Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE2766

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi” (COM(2018) 450 final — 2018/0196 (COD)) u dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni” (COM(2020) 452 final — 2018/0197 (COD))

    EESC 2020/02766

    ĠU C 429, 11.12.2020, p. 236–239 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 429/236


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi”

    (COM(2018) 450 final — 2018/0196 (COD))

    u dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni”

    (COM(2020) 452 final — 2018/0197 (COD))

    (2020/C 429/29)

    Relatur:

    Mihai IVAŞCU

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 8.6.2020, 10.6.2020

    Parlament Ewropew, 17.6.2020

    Bażi legali

    Artikoli 177, 178 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    20.7.2020

    Adottata fil-plenarja

    18.9.2020

    Sessjoni plenarja Nru

    554

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    217/0/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    B’segwitu għax-xokk simetriku esoġenu mingħajr preċedent mill-pandemija tal-COVID-19, il-previżjonijiet jindikaw li l-qgħad u l-faqar se jiżdiedu b’mod drammatiku, filwaqt li numru sinifikanti ta’ negozji se jfallu.

    1.2.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tuża l-baġit tal-UE biex timmobilizza l-investiment u toffri appoġġ finanzjarju matul l-irkupru ta’ wara l-COVID-19.

    1.3.

    Il-kriżi tal-COVID-19 iġġenerat reazzjonijiet mhux koordinati fl-Istati Membri kollha, skont il-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali. Il-KESE jqis li ċerti emendi għall-proposta tal-RDK huma assolutament meħtieġa u jilqa’ l-intenzjoni li jiżdiedu s-semplifikazzjoni u l-flessibbiltà mas-seba’ fondi ta’ ġestjoni kondiviża.

    1.4.

    Il-KESE jqis li l-flessibbiltajiet proposti huma l-approċċ ġust f’sitwazzjoni ekonomika u soċjali kkumplikata u għandhom jippermettu lill-Istati Membri jużaw il-fondi disponibbli fejn huma l-aktar meħtieġa. L-irkupru ta’ wara l-COVID-19 għandu jsegwi prinċipji sostenibbli u korrelazzjoni tal-isforzi bejn il-FEŻR, il-Fondi ta’ Koeżjoni u programmi Ewropej oħrajn.

    1.5.

    Min-naħa l-oħra, il-KESE mhuwiex sodisfatt bid-differenzi kif l-Istati Membri differenti jinkludu u jinvolvu lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u fit-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-programmi, kif ukoll fi ħdan il-kumitati ta’ monitoraġġ.

    1.6.

    Il-KESE jqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni li huma affettwati serjament mill-kriżi tal-COVID-19 u li qed jiffaċċjaw l-agħar diffikultajiet biex jissoktaw bl-irkupru ekonomiku sostnut. L-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tad-differenzi kemm bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn reġjuni differenti huma u għandhom ikunu l-ogħla prijorità tal-Fondi ta’ Koeżjoni.

    1.7.

    Il-KESE jaqbel li l-flessibbiltà estiża tal-iskeda ta’ żmien hija assolutament meħtieġa u jappoġġja l-proposta li t-trasferimenti jistgħu jsiru fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni jew fi kwalunkwe punt ieħor matul il-fażi ta’ implimentazzjoni.

    1.8.

    Barra minn hekk, l-iżgurar ta’ miżuri temporanji biex jippermettu l-użu tal-Fondi f’ċirkostanzi eċċezzjonali se jżid il-fiduċja u jikkoreġi l-iżbilanċi fl-ekonomija. Id-dejn pubbliku mistenni se jkollu impatt importanti fuq l-ekonomija, jekk mhux se jkun appoġġjat b’mod effiċjenti bil-mezzi kollha meħtieġa.

    1.9.

    Il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali li l-baġit tal-UE jitħalla jkun aktar flessibbli fl-indirizzar ta’ xokkijiet negattivi, speċjalment dawk li mhumiex ta’ oriġini ekonomika.

    1.10.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-UE għandha ssegwi politiki li jtejbu l-kooperazzjoni transkonfinali fi żminijiet ta’ kriżi. Protokolli aħjar u kollaborazzjoni mtejba jippermettu rispons Ewropew semplifikat u f’waqtu għal kull tip ta’ katastrofi.

    2.   Introduzzjoni u l-proposta leġiżlattiva

    2.1.

    Aktar minn sentejn ilu, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) (1) magħmul minn normi leġislattivi għall-użu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu 2021-2027. Il-qafas leġislattiv propost żied is-semplifikazzjoni, il-flessibbiltà biex jirreaġixxi għall-ħtiġijiet emerġenti, u l-effiċjenza fl-użu ta’ strumenti finanzjarji. It-test ġie diskuss mal-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti.

    2.2.

    Ir-Regolament propost jintroduċi ċerti dispożizzjonijiet li jippermettu spazju għall-manuvrar għall-użu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Dan jemenda wkoll ir-regoli finanzjarji għall-fondi msemmija hawn fuq kif ukoll għall-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi. Il-KESE jfaħħar l-intenzjoni li tiżdied is-semplifikazzjoni u l-flessibbiltà għas-seba’ fondi ta’ ġestjoni kondiviża.

    2.3.

    B’segwitu għax-xokk simetriku esoġenu mingħajr preċedent mill-pandemija tal-COVID-19, iż-żieda tal-pressjoni fuq is-sistemi Ewropej tas-saħħa ġiet segwita minnufih minn diffikultajiet soċjali u ekonomiċi serji. Il-previżjonijiet jindikaw li l-qgħad u l-faqar se jiżdiedu b’mod drammatiku, filwaqt li numru sinifikanti ta’ negozji se jfallu.

    2.4.

    Għall-qafas finanzjarju li fadal (tmiem is-sena), ġew adottati żewġ proposti leġislattivi immedjatament bħala rispons immedjat għall-effetti possibbli tal-pandemija: żewġ emendi għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) adottati fit-30 ta’ Marzu 2020 u fit-23 ta’ April 2020 rispettivament, bil-għan li jipprovdu flessibbiltà għall-Istati Membri fit-tentattiv tagħhom li jimmaniġġjaw il-programmi biex iwieġbu għall-kriżi tal-COVID-19.

    2.5.

    Id-diskussjonijiet li għaddejjin dwar l-istrateġija ta’ ħruġ sostnuta jiffukaw fuq żewġ pilastri: il-Fond Ewropew għall-Irkupru u qafas finanzjarju pluriennali msaħħaħ. Ir-Regolament propost huwa orjentat lejn l-appoġġ tal-investimenti tal-politika ta’ koeżjoni fuq medda medja u twila ta’ żmien.

    2.6.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tuża l-baġit tal-UE biex timmobilizza l-investiment u toffri appoġġ finanzjarju matul l-irkupru ta’ wara l-COVID-19. Dan għandu jsir bl-appoġġ ta’ pjani usa’ biex tiżdied il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-ekonomija Ewropea u biex jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    2.7.

    Il-kriżi attwali tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher l-importanza tal-flessibbiltà u tar-reazzjonijiet koordinati u veloċi tal-Istati Membri u tal-UE. Dawn it-tagħlimiet għandhom ikunu riflessi fil-qafas legali u finanzjarju l-ġdid, li għandu jagħti prova tal-flessibbiltà u l-kapaċità tiegħu li jwieġeb għal ċirkostanzi straordinarji fil-futur.

    3.   Kummenti Ġenerali

    3.1.

    Il-kriżi tal-COVID-19 iġġenerat reazzjonijiet mhux koordinati fl-Istati Membri kollha, skont il-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali. Dan jista’ jirriżulta f’irkupru asimmetriku u fl-istess ħin jikkontribwixxi għal żieda fid-differenzi u l-inugwaljanzi reġjonali, li fuq medda twila ta’ żmien jistgħu jimminaw is-suq uniku u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE jqis vitali li tittieħed azzjoni immedjata biex tiġi evitata frammentazzjoni ulterjuri tas-suq uniku u biex jiġi rrispettat l-objettiv tat-Trattat għall-promozzjoni tal-konverġenza u t-tnaqqis tad-differenzi.

    3.2.

    L-irkupru ekonomiku jeħtieġ investiment pubbliku qawwi, li jista’ jiġi mxekkel mill-pressjoni sinifikanti fuq il-finanzi pubbliċi, u b’hekk jiġi estiż it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Għalhekk, għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, ċerti emendi għall-proposta tal-RDK huma assolutament meħtieġa.

    3.3.

    Is-Semestru Ewropew għandu rabta mill-qrib mal-investimenti tal-politika ta’ koeżjoni, li, min-naħa tagħhom, huma adatti biex iwettqu l-ħtiġijiet identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-irkupru ekonomiku. Il-KESE appella ripetutament għall-“ħtieġa li jiġi stabbilit qafas Ewropew komuni – simili għall-Ftehim ta’ Sħubija taħt il-Fondi Strutturali tal-UE – li jiggarantixxi li jista’ jkun hemm parteċipazzjoni b’saħħitha u sinifikanti tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili ġenerali fl-istadji kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tas-Semestru tal-UE” (3).

    3.4.

    L-Artikolu 6 tar-Regolament, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni dwar is-seba’ fondi, jistabbilixxi l-mod li bih kull Stat Membru għandu jorganizza sħubijiet ma’ awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti, billi mill-inqas jinkludi lill-awtoritajiet urbani u awtoritajiet pubbliċi oħrajn, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, kif ukoll korpi rilevanti li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, l-imsieħba ambjentali u l-entitajiet li jirrappreżentaw id-drittijiet fundamentali, eċċ. L-Istati Membri kollha għandhom jinvolvu lil dawn il-partijiet interessati fit-tħejjija tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ programmi, kif ukoll fi ħdan il-kumitati ta’ monitoraġġ.

    3.4.1.

    Għalkemm dawn il-linji huma ċari, il-KESE mhuwiex sodisfatt b’differenzi kif l-Istati Membri differenti jinkludu u jinvolvu lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE diġà indika li “Fil-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ta’ din is-sena, diversi Stati Membri rċevew rakkomandazzjonijiet dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali. Sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, jenħtieġ li jiġu introdotti standards minimi rigward il-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali nazzjonali mill-gvernijiet nazzjonali f’diversi stadji matul is-Semestru Ewropew” (4).

    3.5.

    Fir-rigward tal-perjodu ta’ implimentazzjoni attwali, il-KESE jirrikonoxxi li għal xi benefiċjarji huwa diffiċli li l-programmi approvati jitlestew fil-ħin. Il-flessibbiltà hija kruċjali biex tippermetti s-suċċess u l-estensjoni possibbli tal-perjodu ta’ implimentazzjoni, filwaqt li tiżgura t-tqassim korrett tal-operazzjonijiet.

    3.6.

    Il-KESE jqis li l-flessibbiltajiet proposti huma l-approċċ ġust f’sitwazzjoni ekonomika u soċjali kkumplikata, fejn huma mistennija sitwazzjonijiet eċċezzjonali għall-perjodu ta’ implimentazzjoni li jmiss. Qed joħroġ dejjem aktar biċ-ċar li l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 se jkollu effetti fit-tul fuq l-Istati Membri u l-uniku mod kif jiġi żgurat ħruġ sostenibbli huwa permezz tad-dejn. Għalhekk, huwa estremament utli li l-qafas jinħoloq immedjatament biex il-pajjiżi kollha jkunu jistgħu jżidu l-flessibbiltà fl-istrateġija ta’ ħruġ tagħhom u jużaw il-fondi disponibbli fejn huma l-aktar meħtieġa.

    4.   Kummenti Speċifiċi

    4.1.

    Il-KESE jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni li huma serjament affettwati mill-kriżi tal-COVID-19 u li qed jiffaċċjaw l-agħar diffikultajiet biex jissoktaw bl-irkupru ekonomiku sostnut.

    4.2.

    L-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tad-differenzi kemm bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn reġjuni differenti huma u għandhom ikunu l-ogħla prijorità tal-Fondi ta’ Koeżjoni. Peress li s-settur tat-turiżmu u dak kulturali ntlaqtu b’mod qawwi mill-kriżi tal-COVID-19, dawn għandhom jiġu appoġġjati b’mod speċjali. Fl-istess ħin, l-inklużjoni soċjali mhijiex limitata għal dawn is-setturi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandhom ikunu fundamentali fi kwalunkwe approċċ. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ objettiv separat taħt il-politika 4 tal-FEŻR.

    4.3.

    Il-KESE jfaħħar l-intenzjoni li tingħata aktar flessibbiltà lill-Istati Membri f’termini ta’ trasferiment ta’ ċerti ammonti bejn il-fondi differenti tal-UE fi kwalunkwe punt li dawn iqisu neċessarju. Il-qafas legali tal-politika ta’ koeżjoni għandu jiġi adattat malajr għar-realtajiet il-ġodda sabiex il-mekkaniżmi mfassla speċifikament jiġu adottati u implimentati faċilment. Il-flessibbiltà u d-derogi għar-regoli eżistenti jistgħu jkunu ta’ importanza kbira f’qagħda ekonomika u soċjali diffiċli bħal din. Għalhekk, il-KESE huwa favur li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa.

    4.4.

    L-emendi proposti jintroduċu xi flessibbiltà għall-Istati Membri biex jitolbu trasferimenti bejn il-Fondi jew mill-Fondi għal kwalunkwe strument, permezz ta’ ġestjoni diretta jew indiretta. Il-KESE jaqbel li l-flessibbiltà estiża tal-iskeda ta’ żmien hija assolutament meħtieġa u tappoġġja l-proposta li t-trasferimenti jistgħu jsiru fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni jew fi kwalunkwe punt ieħor matul il-fażi ta’ implimentazzjoni.

    4.5.

    Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jappoġġja l-koordinazzjoni fost il-politiki fiskali u l-applikazzjoni ta’ finanzi pubbliċi sodi, li huma essenzjali għal irkupru u tkabbir ekonomiku sostenibbli. Il-KESE jqis li l-iżgurar ta’ miżuri temporanji biex jippermettu l-użu tal-Fondi f’ċirkostanzi eċċezzjonali se jżid il-fiduċja u jikkoreġi l-iżbilanċi fl-ekonomija. Id-dejn pubbliku mistenni se jkollu impatt importanti fuq l-ekonomija, jekk mhux se jkun appoġġjat b’mod effiċjenti bil-mezzi kollha meħtieġa.

    4.6.

    Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm mekkaniżmi ċari ta’ komplementarjetà bejn id-diversi flussi Ewropej ta’ finanzjament. Minkejja dan, l-irkupru ta’ wara l-COVID-19 għandu jsegwi prinċipji sostenibbli u korrelazzjoni tal-isforzi bejn il-FEŻR, il-Fondi ta’ Koeżjoni u programmi Ewropej oħrajn.

    4.7.

    Il-KESE jfaħħar iż-żieda ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux tas-soltu rigward il-miżuri b’rabta ma’ governanza ekonomika soda. Fid-dawl tal-ħtieġa ta’ aktar flessibbiltà fir-rispons għal ċirkostanzi eċċezzjonali, bħall-kriżi tal-COVID-19, il-KESE jqis li t-tibdil propost fir-rigward tat-titolu 2 tal-Kapitolu III huwa meħtieġ.

    4.8.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-introduzzjoni proposta tal-Artikolu 15a. Il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali li l-baġit tal-UE jitħalla jkun aktar flessibbli fl-indirizzar ta’ xokkijiet negattivi, speċjalment dawk li mhumiex ta’ oriġini ekonomika. Barra minn hekk, il-flessibbiltà tintroduċi approċċ korrett li l-pagamenti interim jistgħu jiżdiedu b’mod eċċezzjonali sa 10 % aktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli, iżda li ma taqbiżx il-kwota ta’ 100 %.

    4.9.

    Il-KESE jqis rilevanti l-inklużjoni ta’ ġustifikazzjoni għat-trasferimenti fl-Artikolu 8(d), peress li dan jippermetti sorveljanza u trasparenza aħjar.

    4.10.

    Barra minn hekk, il-modifika tal-premessa (71) tiżgura li s-setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ miżuri temporanji għall-użu tal-Fondi għandhom jingħataw lill-Kummissjoni Ewropea mingħajr proċeduri ta’ kumitat. Qed tkun proposta flessibbiltà addizzjonali fi kwalunkwe trasferiment li kwalunkwe Stat Membru jista’ jitlob sa 5 % tal-allokazzjoni totali ta’ kwalunkwe Fond għal Fond ieħor. Jista’ jintalab ukoll trasferiment addizzjonali ta’ mhux aktar minn 5 % taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, bejn il-FEŻR, l-FSE+ u l-Fond ta’ Koeżjoni.

    4.11.

    Il-KESE jaqbel mal-importanza tal-SMEs fl-ekonomija u jilqa’ l-attenzjoni miżjuda fir-rigward tagħhom. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs li jiġġeneraw it-tkabbir u li joħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja, li huma meħtieġa biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u d-differenzi.

    4.12.

    Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-edukazzjoni diġitali ġġib magħha ħafna sfidi. Mhuwiex biżżejjed li sempliċiment niżguraw l-aċċess għall-ICT u t-tagħmir diġitali għall-istudenti li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri janalizzaw modi kif jippermettu l-aċċess għall-pjattaformi diġitali. Barra minn hekk, studenti li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati u xi għalliema anzjani ma għandhomx il-ħiliet meħtieġa biex jaħdmu tajjeb bl-għodod u l-kontenut diġitali. Għalhekk, il-KESE jappella għal investiment immedjat addizzjonali għat-titjib tal-ħiliet.

    4.13.

    Il-KESE jappoġġja t-tnaqqis propost tal-limitu minn EUR 10 miljun għal EUR 5 miljun għal operazzjoni soġġetta għal implimentazzjoni gradwali, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha stipulati fl-Artikolu 111 jiġu ssodisfati.

    4.14.

    Minbarra ż-żieda fil-kapaċità tat-tagħmir mediku u tal-forniment, il-KESE jirrakkomanda li l-UE għandha ssegwi politiki li jtejbu l-kooperazzjoni transkonfinali fi żminijiet ta’ kriżi. Id-diżastri u l-kriżijiet naturali ma jiqfux mal-fruntiera tal-Istat. Matul il-pandemija, il-koordinazzjoni tal-Istati Membri u r-reazzjonijiet konġunti kienu limitati ħafna, diżorganizzati u xprunati minn tendenzi li jħarsu ’l ġewwa. Protokolli u kollaborazzjoni aħjar jeliminaw ħafna mill-konġestjoni inizjali u jippermettu rispons Ewropew semplifikat u f’waqtu għal kull tip ta’ katastrofi.

    Brussell, it-18 ta’ Settembru 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  COM(2018) 375 final – 2018/0196 (COD).

    (2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

    (3)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Is-Semestru Ewropew u l-politika ta’ koeżjoni – Lejn strateġija Ewropea ġdida għal wara l-2020 (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 39).

    (4)  ĠU C 47, 11.2.2020, p. 113.


    Top