Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0145

    Kawża T-145/15: Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2015 – Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 178, 1.6.2015, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 178/20


    Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2015 – Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża T-145/15)

    (2015/C 178/20)

    Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Rumanija (rappreżentanti: R. Radu, V. Angelescu, R. Mangu, D. Bulancea, aġenti)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103, tas-16 ta’ Jannar 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR);

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-eżerċizzju mhux xieraq tal-kompetenza li l-Kummissjoni Ewropea għandha li teskludi ammonti ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea

    L-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet b’rata fissa stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/103, il-Kummissjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha b’mod mhux xieraq, bi ksur tal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1200/2005 u (KE) Nru 485/2008 kif ukoll tal-linji gwida tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji li ġew definiti fil dokument Nru VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997, bit-titolu “Linji gwida li jikkonċernaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija”.

    Il-Kummissjoni kienet obbligata li tistabbilixxi korrezzjonijiet ibbażati fuq l-identifikazzjoni tas-somom minfuqa indebitament mir-Rumanija u mhux li tapplika rati fissi, peress li, minn naħa, in-natura tas-sitwazzjoni ma kinitx teħtieġ dan, u li, min-naħa l-oħra, l-Istat Rumen kien ipprovda lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa biex tistabbilixxi korrezzjonijiet ikkalkolati. F’dan il-każ, ma jistax jitqies li sabiex tistabbilixxi l-korrezzjonijiet ikkalkolati, ibbażati fuq it-telf reali ta’ fondi, il-Kummissjoni kellha tagħmel sforzi sproporzjonati.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u mhux xierqa tad-deċiżjoni kkontestata

    Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/103 ma hijiex immotivata suffiċjentement u b’mod xieraq, peress li, meta adottatha, il-Kummissjoni ma spjegatx suffiċjentement ir-raġunijiet għaliex hija għażlet li tapplika rata fissa għall-irregolaritajiet ikkonstatati fil-missjonijiet ta’ awditu u ma ġġustifikatx b’mod xieraq għaliex l-argumenti invokati mir-Rumanija fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi applikata korrezzjoni kkalkolata ma setgħux jiġu aċċettati u jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istabbiliment tal-korrezzjoni finali.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    Id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ korrezzjoni ta’ rispettivament 10 % għall-ispejjeż tas-sena ta’ applikazzjoni 2009 u ta’ 5 % għas-sena ta’ applikazzjoni 2010 wasslet għal sopravalutazzjoni tat-telf ta’ fondi tal-Unjoni wara l-irregolaritajiet ikkonstatati matul il-missjonijiet ta’ awditu, peress li r-rati msemmija la jiħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-ksur, u lanqas l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom għall-baġit tal-Unjoni.


    Top