Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE1188

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” (COM(2020) 67 final)

    EESC 2020/01188

    ĠU C 364, 28.10.2020, p. 101–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 364/101


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”

    (COM(2020) 67 final)

    (2020/C 364/14)

    Relatur:

    Ulrich SAMM

    Korelatur:

    Jakob Krištof POČIVAVŠEK

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni, 9.3.2020

    Bażi legali

    L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottat fis-sezzjoni

    25.6.2020

    Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

    16.7.2020

    Sessjoni tal-plenarja Nru

    553

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    216/1/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) diġà laqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ekonomija u soċjetà diġitali u issa jinsab kuntent li dan il-momentum qed jissaħħaħ permezz ta’ pakkett ta’ inizjattivi ġodda f’firxa wiesgħa ta’ oqsma.

    1.2.

    Il-KESE jirrakkomanda triq Ewropea għad-diġitalizzazzjoni billi jiġu sfruttati l-opportunitajiet għall-ekonomija flimkien mal-protezzjoni tad-data tagħna biex jiġu żgurati l-privatezza u l-awtodeterminazzjoni. L-approċċ li jqiegħed il-bniedem fiċ-ċentru tal-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni huwa milqugħ tajjeb ħafna.

    1.3.

    Il-KESE jemmen li l-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba, iżda l-istorja għadha ’l bogħod mit-tmiem tagħha. Id-diġitalizzazzjoni qed tiżviluppa b’mod rapidu u l-leġislazzjoni Ewropea għandha żżomm il-pass. Dan jitlob qafas regolatorju sod u ambizzjuż, inklużi regoli etiċi vinkolanti legalment u regoli ċari dwar ir-responsabbiltà. Il-KESE huwa konvint li żvilupp dinamiku bħal dan jeħtieġ ukoll proċessi flessibbli u adattabbli li jirrikjedu djalogu kostanti bejn il-partijiet involuti — b’mod partikolari għandu jkun obbligatorju li l-impjegati jkunu jistgħu jesprimu l-fehma tagħhom. Il-KESE, bħala rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, huwa lest li jagħmel il-parti tiegħu f’dan ir-rigward.

    1.4.

    Huwa importanti li jsir investiment fit-teknoloġiji futuri t-tajbin, li jiġi promoss it-taħriġ tal-persuni u li tinħoloq fiduċja fost iċ-ċittadini, filwaqt li jitħeġġu jieħdu sehem attiv fit-trasformazzjoni.. It-tranżizzjoni diġitali jeħtieġ li tkun ġusta, sostenibbli u soċjalment aċċettabbli.

    1.5.

    Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li għandna bżonn nibnu suq uniku Ewropew ġenwin għad-data — spazju Ewropew tad-data bbażat fuq ir-regoli u l-valuri Ewropej. Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva għal strateġija industrijali ġdida tal-UE li se tistabbilixxi azzjonijiet li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn industrija tal-UE aktar diġitali, nadifa, ċirkolari u kompetittiva globalment b’kumpaniji sostenibbli, inkluża strateġija għall-SMEs.

    1.6.

    Il-KESE jenfasizza li s-sovranità teknoloġika Ewropea m’għandhiex tiġi definita b’oppożizzjoni għal oħrajn u m’għandhiex telimina l-benefiċċji tal-kooperazzjoni globali. Madankollu, għandhom jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet taċ-ċittadini Ewropej u tal-mudell soċjali Ewropew, bil-pilastru tal-UE tad-drittijiet soċjali bħala r-referenza tiegħu.

    1.7.

    L-edukazzjoni u t-taħriġ li jipprovdu ħiliet diġitali huma essenzjali biex nitħejjew għal ħajja diġitali. Il-KESE jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-kompetenzi u l-ħiliet diġitali, iżda jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel distinzjoni aħjar bejn il-kompetenzi tekniċi u soċjali, għalkemm it-tnejn huma ta’ importanza vitali. Għandhom isiru sforzi addizzjonali u jridu jiġu pprovduti l-mezzi għat-taħriġ diġitali tal-membri ta’ gruppi soċjalment vulnerabbli.

    1.8.

    Il-futur diġitali tal-Ewropa bbażat fuq approċċ iċċentrat fuq il-bniedem se jkun ta’ suċċess biss jekk in-nies jista’ jkollhom fiduċja. Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha tagħmel distinzjoni ċara bejn applikazzjonijiet b’riskju għoli, li għandhom ikunu soġġetti għal regolamentazzjoni stretta, u applikazzjonijiet b’riskju baxx, fejn ikun biżżejjed li wieħed joqgħod fuq l-awtoregolazzjoni u l-mekkaniżmi tas-suq. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dan l-approċċ ġenerali, iżda jenfasizza wkoll li hemm bżonn ta’ analiżi dettaljata u bir-reqqa tad-diversi applikazzjonijiet.

    1.9.

    Il-KESE jilqa’ wkoll l-approċċ iċċentrat fuq il-bniedem fir-rigward tal-isfidi li jirriżultaw mill-pjattaformi online għall-ħaddiema. Qafas legali msaħħaħ li jipprevjeni kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u jiżgura d-drittijiet tal-ħaddiema online, inkluż in-negozjar kollettiv, huwa wieħed mill-aspetti importanti ta’ dak l-approċċ.

    1.10.

    Il-KESE jħoss li l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi diġitali għall-futur diġitali ma ġiex kopert, speċjalment peress li s-servizzi tal-gvern elettroniku transkonfinali jistgħu jsaħħu s-suq uniku (diġitali) u jtejbu r-regolamentazzjoni u l-koordinazzjoni pubbliċi.

    1.11.

    Minħabba l-pandemija reċenti — u li għadha għaddejja — tal-coronavirus COVID-19, is-soċjetà qed taffaċċja verifika fil-prattika fir-rigward tal-użu tat-teknoloġija diġitali u dan ħoloq ħafna sfidi ġodda. Il-ħtieġa li wieħed jikkomunika, jistudja u jaħdem mill-bogħod uriet li ħafna nies mhumiex ippreparati b’mod adegwat għall-użu effettiv ta’ teknoloġiji diġitali aġġornati, u l-infrastruttura diġitali lanqas ma tista’ tiżgura aċċess ugwali u parteċipazzjoni inklużiva permezz ta’ teknoloġiji diġitali.

    1.12.

    Il-ħtieġa li jinbidlu d-drawwiet minħabba l-miżuri li ħadu l-gvernijiet nazzjonali kontra t-tixrid tal-COVID-19 jista’ jkollha effetti fit-tul fuq il-prattiki tal-konsumatur u fuq ir-relazzjonijiet tax-xogħol fit-tul. L-effetti pożittivi u negattivi ta’ din il-bidla jridu jitqiesu meta jkunu qed jiġu żviluppati politiki ġodda f’dak ir-rigward. It-trasformazzjoni diġitali għandha tkun immonitorjata permezz ta’ inizjattiva ta’ riċerka komprensiva u orjentata lejn ix-xogħol iffinanzjata mill-UE dwar id-“diġitalizzazzjoni għal xogħol deċenti”. Il-KESE huwa konvint li huwa biss b’disinn effiċjenti u faċli biex jintuża mill-impjegati tas-sistemi tal-Industrija 4.0 li d-diġitalizzazzjoni tista’ tirnexxi fit-tul (1).

    2.   Introduzzjoni u kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni

    2.1.

    B’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni l-ġdida tippreżenta dokument komprensiv li jiddeskrivi sensiela ta’ inizjattivi li jgħinu biex jissawwar il-futur diġitali tal-Ewropa. Il-ħtieġa li l-Ewropa tmexxi t-tranżizzjoni ġusta lejn pjaneta b’saħħitha u dinja diġitali ġdida tirrikjedi li l-isfidi tat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali jimxu id f’id, sabiex it-teknoloġiji diġitali jappoġġjaw il-Patt Ekoloġiku fir-rigward tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

    2.2.

    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta’ inizjattivi. Id-diversi inizjattivi ppreżentati u mħabbra għal din is-sena u li jmiss huma maqsuma fi tliet pilastri ewlenin:

    Teknoloġija għas-servizz tan-nies:

    White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (COM(2020) 65 final/ara INT/894);

    Strateġija għal teknoloġiji tal-kwantum, blockchain u supercomputing;

    Pjan ta’ Azzjoni għall-5G u s-6G (ippreżentat bħala COM(2020) 50 final/ara TEN/704);

    Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u Aġenda għall-Ħiliet imsaħħa;

    Inizjattivi biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi;

    Standards għal flussi u servizzi ta’ data tas-settur pubbliku li huma siguri u mingħajr fruntieri.

    Ekonomija ġusta u kompetittiva:

    Strateġija Ewropea għad-Data (ippreżentata bħala COM(2020) 66 final/ara TEN/708);

    Rieżami tal-idoneità tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE;

    Pakkett dwar l-Istrateġija Industrijali;

    Komunikazzjoni dwar it-Tassazzjoni tan-Negozji għas-seklu 21;

    Aġenda tal-Konsumatur ġdida.

    Soċjetà miftuħa, demokratika u sostenibbli:

    Regoli ġodda u riveduti għall-approfondiment tas-Suq Intern għas-Servizzi Diġitali;

    Reviżjoni tar-Regolament eIDAS;

    Pjan ta’ Azzjoni tal-Media u dak Awdjoviżiv;

    Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija;

    Strateġija taċ-Ċibersigurtà Ewropea;

    Inizjattiva biex jiġi żviluppat mudell diġitali ta’ preċiżjoni għolja tad-Dinja;

    Inizjattiva għall-Elettronika Ċirkolari;

    Promozzjoni ta’ rekords elettroniċi tas-saħħa.

    2.3.

    Sabiex jiġu affermati l-interessi tal-Ewropa bħala attur globali, tħabbru wkoll strateġija globali għall-kooperazzjoni diġitali u strateġija ta’ standardizzazzjoni.

    3.   Il-mod Ewropew — it-tqegħid tal-persuni fil-qalba tad-diġitalizzazzjoni

    3.1.

    Id-diġitalizzazzjoni tiftaħ għadd kbir ta’ għażliet ġodda ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet biex in-nies jgħixu ħajja aħjar b’mod li qatt ma kien hemm bħalu qabel. Madankollu, aktar ma d-diġitalizzazzjoni taffettwalna ħajjitna u aktar ma nkunu interkonnessi, aktar inkunu vulnerabbli għal attività ċibernetika malizzjuża, il-manipulazzjoni u t-teknoloġiji li jdgħajfu l-awtonomija tagħna.

    3.2.

    Il-KESE, għalhekk, jirrakkomanda triq Ewropea għad-diġitalizzazzjoni, ibbażata fuq valuri Ewropej, billi jiġu sfruttati l-opportunitajiet għall-ekonomija flimkien mal-protezzjoni tad-data tagħna biex jiġu żgurati l-privatezza u l-awtodeterminazzjoni. L-approċċ li jqiegħed il-bniedem fiċ-ċentru tal-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni huwa milqugħ tajjeb ħafna.

    3.3.

    Il-KESE jilqa’ wkoll l-approċċ iċċentrat fuq il-bniedem fir-rigward tal-isfidi li jirriżultaw mill-pjattaformi online għall-ħaddiema. Qafas imsaħħaħ li jipprevjeni kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u jiżgura d-drittijiet online tal-ħaddiema, inkluż in-negozjar kollettiv, huwa wieħed mill-aspetti importanti ta’ dak l-approċċ. Il-KESE jenfasizza li x-xogħol fuq il-pjattaformi huwa pprovdut minn persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll minn ħaddiema. Il-persuni li jaħdmu għal rashom għandhom relazzjoni B2B jew B2C. Il-kodiċijiet ta’ kondotta u t-termini ta’ kummerċ għar-relazzjonijiet B2B, imfassla fil-livell Ewropew, għandhom jipprovdu kompetizzjoni ġusta bejn l-intrapriżi ta’ kull daqs u jipprevjenu l-impjieg indipendenti fittizju.

    3.4.

    Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza ta’ soluzzjonijiet diġitali għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku, speċjalment fir-rigward tal-ekonomija ċirkolari. Il-konsum tal-enerġija, il-materja prima għall-ICT u r-riċiklabbiltà tat-tagħmir tal-ICT, madankollu, huma fost sfidi oħra li jeħtieġ li jiġu indirizzati matul il-perjodu.

    3.5.

    L-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba, iżda l-istorja għadha ’l bogħod mit-tmiem tagħha. Il-GDPR u l-linji gwida etiċi għall-IA, pereżempju, kienu pass importanti. Iżda d-diġitalizzazzjoni qed tiżviluppa b’mod rapidu u l-leġislazzjoni Ewropea għandha żżomm il-pass. Dan jitlob qafas regolatorju sod u ambizzjuż, inklużi regoli etiċi vinkolanti legalment u regoli ċari dwar ir-responsabbiltà. Il-KESE huwa konvint li dan l-iżvilupp dinamiku jeħtieġ ukoll proċessi flessibbli u adattabbli li jirrikjedu djalogu kostanti bejn il-partijiet involuti. Il-KESE, bħala r-rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, huwa lest li jagħmel il-parti tiegħu f’dan ir-rigward.

    3.6.

    Il-KESE huwa tal-fehma li hemm nuqqas ta’ enfasi ċara fuq il-ħtieġa ta’ strutturi demokratiċi sostenibbli għall-bini tal-kapaċità u l-ħolqien ta’ fiduċja fir-relazzjonijiet tax-xogħol. Il-KESE huwa konvint li l-bidliet fundamentali fil-kumpaniji permezz tad-diġitalizzazzjoni jistgħu jirnexxu biss jekk ikun hemm relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-maniġment ta’ kumpanija u r-rappreżentanti tal-impjegati. Madankollu, iż-żieda fil-movimenti populisti fis-seklu 21 qed tqajjem dubji dwar il-forom tradizzjonali ta’ bini ta’ fiduċja permezz ta’ promozzjoni soċjali. Għalhekk għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi appoġġjat id-djalogu soċjali fil-livell tal-UE. Dan jirrigwarda r-regolamentazzjoni soċjali fil-kumpanija, il-prestazzjoni ekonomika tagħha u t-tisħiħ tal-bidla demokratika b’mod ġenerali.

    4.   Ekonomija ġusta u kompetittiva

    4.1.

    Id-data saret fattur ewlieni fl-ekonomija tagħna. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li għandna bżonn nibnu suq uniku Ewropew ġenwin għad-data — spazju Ewropew tad-data bbażat fuq ir-regoli u l-valuri Ewropej. Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva għal strateġija industrijali ġdida tal-UE li se tistabbilixxi azzjonijiet li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn industrija tal-UE aktar diġitali, nadifa, ċirkolari u kompetittiva globalment, inkluża strateġija għall-SMEs.

    4.2.

    Il-KESE jemmen ukoll li sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, ir-regoli li japplikaw offlajn — mir-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq uniku u l-protezzjoni tal-konsumatur għad-drittijiet, tal-proprjetà intellettwali, it-tassazzjoni u d-drittijiet tal-ħaddiema — għandhom japplikaw ukoll onlajn.

    4.3.

    Il-KESE huwa konvint li ser tkun meħtieġa żieda sostanzjali fl-investiment (fl-Istati Membri tal-UE) flimkien ma’ programm ta’ riċerka u innovazzjoni Ewropew b’saħħtu biex jinżamm livell ta’ klassi dinjija fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u li approċċ industrijali għall-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mikroċipep b’enerġija baxxa fl-Ewropa se jagħmel lill-UE inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet.

    4.4.

    Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-innovazzjoni u l-investiment, speċjalment dawk pubbliċi, jistgħu jgħinu wkoll biex jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali fl-iżvilupp jekk l-aċċess għall-infrastruttura diġitali, u għalhekk għas-suq diġitali, ikun disponibbli f’żoni remoti wkoll. Din hija conditio sine qua non jekk ħadd ma għandu jitħalla lura fit-tranżizzjoni diġitali.

    4.5.

    Il-KESE jenfasizza li s-sovranità teknoloġika Ewropea m’għandhiex tiġi definita b’oppożizzjoni għal oħrajn u m’għandhiex telimina l-benefiċċji tal-kooperazzjoni globali. Madankollu, il-ħtiġijiet tal-Ewropej u tal-mudell soċjali Ewropew għandhom jitqiesu wkoll b’mod adegwat, billi jittieħdu bħala punt ta’ referenza l-miżuri tal-Kummissjoni tal-UE biex issaħħaħ il-pilastru tal-UE tad-drittijiet soċjali. L-applikazzjoni tal-valuri Ewropej (il-protezzjoni tad-data, il-privatezza, il-protezzjoni soċjali, is-sostenibbiltà) tista’ ssir vantaġġ kompetittiv jekk ikun hemm għarfien dejjem jikber min-naħa tal-pubbliku u tan-negozji tal-metodi tad-data użati minn partijiet terzi (l-Istati Uniti) u l-potenzjal ta’ sorveljanza tas-sistemi diġitali (iċ-Ċina).

    4.6.

    Il-Kummissjoni tgħid tajjeb li għandna niżguraw li r-rwol sistemiku ta’ ċerti pjattaformi onlajn u s-saħħa fis-suq li jiksbu ma jipperikolawx il-ġustizzja u l-ftuħ tas-suq tagħna. Għal dak il-għan u anke biex jiġi stimolat l-iżvilupp ta’ pjattaformi online fl-UE, ir-regoli fil-livell tal-UE għandhom jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u aċċess għall-ixpruni ewlenin tal-innovazzjoni diġitali (2) (b’mod partikolari d-data) u għall-ekosistema tal-prodotti użati mill-konsumaturi.

    4.7.

    Il-Kummissjoni tiddikjara li l-iżgurar ta’ ekwità fl-ekonomija diġitali hija sfida ewlenija. Madankollu, l-iżgurar li dan isir huwa tal-akbar importanza. Għal dak l-għan, il-KESE jappoġġja l-intenzjoni li jiġu stabbiliti regoli addizzjonali meta jkunu meħtieġa biex jiġu żgurati l-istabbiltà, il-ġustizzja u l-innovazzjoni u l-possibbiltà ta’ dħul fis-suq, kif ukoll interessi pubbliċi li jmorru lil hinn mill-kompetizzjoni jew minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. Il-KESE jinnota li t-tassazzjoni fl-ekonomija diġitali se jkollha impatt importanti f’dan ir-rigward. Soluzzjonijiet internazzjonali u Ewropej fir-rigward tat-tassazzjoni diġitali se jkunu importanti u l-UE għandha tirsisti għal tassazzjoni diġitali li hija ġusta u li tipprevjeni l-frammentazzjoni u miżuri unilaterali.

    4.8.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva, li għandha l-għan ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tal-pjattaformi, b’mod partikolari billi tiffoka fuq il-ħiliet u l-edukazzjoni; madankollu, għandhom jiġu indirizzati tul il-proċess l-isfidi li jinkludu l-istatus tal-impjieg, ir-rappreżentazzjoni u l-passi biex tiżdied il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema tal-pjattaformi, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tat-tilwim u l-infurzar tad-drittijiet. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-ħaddiema transkonfinali. Wara talba mill-Presidenza Ġermaniża li jmiss tal-Kunsill, il-KESE ser jaħdem fuq Opinjoni esploratorja dwar xogħol deċenti fl-ekonomija tal-pjattaformi.

    4.9.

    Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE jħoss li l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi diġitali għall-futur diġitali ma ġiex kopert, speċjalment peress li s-servizzi tal-gvern elettroniku transkonfinali jistgħu jsaħħu s-suq uniku (diġitali) u jtejbu r-regolamentazzjoni u l-koordinazzjoni pubbliċi.

    5.   L-edukazzjoni bħala preparazzjoni għal ħajja diġitali

    5.1.

    L-edukazzjoni u t-taħriġ li jipprovdu ħiliet diġitali huma essenzjali biex nitħejjew għal ħajja diġitali. Il-KESE jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-kompetenzi u l-ħiliet diġitali, iżda jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel distinzjoni aħjar bejn il-kompetenzi tekniċi u soċjali, għalkemm it-tnejn huma ta’ importanza vitali. Il-ħolqien ta’ “kapaċità għax-xogħol” — minflok ma tiġi aġġustata biss l-“impjegabilità” — jeħtieġ miżuri biex jitkompla l-appoġġ għat-tagħlim tul il-ħajja.

    5.2.

    Il-ħiliet tekniċi (programmar f’livelli differenti) ser ikunu meħtieġa għal ħafna professjonisti fil-futur. Din hija sfida għas-sistemi edukattivi u għall-organizzazzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri. Il-professjonisti jeħtieġ li jitħarrġu f’għodod ġodda u jeħtieġ li jkunu konxji tal-karatteristiċi, il-limiti u r-riskji, minħabba li fl-aħħar mill-aħħar huma responsabbli. Madankollu, mill-inqas il-ħiliet tekniċi bażiċi ser ikollhom jiġu akkwistati minn kemm jista’ jkun ċittadini sabiex jifhmu, jużaw u jinvolvu ruħhom fit-teknoloġiji u l-għodod diġitali b’mod produttiv, inklużiv u sikur. Il-ħiliet tekniċi bażiċi huma meħtieġa biex jiġu appoġġjati persuni ta’ kull età, iżda speċjalment l-anzjani, sabiex ikunu jistgħu jifhmu u jużaw b’mod sikur it-teknoloġiji u l-għodod diġitali.

    5.3.

    Il-ħiliet soċjali ma jeħtiġux għarfien tekniku partikolari, iżda għandhom jiġu mgħallma mill-aktar età bikrija possibbli. Il-ħiliet soċjali jippermettu lit-tfal, lill-konsumaturi u liċ-ċittadini jifhmu l-isfond tas-sistemi diġitali u jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Dawn jgħinu biex jidentifikaw theddid possibbli minn manipulazzjoni jew kriminalità u biex jivvalutaw l-ammont kbir ta’ informazzjoni li jirċievu. Il-KESE jfakkar li l-edukazzjoni ġenerali għadha l-aħjar tħejjija għal żviluppi futuri.

    5.4.

    Ħiliet, għarfien u konoxxenza speċjali huma meħtieġa biex wieħed juża u jaħdem bl-intelliġenza artifiċjali. Għal dan il-għan, il-KESE jixtieq juża l-esperjenza tal-Finlandja, li tipproponi li jitħarrġu kemm jista’ jkun nies fil-qasam tal-IA permezz ta’ kors online.

    5.5.

    Kif il-KESE enfasizza preċedentement, fiż-żminijiet li qed jinbidlu malajr fl-era diġitali mhux biżżejjed li l-individwi jiġu megħjuna biss biex jakkwistaw sett minimu tal-ħiliet, u huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-Garanzija ta’ Ħiliet tkun twitti t-triq b’mod garantit li tgħin lin-nies javvanzaw aktar u tħeġġiġhom jilħqu l-ogħla livell tal-ħiliet li jista’ jinkiseb (3).

    5.6.

    Il-KESE jtenni r-rwol tal-imsieħba soċjali fil-kisba ta’ tranżizzjoni ekwa u ġusta. Huwa essenzjali li l-istrateġija tantiċipa l-ħtiġijiet tal-ħiliet u b’hekk tappoġġja wkoll it-taħriġ mill-ġdid f’waqtu u xieraq kif ukoll it-titjib tal-ħiliet. Ir-rwol tal-imsieħba soċjali u l-involviment tagħhom huwa tal-akbar importanza f’dan ir-rigward, peress li qed isiru wkoll diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda.

    6.   Fiduċja u responsabbiltà — fiduċja fil-ħajja diġitali

    6.1.

    Il-futur diġitali tal-Ewropa bbażat fuq approċċ li jqiegħed il-bniedem fiċ-ċentru se jkun ta’ suċċess biss jekk in-nies jista’ jkollhom fiduċja. Il-KESE jappella għal salvagwardji adegwati dwar il-privatezza, is-sikurezza u l-governanza tad-data, u fl-aħħar nett, it-trasparenza tal-algoritmi tal-IA, li jistgħu jgħinu biex tinkiseb dik il-fiduċja.

    6.2.

    Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha tagħmel distinzjoni ċara bejn applikazzjonijiet b’riskju għoli, li għandhom ikunu soġġetti għal regolamentazzjoni stretta, u applikazzjonijiet b’riskju baxx, fejn ikun biżżejjed li wieħed joqgħod fuq l-awtoregolazzjoni u l-mekkaniżmi tas-suq. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dan l-approċċ ġenerali, iżda jenfasizza wkoll li analiżi dettaljata u bir-reqqa tal-applikazzjonijiet varji hija meħtieġa llum, u li fir-rigward ta’ żviluppi futuri u meta jkun hemm dubju, l-applikazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala ta’ riskju għoli. Il-KESE jappoġġja b’mod partikolari d-deċiżjoni li jiġu kklassifikati bħala applikazzjonijiet b’riskju għoli dawk li għandhom impatt fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-applikanti għax-xogħol u jipproponi li din id-deċiżjoni tiġi delimitata sabiex jissaħħu d-drittijiet diġitali tal-impjegati.

    6.3.

    Il-KESE diġà appella għall-iżvilupp ta’ proċeduri ta’ ttestjar standard biex tiġi vvalutata l-funzjonalità u l-limitazzjonijiet ta’ sistemi diġitali (eż. preferenza, preġudizzju, diskriminazzjoni, reżiljenza, robustezza, sigurtà, eċċ.). Skont il-livell ta’ riskju, dawn it-testijiet jistgħu jitwettqu mill-iżviluppaturi u l-kumpaniji nfushom jew minn proċeduri ta’ ttestjar minn istituzzjonijiet indipendenti. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea tal-Kummissjoni li tipprovdi sistema ta’ tikkettar volontarju, simili għal dak li l-KESE diġà ppropona fir-rigward ta’ ċertifikat Ewropew għal IA affidabbli.

    6.4.

    Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi dibattitu wiesa’ dwar l-eċċezzjonijiet li bihom ir-rikonoxximent tal-wiċċ għall-identifikazzjoni remota bijometrika jista’ jkun permess. Ir-regolamenti għandhom jipprojbixxu wkoll sorveljanza sproporzjonata fuq il-post tax-xogħol u diskriminazzjoni bbażata fuq algoritmi ppreġudikati.

    6.5.

    Il-KESE jenfasizza li l-fiduċja waħedha mhijiex biżżejjed; il-ħsieb kritiku bbażat fuq l-edukazzjoni ġenerali jibqa’ essenzjali. Dan huwa partikolarment importanti fil-kuntest tat-trattament tad-diżinformazzjoni, li hija theddida għad-demokrazija tagħna.

    6.6.

    Il-KESE jenfasizza li l-fiduċja tinkludi wkoll il-konformità mad-drittijiet tal-impjegati li jkunu infurmati u kkonsultati. Drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni fil-każ ta’ bidliet fil-post tax-xogħol, kif garantiti mit-trattati tal-UE, jittrasformaw “impjegati” f’“ċittadini fuq il-post tax-xogħol”.

    6.7.

    Il-KESE jenfasizza li l-leġislazzjoni tal-UE hija partikolarment importanti għall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-impjegati li m’għandhomx ħiliet diġitali professjonali.

    7.   L-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq it-trasformazzjoni diġitali

    7.1.

    Minħabba l-pandemija reċenti — u li għadha għaddejja — tal-coronavirus COVID-19, is-soċjetà qed taffaċċja verifika fil-prattika fir-rigward tal-użu tat-teknoloġija diġitali u dan ħoloq ħafna sfidi ġodda. Il-ħtieġa li wieħed jikkomunika, jistudja u jaħdem mill-bogħod uriet li ħafna nies mhumiex ippreparati b’mod adegwat għall-użu effettiv ta’ teknoloġiji diġitali aġġornati, u l-infrastruttura diġitali lanqas ma tista’ tiżgura aċċess ugwali u parteċipazzjoni inklużiva permezz ta’ teknoloġiji diġitali. In-netwerks diġitali ma żdiedux biex ilaħħqu mat-tagħbija miżjuda, u se jkollhom isiru investimenti suffiċjenti biex il-komunikazzjoni b’veloċità għolja u effiċjenti tkun aċċessibbli mhux biss għal skopijiet kummerċjali iżda wkoll għall-ħajja privata, anki f’żoni remoti.

    7.2.

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli. Speċjalment l-anzjani li m’għandhomx biżżejjed ħiliet, esperjenza jew anke ħardwer biex jużaw il-pjattaformi tal-internet, tħallew mingħajr mezzi konvenjenti għall-komunikazzjoni. Dan għamel il-kuntatti soċjali bejn il-membri tal-familja u oħrajn aktar diffiċli u servizzi soċjali u servizzi pubbliċi oħra mhumiex disponibbli, jew għallinqas, inqas faċilment disponibbli għalihom. Għandhom isiru sforzi addizzjonali u jridu jiġu pprovduti l-mezzi għat-taħriġ diġitali tal-membri ta’ gruppi soċjalment vulnerabbli.

    7.3.

    Barra minn hekk, il-kwarantina u l-għeluq temporanju tal-fruntieri bejn l-Istati Membri wrew li hemm xi implikazzjonijiet u nuqqasijiet oħra relatati mal-qagħda attwali fis-suq uniku diġitali f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħaddiema tal-fruntiera u t-telexogħol. Il-kriżi COVID-19 wasslet ukoll għal żieda enormi fil-kummerċ elettroniku u f’pagamenti mingħajr flus kontanti, flimkien ma’ żieda ta’ prattiki inġusti u frodulenti. Il-ħtieġa li jinbidlu d-drawwiet minħabba l-miżuri li ħadu l-gvernijiet nazzjonali kontra t-tixrid ta’ COVID-19 jista’ jkollha effetti fit-tul fuq il-prattiki tal-konsumatur u fuq ir-relazzjonijiet tax-xogħol fit-tul. L-effetti pożittivi u negattivi ta’ din il-bidla jridu jitqiesu meta jkunu qed jiġu żviluppati politiki ġodda f’dak ir-rigward.

    7.4.

    Id-dinja diġitali ġiet mobilizzata bis-sħiħ biex tipprovdi għarfien espert fil-ġlieda kontra l-COVID-19. Il-kwistjoni ta’ applikazzjonijiet ta’ traċċar diġitali (traċċar tal-kuntatt) sabiex jiġu infurmati n-nies li fl-aħħar ftit jiem kienu f’kuntatt ma’ persuna djanjostikata bil-COVID-19 kienet is-suġġett ta’ ħafna diskussjoni. Il-KESE jiddispjaċih li l-inizjattiva Ewropea għall-monitoraġġ diġitali ta’ dawn il-kuntatti, magħrufa bħala PEPP-PT (Pan-European Privacy Protecting Proximity Tracing – Traċċar ta' Prossimità li Jipproteġi l-Privatezza Pan-Ewropew), ma wasslitx għal kunsens li kien jippermetti li l-applikazzjonijiet standardizzati jiġu inklużi fl-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa.

    Brussell, is-16 ta’ Lulju 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  ĠU C 190, 5.6.2019, p. 17.

    (2)  De STREEL, A., Contribution to Growth: European Digital Single Market. Delivering improved rights for European citizens and businesses, Il-Parlament Ewropew, il-Lussemburgu, 2019.

    (3)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.


    Top