Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020BP1860

Riżoluzzjoni (UE) 2020/1860 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) għas-sena finanzjarja 2018

ĠU L 417, 11.12.2020, p. 71–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2020/1860/oj

11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/71


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1860 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2020

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) għas-sena finanzjarja 2018

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2018,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0064/2020),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq (1) tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2018 kien jammonta għal EUR 65 800 176,52, u dan jirrappreżenta tnaqqis ta' 6,57 % meta mqabbel ma' dak għall-2017; billi l-baġit tal-Aġenzija ġej prinċipalment mill-baġit tal-Unjoni (65,45 %) u mill-kontribuzzjonijiet fil-qafas ta' ftehimiet speċifiċi, jiġifieri l-programm Copernicus u l-programm Ewropew dwar il-Bijomonitoraġġ Uman - HBM4EU (34,55 %) (2);

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti"), sostniet li għandha fil-pussess tagħha aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,96 %, li meta paragunata mal-2017 tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta' 0,01 %; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 91,06 %, li tfisser żieda ta' 2,03 % meta paragunata mas-sena preċedenti;

Prestazzjoni

2.

Jilqa' favorevolment il-fatt li, skont l-Aġenzija, sar progress sostanzjali fil-kondiviżjoni tar-riżorsi dwar kompiti li fihom trikkib fost aġenziji oħrajn li għandhom attivitajiet simili; jinnota wkoll li l-Aġenzija kkondividiet sforzi ma' aġenziji oħra bbażati fuq ix-xjenza, dwar kwistjonijiet li jitrattaw is-saħħa tal-bniedem, fosthom l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; jilqa' favorevolment il-fatt li qed ikun hemm interess dejjem ikbar fl-informazzjoni u d-data tal-Aġenzija; huwa tal-fehma li t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-ambjent għandha importanza ewlenija fid-dawl tal-politiki l-ġodda tal-Kummissjoni u l-perikli li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima;

3.

Jinnota li l-Aġenzja laħqet l-objettivi tagħha għall-2018, kif imsemmi fil-Programm ta' Ħidma Annwali tal-Aġenzija u hija offriet aċċess għall-informazzjoni f'waqtha u rilevanti lill-dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa u liċ-ċittadini tagħha; is-sit web tal-Aġenzija żied 500 000 utent (+17 %) fl-2018 biex issa laħaq total ta' 3,45 miljun utent, u rreġistra 10,7 miljun żjara fuq il-paġna tal-Aġenzija (+15 %);

4.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli bid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha;

5.

Ifakkar li l-Aġenzija tipprovdi informazzjoni tajba u indipendenti dwar l-ambjent; ifaħħar il-kwalità tar-riżultati tal-Aġenzija fl-2018, bħar-rapporti tagħha dwar il-kwalità tal-arja fl-Ewropa, dwar il-merkurju fl-ambjent Ewropew u dwar l-ekonomija ċirkolari; jissottolinja l-fatt li l-kisba ta' informazzjoni ċara u affidabbli dwar xi setturi tal-ekonomija tal-Unjoni tibqa' diffiċli, u dan jipprevjeni lill-Aġenzija milli twettaq analiżi komprensiva sħiħa tal-istat tal-ambjent tal-Unjoni;

6.

Jinnota r-rwol ewlieni mwettaq mill-Aġenzija biex twassal data ta' kwalità dwar l-istat tal-ambjent tagħna, fatt li għandu rilevanza dejjem ikbar fid-dawl tal-isfida enormi li l-Unjoni qed tiffaċċja biex tiġġieled il-kriżi tal-klima u l-bijodiversità, u r-rwol tagħha biex jinstabu r-risposti permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jilqa' favorevolment il-fatt li l-fehma tal-Aġenzija qed tingħata widen fl-istituzzjonijiet u jirrakkomanda li l-kumitat xjentifiku tal-Aġenzija jkollu rwol ewlieni fl-għoti ta' konsulenza lill-Kummissjoni;

7.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija biex flimkien ma' aġenziji rilevanti oħrajn tal-Unjoni taħdem lejn valutazzjoni aħjar tal-impatti ambjentali kaġun tal-attività tal-bniedem;

8.

Ifakkar li fl-2018, l-Aġenzija nediet il-ħidma tagħha dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u dwar is-simplifikazzjoni tar-rappurtar ambjentali;

9.

Jiddispjaċih li xi attivitajiet ma setgħux jitwettqu kompletament fl-2018 minħabba għadd ta' ċirkostanzi, fosthom riżorsi ta' IT u ta' persunal limitati; jinnota bi tħassib li l-bord ta' mmaniġġjar saħaq li l-kapaċità tal-Aġenzija li tkompli tirrispondi b'mod xieraq għall-iżviluppi tal-politika se tiddependi fuq żieda fir-riżorsi ewlenin allokati jew fuq l-għoti ta' prijorità ikbar lill-kompiti ċentrali kurrenti u/jew id-diskontinwità tagħhom;

10.

Jinnota l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-Aġenzija u tan-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (Eionet) li wettqet il-Kummissjoni;

11.

Jenfasizza li l-Aġenzija għandha għanijiet pan-Ewropej u għalhekk jeħtieġ li hija tikkoopera mill-qrib ma' pajjiżi terzi fl-Ewropa;

12.

Jinnota li l-eżitu tar-reviżjoni interna tal-funzjonament tal-bord ta’ mmaniġġjar u tal-bureau li saret fl-2018, se jiġi implimentat fl-2019; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri li ħadet f'dan ir-rigward;

Politika dwar il-persunal

13.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita fil-livell ta' 98,39 %, bil-ħatra ta' 3 uffiċjali u ta' 119-il aġent temporanju mill-124 post tax-xogħol awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 127 post awtorizzat fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, fl-2018 kienu qed jaħdmu għall-Aġenzija 63 aġent kuntrattwali u 19-il espert nazzjonali sekondat;

14.

Jinnota l-iżbilanċ tal-ġeneru rrapportat għall-2018 b'rabta ma' karigi maniġerjali superjuri (seba' rġiel u żewġ nisa), iżda wkoll il-bilanċ pożittiv li nkiseb fil-Bord ta' Mmaniġġjar (15-il raġel u 17-il mara);

15.

Jinnota bi tħassib, mir-rapport tal-Qorti, li l-Aġenzija ma għandhiex politika aġġornata fir-rigward ta' postijiet tax-xogħol sensittivi; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija, li l-Aġenzija wettqet inventarju tal-postijiet sensittivi tagħha fl-2009, u li bħalissa dan qiegħed jiġi rivedut biex jirrifletti t-tibdiliet li jirriżultaw mir-riorganizzazzjoni tal-Aġenzija li saret f'Settembru 2018; jistieden lill-Aġenzija sabiex minnufih tadotta u timplimenta dik il-politika dwar il-postijiet sensittivi;

16.

Jappoġġja s-suġġeriment tal-Qorti li l-avviżi ta' postijiet tax-xogħol battala jiġu ppubblikati wkoll fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal bil-għan li tippubbliċizzahom iktar; jifhem il-kwistjoni mqajma fir-risposta tal-Aġenzija dwar l-ispejjeż involuti fit-traduzzjoni ta' dawn il-pubblikazzjonijiet; jinnota li l-Aġenzija tippubblika l-avviżi ta' postijiet tax-xogħol battala fuq is-sit web tan-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE u fuq il-midja soċjali bil-għan li tippubbliċizzahom iktar;

Akkwist

17.

Jiddeplora l-fatt li wara tterminat kuntratt ta' EUR 1,4 miljun għal raġunijiet ta' prestazzjoni mhux sodisfaċenti tal-kuntrattur, l-Aġenzija, ftit xhur wara, iffirmat kuntratt ġdid ta' EUR 2 miljuni "f'kaskata" għall-istess tip ta' servizz mal-istess kuntrattur, mingħajr ma inkludiet fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, elementi li jinnewtralizzaw ir-riskju li jitfaċċaw problemi simili taħt il-kuntratt il-ġdid; huwa tal-fehma li tali mġiba kontraenti tqajjem tħassib serju dwar il-ġestjoni finanzjarja soda tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tagħti kuntratti biss f'każijiet fejn hu mistenni li jkun hemm prestazzjoni sodisfaċenti; u jitlob lill-Aġenzija tirrapporta lura lill-Qorti u lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-prestazzjoni tal-kuntrattur;

18.

Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' monitoraġġ lokali tal-art ta' Copernicus, l-Aġenzija kkonkludiet kuntratt għal servizzi għal ammont ogħla mil-limitu massimu tal-kuntratt qafas li jirregola, dan mingħajr ma fformalizzat il-kuntratt permezz ta' emenda kuntrattwali; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li hija tqis li din iż-żieda tal-limitu massimu tal-baġit saret bi qbil mal-gwida tal-Kummissjoni; madankollu, jitlob lill-Aġenzija ma tifformalizzax l-modifiki tal-kuntratt sakemm mhux f'konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

19.

Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi tagħha biex tiżgura t-trasparenza, tipprevjeni u timmaniġġja l-kunflitti ta' interess, u tipprovdi protezzjoni għall-informaturi; iqajjem tħassib li l-Aġenzija ma ntroduċietx sistema ta' dikjarazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess għall-esperti interni tagħha;

20.

Jisħaq li l-pubblikazzjoni tas-CVs u tad-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-Bord ta' Mmanniġġjar għandha tkun obbligatorja;

Kummenti oħra

21.

Jinnota l-isforzi tal-Aġenzija biex tipprovdi post tax-xogħol kosteffikaċi u favur l-ambjent u biex preferibbilment tnaqqas u tikkumpensa l-emissjonijiet ta' CO2 tagħha fl-oqsma tal-bini u l-ivvjaġġar;

22.

Jistieden lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u ta' mezzi oħra tal-midja;

23.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Mejju 2020 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 416, 15.11.2018, p. 1.

(2)   ĠU C 416, 15.11.2018, p. 3.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0121.


Top