Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2008/014/09

Termini ta' referenza — Grupp ta' Esperti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin

ĠU C 14, 19.1.2008, p. 23–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 14/23


Termini ta' referenza — Grupp ta' Esperti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin

(2008/C 14/09)

B'dan li ġej il-Kummissjoni tilqa' applikazzjonijiet minn individwi bil-ħsieb li tistabbilixxi lista ta' esperti li jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-grupp ta' esperti li jittrattaw kwistjonijiet b'rabta mal-politika Ewropea għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.

1.   Sfond

Bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fuq il-livell Ewropew u skond id-Dikjarazzjoni ta' Brussell (1) (2002) li wriet il-ħtieġa sabiex il-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' esperti dwar it-traffikar tal-bnedmin, il-grupp inħoloq bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/209/KE. Il-grupp konsultattiv għandu jkun magħruf bħala “Il-Grupp ta' Esperti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin” (2).

Fid-dawl tal-ħidma siewja li saret mill-grupp ta' esperti dwar it-traffikar tal-bnedmin sa mill-2003, li permezz tagħha l-Kummissjoni kompliet tiżviluppa l-politika tagħha f'dan il-qasam, u meta wieħed jikkunsidra l-importanza dejjem tiżdied fuq livell globali tal-qasam ta' politika tat-traffikar tal-bnedmin, il-grupp ta' esperti għandu jkompli bil-ħidma tiegħu. Hija meħtieġa Deċiżjoni (3) ġdida tal-Kummissjoni sabiex jittieħed f'kunsiderazzjoni t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-ambitu ta' ħidma tal-grupp ta' esperti għandu wkoll jinfirex u għandu jkun possibbli għalih li jibbenifika minn firxa ta' kompetenza akbar li hija mitluba mill-fenomenu dejjem jinbidel tat-traffikar tal-bnedmin.

2.   Grupp ta' Esperti

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-grupp dwar kull materja li jkollha x'taqsam mat-traffikar tal-bnedmin.

Il-kompitu tal-grupp għandu jkun:

(a)

li jistabbilixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, partijiet oħra kif elenkat fl-Artikolu 3 paragrafu 2(b) u l-Kummissjoni dwar il-firxa ta' kwistjonijiet relatati mat-traffikar tal-bnedmin;

(b)

li jassisti lill-Kummissjoni, billi joħroġ opinjonijiet marbuta mat-traffikar tal-bnedmin, u jara li jkun hemm metodu koerenti dwar dan is-suġġett;

(c)

li jgħin lill-Kummissjoni tevalwa l-evoluzzjoni tal-politika fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin fuq il-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali;

(d)

li jassisti lill-Kummissjoni tidentifika u tiddefinixxi miżuri possibbli rilevanti, u azzjonijiet, fuq livell Ewropew u nazzjonali fuq il-medda tal-politika kontra t-traffikar;

(e)

il-Grupp ta' esperti għandu joħroġ opinjonijiet jew rapporti lill-Kummissjoni fuq talba ta' din ta' l-aħħar jew b'inizjattiva tiegħu stess, filwaqt li jikkunsidra b'mod xieraq l-implimentazzjoni u aktar żvilupp fuq livell ta' l-UE tal-Pjan ta' l-UE dwar l-aħjar prattiċi, standards u proċeduri fil-ġlieda u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin (4), u suriet oħra relatati ta' sfruttament. Għandu wkoll jikkunsidra d-dimensjoni ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

3.   L-għamla

Il-grupp għandu jkun magħmul minn 21 membru. Il-membri għandhom jinħatru mill-Kummissjoni. Il-grupp ta' esperti jiġi stabbilit għal perjodu ta' tliet snin li jista' jiġi estiż mill-Kummissjoni.

4.   L-eliġibbiltà

L-applikazzjonijiet jistgħu jitressqu minn persuni naturali li huma ċittadini ta' pajjiż ta' l-UE jew, jekk ikun xieraq, jew ta' pajjiż kandidat jew pajjiż miż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-membri tal-grupp ta' esperti għandhom jinħatru minn fost speċjalisti b'kompetenza u esperjenza fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, inkluż ta' dik id-dimensjoni tat-traffikar tal-bnedmin fejn jidħol ix-xogħol, u jkunu ġejjin minn:

(a)

amministraturi ta' l-Istati Membri (sa 11-il membru);

(b)

organizzazzjonijiet intergovernattivi, internazzjonali u mhux governattivi attivi fil-livell Ewropew (sa 5 membri);

(c)

sħab soċjali u assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem li jkunu qed joperaw fil-livell Ewropew (sa 4 membri);

(d)

Europol (membru wieħed);

(e)

individwi li jkollhom esperjenza ġejja minn riċerka akkademika f'universitajiet pubbliċi jew privati jew istituzzjonijiet fl-Istati Membri (sa 2 membri).

L-esperti prospettivi huma mistennija li attwalment ikunu f'kariga jew kellhom kariga fi ħdan parti interessata relevanti elenkata aktar 'il fuq. Huma mistennija jkollhom:

il-kapaċitajiet u l-għarfien xierqa fl-oqsma ta' attivitajiet li dwarhom jistgħu jintalbu jgħinu,

livell għoli ta' kisbiet professjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar u għandu jkollhom mill-anqas 5 snin ta' esperjenza relatata mal-ħidma,

ħiliet lingwistiċi xierqa, abbiltà dimostrabbli li ssir ħidma bl-Ingliż.

Dawn ta' hawn fuq ser jiġu vvalutatu fuq il-bażi tas-CV u l-formola ta' l-applikazzjoni.

5.   Is-sejħa għall-applikazzjonijiet

L-applikazzjoni jistgħu jintbagħtu biss billi timtela l-kopja tal-formola ta' applikazzjoni (Anness 1) u l-kopja tas-CV (Anness 2) mehmuża mas-sejħa għall-applikazzjonijiet. L-applikanti huma mitluba jiddikjaraw b'mod ċar fl-applikazzjoni tagħhom il-qasam tat-traffikar tal-bnedmin li fir-rigward tiegħu għandhom kompetenza partikolari u għandha tintbagħat flimkien ma' materjali li jixhed li l-membri proposti jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' hawn fuq.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar 2008 permezz ta' email jew ittra fl-indirizz li ġej:

Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali Ġustizzja, Libertà u Sigurtà

Unità D2 Segretarjat

LX 46 3/131

B-1049 Brussell

JLS-ANTITRAFFICKING@ec.europa.eu

Kull applikazzjoni ser tiġi eżaminata fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fis-sejħa għall-applikazzjonijiet. Il-Kummissjoni ser tgħarraf lill-applikanti bir-riżultat tas-sejħa u partikolarment jekk ikunux ġew inklużi jew le fil-lista ta' esperti.

Minħabba l-politika ta' trasparenza ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-ħtieġa li l-pubbliku jkun informat bl-identità u l-kwalifiki ta' l-esperti li jagħtu pariri lill-Istituzzjoni, id-data personali ġenerali għandha ssir disponibbli pubblikament (5) skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (6) fir-reġistru tal-gruppi ta' esperti sakemm ikun għad hemm sħubija u/jew sakemm tiġi mitluba t-tneħħija mis-sit pubbliku.

6.   Id-deċiżjoni finali dwar l-għamla tal-grupp

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-għamla tal-grupp ta' esperti fuq il-bażi tal-proposti mressqa bħala tweġiba għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

Il-Kummissjoni ser tqis il-kriterji li ġejjin meta tivvaluta l-applikazzjonijiet:

rova tal-kompetenza u l-esperjenza, inkluż fil-livell Ewropew u/jew internazzjonali, f'oqsma relevanti għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin,

il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ fi ħdan il-grupp ta' esperti f'termini tar-rappreżentanza ta' l-applikanti, is-sess u l-oriġini ġeografika,

il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ ta' għarfien dwar suriet differenti ta' traffikar inkluż għax-xogħol u l-isfruttament sesswali, dwar diversi aspetti bħall-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-għajnuna lill-vittmi, kif ukoll fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tat-tfal, il-liġi penali, l-impjiegi u l-migrazzjoni,

il-ħtieġa li tingħata preferenza għall-kontinwità tal-ħidma tal-grupp ta' esperti preċedenti dwar it-traffikar tal-bnedmin (stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2003),

il-membri tal-grupp ta' esperti għandhom ikunu ċittadini ta' Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jew, jekk xieraq, ta' pajjiż kandidat jew ta' pajjiż miż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq b'kull kunflitt ta' interessi li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom.

Il-lista tal-membri tal-grupp ta' esperti ser tiġi ppubblikata fuq is-sit ta' l-Internet tad-DĠ JLS u fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, serje C. L-ismijiet tal-membri jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Il-membri għandhom jinħatru għal perjodu ta' tliet snin li jiġġedded u għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti jew sakemm jintemm il-perjodu ta' ħatra tagħhom.

Il-membri jistgħu jinbidlu għall-bqija tal-perjodu tal-ħatra tagħhom fi kwalunkwe każ li ġej:

(a)

meta l-membru jirreżenja;

(b)

meta il-membru mhux kapaċi aktar jikkontribwixxi b'mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp;

(c)

meta l-membru ma josservax l-Artikolu 287 tat-Trattat;

(d)

meta l-membru jonqos milli javża lill-Kummissjoni fi żmien xieraq dwar kunflitti ta' interess.

7.   Il-kunfidenzjalità

Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà meħtieġa ta' informazzjoni sensittiva, l-esperti li jintgħażlu biex jipparteċipaw fi gruppi ta' esperti ser ikollhom jiffirmaw ftehim ta' kunfidenzjalità (NDA). Matul il-ħidma tagħhom huma għandhom josservaw kunfidenzjalità assoluta dwar l-informazzjoni u d-dokumenti li jitressqu quddiemhom.

8.   Il-ħidma

Il-grupp għandu jaħtar President, u żewġ Viċi-Presidenti minn fost il-membri tiegħu, permezz ta' maġġoranza sempliċi.

Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottokumitati fi ħdan il-qafas tal-grupp biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi skond it-termini ta' referenza stabbiliti mill-grupp. Is-sottokumitati għandhom ikunu magħmula minn mhux aktar minn 9 membri u għandhom ikunu xolti hekk kif il-mandat tagħhom jitwettaq.

Il-grupp u s-sottokumitati tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali għal-laqgħat tal-grupp u tas-sottokumitati tiegħu. Rappreżentanti ta' servizzi tal-Kummissjoni li jkunu interessati jistgħu jattendu laqgħat tal-grupp u tas-sottokumitati tiegħu.

Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta' proċedura adottati mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista' tippubblika, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kull sommarju, konklużjoni, jew parti minn konklużjoni jew dokument ta' ħidma tal-grupp.

9.   Il-kumpens

L-ispejjeż ta' l-ivjaġġar ta' l-esperti mistiedna li jipparteċipaw fil-grupp ta' esperti ser jintraddu lura mill-Kummissjoni.

L-ispejjeż tal-laqgħat jintraddu lura fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.


(1)  Id-Dikjarazzjoni ta' Brussell ġiet adottata fil-Konferenza Ewropea dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin — Sfida globali għas-seklu 21 bejn it-18 u l-20 ta' Settembru 2002, ĠUC 137, 12.6.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 79, 26.3.2003, p. 25.

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/675/KE tas-17 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi grupp ta' esperti dwar it-traffikar tal-bnedmin (ĠU L 277, 20.10.2007, p. 29).

(4)  ĠU C 311, 9.12.2005, p. 1.

(5)  Id-data ser tiġi ppubblikata fir-reġistru tal-gruppi ta' esperti: http://ec.europa.eu/secretariat_general/regexp/

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji u dwar il-moviment ħieles ta' din id-data (ĠU L 8 tat-12.1.2001, p. 1)


Top