Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0313

    Kawża C-313/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesarbeitsgericht Köln (il-Ġermanja) fid- 29 ta’ Ġunju 2010 — Land Nordrhein-Westfalen vs Sylvia Jansen

    ĠU C 274, 9.10.2010, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.10.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 274/4


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesarbeitsgericht Köln (il-Ġermanja) fid-29 ta’ Ġunju 2010 — Land Nordrhein-Westfalen vs Sylvia Jansen

    (Kawża C-313/10)

    ()

    2010/C 274/05

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Landesarbeitsgericht Köln

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Land Nordrhein-Westfalen

    Konvenuta: Sylvia Jansen

    Domandi preliminari

    Domanda 1

    (a)

    Huwa kompatibbli mal-finalità tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim-Qafas dwar xogħol għal żmien fiss anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, (1) meta fil-kuntest ta’ evalwazzjoni legali tal-kwistjoni dwar jekk, f’każ partikolari, tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat, huwiex iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim-Qafas, li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmi tiġdid tal-kuntratt, mingħajr kunsiderazzjoni għan-numru ta’ kuntratti għal żmien determinat li ppreċedew dan it-tiġdid ta’ kuntratt, jew

    (b)

    il-finalità tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim-Qafas, li hija l-prevenzjoni ta’ abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, teżiġi li jkun hemm rekwiżiti iktar stretti tal-kunċett ta’ “raġuni oġġettiva” fil-każ ta’ numru ikbar ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li ppreċedew dak li għandu jiġi evalwat jew ta’ perijodi itwal li matul tagħhom l-impjegat ikkonċernat kien diġà impjegat b’kuntratti suċċessivi għal żmien determinat?

    Domanda 2

    Il-klawżola 5(1) tal-Ftehim-Qafas dwar xogħol għal żmien fiss tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(7) tal-Liġi Ġermaniża dwar ix-xogħol part-time u kuntratti għal żmien determinat (Gesetz über Teilzeitarbiet und befristete Arbeitsverträge, iktar ’il quddiem it-“TzBfG”) li tiġġustifika kuntratti ta’ xogħol suċċessivi fis-settur pubbliku biss għar-“raġuni oġġettiva” li l-impjegat jitħallas mill-fondi tal-baġit li, skont id-dritt tal-finanzi pubbliċi, huma previsti għall-impjieg għal żmien determinat, filwaqt li fil-każ ta’ impjegati fis-settur privat tali raġunijiet ekonomiċi ma jitqiesux bħala “raġunijiet oġġettivi”?

    Domanda 3

    (a)

    Id-dispożizzjoni msemmija fid-domanda 2 (f’dan il-każ, dik tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(7) tat-TzBfG) hija kompatibbli mal-Ftehim-Qafas jekk ir-regola tal-baġit li jirreferi għaliha l-Artikolu 14(1)(7) tat-TzBfG tikkostitwixxi għan suffiċjentement speċifiku li jiġġustifika l-kuntratti għal żmien determinat, b’konnessjoni partikolari mal-attività inkwistjoni u mal-kundizzjonijiet għat-twettiq tiegħu fis-seħħ (ara d-dispożittiv 1 tas-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adenele et, C-212/04, Ġabra p. I-6057)?

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(a):

    (b)

    Hemm għan suffiċjentement speċifiku meta l-Liġi tal-Finanzi, bħal fil-każ inkwistjoni, l-Artikolu 7(3) tal-Liġi tal-Finanzi tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (“HG NRW 2004/2005”) sempliċement tipprovdi li l-fondi tal-baġit huma intiżi għall-attività għal żmien determinat bħala “persunal temporanju”?

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(b):

    (c)

    Dan japplika wkoll jekk l-attività ta’ “persunal temporanju” tiġi interpretata fis-sens li ma tfissirx biss għal attività li sservi sabiex tkopri żieda temporanja fix-xogħol jew telf temporanju ta’ membru tal-persunal permanenti, iżda li tkopri wkoll sitwazzjoni li fiha l-impjegat huwa mħallas mill-fondi tal-baġit li saru disponibbli minħabba n-nuqqas temporanju ta’ membru tal-persunal permanenti li jokkupa l-istess kariga, minkejja li l-“membru tal-persunal bil-kuntratt” huwa inkarigat li jwettaq kompiti normali u permanenti u ma għandu ebda konnessjoni mal-attività tal-membru tal-persunal li mhuwiex preżenti jew

    (d)

    l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-persunal bil-kuntratt” imsemmi fid-domanda 3(c) tmur kontra l-finalità tal-Ftehim-Qafas dwar xogħol għal żmien fiss, li hija l-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, kif ukoll tal-prinċipju stabbilit fis-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (dispożittiv 2 tal-Kawżi magħquda C-378/07 sa C-380/07, Ġabra p. I-3071), li jipprovdi li l-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim-Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss tipprekludi li leġiżlazzoni nazzjonali tiġi applikata “b’tali mod li t-tiġdid ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, fis-settur pubbliku, jitqies li huwa ġustifikat minħabba ‘raġunijiet oġġettivi’ fis-sens tal-imsemmija klawżola għar-raġuni biss li dawn il-kuntratti jkunu bbażati fuq dispożizzjonijiet legali li jippermettu t-tiġdid tagħom sabiex jissodisfaw ċerti bżonnijiet provviżorji, filwaqt li fir-realtà, l-imsemmija bżonnijiet ikunu permanenti u fit-tul”?

    Domanda 4

    Stat Membru jikser il-klawżola 8(3) tal-Ftehim-Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss, meta jintroduċi, fil-liġi intiża li tittrasponi d-Direttiva 1999/70/KE fid-dritt nazzjonali, raġuni għal xogħol għal żmien determinat bħar-raġuni tad-dritt tal-baġit imsemmija fid-domanda 2, li tapplika b’mod ġenerali għas-settur pubbliku kollu, iżda li qabel l-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, kienet tapplika biss f’forma paragunabbli fir-rigward ta’ ċerti partijiet tas-settur pubbliku (l-edukazzjoni terzjarja)? Tali ksur jimplika obbligu li ma tiġix applikata dispożizzjoni nazzjonali?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.


    Top