EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0617

2005/617/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Awwissu 2005 li tirrikonoxxi temporanjament is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini fil-Gran Brittanja u fl-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit, skond l-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (innotifikata taħt dokument numru  C(2005) 3122)

OJ L 214, 19.8.2005, p. 63–64 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 349M, 12.12.2006, p. 277–278 (MT)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/617/oj

12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

277


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Awwissu 2005

li tirrikonoxxi temporanjament is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini fil-Gran Brittanja u fl-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit, skond l-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004

(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 3122)

(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

(2005/617/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit ressqet żewġ talbiet, flimkien ma' dokumentazzjoni xierqa, għar-rikonoxximent tas-sistema ta' identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini implimentata fil-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rispettivament.

(2)

Wara missjoni veterinarja ta' spezzjoni tal-Kummissjoni fir-Renju Unit, l-esperti tal-Kummissjoni sabu li fil-Gran Brittanja is-sistemi ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini eżistenti u proposti b’mod ġenerali huma kapaċi li jiżguraw konformità ma’ ħafna mill-għanijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004, iżda għandhom jiġu indirizzati numru ta' nuqqasijiet. Fl-Irlanda ta’ Fuq is-sistema proposta ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali ovini tista’ tilħaq konformità ma’ ħafna mill-għanijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004, iżda l-implimentazzjoni tagħha titlob livell għoli ta’ għarfien u impenn mill-partijiet kollha involuti.

(3)

L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit impenjat ruħha li tindirizza il-kwistjonijiet imqajma, u b'mod partikolari li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 fi żmien 10 ġimgħat minn meta tingħata l-approvazzjoni mitluba.

(4)

Is-sistemi ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali ovini u kaprini fil-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom għalhekk jingħataw approvazzjoni proviżorja għall-perjodu interim li tippermetti is-sostituzzjoni tat-tieni mezz ta' identifikazzjoni għall-annimali ovini permezz ta' dik is-sistema, minbarra fil-każ ta’ annimali involuti fil-kummerċ intra-Komunitarju.

(5)

L-awtorità kompetenti għandha twettaq kontrolli xierqa sabiex tivverifika l-implimentazzjoni tajba tas-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sistemi għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini previsti taħt l-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 implimentati mir-Renju Unit fil-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huma hawnhekk rikonoxxuti bħala operattivi proviżjorjament mid-9 ta' Lulju 2005 sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2006.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni flimkien ma' l-awtoritajiet tar-Renju Unit se tagħmel spezzjonijiet fil-post biex tivverifika l-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni proposta mir-Renju Unit.

L-approvazzjoni proviżorja tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini mogħtija fl-Artikolu 1 se jiġu reveduti fid-dawl tar-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet sal-31 ta’ Jannar 2006.

Artikolu 3

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 l-awtorità kompetenti se twettaq il-kontrolli xierqa fil-post kull sena biex tivverifika l-konformità ta' dawk li jżommu l-annimali mar-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit.

Magħmul fi Brussell, nhar is-17 ta’ Awwissu 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8.


Top