE ta’ hotlines biex iżid is-sħubija globali tiegħu li attwalment jinkludi pajjiżi bħar-Russja, il-Ġappun, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Afrika ta' Isfel, l-Awstralja jew il-Korea ta' Isfel.

    · tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità u l-promozzjoni tal-prinċipji tagħha billi tiżgura miżuri ta' protezzjoni teknika u legali.

    · taħdem mas-sħab internazzjonali permezz ta' strutturi bħal Grupp ta' ħidma dwar is-Sigurtà Ċibernetika u ċ-Ċiberkriminalità bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jistipula l-prijoritajiet komuni fil-qasam, inkluża l-kooperazzjoni għat-tneħħija tal-pornografija tat-tfal mill-internet u biex ittejjeb l-awtorizzazzjoni tal-internet tat-tfal.

    · tikkoorganizza konferenza bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ħarifa 2012.

    · tipprova tilħaq reġjuni oħra tad-dinja u tappoġġja l-kooperazzjoni fuq livell globali.

    L-Istati Membri huma mistiedna biex

    · jappoġġjaw lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tagħti spinta lill-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali

    L-Industrija hija mistiedna biex

    · tiskambja l-aħjar prattiki f' dan il-qasam u tikkoopera mas-sħab fid-dinja kollha

    3.           Konklużjonijiet

    Filwaqt li l-internet, il-mekkaniżmi użati biex ikollhom aċċess għalih u s-servizzi disponibbli llum ma kinux maħluqa speċifikament għall-użu mit-tfal, ir-riċerka turi li t-tfal huma utenti dejjem iktar prominenti. It-tfal għalhekk jiffurmaw grupp speċifiku li jeħtieġ attenzjoni: il-mod kif iġibu ruħhom it-tfal fuq l-internet illum ser jgħin biex tiġi definita d-dinja diġitali ta’ għada. Sforz Ewropew konġunt f'dan il-qasam ser jappoġġa l-iżvilupp ta’ infrastrutturi sostenibbli u interoperabbli li joffru internet aħjar għat-tfal, u ser jagħti spinta lit-tkabbir u l-innovazzjoni. L-intensifikazzjoni tas-sensibilizzazzjoni, il-kompetenzi diġitali u l-litteriżmu medjatiku għat-tfal ser ittejbilhom il-perspettivi tal-impjiegi tagħhom u l-impjegabilità u tgħinhom isiru ċittadini diġitali kunfidenti. L-istimolu tal-potenzjal tal-kontenut interattiv għat-tfal ser jikkontribwixxi għal suq diġitali uniku Ewropew vibranti. Hija meħtieġa awtoregolamentazzjoni effikaċi u kontinwa tal-industrija għall-protezzjoni u l-awtorizzazzjoni taż-żgħażagħ, bil-livelli komparattivi xierqa u sistemi ta' monitoraġġ indipendenti li jkunu jiffunzjonaw fis-seħħ, biex tinbena l-fiduċja fil-mudell ta’ governanza kontabbli u sostenibbli li jistgħu isibu soluzzjonijiet aktar flessibbli u fil-ħin u adattati għas-suq minn kwalunkwe inizjattiva regolatorja. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ biex fuq l-internet jittellgħu suġġetti dwar is-sikurezza tat-tfal fuq l-aġenda ta’ avvenimenti bħall-Forum għall-Governanza tal-Internet u biex jiskambjaw l-aħjar prattiki ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn attivi f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni ser tkompli tinkoraġġixxi proġetti ffinanzjati mill-UE li jaħdmu mas-sħab internazzjonali, u ser tkompli torganizza l-konferenza internazzjonali tal-Forum tal-Internet aktar Sikur, li ilha mill-2004, tiġbor flimkien il-partijiet interessati minn madwar id-dinja kollha biex jiddiskutu s-sikurezza tat-tfal fuq l-internet.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-industrija u partijiet interessati oħrajn huma mistiedna jappoġġaw l-istrateġija proposta u li jieħdu passi biex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha b'suċċess, permezz tal-kooperazzjoni mal-gruppi l-oħrajn interessati kollha.

    Il-Kummissjoni ser iddaħħal fis-seħħ valutazzjoni komparattiva tal-politiki u azzjonijiet madwar l-Ewropa tas-sikurezza online tat-tfal, inkluża analiżi tar-riżorsi użati u t-tqassim tagħhom bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, is-setturi privati u dawk volontarji. Ser tissorvelja wkoll mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet awtoregolatorji attwali, iffirmati mill-industrija.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet

    Azzjoni || Atturi ewlenin || Skala ta' żmien

    Pilastru nru 1 — Kontenut tal-internet ta’ kwalità għolja għat-tfal u ż-żgħażagħ

    Stimolu tal-produzzjoni ta' kontenut kreattiv u edukattiv fuq l-internet għat-tfal || Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri u l-industrija || Kontinwament mill-2012

    Promozzjoni ta’ esperjenzi pożittivi online għat-tfal żgħar || Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri u l-industrija || Kontinwament mill-2012

    Pilastru 2 – L-intensifikzzjoni ta’ kuxjenza u awtorizzazzjoni

    Litteriżmu diġitali medjatiku u t-tagħlim tas-sikurezza onlajn fl-iskejjel || Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri u l-industrija || Sal-2013

    Intensifikazzjoni fl-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ || Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri u l-industrija || Kontinwament mill-2012

    Għodod ta’ rappurtar sempliċi u b’saħħithom għall-utenti || L-industrija, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-Istati Membri || L-ewwel riżultati sal-aħħar tal-2012. Implimentazzjoni sħiħa fi żmien 18-il xahar

    Pilastru 3 — Il-ħolqien ta’ ambjent sikur għat-tfal fuq l-internet

    Konfigurazzjoni tal-privatezza li tkun addattata skont l-età || L-industrija, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-Istati Membri || L-ewwel riżultati sal-aħħar tal-2012. Implimentazzjoni sħiħa fi żmien 18-il xahar

    Disponibbiltà u użu aktar mifrux tal-kontroll tal-ġenituri || L-industrija, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-Istati Membri || L-ewwel riżultati sal-aħħar tal-2012. Implimentazzjoni sħiħa fi żmien 18-il xahar

    Użu aktar mifrux tal-klassifikazzjoni tal-kontenut u skont l-età || L-industrija, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-Istati Membri || L-ewwel riżultati sal-aħħar tal-2012. Proposti kompletament żviluppati fi żmien 18-il xahar

    Reklamar fuq l-internet u l-infiq żejjed || L-industrija, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-Istati Membri || Kontinwament mill-2012

    Pilastru 4 — Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal.

    Identifikazzjon iktar veloċi u sistematika ta' materjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal mxerred permezz ta’ mezzi varji fuq l-internet, notifika u t-tneħħija ta’ dan il-materjal || Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri u l-industrija || Kontinwament mill-2012, bl-ewwel riżultati sal-aħħar tal-2012

    Kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali biex jiġi miġġieled l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal || Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri u l-industrija || Kontinwament mill-2012

    [1]               COM(2011) 60 finali

    [2]               F'dan il-kuntest it-terminu tfal jirreferi għal kull bniedem taħt l-età ta' 18-il sena kif definit fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

    [3]               COM(2010) 245 finali/2

    [4]               Prijoritajiet ewlenin tal-istrateġija dwar il-Ħiliet elettroniċi tal-UE "Ħiliet fl-elettronika għas-seklu 21" COM(2007) 496.

    [5]               Flash Eurobarometer 2008.

    [6]               Sors: Livingstone, S., Haddon, L., Görzig, A., & Ólafsson, K: Risks and safety on the internet: The perspective of European children. Full findings. (2011), prodott taħt il-proġett EUKidsOnline II.

    [7]               Kif stipulat fl-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal - (COM (2011) 60 finali – li tinkludi prinċipji ġenerali li jiżguraw li l-azzjonijiet tal-UE huma eżemplari fl-iżgurar tar-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Bħala parti mill-Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, il-Kummissjoni stabbiliet Rokna għat-Tfal fuq l-internet (http://europa.eu/kids-corner/) u nediet il-websajt Ewropea dwar id-drittijiet tat-tfal (http://ec.europa.eu/0-18/)

    [8]               http://www.tavess.com/DigitalContentDelivery_June11.php miġbura fl-20.03.2012. Iċ-ċifri kollha espressi f'dollari ġew kkonvertiti f'euro fl-20.03.2012

    [9]               The Economist, l-edizzjoni fuq l-internet, miġbura fl-20.03.2012. Iċ-ċifri kollha espressi f'dollari ġew kkonvertiti f'euro fl-20.03.2012 http://www.economist.com/node/21541164?frsc=dg%7Cb

    [10]             Il-Protezzjoni tat-Tfal fid-Dinja Diġitali COM (2011) 556 finali.

    [11]             Il-Kodiċi ta' Prattika dwar Kontrolli tal-Ġenituri ffirmat mill-BT, Talk Talk, Virgin Media u Sky http://www.productsandservices.bt.com/consumer/assets/downloads/BT_TalkTalk_Sky_Virgin_Code_of_Practice_28_Oct.pdf

    [12]             Dan ifisser li fil-punt tax-xiri l-klijenti jintalbu jekk iridux jkollhom kontrolli tal-ġenituri u joffruhom mingħajr ħlas

    [13]             http://www.education.gov.uk/inthenews/inthenews/a0077662/bailey-review-of-the-commercialisation-and-sexualisation-of-childhood-final-report-published

    [14]             Il-Kummissjoni tiffinanzja l-istudju tal-Bench SIP li jagħmel valutazzjoni esperta tal-prodotti, l-għodod u s-servizzi li jippermettu lill-utenti jikkontrollaw l-aċċess tat-tfal għal kontenut mhux xieraq fuq l-internet.

    [15]             Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6

    [16]             Kompetizzjoni PanEwropea għall-kwalità tal-kontenut fuq l-internet għat-tfal fl-2011, tmexxiet mill-Kummissjoni flimkien ma’ Ċentri ta’ Internet Sikur fil-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Islanda, l-Italja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja. Il-kompetizzjoni kellha żewġ taqsimiet: kontenut magħmul mill-adulti u kontenut magħmul minn adoloxxenti, għal tfal iżgħar. Il-kontenut sottomess fil-"kontenut magħmul mill-adulti" kien ferm irregolari madwar il-pajjiżi parteċipanti, li jvarjaw minn 3 fornituri fil-Portugall, 6 fl-Italja u 7 fis-Slovenja għal 84 fil-Polonja, 92 fil-Ġermanja u 200 fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    [17]             Sors: Livingstone, S., & Haddon, L.: EU Kids Online Final Report (2009), prodott taħt il-proġett EUKidsOnline I.

    [18]             Sors: O’Neill, B., Livingstone, S., u McLaughlin, S: ‘Final recommendations for policy, methodology and research’ (2011), prodott taħt il-proġett EUKidsOnline II.

    [19]             Magħrufa l-aktar bħala ‘happy slapping’.

    [20]             Magħrufa l-aktar bħala ‘sexting’.

    [21]             OECD (2011) ‘The protection of children online: Risks faced by children online and policies to protect them’, OECD Digital Economy Papers, No 179, Pubblikazzjoni tal-OECD.

    [22]             Ara r-rapport tal-2011 tal-Europol Organised Crime Threat Assessment u l-istudju tal-2007 tal-Kunsill tal-Ewropa Misuse of the Internet for the Recruitment of Victims of Trafficking in Human Beings.

    [23]             Skeda tal-fatti tal-ħiliet elettroniċi: http://eskills-week.ec.europa.eu/c/document_library/get_file?uuid=6f0a6d8e-49e7-42ac-8f2b-f5adba460afc&groupId=10136

    [24]             Sors: Livingstone, S., Ólafsson, K. u Staksrud, E.: Social Networking, Age and Privacy (2011), prodott taħt il-proġett EUKidsOnline II.

    [25]             Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6

    [26]             Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10.03.2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva); Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Nru 98/560/KE tal-24 ta’ Settembru 1998 dwar l-iżvilupp tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u ta’ informazzjoni bil-promozzjoni ta’ oqsfa nazzjonali mmirati lejn l-akkwist ta’ livell effettiv u komparabbli tal-protezzjoni tal-minorenni u d-dinjità umana (traduzzjoni mhux uffiċjali); Ir-Rakkomandazzjoni 2006/952/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta' tweġiba fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni online.

    [27]             Il-"European Framework for the Safer Use of Mobile Phones by Younger Teenagers and Children,” iffirmat mill-operaturi tal-mowbajl, juri l-impenn tagħhom biex jipprovdu mekkaniżmi ta’ aċċes għall-kontroll, biex iqajmu kuxjenza u jippromwovu l-edukazzjoni, biex jimplimentaw il-klassifikazzjoni tal-kontenut kummerċjali u biex jittrattaw il-kontenut illegali fuq prodotti mobbli tal-komunità jew fuq l-internet; Is-"Safer Social Networking Principles for the EU", iffirmat minn fornituri ta’ servizz tan-netwerking soċjali, jorbothom biex titqajjem kuxjenza dwar messaġġi edukattivi dwar is-sikurezza, jiżguraw is-servizzi adattati skont l-età, jawtorizzaw lill-utenti permezz tal-għodod u t-teknoloġija, jipprovdu mekkaniżmi faċli tar-rappurtar, jirrispondu għal notifiki tal-kontenut jew imġiba illegali, jippermettu u jinkoraġgixxu approċċ sikur għall-informazzjoni personali u l-privatezza, u jivvalutaw il-mezzi għar-reviżjoni ta’ kontenut /imġiba illegali jew ipprojbiti; "PEGI" huwa ftehim panEwropew għall-klassifikazzjoni tal-età għall-logħob tal-kompjuter u l-vidjows, li jkopri 30 pajjiż Ewropew.

    [28]             Għall-bidu, l-awtoregolamentazzjoni ser tibni fuq il-‘Coalition to make the internet a better place for kids’ inizjattiva tal-Kummissjoni li għandha l-appoġġ ta’ kumpaniji kbar fl-Ewropa attivi fis-setturi kollha tal-industrija, li impenjaw ruħhom li jaħdmu lejn l-implimentazzjoni ta’ ħames azzjonijiet konkreti sa Diċembru 2012.

    [29]             Id-Deċiżjoni Nru 1351/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16.12.2008 li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni

    [30]             Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) imwaqqfa taħt tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali - Baġit għal Ewropa 2020, COM(2011) 500, il-partijiet I u II; Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, COM(2011) 665 - ,bla ħsara għad-deċiżjoni finali u l-ammonti finali dwar il-proposti għal CEF u l-qafas finanzjarju multiannwali tal-UE, bil-konsiderazzjoni tal-politiki aktar mifruxa fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020

    [31]             Il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, mingħajr ħsara għad-deċiżjoni finali u l-ammonti finali dwar il-proposta għall-Orizzont 2020 u l-qafas finanzjaraju multiannwali tal-UE li jikkunsidra l-kuntest politiku aktar mifrux tal-istrateġija Ewropa 2020

    [32]             F'dan il-kuntest, it-terminu jirreferi għal lista verifikata ta’ siti elettroniċi li jipprovdu kontenut ta’ kwalità għolja għaż-żgħażagħ. Il-listi jkunu stabbiliti u miżmuma minn speċjalisti fil-qasam (pubbliċi u/jew privati) b’reazzjoni għas-suġġerimenti tas-sit minn utenti jew applikazzjonijiet diretti minn kumpaniji li jkunu ser jiġu elenkati, eż. l-inizjattiva Ġermaniża fragfinn.

    [33]             Fl-2010 ġie prodott inventarju ta' linji gwida għal l-produzzjoni u l-provvediment tal-kontenut online għat-tfal u ż-żgħażagħ taħt il-Programm Internet aktar Sikur

    http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/docs/competition/final_draft.pdf

    [34]             Il-Kummissjoni stabbiliet approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali fil-Komunikazzjoni tagħha mill-KE għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali, COM(2007) 833 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20.08.2009 dwar il-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali għal industrija awdjoviżiva u tal-kontenut aktar kompetittiva u soċjetà tal-għarfien inklussiva C(2009) 6464.

    [35]             http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/121EN.pdf.

    [36]             Bħal www.teachtoday.eu.

    [37]             Li tibni wkoll fuq l-isforzi eżistenti bħall-ġimgħa Ewropea dwar il-Ħiliet fl-elettronika

    [38]             Soġġetta għall-adozzjoni tal-liġijiet meħtieġa

    [39]             COM(2009) 200 finali u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)

    [40]             It-tħejjija għall-abbuż sesswali fuq it-tfal (grooming) tirreferi għal azzjonijiet meħuda deliberatament bil-għan ta’ ħbiberija u konnessjoni emozzjonali ma’ tfal, bi tħejjija għall-esplojtazzjoni jew għal attività sesswali mat-tfal

    [41]             COM(2012) 140 finali

    [42]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/116/KE tal-15.02.2007 dwar l-irriservar tal-firxa nazzjonali ta’ numri li jibdew b’116 għal numri armonizzati ta' servizzi armonizzati ta' valur soċjali; Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-07.03.2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali)

    [43]             L-implimentazzjoni ta’ miżuri dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta se tkun teħtieġ li tkun konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea rilevanti, inklużi r-riżultati tar-reviżjoni kontinwa tad-Direttiva attwali tal-Protezzjoni tad-Dejta. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data. Il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta COM (2012) 11 finali.

    [44]             Ara nota 5 ta’ qiegħ il-paġna.

    [45]             Ara nota 6 ta’qiegħ il-paġna.

    [46]             Il-fondazzjoni Olandiża ‘My Child online’ ħarġet ir-rapport ‘Pas op je portemonnee’ fl-2011, li jafferma li hemm għadd dejjem jikber ta' ilmenti dwar il-flus li t-tfal jonfqu fid-dinjiet virtwali. ‘Briefing on the internet, e-commerce, children and young people’ tar-Renju Unit, jagħti ħarsa ġenerali lejn il-kwistjonijiet relatati mat-tfal u l-kummerċ elettroniku.

    [47]             Kif indikat fl-AVMS

    [48]             Inkluża d-Direttivi dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u l-Privatezz elettronika fis-seħħ bħalissa. Ir-reklamar u l-prattiċi kummerċjali li għandhom it-tfal bħala mira għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.

    [49]             http://www.easa-alliance.org/page.aspx/386.

    [50]             Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13.12.2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija tikkriminalizza r-reati tal-pornografija tat-tfal, it-tħejjija għall-abbuż sesswali fuq it-tfal, l-abbuż sesswali bil-webcam jew li wieħed jara l-pornografija tat-tfal mingħajr ma jniżżel il-fajls.

    [51]             Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8.06.2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) li jipprovdi bażi għall-proċeduri ta’ avviż u tneħħija.

    [52]             Mħabbra fil-Komunikazzjoni dwar qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online COM (2011) 942.

    [53]             L-Internet Watch Foundation (il-hotline tar-Renju Unit): Annual and Charity Report 2011.

    Top