Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0003

    Kawża T-3/23: Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2023 – UA vs AUEA

    ĠU C 63, 20.2.2023, p. 66–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 63/66


    Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2023 – UA vs AUEA

    (Kawża T-3/23)

    (2023/C 63/84)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: UA (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)

    Konvenut: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (AUEA)

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat u konsegwentement;

    tannulla d-deċiżjoni Nru 99 bir-referenza [kunfidenzjali(1) adottata mill-Kunsill Amministrattiv tal-AUEA fil-[kunfidenzjali], innotifikat bil-posta fil-[kunfidenzjali] mis-segretarjat tal-Kunsill Amministrattiv, u sa fejn hemm bżonn, l-atti u d-deċiżjonijiet preparatorji u/jew eżekuttivi kollha, li permezz tagħha dan iddeċieda b’mod partikolari li “[kunfidenzjali] huwa kkundannat jikkumpensa d-dannu subit mill-Aġenzija minħabba n-nuqqasijiet personali serji li jinvolvu r-responsabbiltà finanzjarja personali tiegħu b’mod konformi mal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri u l-metodi li jimplimentaw dan il-kumpens ser jiġu indirizzati separatament fil-[kunfidenzjali]”;

    tikkundanna lill-konvenuta tħallas kumpens provviżorju ta’ EUR 25 000 bħala kumpens għad-danni materjali u morali flimkien, mingħajr preġudizzju għal bidla pendente lite;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal b’mod konformi mal-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, fuq ksur tal-linji gwida għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal (responsabbiltà finanzjarja tal-uffiċjali) u b’mod partikolari tal-Artikoli 2.1, 2.3.2 u 3.2 tagħhom, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tal-Artikoli 3, 4 u 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal (dritt għal smigħ) applikabbli abbażi tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq ksur tal-Artikoli 41(1) u (2)(a), 48 u 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq in-nuqqas ta’ materjalità tal-fatti lmentati, fuq motivazzjoni insuffiċjenti, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prinċipju ta’ uniċità tas-servizz pubbliku u ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-ksur tal-bona fide tal-atti u tal-użu ħażin tal-poter.


    (1)  Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.


    Top