Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0041

Kawża C-41/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja) fil-25 ta’ Jannar 2017 – Isabel González Castro vs Mutua Umivale u Prosegur España S.L.

ĠU C 121, 18.4.2017, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 121/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja) fil-25 ta’ Jannar 2017 – Isabel González Castro vs Mutua Umivale u Prosegur España S.L.

(Kawża C-41/17)

(2017/C 121/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Galicia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Isabel González Castro

Konvenuti: Mutua Umivale u Prosegur España S.L.

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85/KEE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xogħol ta’ bil-lejl li ma għandhomx ikunu obbligati jwettqu l-ħaddiema nisa li għalihom jirreferi l-Artikolu 2, fejn huma għalhekk inklużi l-ħaddiema nisa li qed ireddgħu, ma jinkludix biss ix-xogħol li jitwettaq kollu kemm hu fil-ħin ta’ bil-lejl, iżda wkoll ix-xogħol bix-xift meta wħud minn dawn ix-xiftijiet, bħal fil-każ inkwistjoni, ikunu ta’ bil-lejl?

2)

F’tilwima fejn tiġi diskussa l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ riskju matul it-treddigħ ta’ ħaddiema, għandhom japplikaw ir-regoli speċjali dwar l-oneru tal-prova tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE (2), traspost fl-ordinament ġuridiku Spanjol, fost oħrajn, permezz tal-Artikolu 96(1) tal-Liġi 36/2011, b’rabta mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85/KEE, traspost fl-ordinament ġuridiku Spanjol permezz tal-Artikolu 26 tal-Ley de Prevención de Riesgos Laborales (liġi fuq il-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol), fil-każ ta’ leave mix-xogħol tal-ħaddiema li qed tredda’ u, fil-każ tagħha, għar-rikonoxximent tal-allowance marbuta ma’ sitwazzjoni bħal din fl-ordinament ġuridiku intern fid-dawl tal-Artikolu 11(1) tal-istess Direttiva 92/85/KEE?

3)

L-Artikolu 19(1) tal-imsemmija Direttiva 2006/54/KE jista’ jiġi interpretat fis-sens li huma “fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta” ta’ ħaddiema li qed tredda’, f’kawża li titratta l-eżistenza ta’ riskju matul it-treddigħ naturali b’eżenzjoni mill-obbligu ta’ xogħol, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85/KE u trasposta fl-ordinament ġuridiku Spanjol fl-Artikolu 26 tal-Ley de Prevención de Riesgos Laborales (liġi fuq il-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol) fejn: (1) il-ħaddiema toffri servizzi f’sistema ta’ xogħol bix-xiftijiet bħala uffiċjal tas-sigurtà, u b’ħin ta’ bil-lejl f’uħud mix-xiftijiet ta’ xogħol li barra minn hekk twettaq waħedha, u barra minn hekk (2) billi tagħmel ir-ronda u tassisti, fil-każ tagħha, urġenzi (delitti, każijiet ta’ nirien, jew inċidenti oħrajn); u dan kollu mingħajr barra minn hekk ma (3) tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ post adegwat għat-treddigħ naturali fiċ-ċentru tax-xogħol, jew, fil-każ tagħha, biex tipproċedi għall-estrazzjoni mekkanika tal-ħalib tal-omm?

4)

Ġaladarba l-“fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta” skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE b’rabta mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85/KEE, traspost fl-ordinament ġuridiku Spanjol fl-Artikolu 26 tal-Ley de Prevención de Riesgos Laborales (liġi fuq il-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol), f’kawża li titratta l-eżistenza ta’ riskju matul it-treddigħ naturali b’eżenzjoni mill-obbligu ta’ xogħol: Huwa rikjest mill-ħaddiema li qed tredda’ li biex tiġi eżentata mix-xogħol konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tittrasponi l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 92/85/KE, għandha turi li l-aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew tal-ħin tax-xogħol ma jirriżultax li huwa tekniku u/jew oġġettivament possibbli jew ma jistax raġonevolament jiġi rikjest u li bidla fil-post tax-xogħol ma tirriżultax li hija teknika u/jew oġġettivament possibbli jew ma tistax tiġi raġonevolament rikjesta? Jew, għall-kuntrarju, għandhom ikunu l-partijiet l-oħra (imprenditur u entità li tħallas il-benefiċċju ta’ sigurtà soċjali marbuta mas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol) li għandhom jipproduċu l-provi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

(2)  Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).


Top