Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CA0072

    Kawżi magħquda C-72/10 u C-77/10: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas- 16 ta’ Frar 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Corte suprema di cassazione — l-Italja) — proċeduri kriminali kontra Marcello Costa (C-72/10), Ugo Cifone (C-77/10) (Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Ġbir ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi — Rekwiżit ta’ liċenzja — Konsegwenzi li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-għoti ta’ liċenzji — Għoti ta’ 16300 liċenzja addizzjonali — Prinċipju ta’ trattament ugwali u obbligu ta’ trasparenza — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Protezzjoni tad-detenturi ta’ liċenzji preċedenti — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Distanzi minimi obbligatorji bejn posti ta’ ġbir ta’ mħatri — Ammissibbiltà — Attivitajiet transkonfinali simili għal dawk li huma s-suġġett tal-liċenzja — Projbizzjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Ammissibbiltà)

    ĠU C 98, 31.3.2012, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 98/4


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Frar 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Corte suprema di cassazione — l-Italja) — proċeduri kriminali kontra Marcello Costa (C-72/10), Ugo Cifone (C-77/10)

    (Kawżi magħquda C-72/10 u C-77/10) (1)

    (Libertà ta’ stabbiliment - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Logħob tal-ażżard - Ġbir ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi - Rekwiżit ta’ liċenzja - Konsegwenzi li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-għoti ta’ liċenzji - Għoti ta’ 16 300 liċenzja addizzjonali - Prinċipju ta’ trattament ugwali u obbligu ta’ trasparenza - Prinċipju ta’ ċertezza legali - Protezzjoni tad-detenturi ta’ liċenzji preċedenti - Leġiżlazzjoni nazzjonali - Distanzi minimi obbligatorji bejn posti ta’ ġbir ta’ mħatri - Ammissibbiltà - Attivitajiet transkonfinali simili għal dawk li huma s-suġġett tal-liċenzja - Projbizzjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali - Ammissibbiltà)

    2012/C 98/05

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Qorti tar-rinviju

    Corte suprema di cassazione

    Partijiet fil-proċedura kriminali prinċipali

    Marcello Costa (C-72/10), Ugo Cifone (C-77/10)

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Corte suprema di cassazione — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attività tal-ġbir tal-imħatri — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din l-attività għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni u ta’ liċenzja tas-sigurtà pubblika — Protezzjoni mogħtija lil individwi suġġetti tad-dritt li kisbu awtorizzazzjonijiet u liċenzji permezz ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ liċenzji li eskludew illegalment operaturi oħra tal-istess settur — Kompatibbiltà mal-Artikoli 43 u 49 KE

    Dispożittiv

    (1)

    L-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu Stat Membru li, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, eskluda kategorija ta’ operaturi mill-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, u li jfittex li jirrimedja dan il-ksur billi joffri permezz ta’ kompetizzjoni numru sostanzjali ta’ liċenzji ġodda, milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprovdi b’mod partikolari għal distanzi minimi bejn il-posti tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja u dawk tal-operaturi eżistenti.

    (2)

    L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri mingħajr liċenzja jew mingħajr awtorizzazzjoni tal-pulizija fuq persuni marbuta ma’ operatur li jkun ġie eskluż minn sejħa għal offerti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, anki wara s-sejħa għal offerti ġdida intiża sabiex tirrimedja dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din is-sejħa għal offerti u l-għoti sussegwenti ta’ liċenzji ġodda ma jirrimedjawx fil-fatt għall-esklużjoni illegali ta’ dan l-operatur mis-sejħa għal offerti preċedenti.

    (3)

    Mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, mill-prinċipju ta’ trattament ugwali, mill-obbligu ta’ trasparenza u kif ukoll mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ sejħa għal offerti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari d-dospiżizzjonijiet li jipprevedu d-dekadenza tal-liċenzji mogħtija fi tmiem tali sejħa għal offerti, bħalma huma dawk li jidhru fl-Artikolu 23(2)(a) u (3) tal-abbozz ta’ ftehim bejn l-amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat u l-awtorità kontraenti tal-liċenzja dwar logħob tal-ażżard marbut mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel, għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.


    (1)  ĠU C 100, 17.4.2010


    Top