SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 45 TFUE — Moviment liberu tal-ħaddiema — Uffiċjal ta’ Stat Membru li telaq mis-servizz pubbliku sabiex jeżerċita impjieg fi Stat Membru ieħor — Leġiżlazzjoni nazzjonali li f’dan il-każ tipprevedi t-telf tad-drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija miksuba fis-servizz pubbliku u s-sħubija retroattiva fl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija”

Fil-Kawża C‑187/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Düsseldorf (qorti amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ April 2015, fil-proċedura

Joachim Pöpperl

vs

Land Nordrhein-Westfalen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, A. Arabadjiev, J.‑C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Joachim Pöpperl, minn J. Düsselberg, avukat,

għal-Land Nordrhein-Westfalen, minn R. Messal u C. Brammer,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 45 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Joachim Pöpperl u l-Land Nordrhein-Westfalen (Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) dwar it-telf tad-drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija wara riżenja minn pożizzjoni ta’ uffiċjal okkupata fi ħdan l-imsemmi Land sabiex jeżerċita impjieg fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 28(3) tal-Beamtengesetz für das Land Nordrhein-Westfalen (regolamenti tal-persunal tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen) jipprevedi:

“Wara li ma jibqax fl-impjieg, l-ex uffiċjal ma għandu jkollu ebda dritt għal benefiċċji mingħand il-persuna li timpjegah, sakemm ma huwiex previst xorta oħra mil-liġi [...]”

4

L-Artikolu 8 tas-Sozialgesetzbuch Sechstes Buch (is-sitt ktieb tal-kodiċi tas-sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem is-“SGB VI”) jistabbilixxi:

“(1)   Huma wkoll assigurati l-persuni

1.

assigurati b’mod retroattiv jew

2.

[...]

Il-persuni assigurati b’mod retroattiv li huma assimilati għall-persuni suġġetti għall-assigurazzjoni obbligatorja.

(2)   L-assigurazzjoni retroattiva hija applikata għall-persuni li,

1.

bħala uffiċjali jew imħallfin maħtura għal ħajjithom kollha, għal żmien determinat jew bi prova, bħala suldati professjonali jew suldati rreklutati għal żmien determinat u bħala uffiċjali revokabbli li jkunu jinsabu f’apprentistat ta’ preparazzjoni,

2.

[...]

li huma liberi jekk jissiħbux f’assigurazzjoni jew le u li huma eżentati mill-obbligu li jassigurawhom ruħhom, telqu mill-impjieg tagħhom mingħajr dritt għal jew stennija ta' pensjoni mill-impjieg ta’ uffiċjal jew tilfu dan id-dritt mingħajr ma kien hemm raġuni sabiex il-ħlas tal-kontribuzzjoni jiġi pospost [...] L-assigurazzjoni retroattiva testendi fuq il-perijodu ta’ assenza ta’ obbligu li wieħed jassigura ruħu jew ta’ eżenzjoni (perijodu ta’ assigurazzjoni retroattiva). Fil-każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ assigurazzjoni minħabba mewt, ma għandu jkunx hemm assigurazzjoni retroattiva ħlief jekk ikun jista’ jiġi invokat dritt għal pensjoni tas-superstiti.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li J. Pöpperl kien uffiċjal revokabbli impjegat mil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen mill-1 ta’ Settembru 1978 sat-30 ta’ April 1980, u uffiċjal għal ħajtu kollha, fil-kwalità ta’ għalliem, fis-servizz tal-istess Land mill-1 ta’ Awwissu 1980 sal-31 ta’ Awwissu 1999.

6

J. Pöpperl irriżenja b’mod volontarju mill-pożizzjoni tiegħu ta’ uffiċjal fl-1 ta’ Settembru 1999 u, matul dan ix-xahar, beda jaħdem bħala għalliem fl-Awstrija.

7

Wara li rrinunzja għall-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal, J. Pöpperl ġie msieħeb b’mod retroattiv, skont l-Artikolu 8 tas-SGB VI, għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 1978 sal-1 ta’ Settembru 1999, mal-Bundesversicherungsanstalt für Angestellte (uffiċċju federali tal-assigurazzjoni tal-impjegati, il-Ġermanja), li sar id-Deutsche Rentenversicherung Bund (assigurazzjoni tal-pensjoni Ġermaniża — aġenzija federali, il-Ġermanja).

8

Għal J. Pöpperl ġiet eskluża kopertura addizzjonali mill-Versorgungsanstalt des Bundes und der Länder (fond ta’ sigurtà soċjali tal-impjegati tas-servizz pubbliku tar-Repubblika Federali u tal-Länder, il-Ġermanja), u dan b’differenza mill-għalliema li ma għandhomx l-istatus ta’ uffiċjal. Rikors li J. Pöpperl kien ippreżenta f’dan ir-rigward ġie miċħud mil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2009.

9

Konsegwentement, J. Pöpperl għandu dritt għal pensjoni tax-xjuħija, wara li jilħaq l-età meħtieġa, skont id-dispożizzjonijiet tas-SGB VI, tal-ammont ta’ EUR 1050.67 fix-xahar għall-perijodi ta’ taħriġ, għall-istudji u għall-assigurazzjoni retroattiva, filwaqt li dan jista’, jekk id-dritt tal-Land ta’ Nordrhein‑Westfalen jipprevedi li d-drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija ta’ uffiċjal ma jintilfux fil-każ ta’ telf tal-kwalità ta’ uffiċjal, minħabba l-attività full-time mill-1 ta’ Settembru 1978 sal-31 ta’ Awwissu 1999, jinvoka dritt għal pensjoni tax-xjuħija ta’ EUR 2263.03 fix-xahar. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ studju bħallikieku kienu perijodi ta’ impjieg preċedenti jtella’ dan l-ammont għal EUR 2728.18 fix-xahar.

10

Wara talba min-naħa tiegħu, J. Pöpperl ġie informat, permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ April 2013, mil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen li, sa fejn dan irrinunzja l-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal, huwa ma seta’ jistenna ebda dritt għal pensjoni tax-xjuħija f’dik il-kwalità u li huwa kien ġie assigurat b’mod retroattiv għall-perijodu kollu ta’ attività tiegħu fis-servizz ta’ dak il-Land.

11

J. Pöpperl appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn sostna li l-obbligu ta’ assigurazzjoni retroattiva jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 45 TFUE.

12

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju qabelxejn tirrileva, b’mod partikolari, li d-differenza ta’ EUR 1677.51 f’termini ta’ benefiċċji ta’ pensjoni tax-xjuħija li tirriżulta, hekk kif jirriżulta mill-punt 9 ta’ din is-sentenza, mill-obbligu ta’ assigurazzjoni retroattiva previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, tista’ tirrendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq tax-xogħol fi Stat Membru ieħor, peress li t-telf tad-drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija tas-servizz pubbliku huwa ta’ natura li jiddisswadi lill-uffiċjali milli jfittxu impjieg fi Stat Membru ieħor.

13

Madankollu, skont din il-qorti, fid-dritt Ġermaniż jeżistu differenzi rilevanti bejn l-iskema ta’ pensjoni tax-xjuħija tal-uffiċjali u l-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija. Ir-relazzjoni ta’ impjieg fis-servizz pubbliku hija allegatament ibbażata fuq il-prinċipju ta’ impjieg għall-ħajja kollha u, meta mqabbel ma’ ħaddiema oħra, l-uffiċjal ikun marbut mal-persuna li timpjegah b’mod partikolari u iktar globali. Il-bażi tad-dritt għal pensjoni tax-xjuħija u tal-obbligu ta’ manteniment korrispondenti tal-persuna li timpjega lejn l-uffiċjal hija allegatament ikkostitwita mill-obbligu tal-uffiċjal minħabba r-reklutaġġ tiegħu fis-servizz pubbliku li jqiegħed lilu nnifsu totalment għas-servizz tal-persuna li timpjegah, li tkun tista’ tagħmel użu, fil-prinċipju għal ħajtu kollha, minn kull kapaċità tax-xogħol. Meta r-relazzjoni ta’ impjieg ta’ dritt pubbliku tintemm mill-uffiċjal, dan normalment iwassal għat-tmiem tal-obbligu ta’ manteniment u tal-obbligu ta’ premura assoċjati magħha.

14

Ma’ dawn id-differenzi jew partikolaritajiet jikkorrispondu, skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, id-differenzi fis-sistemi ta’ kopertura soċjali, li min-naħa tagħhom iwasslu għal differenzi fl-ammont tal-benefiċċji ta’ pensjoni tax-xjuħija.

15

Għalhekk, il-pensjoni tax-xjuħija tal-uffiċjali tkun tiddependi, sa estent determinanti, mis-snin ta’ servizz, fejn is-sistema tirrikompensa n-numru ta’ snin li matulhom uffiċjal ħadem għall-persuna li timpjegah. Bi skambju għal dan, l-uffiċjal jaċċetta li s-salarju gross tiegħu normalment ikun, matul il-perijodu ta’ attività professjonali, inqas minn dak ta’ impjegat li jkollu l-istess kwalifiki u jopera fl-istess settur. Għall-kuntrarju, fl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija, il-pensjoni tax-xjuħija bħala prinċipju tiġi kkalkolata abbażi tar-remunerazzjoni gross riċevuta kull sena kalendarja u kkonvertita f’punti ta’ remunerazzjoni.

16

Fir-rigward, sussegwentement, tal-effetti tal-assigurazzjoni retroattiva għal uffiċjal, f’dan il-każ fil-kwalità ta’ għalliem, li rriżenja mill-funzjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li din l-assigurazzjoni hija intiża li tqiegħed lil dan l-uffiċjal fis-sitwazzjoni li kien ikun jinsab fiha li kieku matul il-karriera kollha tiegħu ta’ uffiċjal huwa kien ħallas il-kontribuzzjonijiet fl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija.

17

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dritt applikabbli fil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen ma kien iħalli ebda possibbiltà oħra lil J. Pöpperl ħlief li jirrinunzja għall-istatus tiegħu ta’ uffiċjal jekk huwa ried jibda relazzjoni ta’ xogħol ġdida fl-Awstrija. B’differenza għas-sitwazzjoni li tkun teżisti fil-każ ta’ bdil tal-persuna li timpjega fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, pereżempju minn Land għal ieħor jew mill-amministrazzjoni ta’ Land għall-amministrazzjoni Federali, ma jkunx hemm possibbiltà li wieħed jiċċaqlaq jew jiġi ttrasferit fis-servizz pubbliku ta’ Stat Membru ieħor filwaqt li jżomm id-drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija diġà miksuba.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (qorti amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema persuna impjegata bħala uffiċjal fi Stat Membru titlef id-drittijiet tagħha għall-pensjoni tal-irtirar [pensjoni tax-xjuħija] (pensjonijiet tal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-uffiċjali) li jirriżultaw minn impjieg bħala uffiċjal għaliex, sabiex tibda impjieg fi Stat Membru ieħor, din il-persuna ġiet irrilaxxata mis-servizz pubbliku fuq talba tagħha, meta fl-istess waqt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li din il-persuna hija assigurata b’mod retroattiv fl-iskema statutorja ta’ pensonijiet abbażi tas-salarju gross irċevut bħala uffiċjal, għalkemm id-drittijiet għall-pensjoni li jirriżultaw huma inqas mid-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar mitlufa?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv għall-uffiċjali kollha jew għal x’uħud minnhom, l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali oħra, l-awtorità tal-ħatra preċedenti tal-uffiċjal inkwistjoni għandha tħallas lill-imsemmi uffiċjal l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar abbażi tal-perijodu ta’ servizz li jagħti dritt għall-pensjoni fil-pożizzjoni preċedenti tas-servizz pubbliku, imnaqqas bl-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni li jirriżultaw mill-assigurazzjoni retroattiva, jew tikkumpensah finanzjarjament b’xi mod ieħor għat-telf tal-pensjoni tal-irtirar, għalkemm taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jingħataw biss il-benefiċċji tal-uffiċjali previsti minn din il-leġiżlazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha persuna li jkollha l-istatus ta’ uffiċjal fi Stat Membru li titlaq mill-funzjonijiet tagħha b’mod volontarju sabiex teżerċita impjieg fi Stat Membru ieħor titlef id-drittijiet tagħha għal pensjoni tax-xjuħija taħt l-iskema ta’ pensjoni tax-xjuħija tal-uffiċjali u jiġi msieħeb b’mod retroattiv fl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija, li tagħti dritt għal pensjoni tax-xjuħija inferjuri minn dik li tkun tirriżulta minn dawk id-drittijiet.

20

Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jikkontestax, bħala ksur tal-Artikolu 45 TFUE, bħala tali t-telf tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija l-iskema ta’ pensjoni tax-xjuħija tal-uffiċjali, li tirriżulta mir-riżenja tiegħu mill-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-Land ta’ Rheinland-Westfalen, iżda jikkontesta d-differenza fl-ammont bejn id-dritt għal pensjoni li kien kiseb, fil-mument tar-riżenja tiegħu, taħt l-imsemmija skema u dak li sa minn dak il-ħin huwa għandu dritt għalih taħt l-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija.

21

Għaldaqstant, wieħed għandu jifhem l-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-kompatibbiltà, mal-Artikolu 45 TFUE, ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn bħala konsegwenza din għandha l-imsemmija differenza fl-ammont.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, madankollu huma għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u d-dritt ta’ stabbiliment (ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal‑Vallonja, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 43, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 38).

23

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, u jipprekludu l-miżuri li jistgħu jisfavorixxu lil dawk iċ-ċittadini meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini tal-Istati Membri jiddisponu, b’mod partikolari, mid-dritt li huma jisiltu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u joqogħdu hemm sabiex hemmhekk jeżerċitaw attività ekonomika (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 9495; tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal‑Vallonja, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 44; kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 39).

24

Ċertament, għalkemm id-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil persuna assigurata li ċaqliq fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ma jkunx ser ikollu impatt fil-qasam tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari fil-qasam tal-benefiċċji tal-mard u tal-pensjonijiet tax-xjuħija, sa fejn dan iċ-ċaqliq, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn l-iskemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, jista’ jkun, skont il-każ, iktar jew inqas vantaġġuż jew żvantaġġuż għall-persuna kkonċernata mill-aspett tal-protezzjoni soċjali, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li fil-każ li l-applikazzjoni tagħha tkun inqas favorevoli, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konsistenti mad-dritt tal-Unjoni biss sakemm, b’mod partikolari, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiżvantaġġax lill-ħaddiem ikkonċernat meta mqabbel ma’ dawk li jeżerċitaw l-attivitajiet kollha tagħhom fl-Istat Membru fejn hija tapplika u sakemm ma twassalx esklużivament u sempliċement għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali lil fondi li ma tibbenefikax minnhom (ara, s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li l-għan tal-Artikoli 45 u 48 TFUE ma jintlaħaqx jekk, b’riżultat tal-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu tagħhom, il-ħaddiema migranti kellhom jitilfu l-vantaġġi tas-sigurtà soċjali li tassiguralhom biss il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 46, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 41).

26

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE għandhom b’mod partikolari l-għan li jevitaw li ħaddiem li, bl-użu tad-dritt tal-moviment liberu tiegħu, ikun wettaq impjiegi f’iktar minn Stat Membru wieħed jiġi, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, ittrattat b’mod inqas favorevoli minn dak li wettaq il-karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C‑388/09, EU:C:2011:439, punt 76, u tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 42).

27

Huwa paċifiku li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 sa 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha meta uffiċjal tal-Land ta’ Rheinland-Westfalen jirriżenja mill-funzjonijiet tiegħu qabel l-irtirar sabiex jeżerċita impjieg fis-settur privat fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew sabiex jeżerċita impjieg fi Stat Membru ieħor, jirrinunzja għall-istatus ta’ uffiċjal, tkun timplika għalih, irrispettivament mit-tul tal-impjieg li huwa wettaq fil-kuntest ta’ dan l-istatus, minn naħa, it-telf tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija taħt l-iskema ta’ pensjoni tax-xjuħija tal-uffiċjali u, min-naħa l-oħra, is-sħubija retroattiva fl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija, li tagħti dritt għal pensjoni tax-xjuħija ta’ ammont kunsiderevolment inferjuri għal dik li kienet tirriżulta mid-drittijiet mitlufa.

28

Tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema peress li, għalkemm hija tapplika anki għall-uffiċjali tal-Land ta’ Rheinland‑Westfalen li jirriżenjaw sabiex jaħdmu fis-settur privat fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, din tista’ xxekkel jew tiddisswadi lil dawn l-uffiċjali milli jitilqu l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex jaċċettaw impjieg fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkundizzjona direttament l-aċċess tal-uffiċjali tal-Land ta’ Rheinland‑Westfalen għas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri li ma humiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u għaldaqstant hija ta’ natura li tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 98 sa 100103, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 47).

29

Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jkunu ammessi biss bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess pubbliku, li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan, u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan imfittex jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides, C‑475/11, EU:C:2013:542, punt 50).

30

Il-Land ta’ Rheinland-Westfalen u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata mill-għan leġittimu li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni pubblika, sa fejn din hija intiża, b’mod partikolari, li tiżgura l-lealtà tal-uffiċjali u għaldaqstant il-kontinwità u l-istabbiltà tas-servizz pubbliku. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Land ta’ Rheinland-Westfalen ippreċiża li dan l-għan kien imfittex f’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni pubblika b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, dik tal-Land ta’ Rheinland-Westfalen.

31

F’dan ir-rigward, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni pubblika jikkostitwixxix raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jitfakkar li tali restrizzjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dan l-għan u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitwettaq.

32

Ċertament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tista’ tiddisswadi uffiċjal milli jitlaq l-amministrazzjoni pubblika u għaldaqstant tiżgura l-kontinwità tal-persunal li tiggarantixxi stabbiltà ta’ eżekuzzjoni tal-funzjonijiet ta’ din l-amministrazzjoni, tista’ tkun idonea sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-funzjonament tajjeb tal-imsemmija amministrazzjoni.

33

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll id-diversi regoli rilevanti huma xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex biss jekk dawn tabilħaqq ikunu intiżi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55, kif ukoll tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 42).

34

F’dan ir-rigward, hija finalment il-qorti nazzjonali, li hija l-unika qorti kompetenti sabiex tevalwa l-fatti u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk u sa liema punt leġiżlazzjoni tissodisfa dawn ir-rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Rinner-Kühn, 171/88, EU:C:1989:328, punt 15; tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583, punt 82, kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2013, Ottica New Line di Accardi Vincenzo, C‑539/11, EU:C:2013:591, punt 48).

35

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda tintalab tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li saru quddiemha, li huma tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni (sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer, C‑187/00, EU:C:2003:168, punt 52; tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583, punt 83, kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2013, Ottica New Line di Accardi Vincenzo, C‑539/11, EU:C:2013:591, punt 49).

36

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet orali tal-Land ta’ Rheinland‑Westfalen jirriżulta li huwa plawżibbli li uffiċjal ta’ Land, jekk dan tal-aħħar japprova t-trasferiment tiegħu, jitlaq il-funzjonijiet tiegħu fi ħdan l-imsemmi Land sabiex jaċċetta impjieg fis-servizz pubbliku ta’ Land ieħor jew tal-Istat Federali mingħajr sħubija retroattiva fl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija, li b’hekk jippermettilu jikseb drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija superjuri għal dik li tirriżulta minn dik l-iskema u li jkunu komparabbli mad-drittijiet li kien kiseb mingħand il-persuna li timpjega pubblika inizjali tiegħu.

37

F’dawn il-kundizzjonijiet għandu jiġi kkonstatat li l-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni pubblika f’dak li jikkonċerna l-Land ta’ Rheinland‑Westfalen, b’mod partikolari billi jiffavorixxi l-lealtà tal-uffiċjali lejn is-servizz pubbliku, ma jidhirx li huwa mfittex b’mod koerenti u sistematiku, sa fejn uffiċjal jista’, fil-każ tat-trasferiment tiegħu, jikseb drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija ogħla mill-pensjoni li huwa jikseb taħt is-sħubija retroattiva fl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija, anki jekk huwa jitlaq mill-amministrazzjoni pubblika li fiha qiegħed jaħdem sabiex imur jaħdem ma’ dik ta’ Land ieħor jew tal-Istat Federali. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex tali li tista’ tiddisswadi, f’kull ċirkustanza, lill-uffiċjali milli jitilqu l-amministrazzjoni pubblika tal-Land ta’ Rheinland‑Westfalen.

38

Minn dan isegwi li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax titqies li hija xierqa sabiex tiggarantixxi l-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni pubblika f’dak li jikkonċerna l-Land ta’ Rheinland‑Westfalen. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi ġġustifikata minn dan l-għan.

39

F’dak li jikkonċerna l-għan li jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni pubblika b’mod ġenerali fil-Ġermanja, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk wieħed jippreżupponi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun idonea sabiex tilħaq tali għan, din il-leġiżlazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

40

Fil-fatt, meta l-uffiċjal li jkun ħadem fi ħdan is-servizz pubbliku għal iktar minn għoxrin sena jitlaq il-funzjonijiet tiegħu qabel l-irtirar, l-imsemmija leġiżlazzjoni twassal għat-telf tad-drittijiet kollha għal pensjoni tax-xjuħija korrispondenti għas-snin ta’ servizz li hu wettaq taħt l-iskema ta’ pensjoni tax-xjuħija tal-uffiċjali kif ukoll għas-sħubija retroattiva fl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija, li tagħti dritt għal pensjoni tax-xjuħija kunsiderevolment inferjuri għal dik li tirriżulta minn dawk id-drittijiet. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt ta’ ċerti Länder, xi ex uffiċjali li rriżenjaw mis-servizz pubbliku ta’ dawn il-Länder jistgħu jżommu d-drittijiet miksuba taħt l-iskema ta’ pensjoni tax-xjuħija tal-uffiċjali, u dan jirrappreżenta miżura inqas restrittiva mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha persuna li għandha l-istatus ta’ uffiċjal fi Stat Membru li titlaq mill-funzjonijiet tagħha b’mod volontarju sabiex teżerċita impjieg fi Stat Membru ieħor titlef id-drittijiet tagħha għal pensjoni tax-xjuħija taħt l-iskema ta’ pensjoni tax-xjuħija tal-uffiċjali u tissieħeb b’mod retroattiv fl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija, li tagħti dritt għal pensjoni tax-xjuħija inferjuri għal dik li kieku tirriżulta minn dawk id-drittijiet.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, liema konsegwenzi hija għandha tislet minnha sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 45 TFUE.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tagħhom filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u filwaqt li japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex jiggarantixxu l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni u jaslu għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 34).

44

Ċertament, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut tad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 100, u tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 39).

45

Jekk din l-interpretazzjoni konformi ma hijiex possibbli, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tapplika integralment id-dritt tal-Unjoni u li tipproteġi d-drittijiet li dan jikkonferixxi fuq l-individwi, billi jitħallew, jekk hemm bżonn, inapplikati d-dispożizzjonijiet sa fejn l-applikazzjoni tagħhom, fiċ-ċirkustanza tal-kawża ineżami, tkun twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Frigerio Luigi & C., C‑357/06, EU:C:2007:818, punt 28).

46

Meta d-dritt nazzjonali, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, jipprevedi trattament differenti bejn diversi gruppi ta’ persuni, il-membri tal-grupp żvantaġġat għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod u fir-rigward tagħhom għandha tiġi applikata l-istess skema bħal dik applikata għall-persuni interessati l-oħra. L-iskema applikabbli għall-membri tal-grupp vantaġġat tibqa’, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, l-unika skema ta’ referenza valida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C‑18/95, EU:C:1999:22, punt 57; tat-22 ta’ Ġunju 2011, Landtová, C‑399/09, EU:C:2011:415, punt 51, kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 95).

47

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 36 tas-sentenza preżenti, fil-każ ta’ bdil tal-persuna li timpjega pubblika fit-territorju Ġermaniż, bħal pereżempju, minn Land għal ieħor jew mill-amministrazzjoni ta’ Land lejn l-amministrazzjoni federali, il-persuni interessati għandhom drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija komparabbli mad-drittijiet li huma kienu kisbu mal-persuna li timpjega pubblika inizjali. Huwa għaldaqstant dan il-kuntest ġuridiku li jikkostitwixxi tali sistema ta’ referenza valida.

48

Konsegwentement, uffiċjali Ġermaniżi li rrinunzjaw għall-istatus tagħhom bl-għan li jeżerċitaw impjieg simili fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wkoll għandu jkollhom drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija komparabbli mad-drittijiet li huma kienu kisbu mal-persuna li timpjega pubblika inizjali tagħhom.

49

Fid-dawl tas-suespost, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura l-effett sħiħ ta’ dan l-artikolu u li tagħti lill-ħaddiema, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija komparabbli ma’ dawk tal-uffiċjali li jżommu d-drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija li, minkejja bdil fil-persuna li timpjega pubblika, jikkorrispondu għas-snin ta’ servizz li dawn wettqu, billi tinterpreta d-dritt intern konformement mal-imsemmi artikolu jew, jekk tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, billi ma tapplikax kull dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt intern bl-għan li tapplika l-istess skema bħal dik applikabbli għall-imsemmija uffiċjali.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha persuna li għandha l-istatus ta’ uffiċjal fi Stat Membru li titlaq mill-funzjonijiet tagħha b’mod volontarju sabiex teżerċita impjieg fi Stat Membru ieħor titlef id-drittijiet tagħha għal pensjoni tax-xjuħija taħt l-iskema ta’ pensjoni tax-xjuħija tal-uffiċjali u tiġi msieħba b’mod retroattiv fl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija, li tagħti dritt għal pensjoni tax-xjuħija inferjuri għal dik li kieku tirriżulta minn dawk id-drittijiet.

 

2)

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura l-effett sħiħ ta’ dan l-artikolu u li tagħti lill-ħaddiema, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija komparabbli ma’ dawk tal-uffiċjali li jżommu d-drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija li, minkejja bdil fil-persuna li timpjega pubblika, jikkorrispondu għas-snin ta’ servizz li dawn wettqu, billi tinterpreta d-dritt intern konformement mal-imsemmi artikolu jew, jekk tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, billi ma tapplikax kull dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt intern bl-għan li tapplika l-istess skema bħal dik applikabbli għall-imsemmija uffiċjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.