EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31976L0767

Id-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ dispożizzjonijiet għal tankijiet taħt pressjoni u metodi ta’ l-ispezzjoni tagħhom

ĠU L 262, 27.9.1976, p. 153–168 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2011; Imħassar b' 32010L0035

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1976/767/oj

31976L0767



Official Journal L 262 , 27/09/1976 P. 0153 - 0168
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0182
Greek special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0127
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0182
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0192
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 5 P. 0192


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-27 ta’ Lulju 1976

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ dispożizzjonijiet għal tankijiet taħt pressjoni u metodi ta’ l-ispezzjoni tagħhom

(76/767/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi f’kull Stat Membru dispożizzjonijiet obbligatorji jistabbilixxu l-karatteristiċi tekniċi ta’ kostruzzjoni, verifikazzjoni u/jew it-tħaddim ta’ tankijiet taħt pressjoni; billi dawn il-ħtiġijiet huma differenti minn Stat Membru għal ieħor; billi tali differenzi jfixklu n-negozju u jistgħu joħolqu kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux indaqs ġewwa l-Komunità;

Billi dan it-tfixkil għat-twaqqif u tħaddim tas-suq komuni jista’ jkun imnaqqas jew eliminat tabilħaqq jekk ikunu japplikaw l-istess ħtiġiet f’kull wieħed mill-Istati Membri, jew flimkien mal-liġijiet eżistenti tagħhom jew minflokhom;

Billi hemm bżonn ta’ kontroll fuq il-konformità ma’ dawn il-ħtiġiet tekniċi sabiex tkun provduta protezzjoni effettiva għal konsumaturi u partijiet terzi; billi l-proċeduri ta’ spezzjoni eżistenti huma differenti minn Stat Membru għal ieħor; billi sabiex tinkiseb ċirkolazzjoni ħielsa ta’ tankijiet taħt pressjoni ġewwa s-suq komuni u sabiex ikun evitat li jkun hemm spezzjonijiet multipli li huma fil-fatt ostakoli għal ċirkolazzjoni ħielsa ta’ tankijiet, għandhom isiru arranġamenti għar-rikonoxximent komuni ta’ proċeduri ta’ spezzjoni mill-Istati Membri;

Billi, sabiex ikun iffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ proċeduri ta’ spezzjoni, għandhom ikunu stabbiliti approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u proċeduri ta’ verifikazzjoni tal-KEE adegwati għal tankijiet u l-kriterji sabiex ikunu appuntati korpi responsabbli sabiex iwettqu verifikazzjonijiet għandhom ikunu armonizzati;

Billi l-preżenza tal-marki tal-KEE li juru li jkun għadda minn spezzjonijiet xierqa fuq tank taħt pressjoni tindika li jkun jissodisfa l-ħtiġiet tekniċi relevanti u għalhekk ma tagħmilhiex neċessarja, ma’ l-importazzjoni u tqegħid fis-servizz tat-tank, li jkunu repetuti l-ispezzjonijiet li jkunu diġa twettqu;

Billi regolamenti nazzjonali fuq tankijiet taħt pressjoni jkopru ħafna kategoriji ta’ tankijiet taħt pressjoni li l-użu, l-kapaċità u l-pressjonijiet tagħhom ivarjaw sew; billi din id-Direttiva għandha tippreskrivi d-dispożizzjonijiet ġenerali li għandhom x’jaqsmu, b’mod partikolari, ma’ l-approvazzjoni tal-mod u proċeduri ta’ verifikazzjoni tal-KEE; billi Direttivi separati għal kull kategorija ta’ tank jippreskrivu l-ħtiġiet tekniċi f’dak li għandu x’jaqsam mad-disinn u metodi ta’ spezzjoni ta’ tali tankijiet u, fejn ikun xieraq, il-kondizzjonijiet li taħthom il-ħtiġiet tekniċi tal-Komunità għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ qabel;

Billi għandhom ikunu adottati l-ħtiġiet tekniċi tad-Direttivi dwar tankijiet taħt pressjoni bla telf ta’ żmien sabiex jagħtu każ ta’ progress tekniku; billi, sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa għal dan il-għan, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal proċedura li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn Stati Membri u l-Kummissjoni, ġewwa l-Komunità dwar l-adattament għal progress tekniku tad-Direttivi għat-tneħħija ta’ ostakoli tekniċi għal negozju ġewwa l-Komunità ta’ tankijiet taħt pressjoni;

Billi tankijiet taħt pressjoni mqiegħda fis-suq jistgħu f’ċerti każijiet jirrappreżentaw riskju għas-saħħa minkejja li jkunu jissodisfaw il-ħtiġiet tad-Direttiva relevanti separata; billi għalhekk għandha ssir dispożizzjoni għal proċedura sabiex tnaqqas dan ir-riskju,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Definizzjonijiet u prinċipji bażiċi

Artikolu 1

1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "tank taħt pressjoni" tfisser kull tank fiss jew mobbli li fih tista’ tinkiseb jew tinħoloq pressjoni effettiva ta’ aktar minn 0.5 bar fuq fluwid (gas, fwar jew likwidu).

2. Li ġejjin huma esklużi:

- tankijiet mfassla speċjalment għal użu nuklejari, nuqqas ta’ dan jista’ jikkawża emissjoni ta’ radjuattività,

- tankijiet maħsuba speċifikament sabiex ikunu installati fuq, jew għall-propulsjoni ta’ vapuri u ajruplani,

- kanen u katusi.

Artikolu 2

1. Direttivi separati għandhom jippreskrivu l-ħtiġiet ta’ disinn u ta’ kostruzzjoni u spezzjoni, ttestjar u, fejn ikun hemm bżonn, metodi ta’ tħaddim għall-kategoriji ta’ tankijiet taħt pressjoni li jkollhom x’jaqsmu magħhom u, fejn ikun hemm bżonn, għal tagħmir anċillari.

Għandhom jispeċifikaw, għal kull kategorija ta’ tankijiet taħt pressjoni, jekk it-tankijiethumiex soġġetti għal approvazzjoni tal-mod tal-KEE u verifikazzjoni tal-KEE jew għal dawn iż-żewġ proċeduri jew għall-ebda waħda minnhom.

Jistgħu jippreskrivu:

- kull kondizzjoni jew limitu ta’ żmien li għalihom tista’ tkun soġġetta l-approvazzjoni tal-mod tal-KEE u kull marka li għandhom jitwaħħlu ma’ tankijiet taħt pressjoni f’tali każijiet,

- il-marki ta’ identifikazzjoni għal kull tank taħt pressjoni,

- il-kondizzjonijiet li mudelli differenti ta’ tankijiet taħt pressjoni għandhom jissodisfaw sabiex jirċievu l-istess approvazzjoni tal-mudell.

2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, "tank taħt pressjoni tat-tip tal-KEE" tfisser kull tank imfassal u mmanufatturat b’tali mod li jissodisfa l-ħtiġiet tad-Direttiva separata li għandha x’taqsam mal-kategorija partikolari tagħha.

Artikolu 3

L-ebda Stat Membru ma jista’ għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni jew spezzjoni ta’ tank fit-tifsira ta’ din id-Direttiva u d-Direttiva separata li għandha x’taqsam magħha, jirrifjuta, jipprojbixxi jew jillimita s-suq u tħaddim ta’ tank taħt pressjoni tat-tip tal-KEE li jikkonforma mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u d-Direttiva separata li għandha x’taqsam magħha.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom ipoġġu l-istess valur għal approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u verifikazzjoni tal-KEE għal kwalunkwe proċeduri nazzjonali ekwivalenti.

Artikolu 5

Ix-xogħlijiet ta’ l-amministrazzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u ta’ l-organizzazzjoni ta’ spezzjoni li twettaq il-verifikazzjoni tat-tank għandhom ikunu limitati bi qbil mal-ħtiġiet tad-Direttivi separati relevanti, u għall-ħidmiet mogħtija lilhom b’din id-Direttiva.

KAPITOLU II

Approvazzjoni tal-mudell tal-KEE

Artikolu 6

1. Fejn ikun provdut f’Direttiva separata, l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għandha tkun preliminarja għal:

- verifikazzjoni tal-KEE fejn din tkun meħtieġa,

- marketing u tħaddim fejn verifikazzjoni tal-KEE ma tkunx meħtieġa.

2. Stati Membri għandhom, fuq talba tal-manufattur jew l-aġent awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità, jagħtu approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għal kwalunkwe tip ta’ tank taħt pressjoni li jissodisfa l-ħtiġiet tad-Direttiva separata li għandha x’taqsam mal-kategorija partikolari ta’ tank taħt pressjoni.

3. Applikazzjoni għal approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għal tip partikolari ta’ tank taħt pressjoni tista’ tiddaħħal fi Stat Membru wieħed biss.

4. Stati Membri għandhom jagħtu, jirrifjutaw jew jirtiraw approvazzjoni tal-mudell tal-KEE bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu u t-taqsimiet 1, 2 u 4 ta’ l-Anness I.

Artikolu 7

1. Jekk ir-riżultati ta’ l-eżami li għalihom hemm provdut fit-taqsima 2 ta’ l-Anness I jkunu sodisfaċenti, l-Istat Membru li jkun wettaq l-eżami għandu jagħmel ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE li għandu jingħata lill-applikant konċernat.

Fejn din l-approvazzjoni jkollha x’taqsam ma’ tank li jkun suġġett għal verifikazzjoni tal-KEE, il-manufattur għandu jwaħħal miegħu l-marka ta’ approvazzjoni li hemm referenza għaliha fi 3.1 ta’ l-Anness I qabel ma ssir il-verifikazzjoni.

2. Il-ħtiġiet li għandhom x’jaqsmu maċ-ċertifikat u marka ta’ approvazzjoni huma preskritti fit-taqsimiet 3 u 5 ta’ l-Anness I.

Artikolu 8

Fejn l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE ma tkunx meħtieġa għal kategorija ta’ tankijiet taħt pressjoni li tissodisfa l-ħtiġiet ta’ Direttiva separata, iżda tkun saret applikazzjoni għal verifikazzjoni tal-KEE, il-manufattur għandu, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess, qabel ma ssir il-verifikazzjoni, iwaħħal mat-tankijiet taħt pressjoni f’din il-kategorija l-marka speċjali deskritta fi 3.2 ta’ l-Anness I.

Artikolu 9

1. Stat Membru li jkun ta approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għandu jirtirha jekk kwalunkwe kondizzjoni preskritta f’Direttiva separata bi qbil ma’ l-Artikolu 2(1) ma tkunx ġiet sodisfatta.

2. Jekk Stat Membru li jkun ta approvazzjoni tal-mudell tal-KEE jsib li tankijiet taħt pressjoni tat-tip li jkunu ngħatawlhom approvazzjoni ma jikkonformawx mal-mudell:

(a) jista’ jkompli bl-approvazzjoni fejn id-differenzi stabbliti jkunu minimi, jew ma jkollhom l-ebda effett fundamentali fuq id-disinn tat-tankijietjew tal-metodi ta’ manufattura u bl-ebda mod ma joħolqu riskju għas-saħħa;

(b) għandu jirtira l-approvazzjoni jekk il-bidliet jikkostitwixxu riskju għas-saħħa;

(ċ) għandu jitlob lill-manufattur sabiex jagħmel il-bidliet ta’ manufattura xierqa, kemm jista’ jkun malajr jekk jikkonsidra li l-grupp prodott ma jikkorrispondix aktar mal-mod ta’ approvazzjoni. Għandu jirtira l-approvazzjoni jekk il-manufattur jonqos milli jikkonforma ma’ din it-talba.

3. L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għandu jirtiraha wkoll jekk isib li l-approvazzjoni ma kelliex tingħata.

4. Barra minn hekk, jekk l-Istat Membru msemmi jkun infurmat minn Stat Membri ieħor bl-eżistenza ta’ każ wieħed jew aktar tal-każijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1, 2 u 3, għandu, wara li jikkonsulta dak l-Istat Membru, jaġixxi bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ dawk il-paragrafi.

5. Fejn il-parir jew neċessità li tkun irtirata approvazzjoni jkun is-suġġett tat-tilwim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u dawk ta’ Stat Membru ieħor, il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata. Għandha fejn ikun hemm bżonn, iżżomm konsultazzjonijiet xierqa sabiex tasal għal soluzzjoni.

6. Dak l-Istat Membru biss li jkun ta approvazzjoni tal-mudell tal-KEE jista’ jiddeċiedi li jirtirha. Għandu jinforma lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni minnufih bi kull deċiżjoni bħal din.

KAPITOLU III

Verifikazzjoni tal-KEE

Artikolu 10

Verifikazzjoni tal-KEE għandha sservi sabiex tistabbilixxi jekk tank taħt pressjoni jikkonformax mal-ħtiġiet tad-Direttiva separata li għandha x’taqsam miegħu; għandha tkun awtorizzata bil-marka ta’ verifikazzjoni tal-KEE.

Artikolu 11

1. Meta tank taħt pressjoni jkun ippreżentat għal verifikazzjoni tal-KEE, l-korp ta’ spezzjoni għandu jikkontrolla jekk:

(a) - it-tank taħt pressjoni jkunx jappartjeni għal kategorija soġġetta għal approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u, jekk ikun hekk, jekk jikkorrispondix mal-mod approvat u juriex il-marka ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE;

- it-tank taħt pressjoni jkunx jappartjeni għal kategorija eżentata minn approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u, jekk ikun hekk, jekk jissodisfax il-ħtiġiet preskritti f’id-Direttiva separata;

(b) - it-tank taħt pressjoni jkunx jissodisfa l-ħtiġiet tad-Direttiva separata f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kif ikun mar fit-testijiet u twaħħil b’mod xieraq tal-marki u iskrizzjonijiet awtorizzati mill-istatut.

2. Il-manufattur ma jistax jirrifjuta aċċess lill-korp ta’ spezzjoni għall-post ta’ manufattura fejn tali aċċess ikun essenzjali jekk il-korp għandu jwettaq ix-xogħlijiet afdati lilu, b’mod xieraq.

Artikolu 12

L-Anness III jispeċifika l-kriterji minimi li Stat Membru għandu josserva meta jkunu appuntati l-korpi ta’ spezzjoni bi qbil ma’ l-Artikolu 13, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tagħhom, sabiex jieħdu tali miżuri u jippreskrivu tali kondizzjonijiet li huma jikkonsidraw neċessarji fuq livell nazzjonali sabiex jiżguraw li l-korpi ta’ spezzjoni appuntati jaħdmu b’mod effiċjenti, koordinat u mingħajr tilwim.

Artikolu 13

1. Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-lista ta’ korpi ta’ spezzjoni responsabbli għall-funzjonijiet ta’ spezzjoni u ta’ kwalunkwe emendi sussegwenti għal din il-lista, u jispeċifika jekk dawn il-korpi jitħallewx iwettqu ċerti spezzjonijiet biss.

2. Stat Membru li jkun appunta korp ta’ spezzjoni għandu jirtira l-ħatra jekk isib li ma jissodisfax jew ma għadux jissodisfa l-kriterji preskritti fl-Anness III. Għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra minnufih biha u għandu jindika jekk il-ħatra tkunx ġiet rtirata kollha kemm hi jew fir-rigward ta’ ċerti spezzjonijiet biss.

3. Dak l-Istat Membru biss li jkun appunta tali korp ta’ spezzjoni jista’ jirtira jew jillimita l-ħatra.

Artikolu 14

1. Wara li titwettaq verifikazzjoni tal-KEE fuq tank taħt pressjoni taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 11 u bil-mod li għalih hemm provdut fl-Anness II, il-korp ta’ spezzjoni għandha twaħħal il-marki ta’ verifikazzjoni parzjali jew finali tal-KEE mat-tank bi qbil ma’ l-arranġamenti preskritti fit-‘taqsima 3 ta’ dak l-Anness.

2. L-Anness II, taqsima 3 fih l-ħtiġiet dwar il-forma u l-karatteristiċi tal-marki ta’ verifikazzjoni tal-KEE.

3. Jekk Direttiva separata tipprovdi dan, il-korp ta’ spezzjoni għandu joħroġ ċertifikat li juri l-ispezzjonijiet imwettqa u r-riżultati tagħhom.

Artikolu 15

Meta d-Direttiva separata li għandha x’taqsam ma’ kategorija ta’ tankijiet taħt pressjoni ma tipprovdix għal verifikazzjoni tal-KEE, il-manufattur għandu, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess, wara li jivverifika li kull tank taħt pressjoni jkun issodisfa l-ħtiġiet tad-Direttiva separata u, jekk ikun xieraq, jikkonforma mal-mod ta’ approvazzjoni, jwaħħal:

(a) jew il-marka speċjali deskritta f’5.3 ta’ l-Anness I, fejn tkun meħtieġa approvazzjoni tal-mudell tal-KEE;

(b) jew il-marka speċjali deskritta f’5.4 ta’ l-Anness I, fejn ikun hemm eżenzjoni mill-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet komuni għall-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u tal-verifikazzjoni tal-KEE

Artikolu 16

1. Il-marki preskritti b’din id-Direttiva u kull Direttiva separata li għandha x’taqsam ma’ strument jew it-tagħmir anċillari tiegħu għandhom ikunu mwaħħla b’mod li jidhru, li jinqraw, u li ma jitneħħewx fuq kull tank u fuq dan it-tagħmir anċillari.

2. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-użu fuq tankijiet taħt pressjoni ta’ marki jew skrizzjonijiet li jistgħu ikunu mfixxkla mal-marki tal-KEE.

KAPITOLU V

Klawsola ta’ deroga

Artikolu 17

1. Ma hemmx għalfejn li t-tfassil ta’ tank taħt pressjoni u l-metodi wżati fil-manufattura tiegħu jikkonformaw mad-disposizzjoniet kollha tad-Direttivi separati, mingħajr ma t-tank jieqaf milli jkun kopert bl-Artikolu 3, sakemm it-tibdiliet magħmula jkunu tali li jiżguraw grad ekwivalenti ta’ sigurtà.

2. Kull waħda mid-Direttivi separati għandha tispeċifika b’mod ċar id-dispożizzjonijiet li minnhom tali deroga tkun possibbli jew id-dispożizzjonijiet li minnhom ma jistax ikun hemm deroga.

Il-proċedura li ġejja għandha tkun osservata f’dawn il-każijiet:

(a) l-Istat Membru għandu jgħaddi d-dokumenti li jagħtu deskrizzjoni tat-tank u d-dokumenti ta’ support tat-talba tiegħu għal deroga, kif ukoll ir-riżultati ta’ kwalunkwe testijiet imwettqa, lill-Istati Membri l-oħra, li għandu jkollhom perjodu ta’ erba’ xhur sabiex jaqblu jew ma jaqblux, idaħħlu kwalunkwe kummenti, mistoqsijiet, ħtiġiet oħra, talbiet għal aktar testijiet, jew, jekk ikunu jixtiequ, sabiex jirreferu l-materja lill-Kumitat għall-opinjoni tiegħu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 20. Kopji ta’ dawn id-dokumenti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni. Tali korrispondenza għandha tkun konfidenzjali;

(b) jekk sa l-aħħar tal-perjodu awtorizzat mill-istatut, l-ebda Stat Membru ma jkun naqas li jaqbel jew ma jkun talab sabiex il-materja tkun mibgħuta lill-Kumitat, l-Istat Membru għandu wara li jkun ittratta t-talbiet kollha mdaħħla taħt il-proċedura preskritta f’(a), jagħti d-deroga mitluba u jinforma lill-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni biha.

(ċ) jekk Stat Membru ma jkunx ta risposta sa l-aħħar tal-perjodu awtorizzat mill-istatut, għandu jitqies li jkun qabel; iżda l-Istat ta’ oriġini għandu f’dan il-każ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkonferma li ma tkunx ingħatat risposta;

(d) jekk il-materja tkun ġiet irriferuta lill-Kumitat, u l-Kumitat ikun iddeċieda favur, l-Istat Membru jista’ jagħti d-deroga taħt kwalunkwe kondizzjonijiet li l-Kumitat jista’ jipproponi;

(e) id-dokumenti relevanti għandhom jiddaħħlu fil-lingwa jew lingwi tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, jew f’lingwa oħra li tkun aċċettabbli għalih.

KAPITOLU VI

Adattament tad-Direttivi għal progress tekniku

Artikolu 18

L-emendi meħtieġa sabiex iżommu:

- l-Annessi I u II għal din id-Direttiva, u

- dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi separati li huma speċifikament indikati f’kull wieħed minnhom,

f’konformità mal-progress tekniku għandhom ikunu magħmula bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 20.

Artikolu 19

1. Kumitat (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat") hu minn issa stabbilit sabiex jaddatta għall-progress tekniku dawk id-Direttivi li għandhom x’jaqsmu mat-tneħħija ta’ ostakoli tekniċi għal negozju ta’ tankijiet taħt pressjoni. Għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, b’rappreżentant tal-Kummissjoni bħala president.

2. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

Artikolu 20

1. Fejn tkun imsejħa l-proċedura preskritta f’dan l-Anness, il-president għandu jlaqqa’ l-Kumitat, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jgħaddi abbozz tal-miżuri li għandhom ikunu adottati lill-Kumitat. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-president skond l-urġenza tal-materja. Għandhom jittieħdu deċiżjonijiet b’maġġoranza ta’ 41 vot, il-voti ta’ l-Istati Membri jkunu meqjusa kif hemm provdut fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-president ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti jekk ikunu konsistenti ma’ l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Jekk il-miżuri proposti ma jkunux jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tkun ingħatat l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr telf ta’ żmien, tipproponi lill-Kunsill il-miżuri li għandhom ikunu adottati. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata.

(ċ) Jekk, fi żmien tliet xhur minn meta tiddaħħal il-proposta, il-Kunsill ma jkunx ħa deċiżjoni, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni.

KAPITOLU VII

Klawsola ta’ protezzjoni

Artikolu 21

1. Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet tajba sabiex jemmen li tank taħt pressjoni wieħed jew aktar ikun jikkostitwixxi riskju għas-saħħa, għalkemm ikun jissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u d-Direttivi separati, jista’ jipprojbixxi temporanjament il-marketing tat-tank jew tankijiet fit-territorju tiegħu jew jagħmlu suġġett għal kondizzjonjiet speċjali. Għandu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bih, jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri konċernati fi żmien sitt ġimgħat, u wara għandha tagħti l-opinjoni tagħha mingħajr telf ta’ żmien u tieħu l-passi xierqa.

3. Jekk il-Kummissjoni tkun ta’ l-opinjoni li jkun hemm bżonn ta’ modifikazzjonijiet tekniċi għad-Direttiva, tali modifikazzjonijiet għandhom ikunu adottati, jew mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 20. F’dan il-każ, l-Istat Membru li jkun ħa l-miżuri ta’ protezzjoni jista’ jżommhom sakemm tali modifikazzjonijiet jiġu fis-seħħ.

KAPITOLU VIII

Dispożizzjonijiet speċjali

Artikolu 22

1. Dan l-Artikolu għandu japplika għal tankijiet li jaqgħu fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva bi qbil ma’ l-Artikolu 1, fejn dawn ma jkunux koperti minn Direttiva separata.

2. F’dan il-każ, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a) l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandhom iqisu t-tankijiet taħt pressjoni li jkunu ġew spezzjonati u ttestjati minn korp ta’ spezzjoni magħżula bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Anness IV bħala li jikkonformaw mal-liġijiet nazzjonali, dispożizzjonijiet amministrattivi u regolamenti tagħhom li għandhom x’jaqsmu mad-disinn;

(b) dawn it-testijiet u spezzjonijiet għandhom jitwettqu bi qbil mal-proċedura deskritta fl-Anness IV u jużaw il-metodi fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni jew rikonoxxut bħala li jkun ekwivalenti mill-awtoritajiet amministrattivi tiegħu.

It-testijiet u spezzjonijiet msemmija fuq għandhom ikunu dawk kollha li jkunu jistgħu jitwettqu fil-post fejn it-tankijietjkunu mmanufatturati.

3. L-Istat Membru għandu jagħti l-istess valur lil rapporti u ċertifikati maħruġa mill-korp ta’ spezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tat-tank taħt pressjoni bħal tad-dokumenti nazzjonali li jikkorrespondu.

KAPITOLU IX

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 23

Kull deċiżjoni minn Stat Membru jew minn korp ta’ spezzjoni bis-saħħa ta’ din id-Direttiva u d-Direttivi separati li tirrifjuta approvazzjoni tal-mudell tal-KEE jew li tirrifjuta li titwaħħal il-marka ta’ verifikazzjoni tal-KEE, sabiex tkun irtirata approvazzjoni, jew li jkun projbit il-bejgħ jew l-użu ta’ tankijiet taħt pressjoni tat-tip tal-KEE, għandha tiddikjara r-raġunijiet eżatti li fuqha tkun ibbażata. Tali deċiżjoni għandha tkun innotifikata kemm jista’ jkun malajr lill-parti konċernata, li fl-istess ħin għandha tkun informata bir-rimedji disponibbli għaliha taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru in kwistjoni u bil-limiti ta’ żmien li għalihom huma suġġetti tali rimedji.

Artikolu 24

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar minn notifikazzjoni tagħha u għandhom jinfurmaw mal-ewwel lill-Kummissjoni bihom.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-test tad-dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva jkunu kkomunikati lill-Kummissjoni.

Artikolu 25

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta’ Lulju 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

M. van der Stoel

[1] ĠU Ċ 2, 9.1.1974, p. 64.

[2] ĠU Ċ 101, 23.11.1973, p. 25.

--------------------------------------------------

ANNESS I [1]

APPROVAZZJONI TAL-MUDELL TAL-KEE

1. APPLIKAZZJONI GĦAL APPROVAZZJONI TAL-MUDELL TAL-KEE

1.1. L-applikazzjoni u l-korrispondenza li għandha x’taqsam magħha għandha tkun ifformulata bil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat li għalih tkun magħmula l-applikazzjoni bi qbil mal-liġijiet ta’ dak l-Istat. L-Istat Membru għandu d-dritt jitlob li d-dokumenti annessi jkunu fformulati wkoll f’dik il-lingwa uffiċjali.

1.2. L-applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

- l-isem u l-indirizz tal-manufattur jew ditta, tar-rappreżentant jew ta’ l-applikant awtorizzat tiegħu jew tagħha u l-post jew il-postijiet ta’ manufattura tat-tankijiet,

- kategorija tat-tank,

- użu maħsub jew użi projbit,

- karatteristiċi tekniċi,

- isem tan-negozju, jekk ikollu, jew tip.

1.3. L-applikazzjoni għandha tkun flimkien ma żewġ kopji tad-dokumenti meħtieġa u b’mod partikolari:

1.3.1. Deskrizzjoni li tinkludi:

- l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjali, il-metodi ta’ kostruzzjoni u l-kalkoli tas-saħħa tat-tank,

- kull apparat ta’ sigurtà mwaħħal,

- il-postijiet fejn il-marki ta’ approvazzjoni u verifikazzjoni speċifikati f’din id-Direttiva għandhom jitwaħħlu, kif ukoll il-marki l-oħra speċifikati fid-Direttivi separati.

1.3.2. Il-pjanijiet ġenerali u, fejn ikun hemm bżonn, tpinġijiet fid-dettall ta’ karatteristiċi importanti tad-disinn.

1.3.3. Kull informazzjoni oħra li għaliha hemm provdut fid-Direttivi separati.

1.3.4. Dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-ebda applikazzjoni oħra għal approvazzjoni tal-mudell tal-KEE ma tkun iddaħħlet għall-istess mudell ta’ tank.

2. EŻAMI GĦAL APPROVAZZJONI TAL-MUDELL TAL-KEE

2.1. L-eżami għal approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għandha titwettaq fuq il-bażi tal-pjanijiet u, fejn ikun xieraq, fuq tankijiet kampjuni.

L-eżami għandu jinvolvi:

(a) kontrolli tal-kalkolazzjonjiet ta’ disinn, metodu ta’ manufattura, abbilità u materjali;

(b) fejn ikun hemm bżonn, kontrolli fuq l-apparat ta’ sigurtà u l-apparat ta’ kejl u l-metodi ta’ installazzjoni.

3. ĊERTIFIKAT U MARKA TA’ L-APPROVAZZJONI TAL-MUDELL TAL-KEE

3.1. Iċ-ċertifikat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 7 għandu jkun fih il-konklużjoni ta’ l-eżamijiet tal-mudellu għandu jindika kull kondizzjoni li għaliha, taħt l-Artikolu 2(1), tista’ tkun suġġetta approvazzjoni. Għandu jkun akkumpanjat bid-deskrizzjonijiet u disinni meħtieġa sabiex ikun identifikat il-mudell u, fejn ikun xieraq, sabiex jispjegaw kif jaħdem. Il-marka ta’ approvazzjoni tal-KEE li għaliha hemm provdut fl-Artikolu 7 għandha tkun ittra stilizzata ε li jkun fiha: fil-parti ta’ fuq, in-numru tas-serje tad-Direttiva separata allokata skond l-ordni kronoloġiku ta’ adozzjoni, u l-ittra(i) kapitali

- li tidentifika l-Istat li jkun ta l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE (B għall-Belġju, D għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, DK għad-Danimarka, F għal Franza, I għall-Italja, IRL għall-Irlanda, L għal-Lussemburgu, NL għall-Olanda, UK għar-Rejnu Unit) u s-sena ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE; in-numru tad-Direttiva separata li għaliha tirreferi l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE jkun allokat mill-Kunsill meta tkun adottata,

- fil-parti ta’ isfel, in-numru ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE.

Eżempju ta’ din il-marka hu muri f’5.1.

3.2. Il-marka li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8, irrapreżentata bl-ittra stilizzata ε maqluba b’mod simetriku matul fus vertikali, fiha fil-parti ta’ fuq l-istess informazzjoni kif hemm meħtieġ fl-ewwel inċiż ta’ 3.1, u fil-parti ta’ isfel in-numru ta’ referenza ta’ kategorija mhux suġġetta għal approvazzjoni tal-mudell tal-KEE jekk ikun ipprovdut hekk fid-Direttiva separata.

Eżempju ta’ din il-marka hu muri f’5.2.

3.3 Il-marka msemmija fl-Artikolu 15 (a) hija l-istess marka taż-ŻEE ta’ approvazzjoni mdawra b’diżinn skorfina.

Eżempju ta’ din il-marka qed jidher f’punt 5.3

3.4. Il-marka msemmija fl-Artikolu 15(b) hi l-marka ta’ eżenzjoni mill-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE mdawwra b’ħeksagon.

Eżempju ta’ din il-marka hu muri f’5.4.

4. PUBBLIKAZZJONI TA’ APPROVAZZJONI TAL-MUDELL TAL-KEE

4.1. Ċertifikati ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kommunitajiet Ewropej.

4.2. Fl-istess ħin li tkun innotifikata l-parti konċernata, għandhom jintbagħtu kopji taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE mill-Istat Membru lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, li tista’ tikseb ukoll kopji tal-fajl tekniku definittiv dwar it-tank u tar-rapporti dwar l-eżamijiet u testijiet li jkun għadda minnhom.

4.3. Irtirar ta’ l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għandu jkun ippubblikat bi qbil mal-proċedura preskritta f’4.1 u 4.2.

4.4. Kull Stat Membru li jirrifjuta l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’tali rifjut.

5. MARKI LI GĦANDHOM X’JAQSMU MA’ APPROVAZZJONI TAL-MUDELL TAL-KEE

5.1. Marka ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE (ara 3.1)

+++++ TIFF +++++

Eżempju: | | Approvazzjoni tal-mudell tal-KEE mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-1979, bis-saħħa ta’ l-ewwel Direttiva separata. Numru ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE |

5.2 Marka ta’ eżenzjoni mill-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE (ara 3.2)

+++++ TIFF +++++

Eżempju: | | Tank magħmul il-Ġermanja fl-1979 u mhux soġġett għal approvazzjoni tal-mudell tal-KEE bis-saħħa ta’ l-ewwel Direttiva Separata. Numru ta’ referenza tal-kategotija mhux suġġetta għal KEE approvazzjoni tal-mudell jekk ikun ipprovdut hekk fil-4 Direttivaseparata. |

5.3. Marka ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u eżenzjoni mill-verifikazzjoni tal-KEE (ara3.3)

+++++ TIFF +++++

Eżempju: | | Approvazzjoni tal-mudell tal-KEE maħruġa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-1979, bis-saħħa ta’ l-ewwel Direttiva separata. Numru ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE |

5.4. Marka ta’ eżenzjoni mill-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u mill-verifikazzjoni tal-KEE (ara 3.4)

+++++ TIFF +++++

Eżempju: | | Tank magħmul il-Ġermanja fl-1979 u mhux soġġett għal approvazzjoni tal-mudell tal-KEE bi qbil ma’ l-ewwel Direttiva Separata. Numru ta’ referenza tal-kategorija mhux suġġetta għal approvazzjoni tal-mudell KEE jekk ikun ipprovdut hekk fid-Direttiva separata. |

5.5. Id-Direttivi separati jistgħu jispeċifikaw it-tqegħid u d-dimensjonijiet tal-marki li għandhom x’jaqsmu ma’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE.

Sakemm ma jkunx indikat b’mod ieħor fid-Direttivi separati, l-ittri u n-numri f’kull marka għandhom ikunu ta’ l-inqas għoljin 5mm.

[1] Ara l-Appendiċi għall-Annessi I u II.

--------------------------------------------------

ANNESS II [1]

VERIFIKAZZJONI TAL-KEE

1. ĠENERALI

1.1. Verifikazzjoni tal-KEE tista’ titwettaq f’fażi waħda jew aktar.

1.2. Soġġetta għall-ħtiġiet tad-Direttivi separati:

1.2.1. Verifikazzjonijiet tal-KEE għandhom jitwettqu f’fażi waħda biss fuq tankijiet li jikkostitwixxu ħaġa waħda malli joħorġu mill-fabbrika, jiġifieri tankijiet li, teoretikament, jistgħu jkunu ttrasferiti għall-post ta’ installazzjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-ewwel ikunu żarmati;

1.2.2. Il-verifikazzjoni ta’ tankijiet mhux mibgħuta bħala ħaġa waħda għandha titwettaq f’żewġ fażijiet jew aktar;

1.2.3. Verifikazzjoni għandha b’mod partikolari tiżgura li t-tank jikkonforma mal-mudellapprovat jew, fil-każ ta’ tankijiet eżentati minn approvazzjoni tal-mudell tal-KEE, mal-ħtiġiet preskritti bid-Direttiva separata relevanti.

2. NATURA TA’ VERIFIKAZZJONI TAL-KEE

2.1. Bla ħsara għall-ħtiġiet tad-Direttivi separati l-verifikazzjoni għandha tinvolvi:

- eżami tal-karatteristiċi tal-materjali,

- kontrolli tal-kalkoli tad-disinn, metodu ta’ manufattura, abbilità u materjali wżati,

- eżami intern li jkun jikkonsisti f’kontroll fuq il-partijiet interni u fuq il-welding,

- test tal-pressjoni,

- spezzjoni ta’ kull apparat ta’ sigurtà u apparat ta’ kejl iffittjat,

- eżami minn barra tal-partijiet varji tat-tank,

- test tar-rendiment fejn dan ikun preskritt fid-Direttivi separati.

3. MARKI TA’ VERIFIKAZZJONI TAL-KEE

3.1. Deskrizzjoni ta’ marki ta’ verifikazzjoni tal-KEE

3.1.1. Bla ħsara għall-ħtiġiet ta’ Direttivi separati, marki ta’ verifikazzjoni tal-KEE li jkunu mwaħħla bi qbil ma’ 3.3 għandhom ikunu kif ġej:

3.1.1.1. Il-marka ta’ verifikazzjoni finali tal-KEE għandha tkun magħmula minn żewġ timbri:

3.1.1.1.1. L-ewwel ikun jikkonsisti b’ittra "e" li jkun fiha:

- fil-parti ta’ fuq, l-ittra(i) kapitali li jidentifikaw l-Istat li fih titwettaq il-verifikazzjoni (B għall-Belġju, D għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, DK għad-Danimarka, F għal Franza, I għall-Italja, IRL għall-Irlanda, L għal-Lussemburgu, NL għall-Olanda, UK għar-Renju Unit) flimkien, fejn ikun hemm bżonn, ma’ numru wieħed jew tnejn li jidentifika suddiviżjoni territorjali,

- fil-parti ta’ isfel, il-marka tal-korp ta’ spezzjoni mwaħħla mill-aġent ta’ verifikazzjoni, flimkien mal-marka ta’ l-aġent li jivverifika jekk ikun xieraq;

3.1.1.1.2. it-tieni timbru jikkonsisti mid-data ta’ verifikazzjoni f’ħeksagon deskritta bil-preċiżjoni meħtieġa mid-Direttivi separati;

Il-marka ta’ verifikazzjoni parzjali tal-KEE għandha tkun magħmula biss mill-ewwel timbru [2].

3.2. Dehra u dimensjoni tal-marki

3.2.1. Eżempju tat-timbri deskritti fi 3.1.1.1.1 u 3.1.1.1.2 hu mfisser fi stampi 1 u 2 taħt.

Id-Direttivi separati jistgħu jispeċifikaw it-tqegħid u d-dimensjonijiet tal-marki ta’ verifikazzjoni tal-KEE.

Sakemm ma’ jkunx indikat b’mod ieħor fid-Direttivi separati, l-ittri u numri ta’ kull marka għandhom ikunu ta’ l-inqas għoljin 5mm.

3.2.2. Il-korpi ta’ spezzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom jgħaddu kopji tad-disinni tal-marki ta’ verifikazzjoni tal-KEE lil xulxin.

3.3. Twaħħil tal-marki

3.3.1. Il-marka ta’ verifikazzjoni finali tal-KEE għandha tkun imwaħħla fil-pożizzjoni meħtieġa fuq it-tank meta ta’ l-aħħar tkun ġiet finalment ivverifikata u tkun rikonoxxuta li tikkonforma mal-ħtiġiet tal-KEE.

3.3.2. Fejn il-verifikazzjoni ssir f’aktar minn fażi waħda, il-marka ta’ verifikazzjoni parzjali tal-KEE għandha titwaħħal fil-post ta’ manufattura fuq it-tank jew parti mit-tank li jkun rikonoxxut li jikkonforma ma’ ħtiġiet tal-KEE f’dik il-fażi tal-proċedura ta’ spezzjoni, u fil-post li għalih ikun provdut b’mod speċifiku għall-post tat-timbru jew fi kwalunkwe post ieħor speċifikat fid-Direttivi separati.

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

[1] Ara l-Appendiċi għall-Annessi I u II.

[2] Nota magħmula biex tispjega l-marka ta’ verifikazzjoni finali tal-KEE u l-marka ta’ verifikazzjoni parzjali tal-KEE.Jekk reċipjent ma jistax ikun armat fil-post fejn ikun immanufatturat, jew jekk il-ġarr x’aktarx jaffettwa l-karatteristiċi tiegħu, il-verifikazzjoni tal-KEE għandha tkun magħmula kif imiss:

- verifikazzjoni tat-tank fil-post fejn ikun immanufatturat minn korp ta’ spezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini li, sakemm it-tank ikun jikkonforma mal-ħtiġiet tal-KEE, għandu jpoġġi t-timbru “e” deskritt f’3.1.1.1.1 u magħruf bħala l-marka ta’ verifikazzjoni parzjali tal-KEE,

- verifikazzjoni finali tat-tank fil-post ta’ installazzjoni minn korp ta’ spezzjoni tal-pajjiż ta’ destinazzjoni li, sakemm it-tank jikkonforma mal-ħtiġiet tal-KEE, għandu jpoġġi t-timbru deskritt fi 3.1.1.1.2 li, flimkien mal-marka ta’ verifikazzjoni parzjali tal-KEE, tifforma parti mill-marka ta’ verifikazzjoni finali tal-KEE

--------------------------------------------------

ANNESS III

Kriterji minimi li għandhom ikunu meqjusa minn Stati Membri meta jappuntaw korpi ta’ spezzjoni li għandhom iwettqu verifikazzjoni tal-KEE

1. Il-korp ta’ spezzjoni, id-direttur tiegħu u l-persunal responsabbli milli jwettaq it-testijiet ta’ verifikazzjoni ma jistgħux ikunu d-disinjatur, manufattur, dak li jissupplixxi, l-installatur tat-tankijiet jew installazzjonijiet li huma jispezzjonaw, lanqas ir-rappreżentant awtorizzat ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Ma għandhomx ikunu involuti direttament fid-disinn, kostruzzjoni, marketing, rappreżentazzjoni jew manuntenzjoni tat-tankijiet jew installazzjonijiet, lanqas ma għandhom jirrapreżentaw il-partijiet involuti f’dawn l-attivitajiet. Dan ma għandux jeskludi l-possibilità ta’ bdil ta’ informazzjoni teknika bejn il-manufattur u l-korp ta’ spezzjoni.

2. Il-korp ta’ spezzjoni u l-persunal tiegħu għandhom iwettqu t-testijiet ta’ verifikazzjoni bl-ogħla grad ta’ integrità professjonali u kompetenza teknika u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u provokazzjoni, b’mod partikolari finanzjarja, li tista’ tinfluwenza l-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati ta’ l-ispezzjoni, speċjalment minn persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ verifikazzjonijiet.

3. Il-korp ta’ spezzjoni għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-istaff neċessarju u jkollu l-mezzi meħtieġa sabiex ikun jista’ jaqdi b’mod xieraq ix-xogħolijiet amministrattivi u tekniċi li għandhom x’jaqsmu ma’ verifikazzjonijiet; għandu jkollha aċċess ukoll għall-apparat meħtieġ għal verifikazzjonijiet speċjali.

4. Il-persunal responsabbli mill-ispezzjoni għandu jkollu:

- taħriġ tekniku u professjonali tajjeb,

- tagħrif sodisfaċjenti tal-ħtiġiet tat-testijiet li jwettqu u esperjenza adegwata fuq tali testijiet,

- l-abilità li jifformolaw ċertifikati, rekord u rapporti meħtieġa sabiex jawtentikaw ir-rendiment tat-testijiet.

5. L-imparzjalità tal-persunal ta’ spezzjoni għandha tkun garantita. Il-ħlas tagħhom ma għandux jiddependi fuq in-numru ta’ testijiet imwettqa, lanqas fuq ir-riżultati ta’ tali testijiet.

6. Il-korp ta’ spezzjoni għandu jkun kopert b’polza ta’ assigurazzjoni sakemm l-Istat ma jerfgħax ir-responsabbiltà ċivili bi qbil ma’ liġi nazzjonali, jew l-Istat Membru nnifsu jkun responsabbli direttament għat-testijiet.

7. Il-persunal tal--korp ta’ spezzjoni għandu jkun marbut li josserva s-sigriet professjonali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tax-xogħlijiet tiegħu (minbarra vis-à-vis l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ l-Istat li fih ikunu mwettqa l-attivitajiet tiegħu) taħt din id-Direttiva u d-Direttivi separati jew kull dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tagħtihom effett.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

DEFINIZZJONIJIET

Pajjiż ta’ oriġini: Stat Membru fejn ikun immanufatturat it-tank taħt pressjoni.

Pajjiż riċevitur: Stat Membru li fih għandu jkun impurtat it-tank taħt pressjoni, jew fejn għandu jitqiegħed fis-suq u/jew jiddaħħal fis-servizz.

Amministrazzjoni ta’ oriġini: L-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-pajjiż ta’ oriġini

Amministrazzjoni riċevitur: L-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-pajjiż riċevitur.

PROĊEDURA

1. Fejn manufattur ikun jixtieq li jesporta tank taħt pressjoni, jew aktar minn tank taħt pressjoni wieħed ta’ tip wieħed, hu jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jgħaddu applikazzjoni, direttament jew permezz ta’ l-importatur fil-pajjiż riċevitur, lill-amministrazzjoni riċevitriċi, isemmi l-Artikolu 22 u jitlob it-testijiet ta’ verifikazzjoni li għandhom jitwettqu bi qbil mal-metodi preskritti fil-pajjiż riċevitur mill-korp ta’ spezzjoni minbarra minn dawk tal-pajjiż riċevitur.

Fl-applikazzjoni tiegħu, l-manufattur jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jindika liema korp ta’ spezzjoni jkun għażel. L-għażla għandha ssir mil-lista mibgħuta mill-pajjiż ta’ oriġini taħt l-Artikolu 13. Iżda, permezz ta’ eċċezzjoni għal din il-proċedura, fil-każ ta’ tankijiet magħmula apposta fuq ordni waħda f’ammonti żgħar ħafna jew tankijiet mfassla għal installazzjoni kumplessa mmanufatturata bi qbil ma’ l-informazzjoni u speċifikazzjonijiet ipprovduti minn klijent jew bureau ta’ konsulenza appuntat minnu, għandu jintagħżel korp ta’ spezzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini mill-klijent, kemm jekk ikun inkluż fil-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 13 u kemm jekk le, sakemm l-amministrazzjoni riċevitriċi taqbel ma’ l-għażla.

L-amministrazzjoni riċevitriċi għandha tinforma lill-amministrazzjoni ta’ oriġini bid-deċiżjoniiet li tkun ħadet fuq il-materja.

L-isem tal-klijent jew importatur, jekk ikunu magħrufa, għandhom ikunu murija fuq l-applikazzjoni.

L-applikazzjoni għandha tkun akkompanjata b’fajl li jkun fih disinni u kalkoli li jkollhom x’jaqsmu mat-tank jew mudell, speċifikazzjonijiet tal-materjali, informazzjoni dwar il-proċessi ta’ manufattura involuti, u dettalji tal-metodi ta’ verifikazzjoni matul il-manufattura, flimkien ma’ kull informazzjoni oħra li l-manufattur jew ir-rappreżentant tiegħu jikkonsidraw li tista’ tgħin id-deċiżjoni ta’ l-amministrazzjoni riċevitriċi fuq jekk tank taħt pressjoni, jew tankijiet ta’ l-istess mudell, li jikkonformaw mal-pjanijiet, jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ l-istatut għal tankijiet taħt pressjoni fil-pajjiż riċevitur.

Id-dokumenti għandhom jintbagħtu kkwadruplikati fil-lingwa jew lingwi tal-pajjiż riċevitur jew f’lingwa oħra li tkun aċċettata minn dak il-pajjiż.

2. 2.1. L-amministrazzjoni riċevitriċi għandha tagħraf li tkun irċiviet il-fajl malli tirċivieh.

2.2. 2.2.1. Jekk l-amministrazzjoni riċevitriċi tikkonsidra li l-fajl li tkun irċiviet ikun fih informazzjoni meħtieġa taħt it-taqsima 1, għandu jkollha tliet xhur mid-data li fiha tkun irċeviet il-fajl sabiex tagħmel eżami fil-fond tad-dokumenti fil-fajl.

2.2.2. Jekk l-amministrazzjoni riċevitriċi tikkonsidra li l-fajl li tkun irċiviet ma jkunx fih l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt it-taqsima 1, għandu jkollha xahar mid-data li fiha tkun irċeviet il-fajl sabiex tinforma lill-applikant bid-dettalji l-oħra li għandhom ikunu provduti. Malli tirċievi l-fajl mimli kif dovut, għandha tkun segwita l-proċedura f’2.2.1.

2.3. 2.3.1. Jekk ikun jidher minn eżami fil-fond tal-fajl li t-tank jew it-tankijietta’ tip wieħed ikunu ġew prodotti jew ikunu maħsuba li jkunu prodotti bi qbil mad-dokumenti relevanti, u li jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ l-istatut għal tankijiet taħt pressjoni fil-pajjiż riċevitur jew jistgħu ikunu aċċettati jekk tingħata deroga minn dawn il-ħtiġiet, l-amministrazzjoni riċevitriċi għandha tinnotifika bix-xieraq lill-applikant matul il-perjodu preskritt f’2.2.1.

Jekk tank, jew tankijiet ta’ tip wieħed, koperti bl-applikazzjoni ma jkunux suġġetti għal regolamenti fil-pajjiż riċevitur, l-amministrazzjoni riċevitriċi tista’ teħtieġ li jkun hemm konformità mar-regolamenti li jirregolaw tankijiet taħt pressjoni fil-pajjiż ta’ oriġini.

2.3.2. Jekk ikun jidher minn eżami fil-fond tal-fajl li t-tank jew it-tankijietta’ tip wieħed, ikunu ġew prodotti jew ikunu maħsuba li jkunu prodotti bi qbil mad-dokumenti relevanti, iżda ma jissodisfawx il-ħtiġiet ta’ l-istatut għal tankijiet taħt pressjoni fil-pajjiż riċevitur u ma jistgħux jingħataw deroga minn dawn il-ħtiġiet, l-amministrazzjoni riċevitriċi għandha tinnotifika b’hekk lill-applikant matul il-perjodu preskritt f’2.2.1, u għandha tindika ma’ liema dispożizzjonijiet ma kienx hemm konformità u ma liema disposizzjonijet għandu jkun hemm konformità jekk it-tank, jew it-tankijietta’ tip wieħed għandhom ikunu aċċettati. Għandha tinforma wkoll lill-applikant bil-ħtiġiet ta’ manufattura u l-kontrolli, it-testijiet u l-verifikazzjonijiet meħtieġa mir-regolamenti fuq tankijiet taħt pressjoni li jkunu fis-seħħ fil-pajjiż riċevitur.

Jekk l-applikant ikun lest li jemenda d-disinn, il-proċess ta’ manufattura u/jew metodi ta’ verifikazzjoni li għandhom x’jaqsmu mat-tank, jew it-tankijietta’ tip wieħed, sabiex jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa, għandu b’hekk jemenda il-fajl tiegħu. Malli jkun irċevut il-fajl emendat, għandha tkun segwita l-proċedura deskritta f’2.2.1, iżda l-perjodu għal eżami għandu jkun imnaqqas għal xahrejn.

2.3.3. Il-kriterji wżati mill-amministrazzjoni riċevitur sabiex tagħti jew tirrifjuta d-derogi li hemm referenza għalihom f’2.3.1 u 2.3.2 għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikati fil-preżent għal manufatturi stabbiliti fil-pajjiż riċevitur.

2.4. Id-drittijiet, it-taxxi jew ħlas oħra għall-eżami tal-fajl għandhom ikunu dawk preskritti bir-regoli li japplikaw fil-pajjiż riċevitur.

3. Il-korp ta’ spezzjoni magħżul bi qbil mat-taqsima 1 għandha twettaq il-ħidmiet meħtieġa minnha mill-amministrazzjoni riċevitriċi.

4. Wara li jwettaq il-kontrolli, it-testijiet u l-verifikazzjonijiet meħtieġa mill-amministrazzjoni riċevitrii, u wara li tistabbilixxi li r-riżultati jkun sodisfaċjenti, il-korp ta’ spezzjoni għandu joħroġ lill-manufattur jew ir-rappreżentant tiegħu, u lill-amministrazzjoni riċevitriċi, ir-rapporti fuq dawn il-kontrolli t-testijiet u l-verifikazzjonijiet, u ċertifikati li jikkonfermaw li metodi ta’ kontroll, ttestjar u verifikazzjoni wżati u r-riżultati miksuba jikkonformaw mal-ħtiġiet tal-pajjiż riċevitur.

Jekk ir-riżultati tal-kontrolli ma jkunux sodisfaċjenti, il-korp ta’ spezzjoni għandu jinforma lill-applikant u l-amministrazzjoni riċevitriċi.

Dawn id-dokumenti għandhom ikunu fformulati fil-lingwa tal-pajjiż riċevitur jew f’lingwa oħra li tkun aċċettata minnu.

5. Id-drittjiet, taxxi jew multi sabiex jitwettqu dawn il-kontrolli u t-testijiet għandhom ikunu bi qbil mar-regoli ta’ l-korp ta’ spezzjoni.

6. L-amministrazzjoni riċevitriċi għandha tiżgura li l-pjanijiet u d-dokumenti kollha mgħotija lilha jibqgħu konfidenzjali.

--------------------------------------------------

Top