EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0300

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016.
Charles Kohll u Sylvie Kohll-Schlesser vs Directeur de l'administration des contributions directes.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 21 u 45 TFUE – Moviment liberu u libertà ta’ residenza tal-persuni kif ukoll tal-ħaddiema – Taxxa fuq id-dħul – Pensjoni tal-irtirar – Kreditu ta’ taxxa għall-pensjonanti – Kundizzjonijiet ta’ għoti – Pussess ta’ ċertifikat taż-żamma tat-taxxa maħruġ mill-amministrazzjoni nazzjonali.
Kawża C-300/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:361

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 21 u 45 TFUE — Moviment liberu u libertà ta’ residenza tal-persuni kif ukoll tal-ħaddiema — Taxxa fuq id-dħul — Pensjoni tal-irtirar — Kreditu ta’ taxxa għall-pensjonanti — Kundizzjonijiet ta’ għoti — Pussess ta’ ċertifikat taż-żamma tat-taxxa maħruġ mill-amministrazzjoni nazzjonali”

Fil-Kawża C‑300/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal administratif (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Charles Kohll

Sylvie Kohll-Schlesser

vs

Directeur de l’administration des contributions directes

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, A. Borg Barthet u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u C. Soulay, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 45 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Charles Kohll u Sylvie Kohll-Schlesser, persuni rtirati residenti fil-Lussemburgu, u, min-naħa l-oħra, id-Directeur de l’administration des contributions directes [Direttur tal-amministrazzjoni tat-taxxi diretti] fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil C. Kohll kreditu ta’ taxxa f’dak li jirrigwarda s-snin taxxabbli 2009 sa 2011.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Lussemburgiż

3

Skont l-Artikolu 96(1) tal-Liġi emendata tal-4 ta’ Diċembru 1967 dwar it-taxxa fuq id-dħul (Mémorial A 1967, p. 1228, iktar ’il quddiem il-“LIR”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali:

“jitqies li huwa introjtu li jirriżulta minn pensjonijiet jew minn dħul:

1.

il-pensjonijiet tal-irtirar u l-pensjonijiet tas-superstiti rċevuti abbażi ta’ impjieg imħallas preċedenti u l-allowances u l-vantaġġi l-oħra, anki jekk mhux perjodiċi u benevoli, rċevuti abbażi tal-istess impjieg;

2.

l-arretrati ta’ dħul, pensjonijiet jew ta’ allowances perjodiċi oħra u l-benefiċċji aċċessorji mogħtija minn fond tal-irtirar awtonomu alimentat totalment jew parzjalment minn kontribuzzjonijiet tal-persuni assigurati, kif ukoll l-allowance mogħtija lill-ġenituri jew pesuni ekwivalenti li jiddedikaw ruħhom għall-edukazzjoni tal-ulied u d-dħul imsemmi fl-Artikolu 96a;

[...]”

4

Skont l-Artikolu 139ter tal-LIR, introdott f’din il-liġi bl-Artikolu 1(24) tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2008 (Mémorial A 2008, p. 2622):

“(1)

għandu jingħata kreditu ta’ taxxa għall-pensjonanti (KIP) lill-persuni taxxabbli kollha li jiksbu dħul mill-pensjonijiet jew dħul fis-sens tal-Artikolu 96(1), punti 1 u 2, li huma ntaxxati fil-Lussemburgu u li jkollhom ċertifikat taż-żamma tat-taxxa fil-pussess tagħhom. Il-kreditu ta’ taxxa jittieħed inkunsiderazzjoni biss darba għall-pensjonijiet u d-dħul kollhu mogħti lill-persuna taxxabbli.

(2)

Il-kreditu ta’ taxxa għall-pensjonanti huwa stabbilit għal EUR 300 fis-sena. L-ammont fix-xahar huwa ta’ EUR 25. Il-kreditu ta’ taxxa għall-pensjonanti huwa limitat għall-perijodu li matulu l-persuna taxxabbli tibbenefika minn dħul li jirriżulta minn pensjonijiet jew minn dħul fis-sens u taħt il-kundizzjonijiet [tal-paragrafu 1]. Dan jitħallas mill-fond ta’ pensjonijiet jew minn kwalunkwe debitur ieħor tal-pensjoni matul is-sena taxxabbli li magħha huwa relatat, skont il-modalitajiet li għandhom jiġu ddeterminati mir-regolament Gran Dukali msemmi [fil-paragrafu] 4. Fir-rigward ta’ dħul li ma jiħaqx minn tal-inqas l-ammont ta’ rispettivament EUR 300 fis-sena jew EUR 25 fix-xahar, il-kreditu ta’ taxxa għall-pensjonanti ma jingħatax. Il-kreditu ta’ taxxa jista’ jiġi attribwit u rrimborsat lill-pensjonant esklużivament fil-kuntest taż-żamma tat-taxxa fuq il-pagi u s-salarji, imħallas mill-fond tal-pensjonijiet jew kwalunkwe debitur ieħor tal-pensjoni, fuq il-bażi taċ-ċertifikat taż-żamma tat-taxxa.

(3)

Il-fond ta’ pensjonijiet jew id-debitur tal-pensjoni li jkun ħallas il-kreditu ta’ taxxa għall-pensjonanti u l-kreditu ta’ taxxa monoparentali għandu d-dritt li jpaċi l-krediti mogħtija b’żamma tat-taxxa pożittiva, jew, jekk ikun il-każ, jitlob ir-rimbors tal-krediti ta’ taxxa mħallsa skont modalitajiet li għandhom jiġu ddeterminati mir-regolament Gran Dukali msemmi [fil-paragrafu] 4.

(4)

Regolament Gran Dukali jista’ jispeċifika l-metodi ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi.”

5

Skont l-Artikolu 143(1) tal-LIR:

“Għal kull impjegat, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet li għandhom jiġu previsti b’regolament Gran Dukali, għandu jiġi stabbilit ċertifikat taż-żamma tat-taxxa li jkun jinkludi l-indikazzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tar-rata tat-taxxa u intiż sabiex fuqu jiġi indikat

a)

mill-Administration des contributions directes [amministrazzjoni tat-taxxi diretti], indikazzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu osservati matul id-determinazzjoni tat-taxxa;

b)

mill-persuna li timpjega, ir-remunerazzjoni mogħtija, it-taxxa miżmuma u l-krediti ta’ taxxa mogħtija.

[...]”.

6

L-Artikolu 144 tal-LIR jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 136 sa 143 japplikaw b’analoġija għall-pensjonijiet u għall-arretrati ta’ dħul imsemmija fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 96(1). Il-miżuri ta’ aġġustament huma stabbiliti b’regolament Gran Dukali.”

7

Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Gran Dukali tad-19 ta’ Diċembru 2008 li jirregola l-modalitajiet ta’ applikazzjoni għall-għoti tal-kreditu ta’ taxxa għall-pensjonanti (Mémorial A 2008, p. 2645):

“Il-kreditu ta’ taxxa għall-pensjonanti (KIP) jingħata mill-fond ta’ pensjonijiet jew minn kwalunkwe debitur ieħor tal-pensjoni lill-pensjonati tagħhom li jkollhom ċertifikat taż-żamma tat-taxxa li fuqu jkun hemm l-indikazzjoni KIP. Jekk kreditu ta’ taxxa ma jitniżżilx fuq iċ-ċertifikat taż-żamma jew jekk il-pensjonant ma għandux ċertifikat taż-żamma, il-fond ta’ pensjonijiet jew kwalunkwe debitur ieħor tal-pensjoni ma għandux id-dritt li jgħati kreditu ta’ taxxa.

[...]”.

Il-ftehim bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar ħelsien minn taxxa doppja

8

Il-ftehim bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar ħelsien minn taxxa doppja u l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-patrimonju, iffirmat f’Den Haag fit-8 ta’ Mejju 1968, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja”, jipprevedi, fl-Artikolu 19 tiegħu, li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1) ta’ dan il-ftehim, il-pensjonijiet u remunerazzjonijiet oħra simili li jitħallsu lil residenti fi Stat kontraenti minħabba xi impjieg imħallas fl-imgħoddi għandhom ikunu taxxabbli biss f’dak l-Istat.

9

Skont l-Artikolu 20(1) tal-imsemmi ftehim, ir-remunerazzjonijiet, inklużi l-pensjonijiet, imħallsa minn wieħed mill-Istati kontraenti, mis-sottodiviżjonijiet politiċi tiegħu, kollettivitajiet lokali jew persuni ġuridiċi oħra rregolati mid-dritt pubbliku, kemm jekk direttament kif ukoll jekk fuq dħul minn fondi li huma stabbilixxew, lil persuna fiżika abbażi tas-servizzi mogħtija lil dan l-Istat, lil din is-sottodiviżjoni, lil din il-kollettività jew persuna ġuridika oħra rregolati mid-dritt pubbliku fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ natura pubblika, għandhom ikunu taxxabbli fl-imsemmi Stat.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

C. Kohll u martu, S. Kohll-Schlesser, it-tnejn li huma ta’ nazzjonalità Lussemburgiża, jirresjedu fil-Lussemburgu. C. Kohll jibbenefika minn żewġ pensjonijiet li joriġinaw mill-Pajjiżi l-Baxxi, mogħtija rispettivament minn Shell International BV u mis-Sociale Verzekeringsbank (fond ta’ assigurazzjoni soċjali). S. Kohll-Schlesser tirċievi wkoll pensjoni mingħand din tal-aħħar.

11

Fl-20 ta’ Frar 2013, C. Kohll ressaq ilment kontra l-istimi tat-taxxa fuq id-dħul maħruġa għas-snin mill-2009 sal-2011, minħabba li l-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża ma kinitx tatu l-kreditu ta’ taxxa għall-pensjonanti previst fl-Artikolu 139 ter tal-LIR (iktar ’il quddiem il-“kreditu ta’ taxxa”).

12

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2013, id-Directeur de l’administration des contributions directes ċaħad l-ilment ta’ C. Kohll, minn naħa, għaliex kien tardiv, u għaldaqstant inammissibbli, sa fejn dan kien jirrigwarda d-dħul riċevut matul is-sena 2009 u, min-naħa l-oħra, sa fejn dan kien jirrigwarda d-dħul riċevut matul is-snin 2010 u 2011, billi kkonferma li C. Kohll ma kienx eliġibbli għall-benefiċċju tal-kreditu ta’ taxxa u billi imponielu korrezzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ dawn is-snin.

13

Fl-10 ta’ Diċembru 2013, C. Kohll u S. Kohll-Schlesser ippreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal administratif (il-Lussemburgu), rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tad-Directeur de l’administration des contributions directes.

14

Il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikors ta’ S. Kohll-Schlesser, li ma kinitx ilmentat minn qabel f’isimha mad-Directeur de l’administration des contributions directes, huwa inammissibbli, iżda madankollu tqis li r-rikors ta’ C. Kohll huwa ammissibbli. Dan tal-aħħar jikkontesta, b’mod partikolari, il-kompatibbiltà tal-Artikolu 139ter tal-LIR mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema sanċit fl-Artikolu 45 TFUE.

15

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-kreditu ta’ taxxa jingħata lil kull persuna taxxabbli li tirċievi dħul li jirriżulta minn pensjonijiet jew minn dħul, fis-sens tal-Artikolu 96(1), punti 1 u 2, tal-LIR, sakemm il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jkollu d-dritt li jintaxxa u sakemm il-persuna taxxabbli jkollha ċertifikat taż-żamma tat-taxxa.

16

Skont l-istess qorti, għalkemm il-pensjonijiet inkwistjoni fil-kawża mressqa quddiemha huma taxxabbli fil-Lussemburgu, madankollu huwa paċifiku li C. Kohll ma ngħatax ċertifikat taż-żamma tat-taxxa f’dak li jirrigwarda l-pensjonijiet li fir-rigward tagħhom huwa qed jinvoka d-dritt għall-kreditu ta’ taxxa.

17

Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tosserva li, sa fejn jissuġġetta l-għoti tal-kreditu ta’ taxxa għar-rekwiżit li l-benefiċjarju potenzjali jkun fil-pussess ta’ ċertifikat taż-żamma tat-taxxa, l-Artikolu 139ter tal-LIR. jista’ jinvolvi diskriminazzjoni indiretta. Issa, dan il-kreditu ta’ taxxa ma jingħatax lil persuni li jirċievu salarji jew pensjonijiet mhux suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn, bħalma huma l-pensjonijiet barranin.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal administratif iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, inkluż, b’mod partikolari, fl-Artikolu 45 TFUE, jipprekludi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139[ter](1), tal-liġi emendata tal-4 ta’ Diċembru 1967, dwar it-taxxa fuq id-dħul, sa fejn dawn jirriżervaw, lill-persuni li għandhom ċertifikat taż-żamma tat-taxxa fil-pussess tagħhom, il-benefiċċju tal-kreditu tat-taxxa inkluż fih?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-benefiċċju tal-kreditu ta’ taxxa tal-pensjonanti biss għal persuni taxxabbli li jkollhom ċertifikat taż-żamma tat-taxxa.

Fuq il-libertà inkwistjoni

20

Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 45 TFUE, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, jistax jiġi invokat f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tikkonċerna t-trattament fiskali, minn Stat Membru, tal-pensjonijiet tal-irtirar imħallsa lil resident tal-imsemmi Stat Membru minn debitur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

21

Fil-fatt, il-Gvern Lussemburgiż jesprimi dubji dwar l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea tqis li l-imsemmija dispożizzjoni tkun applikabbli biss li kieku C. Kohll kien sar resident Lussemburgiż qabel ma rtira, sabiex ifittex jew jokkupa impjieg f’dan l-Istat Membru. L-Artikolu 45 TFUE effettivament ma jkunx japplika għas-sitwazzjoni ta’ C. Kohll jekk dan kien stabbilixxa ruħu fil-Lussemburgu meta diġà kellu l-istatus ta’ persuna rtirata u ma kellux l-intenzjoni li hemmhekk jeżerċità attività professjonali.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea, indipendentement mill-post ta’ residenza tiegħu u min-nazzjonalità tiegħu, li jkun għamel użu mid-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema u li jkun eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak tar-residenza tiegħu, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE (sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Petersen, C‑544/11, EU:C:2013:124, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-pensjoni mħallsa minn Shell International lil C. Kohll, huwa paċifiku li din titħallas bis-saħħa tal-impjieg imħallas preċedenti li l-persuna kkonċernata kellha fi Stat Membru, f’dan il-każ fil-Pajjiżi l-Baxxi, li ma huwiex l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħha u fejn hija tirresjedi fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali.

24

Issa, peress li eżerċita impjieġ imħallas fi Stat Membru ieħor, C. Kohll uża d-dritt għal moviment liberu tiegħu previst fl-Artikolu 45 TFUE.

25

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li persuna ma tkunx iktar involuta f’relazzjoni ta’ xogħol ma jċaħħadhiex mill-garanzija ta’ ċerti drittijiet li huma marbuta mal-kwalità ta’ ħaddiem u li pensjoni tal-irtirar, li l-għoti tagħha jiddependi fuq l-eżistenza minn qabel ta’ relazzjoni ta’ xogħol li ntemmet, taqa’ taħt din il-kategorija ta’ drittijiet. Fil-fatt, id-dritt għal pensjoni huwa marbut intrinsikament mal-kwalità oġġettiva ta’ ħaddiem (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Sehrer, C‑302/98, EU:C:2000:322, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli, bħal C. Kohll, li tibbenefika minn pensjoni mħallsa abbażi tal-impjieg imħallas li hija eżerċitat fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu hija ċittadina u fejn hija tirresjedi fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, hija għalhekk differenti minn dik ta’ persuna li l-karriera professjonali tagħha tkun seħħet kollha kemm hija fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina u li użat id-dritt tagħha li tirresjedi fi Stat Membru ieħor biss wara li rtirat, u li għalhekk ma tistax tinvoka l-moviment liberu ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Turpeinen, C‑520/04, EU:C:2006:703, punt 16).

27

Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkonfutata mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015 (Hirvonen, C‑632/13, EU:C:2015:765), peress li fil-punt 21 tal-imsemmija sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li persuna rtirata li titlaq mill-Istat Membru fejn qattgħet il-ħajja professjonali kollha tagħha sabiex tmur toqgħod fi Stat Membru ieħor tista’ tinvoka, meta s-sitwazzjoni tagħha ma taqax taħt il-moviment liberu ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE, id-dritt ta’ moviment liberu bħala ċittadina tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 TFUE.

28

Konsegwentement, ċittadin u resident ta’ Stat Membru, bħal C. Kohll, jista’ jinvoka l-Artikolu 45 TFUE f’dak li jirrigwarda l-pensjoni tal-irtirar imħallsa abbażi tal-impjieg imħallas preċedenti tiegħu fi Stat Membru li la huwa dak li tiegħu huwa ċittadin u lanqas dak ta’ fejn jirresjedi fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk, wara li ħadem f’dan l-Istat Membru l-ieħor, huwa ma stabbilixxiex ruħu fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, sabiex hemmhekk ifittex jew jokkupa impjieg.

29

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-pensjoni mħallsa mill-fond ta’ assigurazzjoni soċjali lil C. Kohll, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali la jaqblu dwar il-bażi ġuridika li fuqha din il-pensjoni tingħata lill-persuna kkonċernata u lanqas fuq id-dritt tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jintaxxaha, fid-dawl tal-Artikolu 20(1) tal-ftehim bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar ħelsien minn taxxa doppja.

30

Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tispeċifika li din il-pensjoni tingħata lil kull persuna li kienet residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk din il-persuna kinitx okkupat, fl-imsemmi Stat, impjieg imħallas, madankollu tqis li din taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, għalkemm din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-pensjonijiet imħallsa abbażi ta’ impjieg imħallas.

31

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-bażi ġuridika li fuqha din il-pensjoni titħallas lil C. Kohll mill-fond ta’ assigurazzjoni soċjali u li għandha, b’mod partikolari, tivverifika jekk f’dan il-każ din il-pensjoni, għalkemm a priori tingħata lil kull resident tal-Pajjiżi l-Baxxi, kinitx madankollu ngħatat lil C. Kohll minħabba l-impjieg imħallas tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll jekk l-ammont tal-imsemmija pensjoni huwiex suġġett għall-kwalità ta’ impjegat tal-persuna kkonċernata. Jekk ir-risposta tkun waħda affermattiva, l-Artikolu 45 TFUE jista’ jiġi invokat fil-kawża prinċipali, għall-istess raġunijiet bħal dawk speċifikati fil-punti 23 sa 28 ta’ din is-sentenza.

32

Min-naħa l-oħra, jekk jiġi kkonstatat li la l-obbligu impost fuq il-fond ta’ assigurazzjoni soċjali li jħallas pensjoni lil C. Kohll u lanqas l-ammont ta’ din il-pensjoni ma jiddependu fuq il-kwalità ta’ ħaddiem tal-persuna kkonċernata, iżda fuq il-fatt li huwa kien residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, jista’ jiġi invokat l-Artikolu 21 TFUE, li jipprevedi, b’mod ġenerali, d-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċirkola u jirresjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

33

Konsegwentement, peress li kemm l-Artikolu 21 TFUE kif ukoll l-Artikolu 45 TFUE jistgħu jkunu applikabbli fil-kawża prinċipali, dawn għandhom jiġu interpretati.

34

F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li, fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju semmiet biss l-Artikolu 45 TFUE ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi wkoll interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE.

35

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li ma sarx riferiment għalihom fid-domandi preliminari tagħha (sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Petersen, C‑544/11, EU:C:2013:124, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-eżistenza ta ’ restrizzjoni

36

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-Artikolu 45 TFUE, għandu jitfakkar li anki jekk, skont il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema huma intiżi, b’mod partikolari, li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu wkoll lill-Istat Membru tal-oriġini milli jostakola l-libertà ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu li jaċċetta u jsegwi impjieg fi Stat Membru ieħor (sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Petersen, C‑544/11, EU:C:2013:124, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, skont id-dritt nazzjonali, il-kreditu ta’ taxxa jingħata lil persuni taxxabbli li jirċievu dħul li jirriżulta minn pensjoni tal-irtirar taxxabbli fil-Lussemburgu, li l-livell tagħha jilħaq mill-inqas EUR 300 fis-sena jew EUR 25 fix-xahar, u li għandhom ċertifikat taż-żamma tat-taxxa.

38

Issa, kif tispeċifika l-qorti tar-rinviju, il-benefiċjarju ta’ pensjoni tal-irtirar ma jingħatax ċertifikat taż-żamma tat-taxxa meta din il-pensjoni, għalkemm tkun taxxabbli fil-Lussemburgu, ma tkunx is-suġġett ta’ taxxa f’ras il-għajn f’dan l-Istat Membru, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li d-debitur tal-imsemmija pensjoni huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor.

39

Minn dan isegwi li l-vantaġġ fiskali tal-kreditu ta’ taxxa ma jingħatax lill-persuni taxxabbli residenti fil-Lussemburgu li l-pensjonijiet tagħhom taxxabbli f’dan l-Istat Membru jkunu joriġinaw minn Stat Membru ieħor.

40

Billi tintroduċi differenza fit-trattament bejn il-persuni taxxabbli residenti fil-Lussemburgu, skont l-Istat Membru li minnu joriġinaw il-pensjonijiet tal-irtirar, taxxabbli fil-Lussemburgu, li minnhom huma jibbenefikaw, u billi tirrifjuta l-vantaġġ fiskali tal-kreditu ta’ taxxa lill-persuni taxxabbli li d-debitur tal-pensjoni tagħhom huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiddiswadi lill-ħaddiema milli jfittxu jew jaċċettaw xogħol fi Stat Membru li ma huwiex il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

41

Għalhekk, leġiżlazzjoni bħal din tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema li hija, bħala prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 45 TFUE.

42

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-Artikolu 21 TFUE, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens, C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fil-fatt, il-possibbiltajiet offerti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom li kieku ċittadin ta’ Stat Membru jkun jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom, b’ostakoli dovuti għar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu li tippenalizzah minħabba s-sempliċi fatt li huwa eżerċita dawn il-possibbiltajiet (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens, C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-każ, sa fejn il-miżura jew il-vantaġġ fiskali tal-kreditu ta’ taxxa huwa rrifjutat lil persuna taxxabbli Lussemburgiża li eżerċitat il-libertà tagħha ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru li ma huwiex dak taċ-ċittadinanza tagħha u li tibbenefika, abbażi tar-residenza tagħha f’dan l-Istat Membru l-ieħor, minn pensjoni mħallsa minn debitur stabbilit f’dan l-aħħar stat, din il-persuna taxxabbli Lussemburgiża tkun żvantaġġata meta mqabbla ma’ persuni taxxabbli li ma eżerċitawx il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għal tali differenza fit-trattament, tista’ tiddiswadi lil persuna taxxabbli milli teżerċita din il-libertà u tikkostitwixxi, għalhekk, restrizzjoni għal-libertajiet sanċiti fl-Artikolu 21 TFUE.

Dwar l-eżistenza ta ’ ġustifikazzjoni

45

Tali restrizzjonijiet jistgħu jiġu ammessi biss jekk jikkonċernaw sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew jekk huma ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland, C‑388/14, EU:C:2015:829, punt 26).

46

Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk is-sitwazzjonijiet inkwistjoni humiex oġġettivament komparabbli, għandu jitfakkar li l-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni nazzjonali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2010, X Holding, C‑337/08, Ġabra p. I‑89, punt 22, u tas-6 ta’ Settembru 2012, Philips Electronics UK, C‑18/11, EU:C:2012:532, punt 17).

47

F’dan ir-rigward, il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-kreditu ta’ taxxa ġie stabbilit biex tiġi segwita politika fiskali selettiva favur persuni li jifformaw parti mill-istrati soċjali l-iktar vulnerabbli, billi jippermetti li jkollhom, b’konsegwenza ta’ tali vantaġġ fiskali, dħul disponibbli ikbar.

48

Issa, fid-dawl ta’ tali għan, persuna taxxabbli resident li tirċievi pensjoni tal-irtirar li toriġina minn Stat Membru ieħor mhux neċessarjament li tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ persuna taxxabbli residenti li tirċievi tali pensjoni minn debitur stabbilit fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha, peress li dawn il-persuni taxxabbli jistgħu t-tnejn li huma jkunu jifformaw parti mill-istrati soċjali l-iktar vulnerabbli.

49

Il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tista’, għalhekk, tirrigwarda biss raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’din l-ipoteżi, li r-restrizzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li din ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland, C‑388/14, EU:C:2015:829, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, il-Gvern Lussemburgiż isostni li s-sistema ta’ kreditu ta’ taxxa hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, billi tipprevedi l-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa li jkun imputabbli u restitwibbli, b’mod effikaċi, ekwu u affidabbli, mingħajr ma jkun hemm oneru amministrattiv sproporzjonat.

51

Skont dan il-Gvern, minn naħa, din is-sistema ta’ kreditu ta’ taxxa hija l-unika waħda implementabbli, mingħajr ma tinvolvi piżijiet amministrattivi sproporzjonati għall-amministrazzjonijiet, għad-debituri tad-dħul inkwistjoni kif ukoll għall-persuni kkonċernati. Fil-fatt, huma biss l-organi nazzjonali inkarigati mill-ħlas tal-pensjonijiet u mill-mogħdija taż-żamma tat-taxxa lit-Teżor li, minn naħa, għandhom l-informazzjoni aġġornata li tippermetti l-għoti tal-kreditu ta’ taxxa b’mod effettiv, ġust u xieraq u li, min-naħa l-oħra, jinsabu f’pożizzjoni li jimputaw u jirrestitwixxu, b’mod dirett u effettiv, dan il-kreditu ta’ taxxa lill-persuni taxxabbli kkonċernati.

52

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija sistema hija neċessarja sabiex tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali fl-intier tagħha u fil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża teżisti rabta bejn is-sistema ta’ ġbir tat-taxxa, f’dan il-każ iż-żamma tat-taxxa fuq id-dħul minn pensjonijiet fis-sens tal-Artikolu 96(1), punti 1 u 2, tal-LIR, u l-kreditu ta’ taxxa.

53

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura amministrattiva u prattika li jagħmel riferiment għalihom il-Gvern Lussemburgiż, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja effettivament diġà ddeċidiet li l-Istati Membri ma jistgħux jiċċaħħdu mill-possibbiltà li jilħqu għanijiet leġittimi permezz tal-introduzzjoni ta’ regoli li jistgħu jiġu faċilment amministrati u kkontrollati mill-awtoritajiet kompetenti (sentenza tal-24 ta’ Frar 2015, Sopora, C‑512/13, EU:C:2015:108, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Madankollu, għandu jiġi osservat li dak li huwa kkontestat fil-kawża prinċipali la hija s-sistema bbażata fuq it-taxxa f’ras il-għajn u lanqas in-natura xierqa u prattika tal-ħruġ ta’ ċertifikat taż-żamma tat-taxxa, iżda r-rifjut assolut li jingħata vantaġġ fiskali meta l-persuna taxxabbli kkonċernata ma tkunx f’pożizzjoni li tipproduċi tali ċertifikat, minkejja li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-imsemmi vantaġġ.

55

Issa, ma jistax jiġi eskluż a priori li persuna taxxabbli tista’ tipprovdi dokumenti rilevanti li jippermettu li l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, l-awtentiċità u n-natura tad-dħul mill-pensjoni li joriġina minn Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, EU:C:2009:33, punt 53).

56

Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lill-awtoritajiet fiskali kkonċernati milli jeżiġu mill-persuna taxxabbli l-provi li huma jqisu neċessarji sabiex jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmi vantaġġ previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni humiex issodisfatti u, konsegwentement, jekk hemmx lok jew le li jingħata l-vantaġġ mitlub (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, EU:C:2009:33, punt 54).

57

F’dan ir-rigward, il-Gvern Lussemburgiż ma pprovdiex indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li kienu jipprekluduh milli jibbaża ruħu fuq l-informazzjoni ppreżentata minn persuna taxxabbli li titlob li tibbenefika mill-kreditu ta’ taxxa.

58

Barra minn hekk, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Gvern Lussemburgiż, filwaqt li jinvoka l-allegati piżijiet amministrattivi u n-natura sproporzjonata tagħhom, jibqa’ vag dwar in-natura eżatta tagħhom.

59

F’kull każ, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li diffikultajiet prattiċi ma jistgħux jiġġustifikaw, waħedhom, ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman-Lavaleije, C‑233/09, EU:C:2010:397, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li għalkemm il-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq l-eżerċizzjoni tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, madankollu sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jintlaqa’, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi konnessjoni diretta bejn il-vantaġġ fiskali inkwistjoni u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari, fejn in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman-Lavaleije, C‑233/09, EU:C:2010:397, punti 5455 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Issa, f’dan il-każ, il-Gvern Lussemburgiż ma jinvokax l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-kreditu ta’ taxxa u impożizzjoni fiskali partikolari, peress li l-pensjonijiet li joriġinaw minn Stat Membru huma, l-istess bħall-pensjonijiet li joriġinaw minn sorsi Lussemburgiżi, taxxabbli fil-Lussemburgu, iżda jibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ rabta bejn il-kreditu ta’ taxxa u teknika ta’ intaxxar, jiġifieri t-taxxa f’ras il-għajn, applikata biss fir-rigward ta’ pensjonijiet li d-debitur tagħhom huwa stabbilit fil-Lussemburgu. Il-vantaġġ fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għalhekk ma huwiex impaċi permezz ta’ impożizzjoni partikolari, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

62

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala prinċipju pprojbiti mill-Artikoli 21 u 45 TFUE, ma jistgħux ikunu ġġustifikati għar-raġunijiet invokati mill-Gvern Lussemburgiż.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 21 u 45 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-benefiċċju ta’ kreditu ta’ taxxa tal-pensjonanti biss għall-persuni taxxabbli li jkollhom ċertifikat taż-żamma tat-taxxa.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 21 u 45 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-benefiċċju ta’ kreditu ta’ taxxa tal-pensjonanti biss għall-persuni taxxabbli li jkollhom ċertifikat taż-żamma tat-taxxa.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top