Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0777

    Kawża C-777/22 P: Appell ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2022 mill-Bank Ċentrali Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla Estiża) fit-12 ta’ Ottubru 2022 fil-Kawża T-502/19, Francesca Corneli vs BĊE

    ĠU C 63, 20.2.2023, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 63/24


    Appell ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2022 mill-Bank Ċentrali Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla Estiża) fit-12 ta’ Ottubru 2022 fil-Kawża T-502/19, Francesca Corneli vs BĊE

    (Kawża C-777/22 P)

    (2023/C 63/31)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Appellant: Il-Bank Ċentrali Ewropew (rappreżentanti: C. Hernández Saseta, A. Pizzolla, aġenti, M. Lamandini, avukat)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Francesca Corneli, Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 2022, mogħtija fil-kawża Francesca Corneli vs BĊE (T-502/19, mhux ippubblikata, EU:T:2022:627), fil-parti fejn annullat id-deċiżjonijiet tal-BĊE tal-1 ta’ Jannar 2019 u tad-29 ta’ Marzu 2019; u għal dan il-għan,

    tiddikjara r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ Francesca Corneli inammissibbli fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE u, konsegwentement, iċċaħdu fl-intier tiegħu.

    sussidjarjament, tiddikjara l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-BĊE sa fejn suġġett ta’ dan il-ġudizzju u, fejn ikun il-każ, tibgħat lura l-kawża għal Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi tar-rikors mhux eżaminati fis-sentenza appellata, u

    tikkundanna lil Francesca Corneli biex tirrimborża l-ispejjeż sostnuti mill-BĊE għaż-żewġ istanzi.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew jinvoka żewġ aggravji.

    Bl-ewwel aggravju, il-BĊE isostni li l-Qorti Ġenerali jidher li wettqet diversi żbalji ta’ liġi, parzjalment ibbażati fuq użu ħażin, fl-evalwazzjoni tal-legalità li taġixxi u tal-interess li taġixxi ta’ Francesca Corneli, li jidher li ma tissodisfax ir-rekwiżiti fosthom fl-Artikolu 263(4) TFUE. B’mod partikolari, il-BĊE huwa tal-fehma li l-Qorti Ġenerali:

    għamlet użu ħażin tal-fatti rilevanti fejn sostniet li d-deċiżjonijiet annullati kellhom effett fuq id-“drittijiet” li allegatament jeżistu għand Francesca Corneli bħala azzjonista tal-Banca Carige, fil-verità mhux eżistenti u mhux milquta minn tali deċiżjonijiet;

    wettqet żball ta liġi meta tat lid-deċiżjonijiet annullati effett dirett fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Francesca Corneli, waħda minn iktar minn 35 000 azzjonisti żgħar ta’ Banca Carige fiż-żmien tal-preżentazzjoni tar-rikors;

    wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li Francesca Corneli kienet individwalment interessata mid-deċiżjonijiet annullati sa fejn milquta f’kwalità tagħha – li hija azzjonista ta’ Banca Carige – li, skont il-Qorti Ġenerali, kienet tidentifikaha b’mod esklużiv, u li għalhekk kienet individwalment interessata mid-deċiżjonijiet annullati;

    wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li Francesca Corneli kellha interess għall-annullament tad-deċiżjonijiet annullati b’mod distint minn dak tad-destinatarja tagħhom, jiġifieri Banca Carige, sa fejn dawn il-konklużjonijiet jidher li ma kinux konformi mal-orjentazzjoni ġurisprudenzjali konsolidata relatata mal-każijiet eċċezzjonali li fihom jista’ jiġi rikonoxxut l-interess li jaġixxi tas-sieħeb.

    Permezz tat-tieni aggravju, il-BĊE ssostni li l-Qorti Ġenerali jidher li wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-bażi legali użata minn BĊE għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet annullati, peress li d-“deterjorament sinjifikattiv ta’ entità ta’ kreditu”, liema espressjoni taċ-ċirkustanzi gravi deskritti b’mod analitiku fid-deċiżjonijiet annullati, ikun prerekwiżit għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ amministrazzjoni straordinarja. B’mod partikolari, il-BĊE ssostni li l-Qorti Ġenerali:

    tkun ċaħdet l-interpretazzjoni mogħtija mill-qrati nazzjonali lill-Artikolu 70 tal-Att Bankarju Konsolidat u wettqet għalhekk żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni ta’ tali regola u l-firxa tar-referenza tal-istess fl-Artikolu 69q(1)(b) tal-Att Bankarju Konsolidat;

    tkun wettqet żball tal-liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali fl-intier tiegħu, li minnu joħroġ ċarament ir-rieda tal-leġiżlatur Taljan li jimplimenta b’mod sħiħ u korrettament id-Direttiva 2014/59/UE (1);

    tkun wettqet żball tal-liġi meta ma ħaditx inkonsiderazzjoni l-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 69q u 70 tal-Att Bankarju Konsolidat fid-dawl tal-għan tal-miżuri ta’ intervent bikri, inkluża l-amministrazzjoni straordinarja;

    tkun wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li l-interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 70 tal-Att Bankarju Konsolidat quddiem l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59/UE tikkostitwixxi interpretazzjoni contra legem tar-regola Taljana.


    (1)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).


    Top