Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0228

    Kawża T-228/18: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2018 – Transtec vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 182, 28.5.2018, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 182/29


    Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2018 – Transtec vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-228/18)

    (2018/C 182/33)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Transtec (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: L. Levi u N. Flandin, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat

    konsegwentement:

    tannulla d-deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2018 li biha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet l-offerta tal-konsorzju li r-rikorrenti hija l-mexxejja tiegħu għal-lott Nru 3 fil-fil-kuntest tas-sejħa għal offerti “Framework contract for the implementation of external aid 2018 (SIEA EUROPAID/138778/DH/SER/MULTI” (iktar 'il quddiem “is-Sejħa għal Offerti”) dwar kuntratt qafas għall-provvista ta’ servizzi għal pajjiżi terzi benefiċjarji tal-għajnuna esterna tal-Unjoni Ewropea u li tat il-lott Nru 3 sa 10 lil offerenti oħra,

    bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali) tistieden lill-konvenuta sabiex tipproduċi (i) il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-10 offerti magħżula għall-lott Nru 3 kif ukoll il-marki tagħhom għall-punti 1.1, 1.2, 1.3, 1.4, 1.5, 1.6 tal-parti Organizzazzjoni Globali u Metodoloġija (“Global Organisation and Methodology”), u l-marki miksuba għall-10 offerti magħżula għall-lott 3 għall-parti Teknika (“Technical score”) u għall-parti Finanzi (“Financial score”) u (ii) ir-rapport iddettaljat tal-kumitat ta’ evalwazzjoni;

    tiddikjara ammissibbli u fondata t-talba għad-danni ta’ ammont għal marġni gross ta’ EUR 2 400 000;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1) (iktar 'il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”) u l-Artikolu 4 tal-Istruzzjonijiet lill-Offerenti (“Instructions to Tenderers”) (iktar 'il quddiem l-“Istruzzjonijiet”). Tali ksur allegatament twettaq mill-Kummissjoni minħabba li l-Kummissjoni ma eskludietx minħabba irregolaritajiet offerent li jappartjeni lil wieħed mill-konsorzji magħżula.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni u ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 110(5) tar-Regolament Finanzjarju, tal-Artikolu 151 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1) (iktar 'il quddiem ir-“Regolament ta’ Applikazzjoni”), tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”) sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 15(3) tal-Istruzzjonijiet sa fejn il-Kummissjoni ma għamiltx eżami suffiċjentement bir-reqqa ta’ offerti anormalment baxxi.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif jirriżulta mill-Artikolu 113(2) tar-Regolament Finanzjarju u mill-Artikolu 161(1) tar-Regolament ta’ Applikazzjonio.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, nondiskriminazzjoni u garanzija ta’ kompetizzjoni ġusta, tal-Artikolu 102(1) u (2) tar-Regolament Finanzjarju minħabba l-illegalità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-Istruzzjonijiet.

    6.

    Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif previst fl-Artikolu 41 tal-Karta minħabba l-illegalità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) tal-Istruzzjonijiet.


    Top