Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000L0031

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)

OJ L 178, 17.7.2000, p. 1–16 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 13 Volume 025 P. 399 - 414
Special edition in Estonian: Chapter 13 Volume 025 P. 399 - 414
Special edition in Latvian: Chapter 13 Volume 025 P. 399 - 414
Special edition in Lithuanian: Chapter 13 Volume 025 P. 399 - 414
Special edition in Hungarian Chapter 13 Volume 025 P. 399 - 414
Special edition in Maltese: Chapter 13 Volume 025 P. 399 - 414
Special edition in Polish: Chapter 13 Volume 025 P. 399 - 414
Special edition in Slovak: Chapter 13 Volume 025 P. 399 - 414
Special edition in Slovene: Chapter 13 Volume 025 P. 399 - 414
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 029 P. 257 - 272
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 029 P. 257 - 272
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 039 P. 58 - 73

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/31/oj

32000L0031



Official Journal L 178 , 17/07/2000 P. 0001 - 0016


Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-8 ta' Ġunju 2000

dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea qiegħda tfittex li tgħaqqad rabtiet dejjem iżjed mill-viċin bejn l-Istati u popli ta' l-Ewropa, biex tassigura progress ekonomiku u soċjali; bi qbil ma' l-Artikolu 14(2) tat-Trattat, is-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, servizzi u l-libertà ta' stabbiliment huma assigurati; l-iżvilupp ta' servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni fiż-żona mingħajr fruntieri interni hija vitali għall-eliminazzjoni ta' ostakoli li jaqsmu l-popli ta' l-Ewropa.

(2) L-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku fis-soċjetà ta' l-informazzjoni toffri opportunitajiet sinifikanti ta' impiegi fil-Komunità, partikolarment f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u għandha tistimula t-tkabbir u l-investiment fl-innovazzjoni minn kumpaniji Ewropej, u tista' wkoll ittejjeb il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea, basta li kulħadd ikollu aċċess għall-Internet.

(3) Il-liġi tal-Komunità u l-karatteristiċi ta' ordni ġuridika tal-Komunità huma assi vitali biex jiffaċilitaw li ċittadini u operaturi Ewropej jieħdu vantaġġ sħiħ, mingħajr konsiderazzjoni ta' fruntieri, ta' l-opportunitajiet mogħtija mill-kummerċ elettroniku; din id-Direttiva għalhekk għandha l-iskop li tassigura livell għoli ta' l-integrazzjoni legali tal-Komunità sabiex tistabbilixxi żona vera mingħajr fruntieri interni għas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni.

(4) Huwa importanti li jkun assigurat li l-kummerċ elettroniku jkun jista' jibbenefika bis-sħiħ mis-suq intern u għalhekk, bħal ma' bid-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-kordinament ta' ċerti disposizzjonijiet stabbiliti b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li jikkonċernaw it-tħaddim ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni [4], li livell għoli ta' integrazzjoni fil-Komunità jkun milħuq.

(5) L-iżvilupp ta' servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni fil-Komunità huwa mfixkel minn numru ta' ostakoli legali għal funzjonamet xieraq tas-suq intern li jagħmluha ferm anqas attraenti li tkun eżerċitata l-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jkunu ipprovduti servizzi; dawn l-ostakoli joriġinaw minn diverġenzi fil-leġislazzjoni u minn inċertezzi legali dwar liema mir-regoli nazzjonali jkunu applikabbli għal servizzi bħal dawn; fin-nuqqas ta' kordinazzjoni jew aġġustament tal-leġislazzjoni fl-oqsma rilevanti, ostakoli jistgħu ikunu iġġustifikati fid-dawl ta' deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej; inċertezza legali teżisti fir-rigward tal-limitu li bih Stati Membri jistgħu jikkontrollaw servizzi li joriġinaw minn Stat Membru ieħor.

(6) Fid-dawl tal-miri tal-Komunità, ta' l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat u ta' liġi sekondarja tal-Komunità, dawn l-ostakoli għandhom ikunu eliminati bil-kordinazzjoni ta' ċerti liġijiet nazzjonali u bil-kjarifika ta' ċerti kunċetti legali fil-livell tal-Komunità sal-limitu meħtieġ għal funzjonament xieraq tas-suq intern; billi jkunu ttrattati biss ċerti materji speċifiċi li jagħtu bidu għal problemi għas-suq intern, din id-Direttiva hija konsistenti għal kollox mal-ħtieġa li jkun irrispettat il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

(7) Sabiex tkun assigurata ċ-ċertezza legali u l-fiduċja tal-konsumatur, din id-Direttiva għandha tesiġi qafas ċar u ġenerali biex ikopri ċerti aspetti legali tal-kummerċ elettroniku fis-suq intern.

(8) L-iskop ta' din id-Direttiva huwa l-ħolqien ta' qafas legali biex jassigura il-moviment liberu ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni bejn Stati Membri u mhux biex jarmonizza il-qasam tal-liġi kriminali bħala tali.

(9) Il-moviment liberu ta' servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni jista' f'ħafna każi jkun rifless speċifiku fil-liġi tal-Komunità ta' prinċipju aktar ġenerali, jiġifieri il-libertà ta' espressjoni li hija assigurata fl-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni tal-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali, li kienet ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha; għal din ir-raġuni, direttivi li jkopru biss il-fornitura ta' servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni għandhom jassiguraw li din l-attività tista' tkun segwita b'libertà biss fid-dawl ta' dak l-Artikolu, suġġett għar-restrizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu u fl-Artikolu 46(1) tat-Trattat; din id-Direttiva mhix intenzjonata li taffettwa ir-regoli nazzjonali fundamentali u prinċipji li jirrelataw mal-libertà ta' espressjoni.

(10) Bi qbil mal-prinċipju ta' proporzjonalità, il-miżuri li hemm disposizzjoni dwarhom f'din id-Direttiva huma strettament limitati għal minumu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta' funzjonament xieraq tas-suq intern; meta azzjoni fil-livell tal-Komunità tkun meħtieġa, sabiex tiggarantixxi żona li tassew hija mingħajr fruntieri safejn il-kummerċ elettroniku huwa konċernat, id-Direttiva għandha tassigura livell għoli ta' protezzjoni ta' għanijiet ta' interess ġenerali, u partikolarment il-protezzjoni ta' minuri u d-dinjità umana, protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika; bi qbil ma' l-Artikolu 152 tat-Trattat, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija komponent essenzjali għall-istrateġiji l-oħra tal-Komunità.

(11) Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-livell ta' protezzjoni għal, partikolarment, is-saħħa pubblika u l-interessi tal-konsumatur, kif stabbilit b'atti tal-Komunità; fost oħrajn, id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar termini mhux ġusti għall-konsumatur f'kuntratti [5] u d-Direttivi 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta' kuntratti mill-bogħod [6] jagħmlu parti minn element vitali ta' protezzjoni tal-konsumatur f'materji kontrattwali; dawk id-Direttivi japplikaw ukoll fil-qofol tagħhom għal servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni; l-istess acquis tal-Komunità, li huwa applikabbli bis-sħiħ għal servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, tinkorpora ukoll partikolarment id-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE ta' l-10 ta' Settembru 1984 li tikkonċerna reklamar komparattiv u li jista' jħawwad [7]. Id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta' Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri rigward kreditu mal-konsumatur [8]. Id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE ta' l-10 ta' Mejju 1993 dwar servizzi ta' investiment fil-qasam ta' titoli ta' sigurtà [9]. Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar vjaġġar inklusiv, vaganzi inklusivi u ġiti inklusivi [10]. Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni ta' prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi [11], id-Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE tad-29 ta' Ġunju 1992 dwar is-sigurtà ġenerali ta' prodotti [12]. Id-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni ta' xerrejja fir-rigward ta' ċerti aspetti dwar kuntratti li jirrigwardjaw ix-xiri tad-dritt ta' l-użu ta' propjetajiet immobbli fuq il-bażi ta' timeshare [13]. Id-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumatur [14]. Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw ir-responsabbilità għal prodotti difettużi [15]. Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti lill-konsumatur u garanziji assoċjati [16], id-Direttiva futura tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li tikkonċerna l-marketing mill-bogħod ta' servizzi finanzjarji għall-konsumatur u d-Direttivi tal-Kunsill 92/28/KEE tal-31 ta' Marzu 1992 dwar ir-reklamar ta' prodotti mediċinali [17]; din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 98/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw ir-reklamar u ta' promozzjoni tal-prodotti tat-tabakk [18] adottati fil-qafas tas-suq intern, jew għal direttivi dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika; din id-Direttiva tikkumplementa l-ħtiġijiet ta' informazzjoni stabbiliti mid-Direttivi msemmija hawn fuq u partikolarment id-Direttiva 97/7/KE.

(12) Huwa meħtieġ li jkunu esklużi ċerti attivitajiet minn din id-Direttiva, fuq il-bażi li l-libertà li jkunu ipprovduti servizzi f'dawn l-oqsma ma tistax, f'dan l-istadju, tkun garantita permezz tat-Trattat jew ta' leġislazzjoni sekondarja eżistenti; esklużi dawk l-attivitajiet li ma jfixklux xi strumenti li jistgħu juru li jkunu meħtieġa għall-funzjonament xieraq tas-suq intern; tassazzjoni, partikolarment it-taxxa ta' valur miżjud imposta fuq numru kbir ta' servizzi li hemm referenza għalihom f'din id-Direttiva, għandha tkun eskluża minn din id-Direttiva.

(13) Din id-Direttiva m'għandhiex l-għan li tistabbilixxi regoli dwar l-obbligazzjonijiet fiskali u l-anqas li tantiċipa t-tħejjija ta' strumenti tal-Komunità dwar l-aspetti fiskali tal-kummerċ elettroniku.

(14) Il-protezzjoni ta' individi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali hija regolata biss mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u tal-moviment liberu ta' dik id-data [19] u d-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 li tirrigwarda l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjoni [20] li huma kompletament applikabbli għal servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni; dawn id-Direttivi diġà stabbilew qafas legali tal-Komunità fil-qasam ta' data personali u għalhekk mhux meħtieġ li din il-ħaġa tkun riferita f'din id-Direttiva sabiex ikun assigurat il-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern, partikolarment il-moviment liberu ta' data personali bejn Stati Membri; l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jsir b'konformità sħiħa mal-prinċipji li jirrigwardaw il-protezzjoni ta' data personali, partikolarment f'dak li jirrigwarda komunikazzjoni kummerċjali mhijiex mitluba u r-responsabbilità ta' intermedjarji; din id-Direttiva ma tistax twaqqaf l-użu anonimu f'networks miftuħa bħal fl-Internet.

(15) Il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet hija garantita bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/66/KE; bi qbil ma' dik id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipprojbixxu xi tip ta' intervent jew sorveljanza ta' komunikazzjonijiet bħal dawn minn oħrajn li mhumiex dawk li jibagħtu u jirċievu, ħlief meta legalment awtorizzati.

(16) L-esklużjoni ta' attivitajiet ta' logħob tal-ażżard mill-iskop ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva tkopri biss logħob tax-xorti, lotteriji u tranżazzjonijiet ta' imħatri, li jinvolvu t-tqegħid ta' mħatri b'valur monetarju; din ma tkoprix kompetizzjonijiet promozzjonali jew logħob fejn l-iskop ikun li jinkoraġġixxi l-bejgħ ta' merkanzija jew servizzi u fejn il-pagamenti, jekk dawn jeżistu, iservu biss biex ikunu akkwistati l-merkanzija jew is-servizzi reklamati.

(17) Id-definizzjoni ta' servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni diġà teżisti f'liġi tal-Komunità fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tesiġi proċedura għall-provvediment ta' informazzjoni fil-qasam ta' normi u regolamenti tekniċi u għar-regoli dwar servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni [21] u fid-Direttiva 98/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta' servizzi bażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali [22]; din id-definizzjoni tkopri kull servizz normalment ipprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, permezz ta' tagħmir elettroniku u għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u ħażna ta' data, u fuq talba individwali ta' min jirċievi servizz; dawk is-servizzi li hemm referenza għalihom fil-lista' indikattiva fl-Anness V tad-Direttiva 98/34/KE li ma jimplikawx proċessar ta' data u ħażna tagħha mhumiex koperti b'din id-definizzjoni.

(18) Servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni jifirxu fuq medda aktar kbira ta' attivitajiet ekonomiċi li jseħħu on-line; dawn l-attivitajiet jistgħu, partikolarment, jikkonsistu fil-bejgħ ta' oġġetti online; attivitajiet bħal ma huma il-kunsinna ta' merkanzija jew il-provvediment ta' servizzi offline ma humiex koperti; servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni ma humiex biss ristretti għal servizzi li jagħtu bidu għal kuntatti online imma wkoll, sakemm dawn jirrappreżentaw attività ekonomika, jestendu għal servizzi li mhumiex imħallsa minn dawk li jirċevuhom, bħal ma huma l-offerta ta' informazzjoni online jew komunikazzjonijiet kummerċjali, jew dawk li jipprovdu għodod li jippermettu riċerka, aċċess u akkwist ta' dettalji; servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni jinkludu wkoll servizzi li jikkonsistu fit-trasmissjoni ta' informazzjoni permezz ta' network ta' komunikazzjoni, li jipprovdi aċċess għal network ta' komunikazzjoni jew billi jilqa' għandu informazzjoni provduta minn min jirċievi s-servizz; xandir televiżiv fil-qofol ta' dak li tfisser id-Direttiva KEE/89/552 u xandir bir-radju ma humiex servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni minħabba li dawn ma humiex ipprovduti fuq talba individwali. B'kuntrast, servizzi li ma humiex trasmessi minn punt għal punt, bħal ma huma video fuq rikjesta jew il-provvediment ta' komunikazzjonijiet kummerċjali bil-posta elettronika huma servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni; l-użu tal-posta elettronika jew komunikazzjoni individwali ekwivalenti per eżempju minn persuni naturali li jaġixxu barra mill-kummerċ, negozju jew professjoni tagħhom inkluż l-użu tagħhom għall-konklużjoni ta' kuntratti bejn persuni bħal dawk mhuwiex servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni; attivitajiet li min-natura propja tagħhom ma jistgħux jiġu mwettqa mill-bogħod b'mezzi elettroniċi, bħal ma huwa l-awditjar statutorju tal-kontijiet ta' kumpanija jew parir mediku li jinħtieġ eżami fiżiku ta' pazjent mhumiex servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni.

(19) Il-lokal li fih dak li jipprovdi servizz ikun stabbilit għandu jkun determinat b'konformità ma' deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja li skond dawn il-kunċett ta' stabbiliment jinvolvi l-prattika attwali ta' attività elettronika permezz ta' stabbiliment fiss għal perjodu indefinit; din il-ħtieġa hija wkoll imwettqa meta kumpanija tkun kostitwita għal perjodu speċifiku; il-lokalità ta' stabbiliment ta' kumpanija li tipprovdi servizzi permezz ta' website ta' l-internet mhix il-lokalità fejn it-teknoloġija li ssostni l-website tkun tinstab jew il-lokal li fih il-website tkun aċċessibli imma l-post fejn hi twettaq l-attività ekonomika tagħha; f'każi meta dak li jipprovdi s-servizz ikollu diversi lokalitajiet ta' stabbiliment huwa mportanti li jkun determinat mill-liema post is-servizz ikkonċernat ikun provdut; f'każi meta jkun diffiċli biex ikun determinat mill-liema mid-diversi lokalitajiet is-servizz ikun ipprovdut, huwa dan il-post minn fejn dak li jipprovdi s-servizz ikollu ċ-ċentru ta' l-attivitajiet tiegħu li jirrigwardjaw dak is-servizz partikolari.

(20) Id-definizzjoni "dak li jirċievi servizz" tkopri it-tipi kollha ta' użu ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni, kemm minn persuni li jipprovdu informazzjoni fuq oqsma miftuħa bħal ma hu l-internet kif ukoll minn persuni li jfittxu informazzjoni online għal raġunijiet privati jew professjonali.

(21) L-iskop ta' qasam ikkordinat huwa mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni futura fil-Komunità li tirrigwarda servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni u għal leġislazzjoni futura adottata f'livell nazzjonali bi qbil mal-liġi tal-Komunità; il-qasam kordinat ikopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online bħal ma hija informazzjoni minn, reklamar online, xiri online, kuntratti online u ma tikkonċernax il-ħtiġijiet legali ta' Stati Membri li jirrigwardaw oġġetti bħal ma huma normi ta' sigurtà, obbligu ta' tikkettjar, jew responsabbilità għal oġġetti, jew il-ħtiġijiet ta' Stati Membri li jirrigwardaw il-kunsinna jew it-trasport ta' oġġetti, inkluża d-distribuzzjoni ta' prodotti mediċi; il-qasam kordinat ma jkoprix l-eżerċitar ta' drittijiet ta' irkupru minn awtoritajiet pubbliċi li jikkonċerna ċerti oġġetti bħal ma huma xogħolijiet ta' l- arti.

(22) Servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni għandhom ikunu taħt superviżjoni fis-sorsi ta' l-attività, sabiex tkun assigurata l-protezzjoni effettiva ta' għanijiet ta' interess pubbliku; għal din il-fini, huwa meħtieġ li jkun assigurat li l-awtorità kompetenti tipprovdi protezzjoni bħal din mhux biss għal ċittadini tal-pajjiż tagħha stess imma għaċ-ċittadini tal-Komunità kollha; sabiex tittejjeb il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, huwa essenzjali li tkun mistqarra b'ċarezza din ir-reponsabbilità minn-naħa ta' l-Istat Membru minn fejn joriġinaw is-servizzi; aktar minn hekk, sabiex tkun iggarantita effettivament il-libertà li jkunu provduti servizzi u ċ-ċertezza legali għall-fornituri u għal dawk li jirċievu s-servizzi, servizzi bħal dawn minn soċjetà ta' l-informazzjoni għandhom bħala prinċipju jkunu suġġetti għal-liġi ta' l-Istat Membru li fih dak li jipprovdi s-servizzi jkun stabbilit.

(23) Din id-Direttiva la ma timmira li tistabbilixxi regoli addizzjonali dwar il-liġi privata internazzjonali li tirrigwarda konflitti ta' liġi u lanqas ma titratta il-ġurisdizzjoni tal-Qrati; disposizzjonijiet tal-liġi applikabbli imħejjija skond ir-regoli ta' liġi privata internazzjonali m'għandhomx jirrestrinġu l-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni kif stabbilit f'din id-Direttiva.

(24) Fil-kuntest ta' din id-Direttiva, independentement mir-regola dwar il-kontroll fis-sorsi ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni, huwa leġittimu skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jirrestrinġu l-moviment liberu ta' servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni.

(25) Qrati nazzjonali, inklużi qrati ċivili, li jittrattaw kwistjonijiet ta' liġi privata jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni bil-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

(26) L-Istati Membri, b'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar liġi kriminali jew fi proċeduri kriminali bil-għan li jittieħdu l-miżuri kollha investigattivi u l-miżuri l-oħra meħtieġa għal tfittix u prosekuzzjoni ta' reati kriminali, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li jkunu notifikati miżuri bħal dawn lill-Kummissjoni.

(27) Din id-Direttiva, flimkien mad-Direttiva futura tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-marketing mill-bogħod ta' servizzi finanzjarji għal konsumatur, tikkontribwixxi għal ħolqien ta' qafas legali dwar il-provvediment ta' servizzi finanzjarji online; din id-Direttiva ma tantiċipax inizjattivi futuri fil-qasam ta' servizzi finanzjarji partikolarment f'dak li jirrigwarda l-armonizzazzjoni ta' regoli ta' kondotta f'dan il-qasam; il-possibilità għall-Istati Membri, stabbilita b'din id-Direttiva, taħt ċerti ċirkostanzi li jirrestrinġu l-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni sabiex ikunu protetti konsumaturi tkopri wkoll miżuri fil-qasam ta' servizzi finanzjarji partikolarment dawk li għandhom il-għan li jipproteġu lill-investituri.

(28) L-obbligu ta' Stati Membri li ma jissuġġettawx l-aċċess għall-attività ta' min jipprovdi servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni għall-awtorizzazzjoni bil-quddiem ma tikkonċernax is-servizzi postali koperti bid-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib tal-kwalità ta' servizz [23] li jikkonsistu f'kunsinna fiżika ta' messaġġ stampat bil-posta elettronika u ma taffettwax is-sistema volontarja ta' akkreditazzjoni, partikolarment għal min jipprovdi servizzi ta' ċertifikazzjoni ta' firma elettronika.

(29) Komunikazzjonijiet kummerċjali huma essenzjali għal finanzjament ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni u għall-iżvilupp ta' għażla wiesa' ta' servizzi ġodda, mingħajr ħlas; fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumatur u ta' negozju ġust, komunikazzjonijiet kummerċjali, inklużi skonti, offerti promozzjonali u kompetizzjonijiet jew logħob promozzjonali, għandhom ikollhom għadd ta' ħtiġijiet ta' trasparenza; dawn il-ħtiġijiet huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 97/7/KE; din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa Direttivi eżistenti dwar komunikazzjonijiet kummerċjali, partikolarment id-Direttiva 98/43/KE.

(30) Il-kunsinna ta' komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba bil-posta elettronika tista' tkun mhux mixtieqa għal konsumaturi u dawk li jipprovdu servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni u jistgħu jfixklu l-funzjonament tajjeb ta' networks interattivi; il-kwistjoni ta' kunsens minn dak li jirċievi ta' ċerti tipi ta' komunikazzjoni kummerċjali mhux mitluba mhix affettwata minn din id-Direttiva, imma kienet diġà ġiet, partikolarment affettwata, bid-Direttiva 97/7/KE u d-Direttiva 97/66/KE; fl-Istati Membri li jawtorizzaw komunikazzjoni kummerċjali mhux mitluba bil-posta elettronika, it-twaqqif ta' industrija xierqa ta' inizjattivi li jiffiltraw għandhom ikunu inkuraġġiti u ffaċilitati; b'żieda huwa meħtieġ li fi kwalunkwe każ komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba jkunu kjarament identifikabbli bħala tali sabiex tkun imtejba t-trasparenza u biex tiffaċilita l-funzjonament ta' inizjattivi bħal dawn ta' l-industrija; komunikazzjonijiet kummerċjali li mhumiex mitluba bil-posta elettronika m'għandhomx jirriżultaw fi spejjeż żejda ta' komunikazzjoni għal min jirċievihom.

(31) L-Istati Membri li jippermettu li jintbagħtu komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba bil-posta elettronika mingħajr kunsens bil-quddiem ta' dak li jirċevihom minn dawk li jipprovdu servizz li huma stabbiliti fit-territorji tagħhom għandhom jassiguraw li dawk li jipprovdu servizz jikkonsultaw regolarment u jirrispettaw ir-reġistri ta' min ma jkunx irid jibqa' nkluż li fihom persuni naturali li ma jixtiequx li jirċievu komunikazzjonijiet kummerċjali bħal dawk jistgħu ikunu reġistrati.

(32) Sabiex jitneħħew ostakoli għall-iżvilupp ta' servizzi bejn il-fruntieri fil-Komunità li membri ta' professjonijiet regolati jistgħu joffru online, huwa meħtieġ li konformità tkun iggarantita fil-livell tal-Komunità b'regoli professjonali li għandhom il-għan, partikolarment, li jipproteġu konsumaturi jew is-saħħa pubblika; kodiċi ta' kondotta fil-livell tal-Komunità għandha tkun l-aħjar mezz biex ikunu determinati r-regoli dwar etika professjonali applikabbli għal komunikazzjoni kummerċjali; it-tħejjija, jew, fejn xieraq, l-adattazzjoni ta' regoli bħal dawn għandhom ikunu nkorraġiti mingħajr preġudizzju għall-awtonomija ta' korpi u għaqdiet professjonali.

(33) Din id-Direttiva tikkumplementa l-liġi tal-Komunità u l-liġi nazzjonali li tirrigwarda l-professjonijiet regolati li jżommu sett ta' regoli koerenti li huma applikabbli f'dan il-qasam.

(34) Kull Stat Membru għandu jemenda l-leġislazzjoni tiegħu li jkun fiha l-ħtiġijiet, u partikolarment il-ħtiġijiet dwar l-għamla, li x'aktarx inaqqsu l-użu ta' kuntratti b'mezzi elettroniċi; l-eżami bir-reqqa tal-leġislazzjoni li tinħtieġ dan l-aġġustament għandu jkun sistematiku u għandu jkopri l-istadji kollha meħtieġa u l-atti tal-proċess kontrattwali, inkluża l-preżentazzjoni tal-kuntratt; ir-riżultat ta' din l-emenda għandu jkun biex jirrendi kuntratti konkluzi elettronikament jkunu effettivi fil-prattika; l-effett legali ta' firem elettroniċi huwa ittrattat bid-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar qafas tal-Komunità għal firem elettroniċi [24]; il-konferma tal-wasla minn dak li jipprovdi servizz tista' tieħu l-għamla ta' provvediment online tas-servizz li jkun sar il-ħlas għalih.

(35) Din id-Direttiva ma taffettwax il-possibiltà ta' Stati Membri milli jibqgħu jżommu jew jistabbilixxu ħtiġijiet ġenerali jew spċifikament legali għal kuntratti li jistgħu ikunu mwettqa b'mezzi elettroniċi, partikolarment ħtiġijiet li jikkonċernaw is-sigurtà fl-użu ta' firem elettroniċi.

(36) L-Istati Membri jistgħu iżommu restrizzjonijiet dwar l-użu ta' kuntratti elettroniċi fir-rigward ta' kuntratti li jinħtieġu b'liġi l-involviment ta' qrati, awtoritajiet pubbliċi, jew professjonijiet li jeżerċitaw awtorità pubblika; din il-possibilità tkopri wkoll kuntratti li jinħtieġu l-involviment ta' qrati, awtoritajiet pubbliċi jew professjonijiet li jeżerċitaw awtorità pubblika sabiex ikollhom effett fir-rigward ta' partijiet terzi kif ukoll kuntratti li jinħtieġu ċertifikazzjoni b'liġi jew attestazzjoni minn nutar.

(37) L-obbligu ta' Stati Membri li jneħħu l-ostakoli fl-użu ta' kuntratti elettroniċi tikkonċerna biss ostakoli li jirriżultaw minn ħtiġijiet legali u mhux minn ostakoli prattiċi li jirriżultaw mill-impossibilità li jkunu wżati mezzi elettroniċi f'ċerti każi.

(38) L-obbligu ta' Stati Membri li jneħħu ostakoli għall-użu ta' kuntratti elettroniċi għandu jkun implimentat b'konformità mal-ħtiġijiet legali għal kuntratti li hija mnaqqxa f'liġi tal-Komunità.

(39) L-eċċezzjoni għad-disposizzjonijiet li jikkonċernaw il-kuntratti konklużi esklussivament bil-posta elettronika jew b'komunikazzjonijiet individwali ekwivalenti li hemm disposizzjoni għalihom f'din id-Direttiva, b'relazzjoni ma' informazzjoni li għandha tkun provduta u tqegħid ta' ordnijiet, m'għandhiex, bħala riżultat tiffaċilita, lil dawk li jipprovdu servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni jevitaw li jonoraw dawk id-disposizzjonijiet.

(40) Iż-żewġ differenzi eżistenti u emerġenti fil-leġislazzjoni ta' Stati Membri u deċiżjonijiet tal-qrati li jikkonċernaw ir-responsabilità ta' dawk li jipprovdu servizz li jaġixxu bħala intermedjarji ifixklu l-funzjonament mingħajr intoppi tas-suq intern, partikolarment billi jnaqqsu l-iżvilupp ta' servizzi minn fruntiera għall-oħra u jipproduċu tgħawwiġ ta' kompetizzjoni; dawk li jipprovdu servizz għandhom id-dover li jaġixxu, skond ċerti ċirkostanzi, bil-għan li ma jħallux jew li jwaqqfu attivitajiet illegali; din id-Direttiva għandha tikkostitwixxi l-bażi xierqa għall-iżvilupp ta' proċeduri mħaffa u ta' min jorbot fuqhom għat-tneħħija u ż-żamma ta' aċċess għal informazzjoni illegali; mekkaniżmi bħal dawn jistgħu jkunu żviluppati fuq il-bażi ta' ftehim volontarju bejn il-partijiet konċernati kollha u għandhom ikunu inkorraġiti mill-Istati Membri; huwa fl-interess tal-partijiet kollha nvoluti fil-forniment ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni li ma jfixklux l-iżvilupp u l-operat effettiv, mid-diversi partijiet interessati, ta' sistemi tekniċi ta' protezzjoni u identifikazzjoni u ta' strumenti tekniċi ta' sorveljanza li huma possibbli bit-teknoloġija diġitali kif stipulati bid-Direttivi 95/46/KE u 97/66/KE.

(41) Din id-Direttiva toħloq bilanċ bejn l-interessi differenti nvoluti u tistabbilixxi prinċipji li fuqhom ftehim u normi industrijali jkunu jistgħu jiġu ibbażati.

(42) L-eżenzjonijiet mir-responsabbilità stabbilita f'din id-Direttiva jkopru biss każi meta l-attività ta' dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta' l-informazzjoni tkun limitata għall-proċess tekniku ta' operat u tagħti aċċess għal qafas ta' komunikazzjoni li fuqu informazzjoni disponibbli minn partijiet terzi tkun trasmessa jew temporanjament maħżuna, bl-iskop biss li tagħmel it-trasmissjoni aktar effiċjenti; din l-attività hija sempliċement teknika, awtomatika u passiva fin-natura, li timplika li dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta' l-informazzjoni la jkollu tagħrif u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni li tkun trasmessa jew maħżuna.

(43) Dak li jipprovdi servizz jista' jibbenefika mill-eżenzjonijiet għal "sempliċi konduttur" u għal "caching" meta hu bl-ebda mod ma jkun involut ma' l-informazzjoni trasmessa; din tinħtieġ fost affarijiet oħra li hu ma jkunx jista' jimmodifika l-informazzjoni li hu jittrasmetti; din il-ħtieġa ma tkoprix manipulazzjonijiet ta' natura teknika li jseħħu waqt il-kors tat-trasmissjoni billi dawn ma jalterawx l-integrità ta' l-informazzjoni li tkun tinstab fit-trasmissjoni.

(44) Dak li jipprovdi servizz li jikkollabora apposta ma' wieħed li jirċievi s-servizz tiegħu sabiex ikun kompliċi f'atti illegali jmur lil hinn mill-attivitajiet ta' "sempliċi konduttur" jew "caching" u bħala riżultat ma jistax jibbenefika mill-eżenzjonijiet ta' responsabbilità stabbilita għal dawn l-attivitajiet.

(45) Il-limitazzjonijiet tar-responsabbilità ta' intermedjarji li jipprovdu servizz kif inhuma stabbiliti f'din id-Direttiva ma jaffettwawx il-possibilità ta' inġunzjonijiet ta' diversi tipi; inġunzjonijiet bħal dawn jistgħu partikolarment jikkonsistu f'ordnijiet mill-qrati jew awtoritajiet ta' amministrazzjoni li jkunu jinħtieġu t-terminazzjoni jew il-prevenzjoni ta' xi ksur, inkluża t-tneħħija ta' informazzjoni illegali jew tat-twaqqif ta' aċċess għaliha.

(46) Sabiex jibbenefika mill-limitazzjoni ta' responsabbilità, dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta' l-informazzjoni, li jikkonsisti fil-ħażna ta' informazzjoni, malli jakkwista' t-tagħrif attwali jew isir konxju ta' l-attivitajiet illegali għandu jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni kkonċernata; it-tneħħija jew it-twaqqif ta' aċċess għandu jseħħ fl-osservanza tal-prinċipji ta' libertà ta' l-espressjoni u tal-proċeduri stabbiliti għal dan l-iskop f'livell nazzjonali; din id-Direttiva ma taffettwax il-possibilità ta' Stati Membri milli jistabbilixxu ħtiġijiet speċifiċi li għandhom ikunu mwettqa mingħajr dewmien qabel it-tneħħija jew it-twaqqif ta' l-informazzjoni.

(47) L-Istati Membri ma jistgħux jimponu obbligu ta' monitoraġġ fuq dawk li jipprovdu servizz biss fir-rigward ta' obbligi ta' natura ġenerali; dan ma jikkonċernax l-obbligu ta' monitoraġġ f'każ speċifiku u, partikolarment, ma jaffettwax ordnijiet minn awtoritajiet nazzjonali bi qbil ma' leġislazzjoni nazzjonali.

(48) Din id-Direttiva ma taffetwax il-possibilità għall-Istati Membri li jkunu jinħtieġu li dawk li jipprovdu servizz, li jilqgħu informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, li japplikaw il-prekawzjonijiet li jistgħu raġonevolment ikunu mistennija minnhom u li huma speċifikati minn liġi nazzjonali, sabiex jintebħu bi u ma jħallux ċerti tipi ta' attavitajiet illegali.

(49) L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mħeġġa li jħejju kodiċi ta' kondotta; din ma tfixkilx in-natura volontarja ta' kodiċi bħal dawn u l-possibilità għall-partijiet interessati li jiddeċiedu b'libertà jekk għandhomx jimxu ma' din il-kodiċi.

(50) Huwa importanti li d-direttiva proposta dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' dritt ta' l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta' l-informazzjoni u f'din id-Direttiva jidħlu fis-seħħ fl-istess skala ta' żmien bil-għan li jkun stabbilit qafas ċar ta' regoli rilevanti dwar il-kwistjoni ta' responsabbilità ta' intermedjarji għad-drittijiet ta' l-awtur u jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet fil-livell tal-Komunità.

(51) Kull Stat Membru għandu jkun meħtieġ, fejn ikun hemm bżonn, li jemenda xi leġislazzjoni li forsi tfixkel l-użu ta' skemi għat-twettiq barra mill-qorti ta' kwistjonijiet permezz ta' kanali elettroniċi; ir-riżultat ta' din l-emenda għandu jkun li jagħmel il-funzjonament ta' skemi bħal dawn ġenwinament u effettivament possibbli fil-liġi u fil-prattika, anki travers il-fruntieri.

(52) L-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet tas-suq intern huwa meħtieġ li jiggarantixxi lill-vittmi aċċess effettiv għal mezzi ta' risoluzzjoni ta' kwistjonijiet; ħsara li tista' tinħoloq b'konnessjoni ma' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni hi karatterizzata kemm mill-ħeffa kif ukoll mill-medda ġeografika tagħha; b'dan il-għan il-karattru speċifiku u l-ħtieġa li tkun assigurata li l-awtoritajiet nazzjonali ma jipperikolawx il-fiduċja reċiproka li huma għandhom ikollhom f'xulxin, din id-Direttiva titlob lill-Istati Membri biex jassiguraw li azzjonijiet xierqa mill-qrati jkunu disponibbli; Stati Membri għandhom jeżaminaw il-ħtieġa li jipprovdu aċċess għal proċeduri ġudizzjarji b'mezzi elettroniċi xierqa.

(53) Id-Direttiva 98/27/KE, li hija applikabbli għal servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni, tipprovdi mekkaniżmi li jirrigwardjaw azzjonijiet għal inġunzjoni immirati għall-protezzjoni ta' interessi kollettivi tal-konsumatur; dan il-mekkaniżmu għandu jikkontribwixxi għal moviment liberu ta' servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni billi jassigura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

(54) Is-sanzjonijiet li hemm disposizzjoni dwarhom permezz ta' din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għal xi sanzjonijiet oħra jew rimedji li hemm disposizzjoni għalihom permezz ta' liġi nazzjonali; Stati Membri ma humiex obbligati li jipprovdu sanzjonijiet kriminali għal ksur ta' disposizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta' din id-Direttiva.

(55) Din id-Direttiva ma taffetwax il-liġi applikabbli għal xi obbligazzjonijiet kontrattwali li jirrigwardjaw kuntratti tal-konsumatur; għalhekk, din id-Direttiva ma tistax iċċaħħad lil konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu bir-regoli mandatorji dwar l-obbligazzjonijiet kontrattwali tal-liġi ta' l-Istat Membru li fih ikollu r-residenza abitwali tiegħu.

(56) Fir-rigward tad-derogi li jinstabu f'din id-Direttiva rigward obbligazzjonijiet kontrattwali li jikkonċernaw kuntratti konklużi minn konsumaturi, dawn l-obbligazzjonijiet għandhom ikunu interpretati bħala li jinkludu informazzjoni dwar elementi essenzjali tal-kontenut tal-kuntratt, inklużi drittijiet tal-konsumatur, li għandhom influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni li tagħmel kuntratt.

(57) Il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet konsistentement li Stat Membru għandu jżomm id-dritt li jieħu miżuri kontra min jipprovdi servizz li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor imma li jmexxi l-attività kollha jew il-parti kbira minnha fit-territorju ta' l-ewwel Stat Membru jekk il-għażla ta' stabbiliment kienet magħmula bil-għan li jevadi leġislazzjoni li kienet tkun applikabbli għalih li kieku hu kien stabbilit fit-territorju ta' l-ewwel Stat Membru.

(58) Din id-Direttiva m'għandhiex tkun applikabbli għal servizzi fornuti minn dawk li jipprovdu servizz li jkunu stabbiliti f'pajjiż terz; in vista tad-dimensjoni globali tal-kummerċ elettroniku, huwa, b'dana kollu, xieraq li jkun assigurat li r-regoli tal-Komunità jkunu konsistenti ma' regoli internazzjonali; din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-riżultati ta' diskussjonijiet fl-organizzazzjonijiet internazzjonali (fost oħrajn, WTO, OECD, Uncitral) dwar kwistjonijiet legali.

(59) Minkejja n-natura globali ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, kordinament ta' miżuri regolatorji nazzjonali fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea huma meħtieġa sabiex tkun evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern, u għall-istabbiliment ta' qafas regolatorju Ewropew xieraq; kordinazzjoni bħal din għandha wkoll tikkontribwixxi biex tiġi stabbilita posizzjoni ta' negozjati komuni u b'saħħitha fil-fora internazzjonali.

(60) Sabiex jitħalla mingħajr tfixkil l-iżvilupp ta' kummerċ elettroniku, il-qafas legali għandu jkun ċar u sempliċi, li jista' jkun previst u konsistenti mar-regoli applikabbli fil-livell internazzjonali hekk li ma jaffettwax ħażin il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea jew li jfixkel l-innovazzjoni f'dak is-settur.

(61) Jekk is-suq huwa attwalment operat b'mezzi elettroniċi fil-kuntest ta' globalizzazzjoni, l-Unjoni Ewropea u ż-żoni maġġuri barra l-Ewropa jinħtieġu li jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jagħmlu kumpatibbli l-liġijiet u l-proċeduri.

(62) Koperazzjoni ma pajjiżi terzi għandha tkun imsaħħa fl-oqsma ta' kummerċ elettroniku, partikolarment ma' pajjiżi applikanti, il-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw u s-sieħba l-oħra li jikkumerċjaw ma' l-Unjoni Ewropea.

(63) L-adozzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhiex tfixkel lill-Istati Membri milli jieħdu akkont tal-varji implikazzjonijiet soċjali, soċjetàli u kulturali li jiġu mal-wasla ta' soċjetà ta' l-informazzjoni; partikolarment m'għandhiex tfixkel miżuri li Stati Membri jistgħu jadottaw b'konformità ma' liġi tal-Komunità biex jintlaħqu l-għanijiet soċjali, kulturali jew demokratiċi billi jittieħed akkont tad-diversità lingwistika tagħhom, speċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali kif ukoll il-wirt kulturali, u biex jassiguraw il-manteniment ta' aċċess pubbliku għal firxa l-aktar wiesa' ta' servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni; fi kwalunkwe każ, l-iżvilupp ta' soċjetà ta' l-informazzjoni huwa li jassigura li ċittadini tal-Komunità jista' jkollhom aċċess għal wirt kulturali Ewropew ipprovdut minn ambjent diġitali.

(64) Komunikazzjoni elettronika toffri lill-Istati Membri mezzi eċċellenti biex jipprovdu lill-pubbliku servizzi f'oqsma kulturali, edukattivi u lingwistiċi.

(65) Il-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 1999 dwar id-dimensjoni tal-konsumatur fis-soċjetà ta' l-informazzjoni [25], enfasizza li l-protezzjoni tal-konsumatur ħaqqa attenzjoni speċjali f'dan il-qasam; il-Kummissjoni għandha teżamina l-grad li bih regoli ta' protezzjoni eżistenti tal-konsumatur ma jipprovdux protezzjoni suffiċjenti fil-kuntest ta' soċjetà ta' l-informazzjoni u għandha tidentifika, fejn meħtieġ, id-defiċjenzi ta' din il-leġislazzjoni u dawk il-kwistjonijiet li aktarx li jkunu jinħtieġu miżuri addizzjonali; jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti speċifiċi addizzjonali biex ikunu riżolti defiċjenzi bħal dawn li b'hekk ikunu identifikati,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan u qasam ta' applikazzjoni

1. Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni.

2. Din id-Direttiva tressaq, sal-limiti meħtieġa għall-akkwist tal-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta' dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta' intermedjarji, kodiċi ta' kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri.

3. Din id-Direttiva tikkumplementa l-liġi tal-Komunità applikabbli għal servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-livell ta' protezzjoni ta', partikolarment, interessi tas-saħħa pubblika u tal-konsumatur, kif stabbiliti b'atti tal-Komunità u leġislazzjoni nazzjonali li timplimentahom sal-limiti li ma jirrestrinġix il-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni.

4. Din id-Direttiva ma tistabbilixxix regoli addizzjonali ta' liġi privata internazzjonali u lanqas ma titratta l-ġurisdizzjoni tal-Qrati.

5. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika fil-:

(a) qasam tat-tassazzjoni;

(b) kwistjonijiet li jirrigwardaw servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni koperti bid-Direttivi 95/46/KE u 97/66/KE;

(ċ) kwistjonijiet li jirrigwardaw ftehim jew prattiċi regolati b'liġi dwar kartell;

(d) dawn l-attivitajiet li ġejjin ta' servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni:

- l-attivitajiet ta' nutara jew professjonijiet ekwivalenti sal-limiti li dawn jinvolvu konnessjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta' awtorità pubblika,

- ir-rappreżentanza ta' klijenti u d-difiża ta' l-interessi tagħhom quddiem il-qrati,

- attivitajiet ta' logħob li jinvolvu mħatri b'valur monetarju f'logħob tax-xorti, inklużi lotteriji u transazzjonijiet ta' logħob ta' l-ażżard.

6. Din id-Direttiva ma taffetwax miżuri meħuda fil-livell tal-Komunità jew nazzjonali, fir-rigward ta' liġi tal-Komunità, sabiex jinkoraġġixxu diversità kulturali u lingwistika u biex jassiguraw id-difiża tal-pluraliżmu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

(a) "servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni": servizzi fil-qofol ta' dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE;

(b) "dak li jipprovdi servizz": kull persuna naturali jew legali li tipprovdi servizz għas-soċjetà ta' l-informazzjoni;

(ċ) "min hu stabbilit li jipprovdi servizz": dak li jipprovdi servizz li effettivament isegwi attività ekonomika billi juża stabbiliment fiss għal perjodu indefinit. Il-presenza u l-użu ta' mezzi tekniċi u teknoloġija meħtieġa biex jipprovdi s-servizz ma humiex, minnhom infushom, dak li jikkostitwixxi stabbiliment għal min jipprovdi s-servizz;

(d) "dak li jirċievi s-servizz": kull persuna naturali jew legali li, għal skopijiet professjonali jew mod ieħor, tagħmel użu minn servizz għas-soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment bl-iskop li tfittex informazzjoni jew li tagħmilha aċċessibbli;

(e) "konsumatur": kull persuna naturali li taġixxi għal għanijiet li huma 'l barra min-negozju, kummerċ jew professjoni tiegħu;

(f) "komunikazzjoni kummerċjali": kull għamla ta' komunikazzjoni li għandha l-iskop li tippromwovi, direttament jew indirettament, merkanzija, servizzi jew l-immaġini ta' kumpanija, organizzazzjoni jew persuna li ssegwi attività kummerċjali, industrijali jew ta' l-artiġjanat jew li teżerċita professjoni regolata. Dawn li ġejjin minnhom infushom ma joħolqux komunikazzjoni kummerċjali:

- informazzjoni li tippermetti aċċess dirett għall-attivitajiet tal-kumpanija, l-organizzazzjoni jew persuna, partikolarment isem ta'dominju jew indirizz ta' posta elettronika,

- komunikazzjonijiet li jirrigwardaw merkanzija, servizzi jew immaġini tal-kumpanija, organizzazzjoni jew persuna miġbura b'mod independenti, partikolarment meta dan ikun mingħajr implikazzjonijiet finanzjarji;

g) "professjoni regolata": kull professjoni fil-qofol ta' dak li jfisser l-Artikolu 1(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni għolja mogħtija mat-temma ta' edukazzjoni professjonali u taħriġ ta' mill-anqas tliet snin tul [26] jew ta' l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 dwar it-tieni sistema għar-rikonoxximent ta' edukazzjoni professjonali u taħriġ biex jissupplimenta d-Direttiva 89/48/KEE [27];

(h) "qasam ikkordinat": ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta' Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta' natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

(i) Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta':

- il-bidu ta' l-attività ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni, bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,

- il-prattika ta' l-attività ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta' dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta' min jipprovdi s-servizz;

(ii) Il-qasam ikkordinat ma jkoprix ħtiġijiet bħal ma huma:

- ħtiġijiet applikabbli għal merkanzija bħala tali,

- ħtiġijiet applikabbli għal kunsinna ta' merkanzija,

- ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b'mezzi elettroniċi.

Artikolu 3

Suq intern

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f'dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2. L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

3. Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx ikunu applikabbli fl-oqsma li hemm referenza għalihom fl-Anness.

4. L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta' servizz partikolari għas-soċjetà ta' l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

(a) il-miżuri għandhom ikunu:

(i) meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

- strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta' minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta' razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad-dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

- il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

- is-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagward tas-sigurtà nazzjonali u difiża,

- il-protezzjoni ta' konsumaturi, inklużi investituri;

(ii) meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta' l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f'punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

(iii) proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

(b) qabel ma jittieħdu l-miżuri f'dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta' investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

- talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta' l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

- innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.

5. L-Istati Membri jistgħu, f'każ ta' urġenza, jidderogaw mill-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4(b). Meta dan ikun il-każ, il-miżuri għandhom ikunu innotifikati fl-iqsar żmien possibbli lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, b'indikazzjonijiet tar-raġunijiet il-għala l-Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza.

6. Mingħajr preġudizzju għal possibilità ta' l-Istat Membru li jipproċedi bil-miżuri f'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha teżamina il-kompatibilità tal-miżuri notifikati minn liġi ta' Komunità fl-iqsar żmien possibbli; meta dan jasal għal konklużjoni li l-miżura tkun inkompatibbli mal-liġi tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru f'dak il-każ li jibqa' lura milli jieħu xi miżuri proposti jew biex iwaqqaf urġentement il-miżuri f'dak il-każ.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI

Taqsima 1: Ħtiġijiet ta' stabbiliment u informazzjoni

Artikolu 4

Prinċipju li jeskludi awtorizzazzjoni bil-quddiem

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-bidu u l-prattika ta' l-attività ta' dak li jipprovdi servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni ma jkunux jistg]u jsiru suġġetti għal awtorizzazzjoni bil-quddiem jew ta' ħtiġijiet oħra li jkollhom effett ekwivalenti.

2. Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal skemi ta' awtorizzazzjoni li ma humiex speċifikament u esklussivament immirati lejn servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni, jew li huma koperti mid-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-10 ta' April 1997 dwar il-qafas komuni għal awtorizzazzjoni ġenerali u liċenzi individwali fil-qasam ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni [28].

Artikolu 5

Informazzjoni ġenerali li għandha tkun provduta

1. Minbarra l-ħtiġijiet ta' informazzjoni oħra stabbilita b'liġi tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz għandu jagħmel faċli, direttament u permanenti aċċessibbli għal dawk li jirċievu s-servizz u l-awtoritajiet kompetenti, mill-anqas din l-informazzjoni:

(a) l-isem ta' dak li jipprovdi s-servizz;

(b) l-indirizz ġeografiku li fih dak li jipprovdi s-servizz ikun stabbilit;

(ċ) id-dettalji ta' dak li jipprovdi s-servizz, inkluż l-indirizz elettroniku tiegħu, li jippermettilu li jkun ikkuntattjat u li jikkuntattja b'rapidità u b'manjiera diretta u effettiva;

(d) meta dak li jipprovdi s-servizz ikun irreġistrat f'reġistru tal-kummerċ jew reġistru pubbliku simili, ir-reġistru tal-kummerċ li fih dak li jipprovdi s-servizz ikun inkluż u n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu, jew mezzi ekwivalenti ta' identifikazzjoni f'dak ir-reġistru;

(e) meta l-attività tkun soġġetta għal skema ta' awtorizzazzjoni, il-partikolaritajiet ta' l-awtorità rilevanti ta' sorveljanza;

(f) f'dak li jikkonċerna l-professjonijiet regolati:

- kull korp professjonali jew istituzzjoni simili li magħha dak li jipprovdi s-servizz ikun irreġistrat,

- it-titolu professjonali u l-Istat Membru fejn dan ikun ingħata,

- referenza għar-regoli professjonali applikabbli fl-Istat Membru ta' l-istabbiliment u l-mezzi ta' aċċess għalihom;

(g) meta dak li jipprovdi servizz jipprovdi attività li hija soġġetta għal VAT, in-numru ta' identifikazzjoni li hemm referenza għalih fl-Artikolu 22(1) tas-sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li li jirrigwardaw it-taxxa fuq in-negozju kollu - sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud: bażi ta' stima uniformi [29].

2. Minbarra l-ħtiġijiet ta' informazzjoni oħra stabbiliti b'liġi tal-Komunità, Stati Membri għandhom mill-anqas jassiguraw li, meta s-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni jirreferu għal prezzijiet, dawn għandhom ikunu indikati b'mod ċar u mingħajr ambigwità u, partikolarment, għandhom jindikaw jekk dawn ikunux inklużi bit-taxxa u l-ispejjeż tal-konsenja.

Taqsima 2: Komunikazzjonijiet kummerċjali

Artikolu 6

Informazzjoni li għandha tkun provduta

Minbarra l-ħtiġijiet oħra għall-informazzjoni stabbiliti b'liġi tal-Komunità, Stati Membri għandhom jassiguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta' l-informazzjoni, li jkunu konformi mill-anqas ma' dawn il-kundizzjonijiet:

(a) il-komunikazzjoni kummerċjali għandha tkun identifikabbli b'mod ċar bħala tali;

(b) il-persuna naturali jew [uridika li f'isimha l-komunikazzjoni kummerċjali ssir għandha tkun identifikabbli b'mod ċar;

(ċ) offerti promozzjonali, bħal ma huma skonti, primjum jew rigali, meta permessi mill-Istat Membru fejn ikun stabbilit dak li jipprovdi s-servizz, għandhom ikunu identifikabbli b'mod ċar bħala tali, u l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu milħuqa biex jikkwalifikaw għalihom għandhom ikunu faċilment aċċessibli u jkunu ppreżentati b'mod ċar u mingħajr ambigwità;

(d) kompetizzjonijiet u logħob promozzjonali, meta permessi mill-Istat Membru fejn dak li jipprovdi s-servizz ikun stabbilit, għandhom ikunu b'mod ċar identifikabbli bħala tali, u l-kundizzjonijiet għal parteċipazzjoni għandhom ikunu faċilment aċċessibli u ppreżentati b'mod ċar u mingħajr ambigwità.

Artikolu 7

Komunikazzjoni kummerċjali mhux mitluba

1. Minbarra l-ħtiġijiet l-oħra stabbiliti b'liġi tal-Komunità, Stati Membri li jippermettu komunikazzjoni kummerċjali mhix mitluba bil-posta elettronika għandhom jassiguraw li komunikazzjoni kummerċjali bħal din minn dak li jipprovdi s-servizz li jkun stabbilit fit-territorju tagħhom għandha tkun identifikabbli b'mod ċar u mingħajr ambigwità bħala tali malli din tkun twasslet għand dak li jirċeviha.

2. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 97/7/KE u d-Direttiva 97/66/KE, Stati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jassiguraw li dawk li jipprovdu servizz jimpenjaw irwieħhom dwar komunikazzjonijiet kummerċjali bil-posta elettronika jikkonsultaw regolarment u jirrispettaw ir-reġistri ta' dawk li ma jkunux iridu li jkunu nklużi li fih persuni naturali li ma jixtiequx li jirċievu komunikazzjonijiet kummerċjali bħal dawn ikunu jistgħu jirreġistraw irwieħhom.

L-Artikolu 8

Professjonijiet regolati

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-użu ta' komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew li jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta' l-informazzjoni provdut minn membru ta' professjoni regolata ikun permissibbli suġġett għall-konformità mar-regoli professjonali li jirrigwardaw, partikolarment, l-independenza, id-dinjità u l-unur tal-professjoni, segretezza professjonali u ġustizzja lejn klijenti u membri oħra tal-professjoni.

2. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija ta' korpi u assoċjazzjonijiet professjonali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu assoċjazzjonijiet u korpi professjonali li jistabbilixxu kodiċi ta' kondotta f'livell tal-Komunità sabiex jiddeterminaw it-tipi ta' informazzjoni li tista' tingħata għall-iskopijiet ta' komunikazzjoni kummerċjali b'konformità mar-regoli li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1.

3. Meta tħejji proposti għall-inizjattivi tal-Komunità li jistgħu ikunu meħtieġa biex jassiguraw il-funzjonament xieraq tas-suq intern fir-rigward ta' l-informazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tieħu akkont xieraq ta' kodiċi ta' kondotta applikabbli fil-livell tal-Komunità u għandha taġixxi b' koperazzjoni mill-qrib ma' assoċjazzjonijiet u korpi professjonali rilevanti.

4. Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli b'żieda mad-Direttivi tal-Komunità li jikkonċernaw aċċess lejn, u l-eżerċizzju ta' attivitajiet tal-professjonijiet regolati.

Taqsima 3: Kuntratti konklużi b'mezzi elettroniċi

Artikolu 9

Trattament ta' kuntratti

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li s-sistema legali tagħhom tippermetti li kuntratti ikunu konklużi b'mezzi elettroniċi. L-Istati Membri għandhom partikolarment jassiguraw li l-ħtiġijiet legali applikabbli għall-proċess kontrattwali la joħolqu ostakoli għall-użu ta' kuntratti elettroniċi u l-anqas ma jirriżultaw f'li kuntratti bħal dawn ikunu mċaħħda mill-effettività u l-validità legali minħabba li jkunu saru b'mezzi elettroniċi.

2. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-paragrafu 1 m'għandux ikun applikabbli fil-kuntratti kollha jew uħud minnhom li jidħlu f'waħda minn dawn il-kategoriji:

(a) kuntratti li joħolqu jew jittrasferixxu d-drittijiet fi proprjetà immobbli, ħlief għal drittijiet ta' kera;

(b) kuntratti li jinħtieġu b'liġi l-involviment ta' qrati, awtoritajiet pubbliċi jew professjonijiet li jeżerċitaw awtorità pubblika;

(ċ) kuntratti jew garanzija mogħtija u sigurtajiet kollaterali fornuti minn persuni li jaġixxu għal għanijiet barra min-negozju, kummerċ jew professjoni tagħhom;

(d) kuntratti regolati b'liġi tal-familja jew b'liġi dwar suċċessjoni.

3. L-Istati Membri għandhom jindikaw lill-Kummissjoni il-kategoriji li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 li dwarhom ma japplikax il-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni kull ħames snin rapport dwar l-applikar ta' paragrafu 2 li jispjega r-raġunijiet li huma jikkunsidraw meħtieġa biex tinżamm il-kategorija li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 2 (b) li għaliha huma ma japplikawx il-paragrafu 1.

Artikolu 10

Informazzjoni li għandha tkun provduta

1. Minbarra l-ħtiġijiet oħra ta' informazzjoni stabbiliti b'liġi tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jassiguraw, ħlief meta jkun miftiehem mod ieħor minn partijiet li mhumiex konsumaturi, li mill-anqas din l-informazzjoni li ġejja tkun mogħtija minn dak li jipprovdi s-servizz, b'mod ċar, b'mod komprensiv u mingħajr ambigwità u qabel ma tkun saret l-ordni minn dak li jirċievi s-servizz:

(a) il-passi tekniċi differenti li għandhom jittieħdu biex ikun konkluż il-kuntratt;

(b) jekk il-kuntratt konkluż ikun ġiex depożitat ma' dak li jipprovdi s-servizz jew le u jekk dan ikunx aċċessibbli;

(ċ) il-mezzi tekniċi għall-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta' żbalji fid-dħul qabel ma titqiegħed l-ordni;

(d) il-lingwi offruti għall-konklużjoni tal-kuntratt.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, ħlief meta jkun miftiehem mod ieħor minn partijiet li mhumiex konsumaturi, dak li jipprovdi s-servizz jindika kull kodiċi ta' kondotta rilevanti li jissottoskrivi għalihom u informazzjoni dwar kif dan il-kodiċi jista' jiġi kkonsultat elettronikament.

3. Termini ta' kuntratt u kundizzjonijiet ġenerali ipprovduti lil dak li jirċievi għandhom ikunu disponibbli b'tali mod li jippermettulu li jżommhom u wkoll li jkun jista' jirriproduċihom.

4. Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx ikunu applikabbli għal kuntratti konklużi esklussivament bi skambju ta' posta elettronika jew b'komunikazzjoni individwali ekwivalenti.

Artikolu 11

Tqegħid ta' l-ordni

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw, ħlief meta b'mod ieħor miftiehem mill-partijiet li ma humiex konsumaturi, li f'każi meta dak li jirċievi s-servizz iqiegħed l-ordni tiegħu permezz ta' mezzi teknoloġiċi, dawn il-prinċipji li ġejjin huma applikabbli:

- dak li jipprovdi s-servizz ikollu jikkonferma l-wasla ta' l-ordni ta' dak li jirċievi mingħajr dewmien u b'mezzi elettroniċi,

- l-ordni u l-konferma tal-wasla huma meqjusa bħala li jkunu waslu meta l-partijiet li lihom ikunu ndirizzati ikunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw, ħlief meta miftiehem mod ieħor minn partijiet li mhumiex konsumaturi, li dak li jipprovdi s-servizz jagħmel disponibbli lil dak li jirċievi s-servizz, mezzi xierqa, effettivi u aċċessibbli li jippermettulu li jidentifika u jikkorreġi żbalji ta' dħul, qabel ma titqiegħed l-ordni.

3. Il-paragrafi 1, l-ewwel inċiż u l-paragrafu 2 m'għandhomx ikunu applikabbli f'kuntratti konklużi esklussivament bi skambju ta' posta elettronika jew b'komunikazzjoniji individwali ekwivalenti.

Taqsima 4: Responsabbilità ta' intermedjarji li jipprovdu servizz

Artikolu 12

"Mere conduit"

1. Meta servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni jkun ipprovdut li jikkonsisti fit-trasmissjoni f'network ta' komunikazzjoni ta' informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz, jew tal-proveddiment ta' aċċess lejn network ta' komunikazzjoni, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni trasmessa, bil-kundizzjoni li dak li jipprovdi:

(a) ma jkunx beda t-trasmissjoni;

(b) ma jkunx għażel dak li jirċievi t-trasmissjoni; u

(ċ) ma jkunx għażel jew immodifika l-informazzjoni li tkun tinstab fit-trasmissjoni.

2. L-atti tat-trasmissjoni u l-provvediment ta' aċċess li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 jinkludu l-ħażna awtomatika, intermedjarja u transitorja ta' l-informazzjoni trasmessa sakemm din tkun seħħet għall-uniku skop li titwettaq it-trasmissjoni fin-network tal-komunikazzjoni, u basta li l-informazzjoni ma tkunx maħżuna għal perjodu itwal milli raġonevolment ikun meħtieġ għat-trasmissjoni.

3. Dan l-Artikolu m'għandux jaffettwa l-possibilità għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi legali ta' l-Istati Membri, li jinħtieġu li dak li jipprovdi s-servizz li jwaqqaf jew li ma jħallix li jsir ksur.

Artikolu 13

"Caching"

1. Meta jkun provdut servizz għas-soċjetà ta' l-informazzjoni li jikkonsisti fit-trasmissjoni fuq network ta' komunikazzjoni minn informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għal ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta' dik l-informazzjoni, mwettqa biss għall-iskop li tagħmel aktar effiċjenti t-tmexxija tat-trasmissjoni ta' l-informazzjoni lil oħrajn li jirċievu s-servizz fuq talba tagħhom, bil-kundizzjoni li:

(a) dak li jipprovdi ma jkunx immodifika l-informazzjoni;

(b) dak li jipprovdi jkun konformi mal-kundizzjonijiet dwar l-aċċess ta' l-informazzjoni;

(ċ) dak li jipprovdi jkun konformi mar-regoli li jirrigwardaw l-aġġornament ta' l-informazzjoni, speċifikata f'manjiera ferm rikonoxxuta u wżata mill-industrija;

(d) dak li jipprovdi ma jkunx indaħal fl-użu legali ta' teknoloġija, ferm rikonoxxuta u użata mill-industrija, biex jakkwista' dettalji dwar l-użu ta' l-informazzjoni; u

(e) dak li jipprovdi jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf aċċess għall-informazzjoni li hu jkun żamm malli jkun kiseb it-tagħrif dwar il-fatt li l-informazzjoni fis-sorsi inizjali tat-trasmissjoni tneħħiet min-network, jew l-aċċess għaliha jkun twaqqaf, jew li qorti jew awtorità amministrattiva tkun ordnat dik it-tneħħija jew it-twaqqif.

2. Dan l-Artikolu m'għandux jaffettwa l-possibilità għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi legali ta' l-Istati Membri, li jinħtieġu li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew ma jħallix li jsir ksur.

Artikolu 14

Hosting

1. Meta servizz għas-soċjetà ta' l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta' informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta' dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

(a) dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta' attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta' ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti; jew

(b) dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.

2. Il-paragrafu 1 m'għandux ikun applikabbli meta dak li jirċievi s-servizz ikun jaġixxi permezz ta' l-awtorità jew tal-kontroll ta' dak li jipprovdi.

3. Dan l-Artikolu m'għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta' Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta' aċċess għall-informazzjoni.

Artikolu 15

L-ebda obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ

1. L-Istati Membri m'għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta' l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

2. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, li malajr kemm jista' jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma.

KAPITOLU III

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 16

Kodiċi ta' kondotta

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu:

(a) it-tħejjija ta' kodiċi ta' kondotta fil-livell tal-Komunità, minn għaqdiet jew organizzazzjonijiet ta' negozjanti, professjonisti u konsumaturi, biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni kif suppost ta' l-Artikoli 5 sa 15;

(b) it-trasmissjoni volontarja ta' abbozz ta' kodiċi ta' kondotta fil-livell nazzjonali jew tal-Komunità lill-Kummissjoni;

(ċ) l-aċċessibilità ta' dawn il-kodiċi ta' kondotta fil-lingwi tal-Komunità b'mezzi elettroniċi;

(d) il-komunikazzjoni lejn Stati Membri u l-Kummissjoni, minn għaqdiet jew organizzazzjonijiet ta' negozjanti, professjonisti u konsumaturi, ta' x'jaħsbu dwar l-applikazzjoni tal-kodiċi tagħhom ta' kondotta u l-impatt tagħhom fuq il-prattiċi, drawwiet u użanzi li jirrigwardaw il-kummerċ elettroniku;

(e) it-tħejjija ta' kodiċi ta' kondotta fir-rigward tal-protezzjoni ta' minuri u d-dinjità umana.

2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu l-involviment ta' għaqdiet jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi fl-abbozzar u l-implimentazzjoni ta' kodiċi ta' kondotta li taffetwa l-interessi tagħhom u mħejjija bi qbil ma' dak li hemm fil-paragrafu 1 (a). Meta xieraq, sabiex jittieħed akkont tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, għaqdiet li jirrappreżentaw lill dawk neqsin mid-dawl jew li għandhom diżabilità għandhom jiġu kkonsultati.

Artikolu 17

Ftehim barra mill-qorti

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-każ ta' tilwim bejn dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta' l-informazzjoni u dak li jirċievi s-servizz, il-leġislazzjoni tagħhom ma tfixkilx l-użu ta' skemi barra mill-qorti, disponibbli taħt il-liġi nazzjonali, għal-ftehim dwar kwistjonijiet, inklużi l-mezzi elettroniċi xierqa.

2. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-korpi responsabbli għal ftehim barra mill-qorti partikolarment ta' kwistjonijiet tal-konsumatur li joperaw b'tali mod li jipprovdu garanziji proċedurali adegwati għal partijiet ikkonċernati.

3. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-korpi responsabbli għal-ftehim dwar kwistjonijiet barra mill-qorti li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet sinifikanti li huma jieħdu fir-rigward ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni u li jittrasmettu xi informazzjoni oħra dwar il-prattiċi, l-użanzi jew drawwiet li jirrigwardaw il-kummerċ elettroniku.

Artikolu 18

Azzjonijiet Ġudizzjarji

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli permezz ta' liġi nazzjonali li tikkonċerna l-attivitajiet ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni jippermettu l-adozzjoni rapida ta' miżuri, inklużi miżuri interim, intiżi biex iwaqqfu il-ksur allegat u ma jħallux aktar xkiel għall-interessi involuti.

2. L-Anness tad-Direttiva 98/27/KE huwa b'hekk issuplimentat kif ġej:

"11. Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1)."

Artikolu 19

Koperazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom ikollhom mezzi adegwati ta' sorveljanza u investigazzjoni meħtieġa biex jimplimentaw effettivament din id-Direttiva u għandhom jassiguraw li dawk li jipprovdu s-servizz ifornuhom bl-informazzjoni meħtieġa.

2. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' l-Istati Membri l-oħra; huma għandhom, għal dak il-għan, jaħtru wieħed jew aktar punti ta' kuntatt, li d-dettalji tagħhom jikkomunikawhom lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

3. L-Istati Membri għandhom, malajr kemm jista' jkun possibbli, u b'konformità ma' liġi nazzjonali, jipprovdu l-għajnuna u l-informazzjoni mitluba mill-Istati Membri l-oħra jew mill-Kummissjoni, inklużi l-mezzi elettroniċi xierqa.

4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punti ta' kuntatt li għandhom ikunu aċċessibbli mill-anqas b'mezzi elettroniċi u li minnhom dawk li jirċievu u dawk li jipprovdu servizz jistgħu:

(a) jakkwistaw informazzjoni ġenerali dwar drittijiet u obbligazzjonijiet kontrattwali kif ukoll dwar ilmenti u mekkaniżmi ta' sodisfazzjon disponibbli fil-każ ta' tilwim, inklużi l-aspetti prattiċi involuti fl-użu ta' dawk il-mekkaniżmi;

(b) jakkwistaw dettalji ta' awtoritajiet, għaqdiet jew organizzazzjonijiet li minnhom huma jkunu jistgħu jakkwistaw aktar informazzjoni jew għajnuna prattika.

5. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-komunikazzjoni lejn il-Kummissjoni ta' xi deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji sinifikanti meħuda fit-territorju tagħhom li jirrigwardaw tilwim li għandu x'jaqsam ma' servizzi u prattiċi għas-soċjetà ta' l-informazzjoni, użanzi u drawwiet li jirrigwardaw il-kummerċ elettroniku. Il-Kummissjoni għandha tinforma b'dawn id-deċiżjonijiet l-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 20

Sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli għal nuqqasijiet ta' disposizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta' din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jassiguraw li dawn ikunu infurzati. Is-sanzjonijiet li huma jipprovdu għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Eżami mill-ġdid

1. Qabel is-17 ta' Lulju 2003, u minn dakinhar 'il quddiem darba kull sentejn, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lil-Kunsill u lil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, rapport dwar l-applikabbilità ta' din id-Direttiva, akkumpanjat, fejn meħtieġ, bi proposti biex din tkun adattata għall-iżviluppi legali, tekniċi u ekonomiċi fil-qasam ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni ta' reati kriminali, il-protezzjoni ta' minuri, il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-funzjonament xieraq tas-suq intern.

2. Fl-eżami tal-ħtieġa għal adattazzjoni ta' din id-Direttiva, ir-rapport għandu partikolarment janalizza l-ħtieġa għal proposti li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta' dawk li jipprovdu il-hyperlinks u servizzi ta' għodda ta' lokazzjoni, proċeduri "innota u niżżel" u l-attribuzzjoni ta' responsabbilità wara li jkun tniżżel il-kontenut. Ir-rapport għandu wkoll janalizza l-ħtieġa għal kundizzjonijiet addizzjonali għall-eżenzjoni mir-responsabbilità, li hemm disposizzjoni dwarha fl-Artikoli 12 u 13, fid-dawl ta' żviluppi tekniċi, u l-possibilità ta' applikazzjoni ta' prinċipji tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba bil-posta elettronika.

Artikolu 22

Trasposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel is-17 ta' Jannar 2002. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'referenza bħal dik fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li jagħmlu referenza bħal din għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 24

Lil min indirizzata

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-8 ta' Ġunju 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

G. d'Oliveira Martins

[1] ĠU C 30, tal-5.2.1999, p. 4.

[2] ĠU C 169, tas-16.6.1999, p. 36.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 1999 (ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 389), Posizzjoni komuni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2000, (ĠU C 128, tat-18.5.2000, p. 32) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Mejju 2000 (għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 60).

[5] ĠU L 95, tal-21.4.1993, p. 29.

[6] ĠU L 144, ta' l-4.6.1999, p. 19.

[7] ĠU L 250, tad-19.9.1984, p. 17. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, tat-23.10.1997, p. 18).

[8] ĠU L 42, tat-12.2.1987, p. 48. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 101, ta' l-1.4.1998, p. 17).

[9] ĠU L 141, tal-11.6.1993, p. 27. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 84, tas-26.3.1997, p. 22).

[10] ĠU L 158, tat-23.6.1990, p. 59.

[11] ĠU L 80, tat-18.3.1998, p. 27.

[12] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 24.

[13] ĠU L 280, tad-29.10.1994, p. 83.

[14] ĠU L 166, tal-11.6.1998, p. 51. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 171, tas-7.7.1999, p. 12).

[15] ĠU L 210, tas-7.8.1985, p. 29. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE (ĠU L 141, ta' l-4.6.1999, p. 20).

[16] ĠU L 171, tas-7.7.1999, p. 12.

[17] ĠU L 113, tat-30.4.1992, p. 13.

[18] ĠU L 213, tat-30.7.1998, p. 9.

[19] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

[20] ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 1.

[21] ĠU L 204, tal-21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217, tal-5.8.1998, p. 18).

[22] ĠU L 320, tat-28.11.1998, p. 54.

[23] ĠU L 15, tal-21.1.1998, p. 14.

[24] ĠU L 13, tad-19.1.2000, p. 12.

[25] ĠU C 23, tat-28.1.1999, p. 1.

[26] ĠU L 19, ta' l-24.1.1989, p. 16.

[27] ĠU L 209, ta' l-24.7.1992, p. 25. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/38/KE (ĠU L. 184, tat- 12.7.1997, p. 31).

[28] ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 15.

[29] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/85/KE (ĠU L 277, tat-28.10.1999, p. 34).

--------------------------------------------------

ANNESS

DEROGI MILL-ARTIKOLU 3

Bħal ma hemm disposizzjoni fl-Artikolu 3(3), l-Artikolu 3(1) u (2) mhuwiex applikabbli għal:

- dritt ta' l-awtur, drittijiet assoċjati, drittijiet li hemm referenza għalihom fid-Direttiva 87/54/KEE [1] u d-Direttiva 96/9/KE [2] kif ukoll drittijiet ta' proprjetà industrijali,

- il-ħruġ ta' flus elettroniċi minn istituzzjonijiet li fir-rigward tagħhom Stati Membri jkunu applikaw waħda mid-derogi li hemm disposizzjoni dwarhom fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/46/KE [3],

- l-Artikolu 44(2) tad- Direttiva 85/611/KEE [4],

- l-Artikolu 30 u t-Titolu IV tad-Direttiva 92/49/KEE [5], it-Titolu IV tad-Direttiva 92/96/KEE [6], l-Artikoli 7 u 8 tad- Direttiva 88/357/KEE [7] u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/619/KEE [8],

- il-libertà tal-partijiet li jagħżlu l-liġi applikabbli għall-kuntratt tagħhom,

- obbligazzjonijiet kontrattwali li jikkonċernaw kuntratti tal-konsumatur,

- il-validità formali ta' kuntratti li joħolqu u jittrasferixxu d-drittijiet fi proprjetà immobbli meta kuntratti bħal dawk ikunu soġġetti għal ħtiġijiet formali mandatorji tal-liġi tal-Istat Membru fejn il-proprjetà immobbli tkun tinstab,

- il-permissibilità ta' komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba bil-posta elettronika.

[1] ĠU L 24, tas-27.1.1987, p. 36.

[2] ĠU L 77, tas-27.3.1996, p. 20.

[3] Għadha mhiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

[4] ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 3. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/26/KE (ĠU L. 168, tat- 18.7.1995, p. 7).

[5] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/26/KE.

[6] ĠU L 360, tad-9.12.1992, p. 2. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/26/KE.

[7] ĠU L 172, ta' l-4.7.1988, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/49/KE.

[8] ĠU L 330, tad-29.11.1990, p. 50. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/96/KE.

--------------------------------------------------

Top