This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020BP1927
Resolution (EU) 2020/1927 of the European Parliament of 14 May 2020 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the European Union Agency for the Οperational Management of Large-Scale IT Systems in the Area of Freedom, Security and Justice (eu-LISA) (before 11 December 2018: European Agency for the operational management of large-scale IT systems in the area of freedom, security and justice) for the financial year 2018
Riżoluzzjoni (UE) 2020/1927 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) (qabel il-11 ta’ Diċembru 2018: l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja) għas-sena finanzjarja 2018
Riżoluzzjoni (UE) 2020/1927 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) (qabel il-11 ta’ Diċembru 2018: l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja) għas-sena finanzjarja 2018
ĠU L 417, 11.12.2020, p. 273–277
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/273 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1927 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta’ Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) (qabel il-11 ta’ Diċembru 2018: l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja) għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) għas-sena finanzjarja 2018, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0053/2020), |
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2018 kien ta’ EUR 205 657 227, u dan ifisser żieda sinifikanti ta’ 32 % meta mqabbel mal-2017; billi ż-żieda kienet relatata mal-kompiti addizzjonali u mat-tisħiħ tal-mandat tal-Aġenzija, filwaqt li l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni (2); |
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018 (“ir-rapport tal-Qorti”), issostni li għandha fil-pussess tagħha aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 75,18 %; josserva li r-rata baxxa ta’ implimentazzjoni hija dovuta għall-impenji pendenti, prinċipalment relatati mal-infiq operattiv soġġett għall-adozzjoni tal-bażi ġuridika tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 94,08 %, u dan ifisser tnaqqis ta’ 2,55 % meta mqabbel mal-2017; |
2. |
Jinnota li, wara li ġarrbet dewmien konsiderevoli, il-kostruzzjoni tal-binja l-ġdid tal-Aġenzija fi Strasburgu kellha rata ta’ tlestija ta’ 88,17 %, skont l-aħħar rapport approvat ta’ April 2018 dwar il-progress fix-xogħlijiet, u li l-Aġenzija tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha b’garanzija tal-eżekuzzjoni ta’ EUR 1,2 miljun; jinnota li l-Aġenzija rreġistrat dikjarazzjonijiet tad-difiża fil-Qorti tal-Prim’ Istanza fi Strasburgu fil-15 ta’ Mejju 2018 u fil-15 ta’ Frar 2019, u wkoll li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’ Istanza għadha ma nħarġitx; jinnota barra minn hekk li taħditiet bil-għan li jintlaħaq ftehim barra l-qorti reġgħu bdew f’April 2019; jitlob li l-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza mingħajr dewmien f’każ li jintlaħaq ftehim barra l-qorti jew, alternattivament, hekk kif tinħareġ is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza; |
3. |
Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-rata tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija kienet iżjed baxxa minn dik ippjanata minħabba li xi atti legali ġew adottati jew daħlu fis-seħħ tard (ħaġa li l-Aġenzija ma kellhiex kontroll fuqha), b’mod li affettwa kemm l-evoluzzjoni tas-sistemi eżistenti kif ukoll l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda; jinnota li, b’reazzjoni, l-Aġenzija rritornat lill-Kummissjoni EUR 74 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament u rriportat EUR 49 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn, u b’hekk xeħtet dubju fuq is-suppożizzjonijiet ta’ ppjanar li jinsabu fir-rapporti finanzjarji leġiżlattivi mħejjija mill-Kummissjoni; jirrileva li l-iskrizzjoni ta’ riżorsi baġitarji fil-baġit tal-Aġenzija vvotat fir-rigward talatti leġiżlattivi li għadhom ma ġewx adottati tintroduċi riskji sinifikanti għal ġestjoni finanzjarja soda; jitlob li l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenzija, ittejjeb l-allinjament tal-ippjanar baġitarju mal-kalendarju tal-adozzjoni jew tad-dħul fis-seħħ ta’ atti legali; |
Prestazzjoni
4. |
Jinnota l-kooperazzjoni sostnuta tal-Aġenzija ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni u l-mandat imsaħħaħ mogħti mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1726 (3) f’Diċembru 2018, li jġib miegħu opportunitajiet ġodda għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni, għall-għoti ta’ pariri proattivi u ta’ appoġġ u assistenza addizzjonali lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-aġenziji l-oħra attivi fil-qasam tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni, kif ukoll għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali; |
5. |
Josserva l-iżvilupp possibbli ta’ router ċentralizzat għall-iskambju ta’ Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri u ta’ informazzjoni marbuta mar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri fost l-Istati Membri; jinnota li l-użu ta’ tali informazzjoni għall-kontrolli fuq sistemi tal-IT fuq skala kbira ġie propost bħala element ta’ interoperabbiltà ta’ interess futur; jinnota wkoll l-istudju ta’ fattibbiltà relatat li sar mill-Kummissjoni bejn April 2018 u Jannar 2019; |
6. |
Jinnota, fid-dawl tal-osservazzjonijiet u tal-kummenti li saru fl-2018 mill-awtorità ta’ kwittanza, li l-Aġenzija tamministra tliet sistemi tal-IT fuq skala kbira li huma separati u mhumiex integrati bi qbil mal-istrumenti legali rispettivi li jirregolaw it-tali sistemi u li l-iskedi ta’ żmien u l-limitazzjonijiet ta’ żvilupp differenti li jirriżultaw mit-tali qafas legali wasslu biex is-sistemi tal-IT kellhom jinbnew b’mod separat u mhux integrat; jinnota li l-Aġenzija tirrikonoxxi li dan l-approċċ ma huwa la sostenibbli u lanqas effiċjenti minn perspettiva operattiva jew baġitarja; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija varat inizjattiva biex tissimplifika l-arkitettura u d-disinn tas-sistemi bl-użu tal-inizjattiva ta’ interoperabbiltà tal-Kummissjoni bħala xprun ewlieni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora aktar il-possibbiltajiet li jiġu stabbiliti proċeduri komuni u sistemi kondiviżi; |
7. |
Ifakkar, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li din l-Aġenzija tindirizza l-interoperabbiltà ta’ data sensittiva, l-importanza tal-ġestjoni tad-data u s-servizzi ta’ pproċessar u l-ħtieġa li dawn is-servizzi jiġu internalizzati; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-protezzjoni u l-kunfidenzjalità ta’ tali data, u r-riskji potenzjali li tinvolvi s-sistema esterna ta’ ġestjoni tas-servizzi tal-IT kurrenti; |
8. |
Jilqa’ l-istruttura organizzattiva l-ġdida stabbilita mill-Aġenzija biex issaħħaħ il-kapaċitajiet meħtieġa għall-ippjanar operattiv u akkwist assoċjat, inkluż l-għoti ta’ input legali u tekniku; jappella, madanakollu, biex isiru aktar sforzi sabiex jiġu żgurati l-konformità mar-regoli tal-akkwist u rappurtar aktar preċiż; jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti li l-Aġenzija jaf tikkunsidra li tuża l-metodoloġija tal-International Function Point Users Group, li hija metodoloġija standard biex tiddetermina l-prezz tal-attivitajiet għall-iżvilupp; |
9. |
Jilqa’ l-progress li sar rigward ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti meta mqabbel mas-snin preċedenti; jinnota, madankollu, li l-Aġenzija għadha ma tippubblikax l-avviżi ta’ postijiet battala fis-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO); jistieden, għaldaqstant, lill-Aġenzija tieħu passi biex tiżgura l-pubblikazzjoni ta’ postijiet battala permezz tas-sit web tal-EPSO; |
10. |
Jinnota li, b’rabta mal-proċeduri dwar l-akkwist elettroniku, l-Aġenzija introduċiet il-fatturar elettroniku u s-sejħiet għall-offerti elettroniċi għal ċerti proċeduri, iżda jinnota li l-introduzzjoni tas-sottomissjoni elettronika ta’ offerti għadha ma ġietx konkluża; |
11. |
Jisħaq fuq l-importanza li tiġi pprovduta data bbażata fuq il-ġeneri sabiex tkun tista’ tiġi analizzata l-evoluzzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-persunal tal-Aġenzija u fil-korpi governattivi tagħha. |
Politika dwar il-persunal
12. |
Jinnota bi tħassib li, fil-31 ta’ Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita biss 89,71 %, u li kienu nħatru 122 aġent temporanju mill-136 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel mal-13 l post tax-xogħol li kienu awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, fl-2018 ħadmu għall-Aġenzija 31 aġent kuntrattwali u 9 esperti nazzjonali sekondati; jilqa’ t-tweġiba tal-Aġenzija li din ir-rata ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi attribwita għall-adozzjoni tardiva ta’ atti legali u jħeġġeġ lill-Aġenzija tirrapporta dwar il-progress li jsir fil-ġejjieni; |
13. |
Jinnota bi tħassib l-iżbilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bord tat-tmexxija (40 raġel u 6 nisa); |
14. |
Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet li saru fl-2018 mill-awtorità ta’ kwittanza, li l-Aġenzija tagħraf ir-riskji sinifikanti li l-fatt li jkollha ammont żgħir ta’ persunal jippreżenta għall-kontinwità tal-operazzjonijiet tagħha; jirrileva li l-Aġenzija talbet persunal addizzjonali fid-dokumenti ta’ programmazzjoni tagħha; jagħraf li tali żieda fil-persunal hija soġġetta għall-approvazzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill, u li l-Aġenzija qed tipprova timmitiga r-riskju billi tirrevedi l-prijoritajiet tal-kompiti u permezz ta’ reklutaġġ rapidu; jirrimarka li l-prattika kurrenti li l-persunal meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ att legali jiġi rreklutat biss ladarba tali att legali jkun fis-seħħ jimplika dipendenza fuq il-persunal eżistenti biex iwettaq miżuri preparatorji għall-implimentazzjoni ta’ tali att legali, b’mod li l-kapaċitajiet tat-tim ċentrali tal-Aġenzija ftit jistgħu jlaħħqu, u għalhekk jitqajjem ir-riskju li l-prestazzjoni tal-attivitajiet ta’ kuljum tal-Aġenzija tiġi affettwata; jitlob li l-Kummissjoni tawtorizza l-antiċipazzjoni ta’ wħud mill-membri tal-persunal previsti fl-ambitu ta’ proposta għal att legali biex l-Aġenzija tkun tista’ tħejji x-xogħol meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dak l-att legali; |
15. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti bi rbit ma’ waħda mill-proċeduri ta’ reklutaġġ, il-kumitat ta’ selezzjoni tal-Aġenzija, għad-detriment tat-trasparenza tal-proċedura, iddevja mill-avviż ta’ post battal ippubblikat u applika punteġġ minimu ogħla minn dak ippubblikat għall-applikanti li kellhom jitqiegħdu fuq il-lista ta’ riżerva; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija l-impenn li ttieħed li tuża diċitura aktar stretta fl-avviżi ta’ postijiet battala li għandhom jiġu ppubblikati fil-futur; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija minnufih reġgħet aġġustat il-prattika tagħha għall-proċeduri li għaddejjin bħalissa, u li l-linji gwida dwar il-proċeduri ta’ reklutaġġ se jinkludu l-prinċipju li s-soll għal-lista ta’ riżerva għandu jiġi stabbilit ex ante; jitlob li l-Aġenzija tiżgura li l-kriterji ta’ selezzjoni ppubblikati jiġu rispettati; |
16. |
Jinnota li, f’Marzu 2018, il-bord tat-tmexxija tal-Aġenzija adotta l-istruttura organizzattiva l-ġdida b’antiċipazzjoni tat-tkabbir tal-Aġenzija minħabba t-twessigħ tal-kompiti tagħha wara l-adozzjoni ta’ atti legali ġodda tal-Unjoni, u l-persunal addizzjonali awtorizzat f’dak ir-rigward; jinnota li l-Aġenzija kważi se tirdoppja l-għadd tal-persunal tagħha sa tmiem l-2020, u li kien mistenni li r-riorganizzazzjoni tkun kompletament attivata sa tmiem l-2019; |
Akkwist
17. |
Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, żewġ pagamenti awditjati għall-forniment ta’ servizzi ta’ “manutenzjoni korrettiva fil-funzjonament tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen” (MWS) kienu parzjalment irregolari, peress li l-Aġenzija emendat kuntratt speċifiku billi żiedet l-imposti għall-manutenzjoni ta’ kull xahar bla ma emendat il-kuntratt qafas tal-MWS biex tipprovdi għaż-żieda fil-prezz, u sussegwentement estendiet dak il-kuntratt b’xahar u nofs wara d-data ta’ skadenza tal-kuntratt qafas tal-MWS; jenfasizza li l-ammont addizzjonali mħallas fir-rigward tal-manutenzjoni ta’ kull xahar u l-pagament għall-manutenzjoni wara li skada l-kuntratt qafas tal-MWS huma irregolari; jinnota r-risposta tal-Aġenzija, li ssostni li kien hemm dewmien minħabba l-varar tal-kuntratt qafas suċċessur, li l-passi addizzjonali li ttieħdu matul il-proċess ta’ aġġudikazzjoni rriżultaw fir-rekwiżit li l-kontinwità tal-manutenzjoni għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tiġi żgurata, f’konformità mal-obbligi legali tal-Aġenzija, u li għadu għaddej il-proċess ta’ finalizzazzjoni tal-ġabra ta’ listi ta’ kontroll u mudelli għall-proċeduri ta’ akkwist u għall-ħolqien tal-kapaċitajiet meħtieġa bħala appoġġ għall-ippjanar tal-attivitajiet operattivi u l-akkwist sottostanti; jitlob li l-Aġenzija tiżgura l-konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku; |
18. |
Jinnota wkoll li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-formula stipulata fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta biex tiġi identifikata l-offerta tal-aqwa kwalità għall-kuntratt tal-MWS kienet differenti minn dik ikkomunikata fid-dokument bil-mistoqsijiet u t-tweġibiet għall-offerenti, u li ġew identifikati nuqqasijiet oħra fil-kwalità, il-kompletezza u l-konsistenza tal-informazzjoni pprovduta; jinnota li l-Aġenzija tagħraf il-ħtieġa li jittejbu u jiġu ddokumentati l-kontrolli tal-konsistenza u l-komparabbiltà bejn l-ippjanar tal-offerti u l-kuntratti effettivi, biex tkun tista’ ssir valutazzjoni ex post (ħaġa li fil-preżent ma tintużax bħala funzjoni fil-proċess ta’ akkwist minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani); jitlob li l-Aġenzija ssaħħaħ il-kontroll intern b’rabta mal-akkwist; |
19. |
Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, fil-każ ta’ kuntratt għall-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, l-Aġenzija aġġudikat kuntratt lill-uniku operatur ekonomiku li kien ippreżenta offerta u li l-valur tal-kuntratt aġġudikat kien ta’ EUR 144 000, kif kien ippubblikat fl-avviż tal-kuntratt inizjali; jinnota, madankollu, li l-offerta finanzjarja ppreżentata mill-operatur kienet biss ta’ EUR 45 700, u dan ifisser li l-kuntratt ġie aġġudikat għal ammont li kien ogħla mill-offerta, ħaġa li mhijiex konformi mar-regoli tal-akkwist pubbliku; jinnota r-risposta tal-Aġenzija, li ssostni li l-offerta finanzjarja kienet maħsuba biss bħala xenarju mhux vinkolanti għall-fini ta’ evalwazzjoni tal-offerti, u li l-ħlasijiet effettivi ta’ kull xahar huma bbażati fuq il-prestazzjoni reali tas-servizzi skont il-prezzijiet unitarji offruti inizjalment; jitlob li l-Aġenzija ma taġġudikax kuntratti għal prezzijiet li jkunu ogħla mill-offerti tal-offerenti; |
20. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija estendiet it-tul ta’ żmien ta’ kuntratt dirett għall-forniment ta’ servizzi ta’ sigurtà u ta’ akkoljenza lil hinn mit-tul ta’ żmien tiegħu minn erba’ għal sitt snin, b’tali mod li l-valur tal-kuntratt żdied bi 73 % (qagħda li mhijiex konformi mar-Regolament Finanzjarju), u għalhekk il-pagamenti eżegwiti lil hinn mill-perjodu inizjali huma irregolari; jinnota r-risposta tal-Aġenzija, li ssostni li s-sitwazzjoni ġrat f’ċirkostanzi eċċezzjonali li ġew irrappurtati fil-ħin u li ġew analizzati fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet; jirrikonoxxi li ttieħdu deċiżjonijiet biex jiżguraw il-forniment kontinwu ta’ servizzi ta’ sigurtà; jitlob li l-Aġenzija tiżgura l-konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku; |
21. |
Jilqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet li saru mill-awtorità ta’ kwittanza b’rabta mal-użu estensiv ta’ kuntratturi esterni għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ proġetti tal-IT, l-Aġenzija qed taħdem fuq strateġija ta’ esternalizzazzjoni biex tiżgura l-aħjar użu tar-riżorsi proprji tagħha; jirrileva l-fatt li l-Qorti identifikat tendenza orizzontali fost l-aġenziji rigward l-użu ta’ persunal estern imqabbad bħala konsulenti tal-IT; jenfasizza li jeħtieġ li d-dipendenza tal-Aġenzija fuq ir-reklutaġġ estern f’dan il-qasam tiġi indirizzata b’urġenza; jagħraf li d-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti f’termini ta’ persunal hija f’idejn il-Parlament u l-Kunsill bħala awtoritajiet baġitarji; |
22. |
Iħeġġeġ lill-Aġenzija teżamina l-possibbiltajiet għal kondiviżjoni tar-riżorsi għal kompiti li jikkoinċidu fost aġenziji oħra b’attivitajiet simili; iħeġġeġ lill-Aġenzija tibda tfittex modi ta’ kondiviżjoni ta’ persunal mhux esperti f’oqsma bħall-ITC u l-kontabbiltà, b’mod partikolari mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi bbażat f’Riga u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi bbażata f’Helsinki; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza
23. |
Jinnota b’sodisfazzjon li, f’Novembru 2018, l-Aġenzija ffinalizzat l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess għall-membri tal-bord tat-tmexxija u tal-gruppi konsultattivi, li jinkludu l-preżentazzjoni annwali tad-dikjarazzjonijiet ta’ interess tagħhom u valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet li saru mill-presidenti tal-bord tat-tmexxija u tal-gruppi konsultattivi rispettivi (skont ma jkun applikabbli) bl-appoġġ tal-Aġenzija; jilqa’ l-adozzjoni ta’ mudell ġdid ta’ dikjarazzjonijiet ta’ interess, li wara jiġu ppubblikati fis-sit web tal-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija stabbiliet regoli ġodda dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess għall-membri tal-persunal; jinnota li fl-2018 il-membri kollha tal-persunal ippreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ interess, li minnhom 31 (jiġifieri 20 % tal-persunal) iddikjaraw interess li ġie vvalutat mis-superjuri ġerarkiċi diretti, u li għal tliet membri tal-persunal (jiġifieri 2 % tal-persunal) ittieħdu azzjonijiet biex jimmitigaw ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali; jiddispjaċih, madankollu, li l-mudell il-ġdid ta’ dikjarazzjoni ta’ interess ma ġiex applikat ukoll għat-tmexxija eżekuttiva; jinnota b’dispjaċir li għad-direttur eżekuttiv hija disponibbli biss dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess; jinnota li f’Ġunju 2018 il-bord tat-tmexxija adotta d-deċiżjoni tal-Aġenzija dwar il-linji gwida rigward l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, mhemm l-ebda obbligu legali li s-CVs tal-membri tal-bord tat-tmexxija tagħha jiġu ppubblikati; jirrileva f’dan ir-rigward li l-aġenziji tal-Unjoni għandhom ikunu eżemplari f’termini ta’ trasparenza, u jitlob li l-membri tal-bord tat-tmexxija jippubblikaw is-CVs tagħhom fis-sit web tal-Aġenzija; |
Kontrolli interni
24. |
Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet li saru mill-awtorità ta’ kwittanza b’rabta mar-rakkomandazzjonijiet ta’ awditjar li għadhom miftuħa, li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni li ġew stabbiliti wara rakkomandazzjonijiet varji ta’ awditjar kellha xejra ’l isfel fl-2018, u li l-Aġenzija adottat u implimentat il-qafas ta’ kontroll intern rivedut kmieni fl-2019; jinnota li s-servizz tal-awditjar intern stabbilixxa pjan ta’ awditjar strateġiku għall-perjodu 2019-2021, abbażi tar-riżultati ta’ eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju mwettaq fi Frar 2018 kemm fil-kwartieri ġenerali f’Tallinn kif ukoll fis-sit tekniku fi Strasburgu, li jkopri l-proċessi amministrattivi u operattivi ewlenin tal-Aġenzija; jitlob li l-Aġenzija tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ awditjar; |
Kummenti oħra
25. |
Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet li saru mill-awtorità ta’ kwittanza b’rabta mad-dewmien fir-rikostruzzjoni tas-sit operattiv tal-Aġenzija fi Strasburgu u l-kostruzzjoni tal-bini l-ġdid tal-kwartieri ġenerali f’Tallinn, li l-proġett ta’ rikostruzzjoni tal-kwartieri ġenerali ġie ffinalizzat mill-gvern Estonjan skont il-pjan oriġinali u li l-Aġenzija ġiet trasferita fis-sit permanenti tagħha f’Lulju 2018; jinnota li x-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni fis-sit operattiv fi Strasburgu ġew iffinalizzati kuntrattwalment f’Ġunju 2018, li d-dewmien kien attribwit għat-tibdil fid-disinn maqbul mal-kuntrattur, u li l-Aġenzija qed taħdem mill-qrib mal-kuntrattur biex jissewwew l-ineffiċjenzi tekniċi li nstabu u jsir progress fl-aċċettazzjoni tax-xogħlijiet; |
26. |
Jitlob li l-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha fost il-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u ta’ mezzi oħra tal-midja; |
27. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 120, 29.3.2019, p. 161.
(2) ĠU C 120, 29.3.2019, p. 163.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0121.