Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0601

    Kawża C-601/11 P: Appell ippreżentat fit- 28 ta’ Novembru 2011 mir-Repubblika Franciża kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) mogħtija fid- 9 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-257/07, Franza vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 80, 17.3.2012, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 80/5


    Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2011 mir-Repubblika Franciża kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) mogħtija fid-9 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-257/07, Franza vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-601/11 P)

    2012/C 80/07

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Talbiet tal-appellanti

    Appellanti: Ir-Repubblika Franciża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues, C. Candat, S. Menez u R. Loosli-Surrans, aġenti)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-9 ta’ Settembru, fil-Kawża T-257/07, Franza vs Il-Kummissjoni;

    tiddeċiedi definittivament il-kawża billi tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 746/2008, tas-17 ta’ Ġunju 2008, li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tiegħu, il-Gvern Franċiż jinvoka erba’ aggravji.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi ma ssodisfatx kif legalment meħtieġ, minn naħa, l-oġġezzjonijiet tagħha ta’ nuqqas ta’ kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni xjentifika disponibbli, sa fejn il-Qorti Ġenerali sostniet, b’mod żbaljat, li dawn l-oġġezzjonijiet kienu saru bħala kritika lill-Kummissjoni talli ma kellhiex għarfien ta’ dan u, min-naħa l-oħra, l-oġġezzjonijiet tal-Gvern Franċiż ibbażati fuq il ksur tal-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn l-oġġezzjonijiet saru sabiex jivverifikaw li l-miżuri kkontestati kienu xierqa sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa umana.

    Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li huwa maqsum fi tliet partijiet, il-Gvern Franċiż isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti ppreżentati quddiemha. Għalhekk, l-appellanti ssostni l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-opinjonijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) tat-8 ta’ Marzu 2007 u tal-24 ta’ Jannar 2008 billi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi minn dawn l-opinjonijiet mingħajr żball manifest ta’ evalwazzjoni, li r-riskju ta’ trażmissibbiltà lill-bniedem tal-EST minbarra l-ESB kienet ferm baxxa (l-ewwel parti). Permezz tat-tieni parti, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-opinjonijiet tal-EFSA tas-17 ta’ Mejju u tas-26 ta’ Settembru 2005 billi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-evalwazzjoni ta’ affidabbiltà tat-testijiet rapidi li jinsabu f’dawn l-opinjonijiet kienet valida għall-użu ta’ dawn it-testijiet fil-kuntest tal-kontroll tar-rilaxx għall-konsum uman ta’ laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Fit-tielet parti, il-Gvern Franċiż fl-aħħar isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti ppreżentati lilha billi kkunsidrat li kull prova xjentifika invokata mill-Kummissjoni, sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati tar-Regolament Nru 746/2008 jikkostitwixxu elementi ġodda fir-rigward tal-miżuri preventivi preċedenti

    Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-Gvern Franċiż isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti billi kklassifikat l-elementi xjentifiċi invokati mill-Kummissjoni bħala elementi ġodda ta’ natura li jbiddlu l-perċezzjoni tar-riskju jew li juru li dan ir-riskju jista’ jkun limitat b’miżuri inqas vinkolanti minn dawk eżistenti.

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li għandu tliet partijiet, l-appellanti ssostni li l Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. F’dan il-kuntest, l-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24a tar-Regolament Nru 999/2001 peress li, skont il-Qorti Ġenerali, hija osservat l obbligu li jinsab fl-Artikolu 152(1) tat-Trattat KE, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa umana. Permezz tat-tieni parti tal-aggravju tiegħu, il-Gvern Franċiż sussegwentement isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta assumiet li l-prova xjentifika invokata mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l adozzjoni tar-Regolament Nru 746/2008, għandha neċessarjament twassal għal bidliet fil-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli. Sussidjarjament, il-Gvern Franċiż isostni li l Qorti Ġenerali wetqtet żball ta’ liġi meta naqset li tivverifika jekk, fid-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli, il-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni l-gravità u l-irriversibilità tal-effetti ħżiena tal-EST għas-saħħa umana. Fit-tielet parti, il-Gvern Franċiż fl-aħħar isostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ dritt billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Nru 746/2008 ma jissostitwixxix ruħu mal-miżuri preventivi preċedenti, iżda jikkompletahom permezz ta’ miżuri alternattivi inqas restrittivi


    (1)  ĠU L 202, p. 11


    Top