Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE2842

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral” [COM(2020) 215 final – 2020/95(COD)]

    EESC 2020/02842

    ĠU C 429, 11.12.2020, p. 279–280 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 429/279


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral”

    [COM(2020) 215 final – 2020/95(COD)]

    (2020/C 429/36)

    Relatur:

    Gabriel SARRÓ IPARRAGUIRRE

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 17.6.2020

    Kunsill, 8.6.2020

    Bażi legali

    L-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    8.7.2020

    Adottata fil-plenarja

    18.9.2020

    Sessjoni plenarja Nru

    554

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    215/0/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu dwar il-proposta għal Regolament li qed tiġi kkunsidrata, kif iddikjarat fl-Opinjoni 2018/05155 (1) tiegħu, u li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha ġew spjegati fid-dettall hawn taħt.

    1.2

    Il-Kumitat iqis li hemm bżonn li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll adottati mill-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) jiġu trasposti fid-dritt tal-Unjoni bil-għan li jiġu applikati b’mod uniformi u effettiv fi ħdan l-UE.

    1.3

    Madankollu, il-KESE jqis li l-Proposta mressqa ma tistabbilixxix mekkaniżmu effiċjenti għat-traspożizzjoni tar-regoli adottati min-NAFO u ma tindirizzax il-ħtieġa li dawn jiġu aġġornati kull sena.

    1.4

    Il-Kumitat huwa favur mekkaniżmu aktar effiċjenti u sempliċi. Għaldaqstant jipproponi regolament b’artikolu wieħed biss li jistabbilixxi li, fir-rigward tal-flotta tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha assolutament tapplika r-regoli adottati min-NAFO.

    1.5

    Il-KESE jenfasizza r-riskju li ġġib magħha l-introduzzjoni tas-sistema tal-atti delegati li permezz tagħha l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tilleġisla mingħajr ma tkun soġġetta għal proċeduri ordinarji.

    2.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

    2.1

    L-għan prinċipali tal-proposta li qiegħda titqies huwa li fid-dritt tal-Unjoni jiġu integrati l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll adottati fil-41 Laqgħa Annwali tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO), li saret f’Settembru 2019.

    2.2

    Għalhekk huma proposti għadd ta’ emendi tekniċi relatati mat-terminoloġija li tirrigwardja l-limiti tal-qbid u tal-isforz, l-għeluq tas-sajd, il-qabdiet miżmuma abbord, id-daqs tal-malja u l-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd u dwar il-produzzjoni. Huma inklużi wkoll id-dmirijiet addizzjonali tal-ispezzjoni u jiġu ssemplifikati r-rapporti ta’ kull xahar dwar il-qabdiet.

    2.3

    Barra minn hekk, qed jiġu proposti għadd ta’ bidliet editorjali speċifiċi għall-ħalibatt ta’ Greenland, il-ġurnal ta’ abbord tal-produzzjoni u l-proċedimenti ta’ ksur, b’referenzi għas-sit web ta’ din l-organizzazzjoni dwar il-kontroll u s-sorveljanza tal-bastimenti tas-sajd.

    2.4

    Miżuri oħra proposti huma relatati mal-kjarifika tal-użu tal-istrumenti tal-kejl u mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-klieb il-baħar, billi ġew proposti il-projbizzjoni tas-sajd dirett għall-kelb il-baħar ta’ Greenland u t-tnaqqis ta’ qabdiet inċidentali ta’ din l-ispeċi. Id-dispożizzjonijiet dwar l-arranġamenti tal-kiri huma ċċarati wkoll.

    2.5

    Il-proposta tiddelega setgħat lill-Kummissjoni biex temenda d-dispożizzjonijiet ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll relatati ma’ kwistjonijiet tekniċi, bħad-daqs tal-malji, l-għeriebel jew il-gradilji kif ukoll il-ktajjen bil-kuċinilli li jintużaw fis-sajd għall-gambli tat-Tramuntana, u r-restrizzjonijiet fuq iż-żoni fejn jista’ jsir sajd tal-qiegħ. Dan kollu bil-għan li fid-dritt tal-Unjoni jiġu introdotti, b’mod rapidu u sempliċi, emendi futuri possibbli li għandhom jiġu adottati fil-qafas tan-NAFO u li huma relatati ma’ dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll.

    2.6

    Il-proposta temenda r-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tal-20 ta’ Mejju 2019.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Il-KESE jqis li huwa neċessarju li jiġu trasposti fid-dritt tal-Unjoni l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll adottati fl-aħħar laqgħa annwali tan-NAFO sabiex jiġi żgurat li tiġi applikata b’mod uniformi fl-UE.

    3.2

    Madankollu, il-Kumitat huwa tal-fehma li din il-proċedura ta’ traspożizzjoni għadha mhux ibbażata fuq mekkaniżmu flessibbli, peress li dawn il-miżuri jinbidlu kull sena u l-proċeduri burokratiċi tal-UE jimxu bil-mod ħafna, u dan iwassal għal distakk kontinwu bejn ir-regoli adottati min-NAFO u l-leġisżlazzjoni tal-UE.

    3.3

    Il-KESE jindika li qed nanalizzaw din il-proposta għal Regolament preċiżament minħabba li ma ġietx adottata proċedura oħra aktar flessibbli, bħal dik proposta minn dan il-Kumitat fl-2019, u li kienet appoġġjata mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u s-setturi kkonċernati. Dan ikun regolament sempliċi b’artikolu wieħed, li jinkludi impenn min-naħa tal-Unjoni Ewropea li tapplika r-regoli adottati min-NAFO għall-flotta tagħha kull sena.

    3.4

    Il-Kumitat iwissi li l-proċedura attwali twassal għal sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, mhux biss għan-negozji iżda wkoll għall-amministrazzjonijiet infushom, minħabba kunflitt ta’ regolamenti; barra minn hekk, toħloq distorsjonijiet fl-implimentazzjoni tal-miżuri fir-rigward tal-flotot ta’ pajjiżi terzi.

    3.5

    Il-KESE jemmen li l-unika ħaġa li ser tiffaċilita l-introduzzjoni tas-sistema ta’ atti delegati hija li l-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi regoli mingħajr il-ħtieġa ta’ proċeduri ordinarji.

    Brussell, it-18 ta’ Settembru 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Opinjoni tal-KESE dwar Miżuri ta’ konservazzjoni u kontroll li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU C 159, 10.5.2019, p. 60).

    (2)  ĠU L 141, 28.5.2019, p. 1.


    Top