Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0469

    Kawża T-469/09: Rikors ippreżentat fit- 23 ta’ Novembru 2009 — Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 24, 30.1.2010, p. 62–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/62


    Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2009 — Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża T-469/09)

    2010/C 24/109

    Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias u S. Papaïoannou)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni fl-intier tagħha;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Fir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 7044 finali, tal-24 ta’ Settembru 2009“li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerta nefqa mġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija ta’ Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR)” (ĠU L 257, p. 28), fir-rigward tal-parti dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji għad-detriment tagħha, ir-Repubblika Ellenika tressaq iż-żewġ motivi għal annullament li ġejjin.

    Permezz tal-ewwel motiv għal annullament, li jirrigwarda s-settur tal-ipproċessar tal-frott u l-ħxejjex tal-ikel (tadam), ir-rikorrenti ssostni li kien hemm interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 28(1)(f), 28(2), 31(1) u (2) u 3(2) tar-Regolament KE Nru 1535/2003 (1) u tal-linji gwida AGRI 5330/97, 17933/2000 u 63983/2002 dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji, peress li, f’dan is-settur, il-kontrolli kollha prinċipali saru b’mod sodisfaċenti u li kien hemm ommissjonijiet biss f’dak li jirrigwarda l-kontrolli inċidentali sekondarji.

    Permezz tat-tieni motiv, li jirrigwarda s-settur tal-ħażna tar-ross, qed jiġi sostnut li l-korrezzjoni ġiet imposta mingħajr bażi legali valida għaliex il-Kummissjoni Ewropea interpretat b’mod żbaljat l-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 2148/1996 (2) jew li fin-nuqqas, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma ġiex osservat.


    (1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2003, tad-29 ta’ Awwissu 2003, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 rigward l-iskema tal-għajnuna għall-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex tal-ikel

    (2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2148/96, tat-8 ta’ Novembru 1996, li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-valutazzjoni u s-sorveljanza ta’ ħażniet ta’ intervent pubbliku ta’ prodotti agrikoli


    Top