EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0272

Kawża C-272/09 P: Appell ippreżentat fis- 16 ta’ Lulju 2009 minn KME Germany AG, li qabel kienet KM Europa Metal AG, KME France SAS, li qabel kienet Tréfimétaux SA, KME Italy SpA, li qabel kienet Europa Metalli SpA mis-sentenza mogħtija fis- 6 ta’ Mejju 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) fil-Kawża T-127/04, KME Germany AG, li qabel kienet KM Europa Metal AG, KME France SAS, li qabel kienet Tréfimétaux SA, KME Italy SpA, li qabel kienet Europa Metalli SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU C 220, 12.9.2009, p. 29–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 220/29


Appell ippreżentat fis-16 ta’ Lulju 2009 minn KME Germany AG, li qabel kienet KM Europa Metal AG, KME France SAS, li qabel kienet Tréfimétaux SA, KME Italy SpA, li qabel kienet Europa Metalli SpA mis-sentenza mogħtija fis-6 ta’ Mejju 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) fil-Kawża T-127/04, KME Germany AG, li qabel kienet KM Europa Metal AG, KME France SAS, li qabel kienet Tréfimétaux SA, KME Italy SpA, li qabel kienet Europa Metalli SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-272/09 P)

2009/C 220/55

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellanti: KME Germany AG, li qabel kienet KM Europa Metal AG, KME France SAS, li qabel kienet Tréfimétaux SA, KME Italy SpA, li qabel kienet Europa Metalli SpA (rappreżentanti: M. Siragusa, G. Rizza, M. Piergiovanni, avvocati, A. Winckler, avocat T. Graf, Rechtsanwalt)

Parti l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti jitlobu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza;

sa fejn huwa possibbli abbażi tal-fatti esposti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tannulla parzjalment id-Deċiżjoni u tnaqqas l-ammont tal-multa ta’ KME, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u ta’ dawk quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

jew, sussidjarjament, jekk l-istat tal-proċeduri ma jippermettix dan,

tannulla s-sentenza (inkluż f’dak li jikkonċerna l-kundanna ta’ KME għall-ispejjeż mill-Qorti tal-Prim’Istanza) u tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza sa fejn din iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ipprovat suffiċjentement skont il-liġi li l-Level Wound Coils Arrangements (Ftehim dwar il-Bobini) kellhom impatt fuq is-suq ikkonċernat u li, għaldaqstant, dan l-element kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa ta’ KME. Billi rraġunat b’dan il-mod u billi ddeċidiet li tiċħad l-ewwel motiv tar-rikors ta’ KME, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju u mmotivat b’mod illoġiku u inadegwat is-sentenza tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat b’mod manifest il-fatti u l-provi li kienu ġew ippreżentati quddiemha meta kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummisjsoni li l-provi ta’ natura ekonomika pprovduti minn KME ma kinux juru li l-ksur fit-totalità tiegħu ma kellux impatt fuq is-suq.

Fit-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza sa fejn din approvat ir-riferiment li tagħmel il-Kummissjoni — sabiex jiġi stabbilit id-daqs tas-suq milqut mill-ksur, għall-finijiet li jiġi stabbilit l-element ta’ gravità tal-multa ta’ KME — għal valur tas-suq li kien jinkludi, b’mod żbaljat, id-dħul mill-bejgħ magħmul f’suq tal-input distint mis-suq “ta’ kartell”, minkejja li l-membri tal-kartell mhumiex vertikalment integrati fis-suq tal-input. Billi rraġunat b’dan il-mod u billi ddeċidiet li tiċħad it-tieni motiv tar-rikors ta’ KME, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju u mmotivat b’mod inadegwat is-sentenza tagħha.

Fit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza sa fejn din ċaħdet it-tielet motiv tar-rikors, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-Linji gwida dwar il-multi tal-1998 u kisret il-prinċipji ta’ proporżjonalità u ta’ trattament ugwali billi imponiet il-persentaġġ massimu ta’ żieda fl-ammont inizjali tal-multi minħabba d-dewmien. L-appellanti jqisu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju u mmotivat b’mod konfuż, illoġiku u inadegwat is-sentenza tagħha meta kkonfermat din il-parti tad-Deċiżjoni.

Fir-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju billi ċaħdet ir-raba’ parti tar-raba motiv tar-rikors u billi kkonfermat din il-parti tad-Deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni rrifjutat lil KME l-benefiċċju ta’ tnaqqis mill-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha barra mill-iskop tal-Avviż tal-1996 dwar il-klemenza, u dan bi ksur tal-Linji gwida dwar il-multi tal-1998 kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ trattament ugwali.

Fil-ħames u l-aħħar aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju u d-drittijiet fondamentali tal-appellanti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u mingħajr ostakoli, billi naqset milli teżamina b’attenzjoni u b’reqqa l-argumenti ta’ KME u billi adottat approċċ ippreġudikat fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.


Top