Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0272

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2018.
K.M. Zyla vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Taxxa fuq id-dħul – Kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali – Ħaddiem li telaq mill-Istat Membru ta’ fejn huwa impjegat matul is-sena kalendarja – Applikazzjoni tar-regola pro rata temporis għat-tnaqqis fil-ġbir tal-kontribuzzjonijiet.
Kawża C-272/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:562

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

Kawża C-272/17

K.M. Zyla

bl-intervent ta’:

Staatssecretaris van Financiën

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))

“Domanda preliminari — Moviment liberu tal-ħaddiema — Trattament ugwali — Taxxa fuq id-dħul — Kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali — Tnaqqis tat-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet — Ħaddiem li jbiddel il-post ta’ residenza tiegħu matul is-sena kalendarja — Tnaqqis pro rata skont il-perijodu assigurat”

1.

Il-moviment liberu tal-ħaddiema, li huwa mħares fl-Artikolu 45 tat-Trattat FUE, jipprekludi miżuri li l-effett tagħhom ikun li jiskoraġġixxi liċ-ċittadini li jkunu jridu jitilqu mill-Istat ta’ oriġini tagħhom biex jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Dan jipproteġi wkoll lil min, wara li jkun ħadem bi ħlas bħala impjegat fil-pajjiż fejn ikun mar, imur lura fl-Istat ta’ oriġini tiegħu, ta’ mill-inqas fir-rigward tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu nħolqu minħabba din ir-relazzjoni ta’ impjieg ( 2 ).

2.

Fost dawn il-miżuri disważivi jista’ jkun hemm dawk ta’ natura fiskali u dawk li jirrigwardaw il-kontribuzzjonijiet soċjali. Għalkemm ir-regoli dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi u dawk li jirregolaw l-assigurazzjoni soċjali normalment ikollhom mezzi ta’ komputazzjoni separati, fil-Pajjiżi l-Baxxi d-dikjarazzjoni annwali ( 3 ) (u l-kalkolu tar-rati) tad-dħul taxxabbli u tal-kontribuzzjonijiet soċjali ssir b’mod konġunt.

3.

K. M. Zyla, li hija ċittadina Pollakka, ħadmet għal kważi nofs is-sena 2013 fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn ħallset il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali Olandiżi u ħallset it-taxxa fuq id-dħul. Meta mmarret lura l-Polonja, skont l-informazzjoni fil-proċess, hija ma kellhiex dħul suffiċjenti matul it-tieni parti ta’ dik l-istess sena biex tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali Pollakka u lanqas biex tkun suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul f’dak il-pajjiż.

4.

L-awtoritajiet fiskali Olandiżi, meta kkalkulaw it-tnaqqis previst fil-liġi, li kellhom japplikaw fuq il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali diġà mħallsa minn K. M. Zyla, applikawlha tnaqqis pro rata temporis, abbażi tal-perijodu (sitt xhur) li għalih kienet ħallset il-kontribuzzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi.

5.

Quddiem il-qrati Olandiżi qamet il-kwistjoni jekk l-Artikolu 45 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mat-tassazzjoni diretta ( 4 ), jobbligax lill-awtoritajiet tal-Pajjjiżi l-Baxxi jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi personali u familjari ta’ K. M. Zyla fil-Polonja sabiex tingħata t-tnaqqis inkwistjoni fit-totalità tiegħu u mhux biss b’mod proporzjonat għaż-żmien li ħadmet hemmhekk.

6.

It-tilwima bejn K. M. Zyla (li tikkontesta l-komputazzjoni li saritilha) u l-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi tressqet quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) li għamlet din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 ( 5 )

7.

L-Artikolu 7 jipprovdi:

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess benefiċċji soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

[…]”.

2. Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 ( 6 )

8.

Skont l-Artikolu 3 ta’ dan tal-aħħar:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

(a)

benefiċċji marbutin mal-mard;

(b)

benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità;

(ċ)

benefiċċji marbutin ma’ l-invalidità;

(d)

benefiċċji marbuta ma’ l-età;

[…]”.

9.

Skont l-Artikolu 4:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

10.

L-Artikolu 5 jimponi li:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

(a)

meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, ir-riċeviment ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ dħul ieħor joħloq ċerti effetti legali, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġislazzjoni għandhom japplikaw ukoll għar-riċeviment ta’ benefiċċji ekwivalenti miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għal dħul miksub fi Stat Membru ieħor;

[…]”.

11.

Fit-Titolu II (“Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, l-Artikolu 11(1) jipprovdi:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.”

12.

L-Artikolu 11(3) jistabbilixxi:

“3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

(a)

persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

[…]”.

(e)

kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) [ ( 7 )] għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha […]”.

B.   Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13.

Fil-Pajjiżi l-Baxxi:, il-“Wet op de inkomstenbelasting 2001” (iktar’ il quddiem il-“Liġi IB”), tirregola t-taxxa fuq id-dħul u l-“Wet financiering sociale verzekeringen” (iktar ’il quddiem il-“WFSV”), il-finanzjament tas-sistema tas-sigurtà soċjali.

14.

Mill-Artikolu 8.1 tal-Liġi IB jirriżulta li, biex tiġi stabbilita “taxxa kkombinata”, jingħaddu flimkien it-taxxa fuq id-dħul mix-xogħol (u minn sorsi oħra, bħalma huma l-akkomodazzjoni u t-tfaddil) u l-kontribuzzjonijiet soċjali, elementi li fuqhom jiġu applikati r-rati korrispondenti. Hekk kif it-taxxa kkombinata tiġi stabbilita b’dan il-mod, jiġi applikat ukoll tnaqqis ikkombinat għal dawn iż-żewġ elementi.

15.

Skont l-Artikolu 8.10 tal-Liġi IB, il-kontribwent jista’ jibbenefika minn “tnaqqis ġenerali”.

16.

Skont l-Artikolu 9 tal-WFSV, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ( 8 ) huma kkalkolati billi t-“tnaqqis ġenerali” jitnaqqas mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa f’kull perijodu ta’ taxxa.

17.

L-Artikolu 12 tal-WFSV jispjega kif isir it-tnaqqis korrispondenti għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-paragrafu 3 tiegħu jispeċifika li hija intitolata għal dan it-tnaqqis il-persuna li tkun ħallset il-kontribuzzjonijiet għas-sena kalendarja kollha, waqt li r-regoli għall-kalkolu tat-tnaqqis għandhom jiġu approvati b’digriet ministerjali meta l-persuni taxxabbli jkunu kkontribwixxew biss matul parti mis-sena.

18.

Dan il-mandat twettaq permezz tad-Digriet ministerjali ta’ implimentazzjoni tal-WFSW ( 9 ). Skont l-Artikolu 2.6a, għall-persuni li ma humiex suġġetti għall-obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali matul parti mis-sena kalendarja (għal raġuni oħra apparti mewt), it-tnaqqis tat-taxxa ġenerali jiġi kkalkulat pro rata temporis, jiġifieri proporzjonalment mal-perijodu effettiv ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet matul is-sena kalendarja.

C.   Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19.

K. M. Zyla, li hija ta’ nazzjonalità Pollakka, ħadmet bi ħlas bħala impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi, mill-1 ta’ Jannar sal-21 ta’ Ġunju 2013. Matul dan il-perijodu, hija kienet affiljata fuq bażi obbligatorja taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali ġenerali u, għalhekk, kienet suġġetta għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Wara l-21 ta’ Ġunju ( 10 ), hija marret lura l-Polonja, fejn ma kellha ( 11 ) ebda xogħol bi ħlas matul l-2013.

20.

Għall-attività ta’ xogħol tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi matul is-sena finanzjarja 2013, hija rċeviet dħul ta’ EUR 9401, li minnhom inqatgħulha EUR 1399 bħala taxxa fuq id-dħul mill-impjieg. Il-kontribuzzjonijiet tagħha għall-iskema tas-sigurtà soċjali laħqu s-somma ta’ EUR 2928.

21.

K. M. Zyla għażlet li japplikaw ir-regoli Olandiżi (tal-liġi IB) għall-persuni taxxabbli nazzjonali. Għal dan il-għan, hija ppreżentat il-prospett IB/PVV tagħha għas-sena finanzjarja 2013.

22.

Għall-komputazzjoni finali IB/PVV, l-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi applikawlha: a) it-tnaqqis fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, fl-ammont ta’ EUR 1254; u (b) tnaqqis fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, fl-ammont ta’ EUR 840. Din tal-aħħar kienet tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju ta’ pro rata temporis fi proporzjon mal-perijodu li fih hija kienet effettivament ħallset il-kontribuzzjonijiet soċjali għas-sena finanzjarja 2013.

23.

Il-persuna kkonċernata kkontestat, mingħajr suċċess, il-komputazzjoni quddiem ir-Rechtbank Zeeland-West-Brabant (qorti tal-ewwel istanza ta’ Zealand u l-Punent ta’ Brabant, fil-Pajjiżi l-Baxxi) u, fuq appell, quddiem il-Gerechtshof’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi). Fiż-żewġ istanzi ġie diskuss jekk K. M. Zyla kinitx intitolata għall-ammont sħiħ tat-tnaqqis, biex b’hekk tqajjem dubju dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 2.6a tad-Digriet Ministerjali mal-Artikolu 45 TFUE.

24.

Il-qorti tal-appell iddeċidiet li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni, u għalhekk ma setgħetx tiġi invokata s-sentenza Schumacker iżda setgħet, għall-kuntrarju, tiġi invokata s-sentenza Blanckaert ( 12 ). Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 2.6a tad-Digriet Ministerjali kien iġġustifikat minħabba d-disparità oġġettiva bejn is-sitwazzjoni ta’ persuna affiljata mal-iskema tas-sigurtà soċjali Olandiża u dik ta’ min ma huwiex.

25.

Quddiem il-Hoge Raad (il-Qorti Suprema), K. M. Zyla kompliet issostni li l-Artikolu 2.6a tad-Digriet Ministerjali jwassal għal differenza inaċċettabbli fit-trattament bejn ir-residenti u dawk li ma humiex residenti, u li dan jikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema kif previst fl-Artikolu 45 TFUE.

26.

Il-qorti tar-rinviju tieħu bħala premessa li r-residenti mhux affiljati mal-iskema Olandiża tas-sigurtà soċjali ma għandhomx dritt għal tnaqqis sħiħ. Għalhekk, ma hemm ebda rabta diretta mar-residenza. Barra minn hekk, l-applikazzjoni biex K. M. Zyla tiġi ttrattata bħala kontribwent nazzjonali taffettwa biss it-taxxa fuq id-dħul u mhux il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

27.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni tal-kwistjoni tista’ tintlaħaq minn żewġ angoli, b’soluzzjonijiet li jmorru kontra xulxin. Minn naħa, tista’ tiġi applikata s-sentenza Blanckaert, fejn ġie kkonstatat li persuna affiljata mal-iskema tas-sigurtà soċjali Olandiża u persuna li ma hijiex jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament differenti ( 13 ). Din id-diverġenza fis-sitwazzjonijiet tiġġustifika (fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital) il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva t-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet soċjali għall-persuni taxxabbli li jkunu affiljati ma’ dik l-iskema ( 14 ).

28.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju temmen li huwa vijabbli approċċ ieħor, li jikkwalifika dak it-tnaqqis bħala vantaġġ fiskali ratione personae. Minn din il-perspettiva, l-applikazzjoni pro rata temporis tal-leġiżlazzjoni Olandiża għal persuna li tkun irċeviet id-dħul kollu tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi hija ekwivalenti għal distinzjoni bejn persuni residenti u mhux residenti, li tmur kontra l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-persuni, inkwantu persuna taxxabbli suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul li tkun għexet matul is-sena kollha f’dak l-Istat Membru tkun intitolata għal tnaqqis sħiħ ( 15 ). F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet personali u familjari tal-persuna taxxabbli għandha tkopri s-sena fiskali kollha ( 16 ), għalkemm ma jistax jiġi eskluż li jistgħu jitqiesu fuq bażi pro rata temporis ( 17 ).

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandha l-konsegwenza li ħaddiem li, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1408/71 jew tar-Regolament Nru 883/2004, ikun affiljat matul parti mis-sena kalendarja ma’ sistema ta’ assigurazzjoni soċjali f’dan l-Istat Membru u li, meta jinġabru dawn il-kontribuzzjonijiet għal din l-assigurazzjoni soċjali, huwa jkollu biss dritt għal porzjon mill-parti tat-tnaqqis ġenerali ta’ taxxa marbut mal-kontribuzzjonijiet, li huwa stabbilit prorata temporis b’rabta mal-perijodu ta’ affiljazzjoni, jekk, matul il-kumplament tas-sena kalendarja, dan il-ħaddiem ma kienx affiljat mas-sistema ta’ assigurazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat Membru u kien jirrisjedi fi Stat Membru ieħor filwaqt li għamel it-totalità (jew kważi t-totalità) tad-dħul annwali tiegħu fl-ewwel Stat Membru msemmi?”

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.

Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Mejju 2017, u ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn K. M. Zyla, mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni, li ħadu sehem fis-seduta li saret fit-30 ta’ Mejju 2018.

III. Sinteżi tal-argumenti tal-partijiet

31.

Skont K. M. Zyla, is-sentenza Blanckaert ma tapplikax għaliha. Filwaqt li tirrikonoxxi l-validità tal-premessi tagħha, hija tifhem li din il-ġurisprudenza għandha limitu meta jintlaħaq punt fejn ebda Stat Membru ma jkun ikkunsidra l-kapaċità kontributtiva u s-sitwazzjoni personali u familjari tal-kontribwent ( 18 ).

32.

Hija tfakkar li, f’każijiet bħal dawn, id-diskriminazzjoni tikkonsisti fil-fatt li s-sitwazzjoni personali u familjari ta’ persuna li tirċievi, fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun residenti, il-parti l-kbira tad-dħul tagħha u kważi t-totalità tad-dħul familjari tagħha, ma tiġix ikkunsidrata la fl-Istat ta’ residenza u lanqas fl-Istat fejn hija impjegata ( 19 ). Dan ikun il-każ tagħha, jekk ma tingħatax totalment it-tnaqqis inkwistjoni, peress li la l-Polonja u lanqas il-Pajjiżi l-Baxxi ma jqisu s-sitwazzjoni personali u familjari tagħha.

33.

Skont il-Gvern Olandiż, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem taxxabbli li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi hija differenti minn dik ta’ persuna mhux residenti li ma tirċievi ebda dħul minn xogħol bħala persuna impjegata jew persuna li taħdem għal rasha f’dak l-Istat Membru. Hija tibbaża ruħha fuq dawn l-argumenti:

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jorbot il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar is-sigurtà soċjali mal-Istat Membru ta’ impjieg. Peress li K. M. Zyla, wara li telqet mill-Pajjiżi l-Baxxi u waqfet taħdem hemm, marret lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, hija ma kinitx suġġetta għas-sistema tas-sigurtà soċjali Olandiża mill-jum meta telqet, peress li minn dak il-punt hija waqqfet tħallas il-kontribuzzjonijiet tagħha.

Fit-tieni lok, il-ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament fl-għoti ta’ vantaġġ fiskali, bħal dak inkwistjoni, tirrifletti d-differenza fiċ-ċirkustanzi oġġettivi li fihom jinsabu, rispettivament, il-persuna affiljata mas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru u l-persuna li ma hijiex.

34.

Il-Gvern Olandiż jiċħad li s-sentenza Schumacker hija rilevanti għal dan il-każ, peress li:

F’dik is-sentenza ġiet evalwata bħala fattur relevanti l-kapaċità kontributtiva, filwaqt li l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma jsirx abbażi ta’ dik il-kapaċità.

Il-fatt li ħaddiem ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg jipprekludi li Stat Membru ieħor ikun jista’ jitlob kontribuzzjonijiet għall-istess attività ( 20 ). Peress li, malli K. M. Zyla ħarġet mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, dak il-pajjiż tilef is-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu, għaldaqstant ma huwiex possibbli li ssir talba lill-awtoritajiet tiegħu biex japplikaw tnaqqis jew benefiċċji oħra li l-istess K. M. Zyla setgħet tibbenefika minnhom kieku baqgħet affiljata mas-sistema tas-sigurtà soċjali Olandiża.

35.

Il-Kummissjoni tibda billi tiħċad li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, peress li K. M. Zyla setgħet titqies bħala ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, biss waqt li kienet impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi, kwalità li hija tilfet malli marret lura l-Polonja.

36.

Madankollu, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 2.6a tad-Digriet Ministerjali japplika prinċipalment għal persuni ta’ nazzjonalità differenti minn dik Olandiża. Huma dawn li l-iktar ta’ spiss jitilqu mill-Pajjiżi l-Baxxi fit-tmiem ta’ relazzjoni ta’ impjieg, filwaqt li l-Olandiżi jibqgħu f’pajjiżhom, inkluż meta jieqfu jaħdmu, u b’hekk dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jnaqqsu għal kollox it-tnaqqis fiskali għall-kontribuzzjonijiet soċjali. Għall-kuntrarju, min bħal K. M. Zyla jkun ħallas il-kontribuzzjonijiet biss għal parti mis-sena, jispiċċa jħallas proporzjonalment iktar lill-iskema tas-sigurtà soċjali, li jikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

37.

Il-Kummissjoni targumenta favur l-applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza li tqis li l-issuġġettar għaż-żamma tar-residenza fl-Istat Membru tal-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali huwa ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, jekk dan jiskoraġġixxi lill-ħaddiem milli jitlaq mill-imsemmi pajjiż, billi tkun imposta kontrih kontribuzzjoni ikbar għas-sigurtà soċjali ( 21 ), jew jekk jiċċaħħad mid-dritt ta’ rifużjoni tal-ammont ta’ taxxa mħallas żejjed, li għaliha hija intitolata l-persuna taxxabbli residenti ( 22 ). Finalment, hija tispeċifika li peress li l-biċċa l-kbira tad-dħul ta’ K. M. Zyla kien minn Stat Membru differenti minn dak fejn hija tinsab residenti, mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, hija applikabbli l-ġurisprudenza Schumacker.

IV. L-analiżi ġuridika

A.   Osservazzjonijiet preliminari

38.

Fl-ewwel lok, nosserva li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Artikolu 45 TFUE huwa applikabbli. Peress li l-każ huwa dwar ċittadina Pollakka li marret fil-Pajjiżi l-Baxxi biex twettaq attività ta’ impjieg, ma jidhirx li dan huwa każ li jaqa’ taħt xi waħda mil-libertajiet l-oħra ta’ moviment, apparti dik li tirrigwarda l-ħaddiema ( 23 ).

39.

Lanqas ma hemm dubju li K. M. Zyla kienet ħaddiema, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ). Teoretikament, jista’ jiġi kkunsidrat jekk ir-ritorn lejn l-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, mingħajr ma eżerċitat hemmhekk xi impjieg jew attività oħra, ipoġġix is-sitwazzjoni tagħha taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-persuni taħt l-Artikolu 21 TFUE ( 25 ). Madankollu, peress li hija tinvoka d-dritt li jiġi applikata għaliha tnaqqis sħiħ, minħabba ż-żmien li hija ħadmet fil-Pajjiżi l-Baxxi, it-talba tagħha hija marbuta direttament mal-Artikolu 45 TFUE.

40.

Fit-tieni lok, il-preżenza ta’ regoli tal-Unjoni stipulati fl-iżvilupp ta’ din il-libertà tobbliga l-eżaminazzjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kemm ma’ dawn tal-aħħar (f’dan il-każ, mar-Regolamenti Nri 883/2004 u 492/2011) jew direttament mad-dritt primarju, jiġifieri mal-Artikolu 45 TFUE.

41.

Kif tafferma l-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 883/2004 prattikament ma jinkludi xejn iktar minn ġabra ta’ regoli ta’ kunflitt, sabiex jiġi evitat li l-ħaddiem li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-Unjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali ta’ diversi Stati Membri, jew li ma jaqa’ taħt l-ebda waħda minnhom ( 26 ), B’hekk ikun neċessarju li l-validità tar-regola nazzjonali inkwistjoni titkejjel fid-dawl tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, li jeżiġi trattament ugwali, u b’mod speċjali n-nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità.

42.

Bl-istess mod, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprovdi li l-ħaddiem tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu għandu wkoll dritt li jirċievi l-istess benefiċċji soċjali u fiskali. B’hekk dan ma jagħmel xejn għajr li jikkonferma l-prinċipju ta’ trattament ugwali, mingħajr ma jagħtih iktar kontenut sostantiv, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li jinkludi d-diskriminazzjonijiet indiretti ( 27 ).

43.

Fl-aħħar mill-aħħar, peress li l-applikazzjoni taż-żewġ Regolamenti ma tinvolvi xejn sinjifikattiv, peress li l-fattur importanti hawnhekk huwa jekk wieħed jistax jinvoka direttament il-libertà rikonoxxuta fl-Artikolu 45 TFUE, bla ħsara għall-fatt li l-analiżi tal-eventwali diskriminazzjoni, fid-dawl tal-imsemmi kunċett, tinkorpora xi riferiment għal dawk ir-regolamenti.

44.

Fit-tielet u l-aħħar lok, it-tilwima nazzjonali (u r-rinviju preliminari nnifsu) jiffoka l-iktar fuq l-impatt tas-sentenzi ċċitati iktar’ il fuq Blanckaert u Schumacker:

Skont l-ewwel waħda, ir-relazzjoni ta’ resident ta’ Stat Membru mal-iskema tiegħu ta’ sigurtà soċjali hija element distintiv suffiċjenti sabiex is-sitwazzjoni tiegħu ma titqisx bħala ekwivalenti għal dik ta’ min ikun telaq minn dak l-Istat Membru biex jistabbilixxi ruħu f’ieħor. Dan l-approċċ jiffavorixxi l-argument tal-Gvern Olandiż fit-tilwima.

Skont it-tieni sentenza, l-Istat Membru li jimponi t-taxxa jista’ jkun meħtieġ li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-vantaġġi fiskali) ta’ min, għalkemm ma jkunx residenti f’dak il-pajjiż, ikun jirċievi l-parti l-kbira tad-dħul tiegħu hemmhekk, filwaqt li d-dħul tal-kontribwent fl-Istat Membru fejn ikun residenti ma jkunx jippermettilu jaċċedi għal benefiċċji simili. K. M. Zyla targumenta favur din id-duttrina.

45.

Is-soluzzjoni ta’ dan id-dibattitu ma tista’ tinjora ebda waħda minn dawn is-sentenzi, u fin-nuqqas ta’ parametru legali tad-dritt sekondarju ( 28 ), ir-relevanza tagħhom għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 45 TFUE għandha ssir b’osservanza tal-metodoloġija proprja tal-analiżi tal-libertajiet ta’ moviment.

B.   L-eżami tad-domanda

1. L-allegata diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità

46.

Il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità bejn ħaddiema tal-Istati Membri fir-rigward tal-impjieg, tar-rimunerazzjoni u tal-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol ( 29 )?

47.

Bħala prinċipju, la fil-kliem u lanqas fl-ispirtu tal-Artikolu 2.6a tad-Digriet Ministerjali ma nara elementi li jindikaw rieda ta’ diskriminazzjoni diretta (li toħloq żvantaġġ) kontra ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni. It-tnaqqis pro rata temporis japplika għal kull ħaddiem li, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu, ikun ġie suġġett għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ assigurazzjoni soċjali Olandiża matul perijodu ta’ inqas minn sena kalendarja.

48.

Tista’, madankollu, tiġi kklassifikata bħala diskriminazzjoni indiretta? Jitqiesu bħala tali dawk li, min-natura tagħhom stess, jistgħu jaffettwaw iktar lill-ħaddiema migranti milli l-ħaddiema nazzjonali (f’dan il-każ, tal-Pajjiżi l-Baxxi) u li, konsegwentement, jinvolvu r-riskju li jippreġudikaw b’mod partikolari lil dawn tal-ewwel ( 30 ).

49.

F’dan il-każ, l-allegata diskriminazzjoni teħtieġ:

Li jiġi preżunt, fuq bażi preliminari, li huwa iktar frekwenti li l-ħaddiema migranti jitilqu minn dak l-Istat Membru qabel l-għeluq tas-sena fiskali, li ma jidhirlix li jista’ jiġi preżunt u li, fi kwalunkwe każ, ma ġiex stabbilit.

Li jiġi aċċettat li, billi jiġu suġġetti għal dan it-tnaqqis proporzjonali, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jġarrbu żvantaġġ speċifiku, minħabba d-Digriet Ministerjali ( 31 ), li jeħtieġ li tiġi indagata l-eżistenza ta’ restrizzjoni.

2. Ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema?

50.

L-għan tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-moviment liberu tal-persuni huwa li jiffaċilita t-twettiq ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Unjoni minn ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk huma preklużi l-miżuri li jistgħu jqegħduhom f’sitwazzjoni żvantaġġuża, meta huma jkunu jixtiequ jwettqu attività fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. Minn dan isegwi li l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kwalunkwe miżura nazzjonali li tista’ xxekkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċitar, miċ-ċittadini tal-Unjoni, ta’ din il-libertà fundamentali ( 32 ).

51.

L-Artikolu 2.6a tad-Digriet jkollu dan l-effett jekk ir-regola li hemm fih tisfavorixxi lill-ħaddiema li jispostaw ruħhom taħt l-Artikolu 45 TFUE.

a) Fuq l-iżvantaġġ

52.

Jekk fhimtha b’mod korrett, il-miżura inkwistjoni hija strutturata b’dan il-mod ( 33 ): it-tnaqqis li għalih kull persuna hija intitolata kull sena fiskali huwa maqsum f’żewġ partijiet: waħda minnhom tirrigwarda d-dħul taxxabbli; u l-oħra dik li tirrigwarda l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Hija din it-tieni parti, li minnha jibbenefikaw biss dawk il-persuni li huma affiljati ma’ din is-sistema tas-sigurtà soċjali, li tista’ tkun suġġetta għal varjazzjonijiet skont il-klawsola ta’ pro rata temporis li tinsab fl-Artikolu 2.6a tad-Digriet Ministerjali.

53.

Din l-aħħar osservazzjoni tista’ twassal biex wieħed jaħseb li t-tnaqqis għal kontribuzzjonijiet soċjali għandha n-natura ta’ benefiċċju soċjali, peress li taffettwa speċifikament u direttament il-finanzjament tas-sigurtà soċjali ( 34 ). Madankollu, minn perspettiva oħra, hija miżura inkwadrata fid-dikjarazzjoni u l-komputazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, li l-bażi tagħha tinsab fl-eżerċitar tas-setgħat fiskali tal-Istat Olandiż. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat jekk l-effett tagħha fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema għandux jiġi evalwat ukoll fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar il-miżuri fiskali ( 35 ).

54.

Minħabba r-rabta’ stretta tiegħu mal-kontribuzzjonijiet, jien inqis li t-tnaqqis ikkontestat huwa pjuttost ta’ natura soċjali, anki jekk tintuża t-teknika fiskali għall-eżekuzzjoni tiegħu. Għalkemm l-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi jiġbru t-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet soċjali flimkien, b’tali mod li t-tnaqqis applikabbli għal dawn tal-aħħar “jistgħu għaldaqstant ukoll jinbidlu f’riduzzjonijiet fit-taxxa” ( 36 ), madankollu t-tnejn li huma jżommu n-natura proprja tagħhom.

55.

Fi kwalunkwe każ, ma jidhirlix li s-sistema ta’ tnaqqis pro rata temporis timplika, fil-verità, żvantaġġ. Jekk, kif jidher, l-applikazzjoni tagħha hija għal kollox proporzjonata mat-tul taż-żmien tal-kontribuzzjonijiet, b’tali mod li ma hemm l-ebda diskrepanza fl-ammonti li jistgħu jitnaqqsu (jiġifieri li l-persuna affettwata mir-regola inkwistjoni ma tikkontribwixxix proporzjonalment iktar), ma hemm l-ebda żvantaġġ ( 37 ).

56.

It-tnaqqis inkwistjoni f’din il-kawża huwa intiż li jikkumpensa, b’mod indirett, l-isforz ekonomiku li jkun għamel il-kontribwent permezz tal-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali. Għalhekk, it-tnaqqis ta’ dawn tal-aħħar jaffettwa, b’mod pożittiv għall-benefiċjarju, il-piż annwali. Minn din il-perspettiva, xejn ma jipprekludi li t-taffija konsegwenti ta’ dan il-piż tkun tikkorrispondi għat-tul ta’ żmien meta jkunu tħallsu l-kontribuzzjonijiet. Waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż indika li l-għan tal-leġiżlazzjoni kien li jingħata inċentiv lill-ħaddiem biex ikompli jaħdem, billi jingħata vantaġġ dejjem skont iż-żmien li jkun realment ħadem. Hu x’inhu l-każ, jinżamm paralleliżmu bejn il-kontribuzzjonijiet u t-tnaqqis tagħhom, meta jiġu kkalkolati r-rati finali fil-prospett IB/PVV: jekk dawk ikunu akbar (għaliex ikopru tnax-il xahar), it-tnaqqis ikun akbar, u viċe-versa.

b) Fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet

57.

Min-naħa l-oħra, jekk jiġi aċċettat, għall-grazzja tal-argument, li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq bażi ta’ pro rata temporis huwa ta’ żvantaġġ għall-persuni mhux residenti, minħabba li għandu impatt iktar baxx fuq id-dikjarazzjoni tad-dħul ta’ dawn tal-aħħar (quod non), għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li:

Ikun hemm diskriminazzjoni f’każ ta’ applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew meta sitwzzjonijiet differenti jkunu suġġetti għall-istess regola ( 38 ).

Id-diskriminazzjoni bejn persuni residenti u mhux residenti sseħħ biss jekk, minkejja li jkunu residenti fi Stati Membri differenti, iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli jkunu f’sitwazzjoni komparabbli, fir-rigward tal-għan u tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ( 39 ).

58.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-eżami tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandu jsir indipendentement minn jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix sempliċement benefiċċju soċjali ( 40 ) jew tkunx taqa’ taħt l-ambitu tat-taxxa ( 41 ).

59.

Skont dawn il-linji gwida, jista’ tabilħaqq jingħad li min ma jkunx għadu jaħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li jkun telaq lejn Stat Membru ieħor, u jkun għaldaqstant waqaf iħallas il-kontribuzzjonijiet soċjali, jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal min, filwaqt li jkun żamm ir-residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, ikun kompla jaħdem hemmhekk jew ikun waqaf jaħdem?

60.

Fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet soċjali japplika l-prinċipju ta’ uniċità, li huwa stabbilit, inter alia, fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 42 ). Skont l-imsemmi artikolu, il-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tas-sigurtà soċjali huma rregolati mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. L-għan tal-imsemmi artikolu, kif affermat il-Kummissjoni f’kuntest ieħor, ma huwiex li jiġi armonizzat id-dritt sostantiv tal-Istati Membri, iżda li tiġi stabbilita sistema ta’ regoli ta’ kunflitt li jkollhom l-effett li jneħħu lil-leġiżlatur nazzjonali l-fakultà li jiddetermina l-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu f’dan il-qasam ( 43 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat l-istess idea, f’termini simili, f’sentenza tas-26 ta’ Frar 2015 ( 44 ), b’rabta mar-Regolament Nru 1408/71 ( 45 ), li kien il-predeċessur tar-Regolament Nru 883/2004.

61.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Stat Membru ma jistax ibiddel ir-regoli dwar min huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni soċjali, fis-sens li jinkludi fost il-persuni suġġetti għas-sistema tiegħu ta’ sigurtà soċjali lil persuni residenti fi Stat Membru ieħor jew li ma jkunu jwettqu ebda attività bi ħlas fit-territorju tiegħu. Jekk jagħmel dan, ikun qiegħed jikser l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 u, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ uniċità.

62.

Din ir-regola ma timponix kriterju marbut mar-residenza fl-Istat Membru ta’ impjieg, iżda wieħed marbut mas-suġġettar tal-persuna għas-sistema tas-sigurtà soċjali, permezz ta’ attività bi ħlas fit-territorju ta’ dak l-Istat. Fin-nuqqas ta’ din ir-rabta, dak l-Istat Membru ma jkollux is-setgħa li jimponi kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq dik il-persuna. Minn dan isegwi li, meta ma jkunx hemm din ir-rabta jew jekk — bħal fil-każ preżenti — din ir-rabta tkun biss waħda temporanja, il-ħaddiema residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi għal sena sħiħa jinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-ħaddiem residenti f’pajjiż ieħor (pereżempju l-Polonja) li ma jkunx ħallas kontribuzzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi jew ikun ħallas kontribuzzjonijiet għal ċertu żmien, matul l-istess sena fiskali ( 46 ).

63.

Waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonferma li ħaddiem li, wara li jkun eżerċita attività bi ħlas fil-Pajjiżi l-Baxxi għal parti minn sena kalendarja, iżomm ir-residenza tiegħu f’dak il-pajjiż iżda f’sitwazzjoni ta’ qgħad matul il-kumplament ta’ dik is-sena, huwa suġġett għas-sistema tas-sigurtà soċjali u huwa obbligat li jikkontribwixxi għas-sigurtà soċjali Olandiża għall-perijodu annwali kollu. Din hija preċiżament id-differenza miċ-ċirkustanzi ta’ K. M. Zyla li ma tippermettix li tiġi evalwata l-kumparabbiltà tas-sitwazzjonijiet: il-persuni qiegħda — bħalha — li jkunu residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi jkomplu jikkontribwixxu u, għaldaqstant, jibbenefikaw minn tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjonijiet (annwali) li effettivament jitħallsu.

64.

Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja “[i]l-persuni affiljati ma’ din l-iskema [tas-sigurtà soċjali] jibbenefikaw biss mir-riduzzjonijiet fit-taxxa taħt l-assigurazzjonijiet soċjali f’każijiet eċċezzjonali. Fil-fatt, huwa biss fl-ipotesi fejn persuna affiljata ma tistax tkopri r-riduzzjonijiet fit-kontribuzzjonijiet bil-kontribuzzjonijiet dovuti li hija tista’ titlob dawn ir-riduzzjonijiet fit-taxxa” ( 47 ),

65.

Jekk dan huwa l-każ, huma biss il-persuni li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali Olandiża matul is-sena kollha li jibbenefikaw mill-allegat benefiċċju fiskali ( 48 ) jekk is-somma tal-kontribuzzjonijiet effettivi tagħhom tkun inqas mit-tnaqqis. Min-naħa l-oħra, jekk dan jingħata b’mod sħiħ, mingħajr ma jitqies iż-żmien ta’ affiljazzjoni reali tagħhom, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet soċjali għal min kien affiljat mas-sistema Olandiża tas-sigurtà soċjali għal ftit xhur matul sena fiskali, dak il-bilanċ pożittiv ikun jista’ jitnaqqas iktar faċilment: billi jkunu kkontribwixxew inqas f’termini assoluti, jirriżulta li huwa iktar probabbli li l-ammont li jifdal jagħtihom bilanċ pożittiv: F’każ bħal dan, sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, peress li, nirrepeti, il-persuni affiljati ma’ din l-iskema “jibbenefikaw biss eċċezzjonalment mit-tnaqqis tat-taxxa għall-assigurazzjoni soċjali”.

66.

Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-kriterju pro rata temporis tal-Artikolu 2.6a tad-Digriet Ministerjali, għalkemm tista’ tiġi kkwalifikata bħala żvantaġġuża għal persuni fis-sitwazzjoni ta’ K. M. Zyla, hija implimentata f’ċirkustanzi li ma humiex kumparabbli ma’ dawk tal-persuni li huma suġġetti matul sena fiskali sħiħa għall-obbligu li jikkontribwixxu għas-sigurtà soċjali. In-nuqqas ta’ konnessjoni mas-sigurtà soċjali matul parti mis-sena huwa, għaldaqstant, biżżejjed biex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ kumparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ta’ dawk li jikkontribwixxu matul dawk il-perijodi mnaqqsa ma’ ta’ dawk li jżommu dik ir-rabta matul is-sena fiskali sħiħa.

67.

Bħala konklużjoni, ma nara ebda ksur tal-Artikolu 45 TFUE u lanqas tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jew tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. L-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprekludi regola bħal dik li tinsab fl-Artikolu 2.6a tad-Digriet Ministerjali.

c) Ir-rilevanza tal-ġurisprudenza Schumacker

68.

L-analiżi li ddeskrivejt ma tkunx kompluta jekk ma tiġix imqabbla mal-ġurisprudenza Schumacker, li K. M. Zyla tinvoka favur tagħha.

69.

Skont dak li qalet, b’mod konformi mal-imsemmija sentenza, “fir-rigward ta’ persuna mhux residenti li tkun tikseb fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun residenti l-biċċa l-kbira tad-dħul tagħha u kważi d-dħul kollu tal-familja tagħha, id-diskriminazzjoni tikkonsisti fil-fatt li s-sitwazzjoni personali u familjari ta’ dik il-persuna mhux residenti ma titteħidx inkunsiderazzjoni la fl-Istat tar-residenza u lanqas fl-Istat tal-impjieg” ( 49 ).

70.

Prima facie din tidher li hija s-sitwazzjoni ta’ K. M. Zyla. Madankollu, għad hemm nuqqas ta’ paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet ( 50 ), nuqqas li s-sentenza Schumacker taċċetta bħala ġustifikazzjoni għall-possibbiltà ta’ trattament differenti ( 51 ).

71.

Fi kwalunkwe każ, ma naqbilx mal-applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza Schumacker kif issostni l-Kummissjoni. F’dak il-każ, il-persuna taxxabbli kienet residenti matul il-perijodu li għalih jirreferu l-fatti esklużivament fil-Belġju u rċeviet dħul minn attività tagħha fil-Ġermanja biss, mingħajr ma kien hemm spostament tar-residenza abitwali. Min-naħa l-oħra, K. M. Zyla kienet domiċiljata fil-Pajjiżi l-Baxxi matul il-parti tas-sena kalendarja 2013 li fiha hija kellha dħul mill-impjieg, filwaqt li kienet residenti f’dak l-Istat Membru. Iktar tard, il-post tad-dħul u tar-residenza kienu l-istess sakemm hija marret lura lejn il-Polonja, fejn hija ma ħadmitx f’dik is-sena. Iċ-ċirkustanzi tat-tluq għalhekk ma jippermettux li l-prinċipji tas-sentenza Schumacker jiġu applikati b’analoġija għal dan il-każ.

3. Sussidjarjament: dwar ġustifikazzjoni possibbli

72.

L-Artikolu 2.6a tad-Digriet Ministerjali, li japplika r-regola ta’ pro rata temporis għat-tnaqqis fiskali fuq il-kontribuzzjonijiet soċjali għall-persuni li, bħal K. M. Zyla, ikunu ħallsuhom biss parzjalment matul sena fiskali, huwa koerenti mas-sistema tiegħu ta’ finanzjament tas-sigurtà soċjali, li tirkeb fuq il-komputazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul.

73.

Effettivament, dak it-tnaqqis japplika b’mod proporzjonat għaż-żmien maħdum matul is-sena fiskali: il-perċentwal huwa ta’ 100 % għal min ikun ħallas is-sena sħiħa u jonqos pro rata temporis għal min ikun ikkontribwixxa għal xi xhur. L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi għalhekk għandhom tendenza li jaġġustaw proporzjonalment l-isforz ekonomiku li timplika għall-kontribwent iż-żamma f’ras il-għajn — jew il-ħlas fix-xahar — tal-kontribuzzjonijiet soċjali permezz ta’ tnaqqis tal-obbligi annwali.

74.

Peress li, skont il-prinċipju ta’ uniċità, kif diġà msemmi, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sigurtà soċjali ( 52 ), il-Pajjiżi l-Baxxi ma għandhomx kompetenza biex iżommu f’ras il-għajn il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa mill-impjegati, bħal K. M. Zyla, fi Stat Membru ieħor, il-konfigurazzjoni tat-tnaqqis fiskali stabbilit fil-leġiżlazzjoni kkontestata tirrifletti loġika simetrika ( 53 ). Jekk ma jiġix applikat it-tnaqqis pro rata temporis, il-persuni fis-sitwazzjoni ta’ K. M. Zyla jiksbu vantaġġ indebitu, għaliex b’hekk it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet soċjali tagħhom jikkumpensahom b’mod sproporzjonat fil-konfront tal-kontribwenti l-oħra għas-sena fiskali sħiħa, u dan imur kontra l-objettiv li jitqassam b’mod proporzjonat l-isforz ekonomiku miksub mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet. Għalhekk, teżisti rabta bejn it-tnaqqis fiskali u l-piż (il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali) inizjali.

75.

Barra minn hekk, f’konformità mal-ġurisprudenza, li hekk teħtieġ ( 54 ), din tkun tnaqqis tat-tnaqqis mogħti lill-istess persuna fil-qafas tal-istess taxxa. Għaldaqstant teżisti rabta diretta, personali u materjali, bejn l-elementi tas-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 55 ), fejn it-tnaqqis tat-tnaqqis jirrappreżenta l-pern li jiggarantixxi aġġustament bejn il-piż u t-tnaqqis, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi oġġettivi. Biex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza meħtieġa, għandu jiġi stmat biss li s-sistema tat-tnaqqis stabbilita fl-Artikolu 2.6a tad-Digriet Ministerjali hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema leġiżlattiva Olandiża.

76.

Dejjem jekk dik il-miżura taħdem b’mod simetriku (u ma jkun hemm ebda element fil-proċess li jqajjem dubju dwar dan), jiġifieri, li din tkun perfettament proporzjonata maż-żmien maħdum fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma tikkawżax trattament żvantaġġuż għall-persuna affiljata li għaliha tapplika, li tkompli żżomm it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tagħha, iżda skont iż-żmien li matulu hija ħallset il-kontribuzzjonijiet qabel ma telqet mill-Pajjiżi l-Baxxi.

77.

Il-miżura kkontestata hija għalhekk xierqa għall-iskop tagħha, minkejja l-limitazzjoni ratione temporis tagħha, u hija neċessarja biex jiġu allinjati strettament il-kontribuzzjonijiet maż-żmien li matulu ma jkunux tħallsu kontribuzzjonijiet fl-Istat Membru. Dan ma jimponix piż akbar, kif diġà indikajt, fuq il-persuna taxxabbli li tħallas proporzjonalment, meta mqabbel ma’ min ikun ħallas il-kontribuzzjonijiet għal sena sħiħa: dan tal-ewwel ma jħallasx iktar minn dan tal-aħħar għaż-żmien li kien marbut mas-sistema tas-sigurtà soċjali.

78.

Fl-aħħar nett, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2.6a tad-Digriet Ministerjali, jekk wieħed jassumi li din tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 45 TFUE, tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali u hija proporzjonata mal-għan li għandu jinkiseb.

V. Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tkun kif ġej:

“Meta ħaddiem kien affiljat għal parti minn sena kalendarja mas-sistema tas-sigurtà soċjali fi Stat Membru, fejn ikun kiseb kważi d-dħul kollu tiegħu li jikkorrispondi għal dik is-sena fiskali, u wara jkun ittrasferixxa ruħu lejn Stat Membru ieħor, fejn ikun għex għall-kumplament tal-istess sena, l-Artikolu 45 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema l-ewwel Stat Membru jillimita perċentwalment it-tnaqqis ġenerali applikabbli għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, fil-kuntest tal-komputazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, skont iż-żmien li matulu l-ħaddiem ikun ħallas dawk il-kontribuzzjonijiet.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Kohll u Kohll-Schlesser (C-300/15, EU:C:2016:361, punti 24 sa 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 3 ) Iktar ’il quddiem, id-“dikjarazzjoni IB/PVV”.

( 4 ) Sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31; iktar ’il quddiem is-“sentenza Schumacker”).

( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141 p. 1).

( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

( 7 ) Il-punti (b), (ċ) u (d) jirreferu rispettivament għal uffiċjali, dawk qiegħda u dawk li jissejħu għas-servizz militari fi Stat Membru.

( 8 ) Il-kontribuzzjonijiet huma rregolati mill-Algemene Ouderdomswet (il-Liġi dwar l-assigurazzjoni ġenerali għax-xjuħija), l-Algemene Nabestaandenwet (il-Liġi dwar l-assigurazzjoni ġenerali għall-pensjonijiet”) u l-Algemene Wet Bijzondere Ziektekosten (il-Liġi dwar l-assigurazzjoni ġenerali għall-ispejjez speċjali tal-mard).

( 9 ) “Regeling Wet financiering sociale verzekeringen” (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali”).

( 10 ) Waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ġibed l-attenzjoni għal żball li daħal fil-proċess matul il-kawża fid-diversi istanzi, peress li jidher li K. M. Zyla marret lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha fil-21 ta’ Lulju 2013. Jidher li din l-ispjegazzjoni tista’ sservi biex jinftiehmu aħjar iċ-ċifri ppreżentati mill-qorti tar-rinviju, li huma riprodotti fil-paragrafu li ġej.

( 11 ) Il-fatti ppreżentati mill-qorti Olandiża ma humiex ċari ħafna f’dan ir-rigward. Matul is-seduta, id-difiża ta’ K. M. Zyla ddikjarat li hija ma għamlet ebda xogħol bi ħlas fil-Polonja. Fi kwalunkwe każ, kieku kellha dħul, dan ma kienx jippermettilha li tħallas il-kontribuzzjonijiet u li tikseb benefiċċji tas-sigurtà soċjali Pollakka.

( 12 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005 (C‑512/03, ECLI:EU:C:2005:516; iktar ’il quddiem is-“sentenza Blanckaert”).

( 13 ) Ibidem, punt 50.

( 14 ) Ibidem, punt 37.

( 15 ) B’riferiment għas-sentenza Schumacker.

( 16 ) Skont is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C‑9/14, EU:C:2015:406).

( 17 ) Isir riferiment għas-sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, X (C-283/15, EU:C:2017:102).

( 18 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg (C‑527/06, EU:C:2008:566, punti 495059 sa 62).

( 19 ) Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C‑9/14, EU:C:2015:406, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punti 4041).

( 21 ) Sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve (C-18/95, EU:C:1999:22, punti 3940).

( 22 ) Sentenza tat-8 ta’ Mejju 1990, Biehl (C-175/88, EU:C:1990:186, punt 16).

( 23 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Petersen u Petersen (C‑544/11, EU:C:2013:124, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) “Ħaddiem” tfisser kwalunkwe persuna “li twettaq attivitajiet li jkunu effettivi u ġenwini, […] il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg hija l-fatt li għal ċertu żmien, persuna twettaq, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni” (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen, C‑337/97, EU:C:1999:284, punt 13).

( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kohll u Kohll-Schlesser (C‑300/15, EU:C:2016:86 punt 42).

( 26 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C‑623/13, EU:C:2015:123, punt 37).

( 27 ) Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑299/01, EU:C:2002:394).

( 28 ) Dan huwa l-mod normali ta’ proċediment. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis (C‑258/04, EU:C:2005:559, punti 35 sa 37).

( 29 ) Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner (C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 32).

( 30 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Larcher (C‑523/13, EU:C:2014:2458, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:194, punt 35).

( 32 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jitqies, madankollu, li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil ħaddiema li l-ispostament tiegħu minn Stat Membru għal ieħor se jkun newtrali fir-rigward tas-sigurtà soċjali, minħabba d-diverġenzi li jeżistu bejn l-iskemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri (punt 34 tal-istess sentenza).

( 33 ) Hawnhekk insegwi l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Olandiż fil-punti 4 u 17 sa 19 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu. Waqt is-seduta, dan il-Gvern ikkonferma li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija identika għas-sentenza Blanckaert, ħlief fir-rigward tal-kalkolu tat-tnaqqis fuq bażi ta’ pro rata temporis.

( 34 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C‑623/13, EU:C:2015:123, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner (C‑496/15, EU:C:2017:152, punti 41 sa 44).

( 36 ) Sentenza Blanckaert, punti 15 u 16.

( 37 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C‑9/14, EU:C:2015:406, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, X (C-283/15, EU:C:2017:102, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner (C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 37).

( 41 ) Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C‑9/14, EU:C:2015:406, punt 24).

( 42 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 32).

( 44 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C‑623/13, EU:C:2015:123, punt 35).

( 45 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308).

( 46 ) F’dan ir-rigward huwa xieraq li tiġi ċċitata s-sentenza Blanckaert, punt 45.

( 47 ) Sentenza Blanckaert, punt 47.

( 48 ) Ir-rata tat-taxxa tonqos billi l-kontribuzzjonijiet soċjali jitnaqqsu mill-ammont ta’ kontribuzzjonijiet akkumulati matul is-sena.

( 49 ) Sentenza Schumacker, punt 38.

( 50 ) Nirreferi għall-punti 57 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Sentenza Schumacker, punt 37.

( 52 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑250/08, EU:C:2011:793, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Ibidem, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 55 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland (C‑388/14, EU:C:2015:829, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top