Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0082

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (2017/2284(INI))

ĠU C 449, 23.12.2020, p. 59–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 449/59


P8_TA(2019)0082

L-użu sostenibbli tal-pestiċidi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (2017/2284(INI))

(2020/C 449/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (Regolament ta’ Livell Massimu ta’ Residwu) (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (5),

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar ir-Regolament u għall-annessi rilevanti tiegħu, kif ippubblikata mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) f'April 2018,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma' aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (7), u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (8),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar il-Ħabitats) (9) u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (id-Direttiva dwar l-Għasafar Selvaġġi) (10),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (11),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (12),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/90/KE tal-31 ta' Lulju 2009 li tistipula, skont id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, speċifikazzjonijiet tekniċi għall-analiżi u l-monitoraġġ kimiċi tal-istat tal-ilma (13),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/127/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li temenda d-Direttiva 2006/42/KE fir-rigward ta' makkinarju għall-applikazzjoni tal-pestiċidi (14),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/39/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi prijoritarji fil-qasam tal-politika dwar l-ilma (15),

wara li kkunsidra l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2018)0392),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “L-Agrikoltura u l-Immaniġġjar Sostenibbli tal-Ilma fl-UE” (SWD(2017)0153),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tat-12 ta' Lulju 2006 mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, bit-titolu “Strateġija tematika dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi” (COM(2006)0373 – SEC(2006)0894 – SEC(2006)0895 – SEC(2006)0914), (16)

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar it-tisħiħ tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp ekonomiku fil-ġestjoni futura tal-farms Ewropej (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar soluzzjonijiet teknoloġiċi għal agrikoltura sostenibbli fl-UE (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz tar-regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar prospettivi u sfidi għas-settur tal-apikultura tal-UE (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (KE) Nru 1107/2009 (22),

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea kontinwa tad-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi u r-rapport ippubblikat mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (ERPS) fil-15 ta' Ottubru 2018,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi (23),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi (COM(2017)0109),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Integrazzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma fi ħdan il-PAK: suċċess parzjali”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2017 dwar il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri u dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (COM(2017)0587),

wara li kkunsidra r-rapport ġenerali ta' Ottubru 2017 mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Istati Membri biex jinkiseb l-użu sostenibbli tal-pestiċidi skont id-Direttiva 2009/128/KE (24),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu “Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli: Azzjoni Ewropea għal Sostenibbiltà” (COM(2016)0739),

wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (25),

wara li kkunsidra r-rapport tan-NU tal-2017 tar-Rapporteur Speċjali dwar id-Dritt għall-Ikel abbozzat skont ir-riżoluzzjonijiet 6/2, 31/10 u 32/8 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (26),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Implimentazzjoni biex tiżdied id-disponibbiltà tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx u biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara fl-Istati Membri, żviluppat mill-Grupp ta' Esperti dwar il-protezzjoni sostenibbli tal-pjanti u approvat mill-Kunsill fit-28 ta' Ġunju 2016 (27),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-Senat Franċiż tad-19 ta' Mejju 2017 biex jiġi limitat l-użu tal-pestiċidi fl-Unjoni Ewropea (28),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (29),

wara li kkunsidra l-istudju xjentifiku dwar il-bijomassa tal-insetti li jtiru ppubblikat fit-18 ta' Ottubru 2017 (30),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0045/2019),

A.

billi d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (minn hawn 'il quddiem “id-Direttiva”) tipprevedi firxa ta' azzjonijiet biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi fl-UE, billi jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u billi jiġi promoss l-użu ta' Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta' Ħsara (IPM) u ta' approċċi jew tekniki alternattivi għall-protezzjoni tal-pjanti, bħall-alternattivi mhux kimiċi u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx (PPPs), kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, bil-għan li titnaqqas id-dipendenza fuq il-pestiċidi u tkun imħarsa s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent;

B.

billi d-Direttiva hija għodda siewja biex jiġi żgurat li l-ambjent, l-ekosistemi, u s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jiġu protetti tajjeb minn sustanzi perikolużi fil-pestiċidi, filwaqt li jiġu pprovduti soluzzjonijiet sostenibbli u ekoloġiċi għal sett ta' għodod akbar u aktar varjat biex jiġu eliminati u evitati telf mir-rendiment ikkawżat minn organiżmi ta' ħsara, mard, ħaxix ħażin u speċijiet aljeni invażivi u biex jiġi miġġieled il-bini tar-reżistenza għall-patoġeni; billi implimentazzjoni sħiħa u komprensiva tad-Direttiva hija prerekwiżit biex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni u titwettaq tranżizzjoni lejn agrikoltura sostenibbli, il-produzzjoni ta' ikel sigur u tajjeb għas-saħħa, u ambjent mhux tossiku li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali;

C.

filwaqt li l-IPM tista' tgħin biex jiġi evitat telf ta' rendiment ikkawżat mill-pesti, l-għanijiet ewlenin tagħha huma li tippermetti lil dawk li jużaw il-pestiċidi jduru għal prattiki u prodotti bl-aktar riskju baxx għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif deskritt fl-Artikolu 14 tad-Direttiva; jinnota li, fi kwalunkwe każ, bosta studji wrew li l-użu tal-pestiċidi jista' jitnaqqas b'mod sinifikanti mingħajr ebda impatt negattiv fuq ir-rendiment;

D.

billi d-Direttiva trid tinqara flimkien ma' żewġ leġiżlazzjonijiet ewlenin oħra li jkopru ċ-ċiklu tal-ħajja komplut ta' pestiċida, li jibda mit-tqegħid tiegħu fis-suq (ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009) u jispiċċa bl-istabbiliment ta' livelli massimi ta' residwu (ir-Regolament (KE) Nru 396/2005); billi huwa għalhekk impossibbli li jinkiseb l-objettiv tad-Direttiva li huwa li jiġu mħarsa s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mir-riskji assoċjati mal-użu ta' pestiċidi mingħajr ma jiġi implimentat b'mod sħiħ u infurzat kif suppost il-“pakkett tal-pestiċidi” kollu;

E.

billi, sabiex jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjoni ta' pestiċidi foloz u illegali, kif ukoll il-problema inkwetanti ta' prodotti agrikoli importati li ġew ittrattati b'sustanzi kimiċi li huma jew ipprojbiti jew ristretti fl-UE;

F.

billi l-prattiki attwali mill-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward l-approvazzjoni ta' sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mhumiex kompatibbli mal-objettivi u l-għan tad-Direttiva; billi dawn il-prattiki attwali jimpedixxu l-kisba tal-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni u tranżizzjoni lejn settur agrikolu sostenibbli u ambjent mhux tossiku;

G.

billi l-evidenza disponibbli turi b'mod ċar li l-implimentazzjoni tad-direttiva mhijiex allinjata biżżejjed ma' politiki relatati tal-UE fil-qasam tal-pestiċidi, l-agrikoltura u l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari iżda mhux esklussivament il-politika agrikola komuni (PAK) u r-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti; billi d-direttiva, flimkien ma' azzjonijiet relatati fil-livell tal-UE, għandha potenzjal kbir biex tkompli ssaħħaħ u żżid il-valur lill-isforzi u l-azzjonijiet nazzjonali fis-settur agrikolu u ssaħħaħ il-protezzjoni għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem;

H.

billi l-qafas regolatorju attwali, inklużi r-rekwiżiti tad-data, kien imfassal għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-PPPs kimiċi, u għaldaqstant mhuwiex adattat għal sustanzi u prodotti attivi bijoloġiċi b'riskju baxx; billi dan il-qafas mhux adattat qed inaqqas b'mod sinifikanti r-ritmu tad-dħul fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-PPPs, li ħafna drabi jiskoraġġixxi lill-applikanti; billi dan ifixkel l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-agrikoltura tal-UE; billi dan iwassal ukoll biex aktar minn 60 sustanza attiva jiġu identifikati mill-Kummissjoni Ewropea bħala kandidati għal sostituzzjoni li mhux qed jiġu sostitwiti minħabba n-nuqqas ta' alternattivi aktar sikuri, inklużi sustanzi attivi bijoloġiċi b'riskju baxx;

I.

billi hemm nuqqas ta' disponibbiltà ta' PPPs b'riskju baxx, inklużi dawk bijoloġiċi; billi 13-il sustanza biss huma approvati bħala sustanzi attivi b'riskju baxx, 12 minnhom bijoloġiċi, minn total ta' kważi 500 li huma disponibbli fis-suq tal-UE; billi l-implimentazzjoni insuffiċjenti tad-direttiva ħolqot de facto kundizzjonijiet li mhumiex ekwi fl-Ewropa bi prattiki nazzjonali diverġenti li jimpedixxu l-aħjar adozzjoni ta' alternattivi sostenibbli fis-suq; billi din is-sitwazzjoni għamlitha diffiċli biex prodotti alternattivi b'riskju baxx u mhux kimiċi jippenetraw b'mod suffiċjenti s-suq tal-UE li jnaqqsu l-attraenza tagħhom għall-bdiewa, li minflok jistgħu jagħżlu alternattivi aktar kosteffikaċi fuq terminu qasir; billi n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' PPPs b'riskju baxx inklużi dawk bijoloġiċi, jfixkel l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara (IPM);

J.

billi l-agrikoltura organika għandha rwol importati bħala sistema b'użu ta' pestiċidi baxx u jenħtieġ li tkompli tiġi inkoraġġita;

K.

billi hemm evidenza akbar ta' tnaqqis enormi kontinwu fil-popolazzjoni tal-insetti fl-Ewropa, li qed tintrabat mal-livelli attwali tal-użu tal-pestiċidi; billi t-tnaqqis qawwi osservat fl-għadd tal-insetti għandu impatti negattivi fuq l-ekosistema u d-diversità bijoloġika kollha, iżda anke fuq is-settur agrikolu u l-benessri u l-produzzjoni ekonomiċi futuri tiegħu;

L.

billi l-Ewropa attwalment tinsab f'salib it-toroq li se jiddetermina l-futur tas-settur agrikolu u l-possibbiltà tal-Unjoni li tikseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, b'mod partikolari permezz tar-riforma tal-PAK; billi r-riforma tal-PAK iġġib magħha potenzjal sostanzjali biex jissaħħu s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-politiki kif ukoll l-implimentazzjoni tad-direttiva u biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn prattiki agrikoli aktar sostenibbli għall-ambjent;

M.

billi l-użu ta' PPPs konvenzjonali huwa dejjem aktar suġġett għal dibattitu pubbliku, minħabba r-riskji potenzjali li dawn jippreżentaw għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent;

N.

billi huwa importanti li jiġi promoss l-iżvilupp ta' proċeduri jew tekniki alternattivi biex titnaqqas id-dipendenza fuq pestiċidi konvenzjonali u biex tiġi indirizzata r-reżistenza dejjem tikber għal PPPs konvenzjonali;

O.

billi r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jobbliga lill-Kunsill jiżgura li r-rekwiżit statutorju ta' ġestjoni skont l-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa (31) jinkludi l-prinċipji ta' IPM, inkluża prattika tajba rigward il-protezzjoni tal-pjanti u metodi mhux kimiċi ta' protezzjoni tal-pjanti u ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara u tal-għelejjel;

P.

billi l-implimentazzjoni tal-IPM hija obbligatorja fl-UE b'mod konformi mad-direttiva; billi l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jenħtieġ li jpoġġu aktar enfasi fuq l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, inklużi alternattivi għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx;

Q.

billi l-“użu sostenibbli” tal-pestiċidi ma jistax jitwettaq mingħajr ma jitqies l-esponiment tal-bniedem għal kombinazzjonijiet ta' sustanzi attivi u koformulanti, kif ukoll l-effetti kumulattivi u possibbilment aggregati u sinerġistiċi tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem;

Konklużjonijiet prinċipali

1.

Ifakkar l-objettivi speċifiċi tal-Istrateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi, bħal, fost l-oħrajn, il-minimizzazzjoni tal-perikli u r-riskji għas-saħħa u l-ambjent mill-użu tal-pestiċidi; kontrolli mtejba fuq l-użu u d-distribuzzjoni tal-pestiċidi; it-tnaqqis fil-livelli ta' sustanzi attivi ta' ħsara inkluż permezz tas-sostituzzjoni ta' dawk l-aktar perikolużi b'alternattivi mhux kimiċi aktar sikuri; l-inkoraġġiment ta' kultivazzjoni mingħajr pestiċidi jew b'użu baxx ta' pestiċidi; u l-istabbiliment ta' sistema trasparenti għar-rapportar u l-monitoraġġ tal-progress lejn it-twettiq tal-objettivi tal-istrateġija inkluż permezz tal-iżvilupp ta' indikaturi xierqa;

2.

Jikkunsidra li huwa essenzjali li tiġi evalwata l-implimentazzjoni tad-Direttiva flimkien mal-politika ġenerali tal-UE dwar il-pestiċidi, inklużi r-regoli stabbiliti mir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti, ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 (ir-Regolament dwar il-Bijoċidi) (32), ir-Regolament dwar il-Livell Massimu ta' Residwu, u r-Regolament (KE) Nru 178/2002 (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel) (33);

3.

Jiddispjaċih li, minkejja sforzi li saru, il-grad ġenerali tal-progress fl-implimentazzjoni mill-Istati Membri huwa insuffiċjenti biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tad-Direttiva u biex jinfetaħ il-potenzjal sħiħ tagħha sabiex jitnaqqsu r-riskji ġenerali li jirriżultaw mill-użu tal-pestiċidi filwaqt li titnaqqas ukoll id-dipendenza fuq il-pestiċidi, tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn tekniki għall-protezzjoni tal-pjanti aktar ekoloġikalment sostenibbli u siguri, u sabiex tinkiseb il-ħtieġa urġenti għat-titjib ambjentali u tas-saħħa li għalihom id-Direttiva ġiet imfassla speċifikament; jiddeplora d-dewmien ta' tliet snin fis-sottomissjoni tar-rapport ta' implimentazzjoni dwar id-direttiva mill-Kummissjoni;

4.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni tad-Direttiva trid tkun komprensiva u tkopri l-aspetti meħtieġa kollha, u li l-implimentazzjoni parzjali, jiġifieri ta' ċerti elementi iżda mhux ta' oħrajn hija insuffiċjenti biex jintlaħaq l-iskop ġenerali tad-Direttiva li jinkiseb l-użu sostenibbli tal-pestiċidi; jissottolinja l-fatt li l-implimentazzjoni tal-prattiki IPM, bħall-alternattivi mhux kimiċi u PPPs b'riskju baxx, għandha rwol partikolarment importanti fl-isforzi biex jintlaħaq dan l-objettiv;

5.

Jinnota li r-rapport ta' progress tal-2017 tal-Kummissjoni jidentifika lakuni sinifikanti fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali (NAPs) tal-Istati Membri, li jissuġġerixxi impenn aktar baxx għall-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa f'xi pajjiżi li possibbilment jirriżulta f'kompetizzjoni inġusta fis-suq u theddid għas-suq uniku; jirriżerva d-dritt li jirreferi lil Stati Membri mhux konformi lill-Kummissarju responsabbli mill-Kompetizzjoni;

6.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li madwar 80 % tal-NAPs tal-Istati Membri ma fihom l-ebda informazzjoni speċifika dwar kif jiġi kkwantifikat l-ilħuq ta' ħafna mill-objettivi u l-miri, b'mod partikolari fir-rigward tal-miri għall-IPM u l-miżuri ta' protezzjoni akkwatika; jenfasizza li dan jikkumplika ħafna l-proċess biex jitkejjel il-progress li jkun sar mill-Istati Membri fit-twettiq tal-objettivi ewlenin u l-għan tad-Direttiva;

7.

Jinsab imħasseb mill-fatt li l-NAPs huma inkonsistenti fir-rigward tal-istabbiliment ta' objettivi, miri, miżuri u skedi taż-żmien kwantitattivi għad-diversi oqsma ta' azzjoni, li jagħmluha impossibbli li jiġi vvalutat il-progress li jkun sar; jiddispjaċih li ħames NAPs biss stabbilixxew miri li jistgħu jitkejlu ta' livell għoli, li erba' minnhom jirrigwardjaw it-tnaqqis tar-riskju u waħda biss it-tnaqqis tal-użu; jiddispjaċih dwar il-fatt li s'issa 11-il Stat Membru biss pproduċew NAP rivedut, għalkemm l-iskadenza għar-reviżjoni kienet fl-aħħar tal-2017;

8.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li f'ħafna Stati Membri ma hemmx impenn biżżejjed għall-prattiki IPM ibbażati fuq it-tmien prinċipji tagħha bil-prijoritizzazzjoni ta' alternattivi mhux kimiċi għal pestiċidi; jiddispjaċih li waħda mill-isfidi ewlenin rigward l-implimentazzjoni tal-IPM, li hija l-pedament tad-Direttiva, tidher li hija n-nuqqas attwali ta' strumenti u metodi xierqa ta' kontroll biex tiġi vvalutata l-konformità fl-Istati Membri, kif ukoll regoli u gwida ċari; jissottolinja l-fatt li implimentazzjoni komprensiva tal-IPM hija waħda mill-miżuri ewlenin biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi fl-agrikoltura sostenibbli, li hija favorevoli għall-ambjent, ekonomikament vijabbli u soċjalment responsabbli u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel tal-Ewropa filwaqt li ssaħħaħ il-bijodiversità u s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, tagħti spinta lill-ekonomija rurali u tnaqqas l-ispejjeż għall-bdiewa billi tiffaċilita l-adozzjoni fis-suq ta' alternattivi mhux kimiċi u PPPs b'riskju baxx fiż-żoni Ewropej differenti; jenfasizza li l-inċentivi finanzjarji u l-miżuri edukattivi addizzjonali huma meħtieġa biex jissaħħaħ l-użu tal-prattiki IPM mill-farms individwali;

9.

Iqis li l-IPM tirrappreżenta għodda siewja għall-bdiewa biex jiġġieldu kontra l-organiżmi ta' ħsara u l-mard u biex jiżguraw rendimenti ta' produzzjoni; jinnota li żieda fl-adozzjoni ta' IPM isservi l-għan doppju li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità, kif ukoll li tnaqqas l-ispejjeż għall-bdiewa biex jibdlu għal alternattivi aktar sostenibbli u jnaqqsu l-użu ta' pestiċidi konvenzjonali; jemmen li huwa meħtieġ sforz akbar biex tiġi inkoraġġita l-adozzjoni ta' IPM, permezz ta' riċerka u korpi konsultattivi tal-Istati Membri; ifakkar li l-IPM jista' jkollha rwol importanti fit-tnaqqis tal-kwantitajiet u l-varjetajiet ta' pestiċidi użati;

10.

Jinnota li fi ħdan is-sett ta' għodod tal-IPM, il-kontroll bijoloġiku jinvolvi l-għoti ta' spinta jew l-introduzzjoni ta' speċijiet ta' benefiċċju li jeqirdu u għalhekk jirregolaw popolazzjonijiet ta' organiżmi ta' ħsara, u jikkontrollawhom; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jiġu ppreferuti metodi bijoloġiċi, fiżiċi u mhux kimiċi oħrajn sostenibbli għall-pestiċidi kimiċi jekk dawn jipprovdu kontroll sodisfaċenti tal-organiżmi ta' ħsara; jisħaq għalhekk l-importanza li jiġu applikati pestiċidi kimiċi b'mod selettiv u mmirat, minħabba li nkella hemm ir-riskju li dawk l-aġenti ta' kontroll ta' organiżmi ta' ħsara ta' benefiċċji jiġu eliminati, u jħallu l-għelejjel aktar suxxettibbli għal attakki futuri;

11.

Huwa mħasseb li ftit sar progress fil-promozzjoni u l-inċentivar fl-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-użu ta' alternattivi b'riskju baxx u mhux kimiċi għall-pestiċidi konvenzjonali; jinnota li huma biss ftit l-NAPs li fihom inċentivi għar-reġistrazzjoni ta' tali prodotti u metodi alternattivi; jenfasizza li l-użu minuri huwa partikolarment vulnerabbli minħabba l-iskarsezza tas-sustanzi attivi rilevanti;

12.

Jenfasizza li l-użu sostenibbli u responsabbli tal-pestiċidi huwa prekondizzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi għall-PPPs;

13.

Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' disponibbiltà ta' sustanzi attivi u PPPs b'riskju baxx, ikkawżat prinċipalment mill-proċess fit-tul tal-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-reġistrazzjoni parzjalment minħabba l-fatt li l-perjodu iqsar ta' awtorizzazzjoni ta' 120 jum għal każijiet bħal dawn rarament jiġi ssodisfat fil-livell tal-Istati Membri; jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali mhijiex konformi mal-prinċipji tal-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-IPM, u jenfasizza l-importanza tad-disponibbiltà ta' pestiċidi b'riskju baxx, riċerka adegwata u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-Istati Membri u bejniethom sabiex jiġi utilizzat bis-sħiħ il-potenzjal tal-IPM; jikkunsidra li proċess ta' approvazzjoni aktar mgħaġġel jistimola r-riċerka tal-industrija fl-iżvilupp ta' ingredjenti attivi ġodda b'riskju baxx, inklużi sustanzi b'riskju baxx innovattivi, u b'hekk jiżgura li l-bdiewa jkollhom biżżejjed għodod għall-protezzjoni tal-pjanti għad-dispożizzjoni tagħhom u jkunu jistgħu jibdlu b'mod aktar rapidu għal PPPs sostenibbli u jżidu l-effikaċja tal-IPM;

14.

Ifakkar li reżistenza akbar għall-pestiċidi toħloq użu u dipendenza akbar; jinnota li l-użu akbar tal-pestiċidi u d-dipendenza fuqhom jiġu bi spiża għolja għall-bdiewa kemm permezz tal-ispejjeż għolja tal-użu u minħabba t-telf fir-rendiment li jirriżultaw mit-telf tal-ħamrija u t-tnaqqis fil-kwalità tal-ħamrija;

15.

Jinnota li d-disponibbiltà akbar ta' PPPs b'riskju baxx fis-suq tnaqqas ir-riskju ta' reżistenza għal ingredjenti attivi kif ukoll l-effetti fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira marbuta ma' PPPs li jintużaw b'mod komuni;

16.

Jinnota f'dan ir-rigward li r-reżistenza għal sustanzi attivi ta' pestiċidi hija inevitabbiltà bijoloġika f'organiżmi ta' ħsara li jirriproduċu malajr u mard u hija problema dejjem tikber; jenfasizza, għalhekk, li metodi sostenibbli bijoloġiċi, fiżiċi u mhux kimiċi oħrajn għandhom ikunu ppreferuti minn pestiċidi kimiċi jekk dawn jipprovdu kontroll sodisfaċenti tal-organiżmi ta' ħsara; ifakkar li l-pestiċidi kimiċi jenħtieġ li jintużaw b'mod selettiv u mmirat,; jenfasizza li nkella dawn l-aġenti ta' kontroll ta' organiżmi ta' ħsara ta' benefiċċju jirriskjaw li jiġu eliminati, u dan iħalli l-għelejjel aktar suxxettibbli għal attakki futuri;

17.

Jinnota wkoll li l-aħjar tnaqqis fil-volum tal-pestiċidi aktarx jirriżulta minn bidliet sistemiċi li jnaqqsu s-suxxettibbiltà għal attakk minn organiżmi ta' ħsara, jiffavorixxu d-diversità strutturali u bijoloġika fuq is-sistemi fardgħalla u l-kultivazzjoni kontinwa, u jnaqqsu r-reżistenza tal-organiżmi ta' ħsara għal ingredjenti attivi; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' enfasi fuq, il-finanzjament u l-integrazzjoni ta' metodi agroekoloġiċi li jagħmlu s-sistema tal-biedja kollha aktar reżiljenti għall-organiżmi ta' ħsara;

18.

Jenfasizza li l-PAK fil-forma attwali tagħha ma tinkoraġġix u ma tinċentivax biżżejjed it-tnaqqis tad-dipendenza tal-farms fuq il-pestiċidi u l-użu ta' tekniki ta' produzzjoni organika; iqis li l-istrumenti ta' politika speċifiċi fil-PAK ta' wara l-2020 huma meħtieġa sabiex tinbidel l-imġiba tal-bdiewa fir-rigward tal-użu tal-pestiċidi;

19.

Jiddeplora l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-PAK ta' wara l-2020 ma tinkorporax il-prinċipju tal-IPM ta' ħsara fir-rekwiżiti statutorji ta' ġestjoni msemmija fl-Anness III ta' dik il-proposta; jenfasizza li n-nuqqas ta' rabta bejn din id-direttiva u l-mudell tal-PAK il-ġdid se jfixkel b'mod effettiv it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-pestiċidi;

20.

Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jużaw indikaturi tar-riskju nazzjonali biex jivvalutaw, kompletament jew parzjalment, l-impatt negattiv tal-użu tal-pestiċidi; ifakkar li minkejja l-obbligu espliċitu stabbilit fl-Artikolu 15 tad-Direttiva, l-indikaturi tar-riskju armonizzati madwar l-UE, għadhom ma ġewx miftiehma mill-Istati Membri, li jagħmluha kważi impossibbli li jitqabbel il-progress li jkun sar fi Stati Membri differenti u madwar l-Unjoni kollha kemm hi; jilqa' l-adozzjoni, fil-25 ta' Jannar 2019, tal-indikaturi tar-riskju armonizzati, mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (Kumitat PAFF);

21.

Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-bijodiversità u l-ekosistemi robusti, l-aktar fil-każ tan-naħal u insetti oħra tad-dakra, li huma essenzjali sabiex jiġi żgurat settur agrikolu tajjeb għas-saħħa u sostenibbli; jissottolinja li l-protezzjoni tal-bijodiversità mhijiex esklussivament kwistjoni tal-protezzjoni tal-ambjent, iżda anke mezz kif tiġi żgurata s-sigurtà sostnuta tal-ikel fl-Ewropa fil-futur;

22.

Huwa mħasseb ħafna dwar it-telfien kontinwu u potenzjalment irriversibbli tal-bijodiversità fl-Ewropa u dwar it-tnaqqis allarmanti ta' insetti bil-ġwienaħ, inklużi l-pollinaturi, kif muri mis-sejbiet ta' studju xjentifiku f'Ottubru 2017 dwar il-bijomassa tal-insetti li jtiru, (34) skont liema studju l-popolazzjoni ta' insetti li jtiru f'63 żona ta' protezzjoni tan-natura fil-Ġermanja naqset drastikament b'aktar minn 75 % f'27 sena; jenfasizza wkoll it-tnaqqis importanti fl-ispeċijiet komuni ta' għasafar madwar l-Ewropa, possibbilment minħabba t-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-insetti; jinnota, barra minn hekk, l-effetti mhux intenzjonati ta' pestiċidi fuq il-ħamrija u l-organiżmi tal-ħamrija (35) u speċijiet oħra mhux fil-mira; iqis li l-pestiċidi huma wieħed mill-fatturi ewlenin responsabbli għat-tnaqqis tal-insetti, l-ispeċijiet tal-għasafar tal-art agrikola u organiżmi oħra mhux fil-mira u jissottolinja wkoll il-ħtieġa li l-Ewropa taqleb għal użu aktar sostenibbli tal-pestiċidi u żżid l-għadd ta' alternattivi mhux kimiċi u PPPs b'riskju baxx għall-bdiewa;

23.

Isostni li l-pestiċidi bbażati fuq in-neonikotinojdi qed ikollhom rwol partikolari fit-tnaqqis inkwetanti tal-popolazzjoni tan-naħal madwar l-Ewropa, kif jidher minn firxa ta' studji internazzjonali li ffurmaw il-bażi għal petizzjonijiet minn ċittadini li jkollhom mijiet ta' eluf ta' firem minn madwar il-kontinent kollu;

24.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-NAPs u l-IPM fit-tnaqqis sinifikanti tal-użu tal-pestiċidi biex jiġi evitat it-telfien irriversibbli tal-bijodiversità filwaqt li jiġu ffavoriti miżuri agroekoloġiċi u l-biedja organika kull fejn possibbli;

25.

Jenfasizza wkoll li l-iżvilupp ta' għażliet agrikoli sostenibbli huwa neċessarju biex jitnaqqsu l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà tal-ikel;

26.

Jesprimi tħassib partikolari dwar l-użu kontinwu tal-pestiċidi b'sustanzi attivi li huma mutaġeniċi, karċinoġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, jew li għandhom karatteristiċi li jfixklu s-sistema endokrinali u jagħmlu ħsara lill-bnedmin jew lill-annimali; jenfasizza li l-użu ta' tali pestiċidi huwa inkompatibbli mal-objettivi u mal-għan tad-Direttiva;

27.

Jenfasizza li l-ambjent akkwatiku huwa b'mod partikolari sensittiv għall-pestiċidi; jilqa' l-fatt li l-Istati Membri ħadu firxa ta' miżuri biex jipproteġuh minnhom; jiddispjaċih, madankollu, li ħafna Stati Membri ma stabbiliewx miri u skedi taż-żmien għal miżuri sabiex l-ambjent akkwatiku jiġi protett mill-pestiċidi, u dawk li għamlu dan ma speċifikawx kif se jitkejjel l-ilħuq tal-miri jew tal-objettivi; jemmen li l-monitoraġġ tal-pestiċidi użati bħalissa fl-ambjent akkwatiku għandu jittejjeb;

28.

Jinnota li l-agrikoltura hija wieħed mis-sorsi ewlenin li minħabba fiha l-korpi tal-ilma jonqsu milli jiksbu status kimiku tajjeb, billi din twassal għal tniġġis mill-pestiċidi; jenfasizza li l-prevenzjoni tad-dħul tal-pestiċidi fis-sistemi tal-ilma ħelu hija iktar kosteffettiva mit-teknoloġiji tat-tneħħija, u li l-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi xierqa f'dan ir-rigward lill-bdiewa; jirrikonoxxi wkoll, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għat-titjib tal-kwalità tal-ilma; jilqa' l-progress li sar mill-Istati Membri fl-indirizzar ta' sustanzi prijoritarji, li wassal biex anqas korpi tal-ilma jonqsu milli jissodisfaw standards għal sustanzi, bħal kadmju, ċomb u nikil, kif ukoll pestiċidi;

29.

Jiddispjaċih mill-fatt li d-deterjorament tar-riżorsi tal-ilma wassal dejjem aktar għal trattament addizzjonali minn operaturi tal-ilma tajjeb għax-xorb biex jiżguraw li l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem jikkonforma ma' limiti għal pestiċidi kif minqux fid-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u li l-ispejjeż ikunu mġarrba minn min iniġġes u mhux mill-konsumaturi;

30.

Jenfasizza li xi pestiċidi huma internazzjonalment magħrufa bħala sustanza niġġiesa organiċi persistenti (POPs) minħabba l-potenzjal tagħhom għal trasport fuq medda twila, il-persistenza tagħhom fl-ambjent, u l-kapaċità tagħhom ta' bijomagnifikazzjoni fil-katina tal-ikel kollha u ta' bijoakkumulazzjoni f'ekosistemi, kif ukoll l-effetti negattivi sinifikanti tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem;

31.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Membri kollha stabbilixxew skemi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni rigward l-użu tal-PPPs, iżda jiddispjaċih li f'xi Stati Membri l-obbligi ta' taħriġ mhumiex milħuqa għas-suġġetti kollha meħtieġa elenkati fl-Anness I; jissottolinja l-importanza tat-taħriġ tal-utenti biex jiżguraw l-użu sikur u sostenibbli tal-PPPs; iqis li huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn utenti professjonali u dilettanti, minħabba li mhumiex soġġetti għall-istess obbligi; jenfasizza li kemm l-utenti professjonali kif ukoll dawk mhux professjonali tal-pestiċidi għall-PPPs għandhom jingħataw taħriġ adegwat;

32.

Jinnota l-potenzjal fl-użu tat-teknoloġija intelliġenti u l-biedja ta' preċiżjoni bħala mezz kif jiġu amministrati aħjar il-PPPs, u sabiex tiġi prevenuta d-dispersjoni tagħhom f'żoni fejn ma jkunux meħtieġa, pereżempju permezz ta' drones u teknoloġija ta' preċiżjoni bil-GPS; Jenfasizza, barra minn hekk, li l-adozzjoni ta' dawn is-soluzzjonijiet tista' tittejjeb fl-Istati Membri jekk jiġu inkorporati aħjar f'korsijiet ta' taħriġ u skemi ta' ċertifikazzjoni għal utenti ta' pestiċidi fl-NAPs;

33.

Jenfasizza li l-PPPs jintużaw mhux biss fl-agrikoltura iżda wkoll għall-kontroll tal-ħaxix ħażin u tal-organiżmi ta' ħsara f'żoni użati mill-pubbliku ġenerali jew gruppi vulnerabbli kif definiti fl-Artikolu 12a tad-Direttiva, inklużi ġonna pubbliċi u ferroviji; billi l-użu tal-PPPs f'żoni bħal dawn mhuwiex xieraq; jilqa' l-fatt li diversi Stati Membri u ħafna gvernijiet reġjonali u lokali ħadu azzjoni biex jillimitaw jew jipprojbixxu l-użu tal-pestiċidi f'żoni użati mill-pubbliku ġenerali jew minn gruppi vulnerabbli; jinnota, madankollu, in-nuqqas ta' miri miżurabbli fil-maġġoranza tal-Istati Membri;

34.

Jesprimi tħassib li ħafna Stati Membri ma interpretawx ir-rekwiżit tal-Artikolu 12(a) b'mod korrett billi interpretawh bħala li jirreferi biss għal użu mhux agrikolu, filwaqt li fil-fatt gruppi vulnerabbli bħal dawk definiti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jinkludu residenti soġġetti għal esponiment għoli ta' pestiċidi fuq terminu twil; jinnota wkoll li l-Kummissjoni kkonfermat li ma hemm l-ebda raġuni legali għaliex l-applikazzjoni agrikola jenħtieġ li tiġi eskluża mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12;

35.

Jinnota l-appoġġ kontinwu tal-Istati Membri għal agrikoltura organika bħala sistema tal-użu baxx tal-pestiċidi; jilqa' l-fatt li l-għadd ta' farms agrikoli organiċi kompla jiżdied fl-Unjoni, iżda jinnota li l-progress għadu jvarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri;

36.

Jinnota li l-bdiewa organiċi jsofru telf ekonomiku meta l-ħamrija u l-prodotti organiċi tagħhom jiġu kontaminati mill-użu tal-pestiċidi f'farms agrikoli tal-madwar permezz, pereżempju, deriva mill-isprejjar tal-pestiċidi u l-moviment ta' sustanzi attivi persistenti fl-ambjent; jindika konsegwentement, minħabba azzjonijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom, il-bdiewa organiċi jistgħu jiġu sfurzati jbigħu l-prodotti tagħhom bħala konvenzjonali, u jitilfu fuq il-primjum tal-prezz tagħhom, jew anke titneħħilhom iċ-ċertifikazzjoni;

37.

Jinnota li, filwaqt li l-Istati Membri ġeneralment għandhom sistemi biex jiġbru informazzjoni dwar l-avvelenament akut mill-pestiċidi, hemm xi dubji dwar il-preċiżjoni ta' din id-data u l-użu tagħha; jenfasizza l-fatt li s-sistemi biex tinġabar tali informazzjoni dwar l-avvelenament kroniku għadhom ma ġewx implimentati b'mod mifrux;

38.

Jenfasizza l-fatt li l-aħħar rapport tal-EFSA dwar ir-residwi tal-pestiċidi fl-ikel wera li 97,2 % tal-kampjuni fl-Ewropa kienu fi ħdan il-limiti legali tal-leġiżlazzjoni tal-UE, li jixhed sistema tal-produzzjoni tal-ikel rigoruża u sigura ferm;

Rakkomandazzjonijiet

39.

Jistieden lill-Istati Membri jlestu l-implimentazzjoni tad-Direttiva mingħajr aktar dewmien;

40.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jiġu inklużi fi kwalunkwe attività tal-partijiet ikkonċernati dwar il-pestiċidi, inkluż il-pubbliku, kif previst fid-Direttiva 2003/35/KE u fil-Konvenzjoni ta' Aarhus;

41.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu rwol proattiv fl-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva sabiex jidentifikaw lakuni u oqsma speċifiċi li jirrikjedu attenzjoni partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, u biex ma jillimitawx lilhom infushom għall-mekkaniżmi nazzjonali ta' traspożizzjoni u ta' kontroll tas-soltu;

42.

Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-UE jeħtiġilha taġixxi mingħajr dewmien għal tranżizzjoni lejn użu aktar sostenibbli tal-pestiċidi, u li r-responsabbiltà prinċipali għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prattiki hija tal-Istati Membri; jenfasizza li azzjoni rapida hija essenzjali;

43.

Jistieden lill-Istati Membri jaderixxu mal-iskedi taż-żmien stabbiliti għat-twettiq tal-NAPs riveduti; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux hekk, biex jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien, din id-darba b'miri kwantitattivi ċari u objettiv ġenerali li jistgħu jitkejlu ta' tnaqqis effettiv immedjat u fit-tul tar-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi, inklużi miri ta' tnaqqis annwali ddefiniti b'mod ċar u b'attenzjoni speċjali għall-effetti possibbli fuq il-pollinaturi u t-trawwim u l-adozzjoni ta' alternattivi mhux kimiċi sostenibbli u PPPs b'riskju baxx, f'konformità mal-prinċipji IPM;

44.

Jappella lill-Kummissjoni tipproponi mira vinkolanti ambizzjuża għall-UE kollha sabiex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa gwida dwar il-prinċipji IPM u l-implimentazzjoni tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward biex tistabbilixxi linji gwida dwar l-istabbiliment ta' kriterji għall-kejl u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-IPM fl-Istati Membri;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu pestiċidi b'riskju baxx, u biex jipprijoritizzaw għażliet u metodi mhux kimiċi li jikkawżaw l-inqas riskju ta' ħsara lis-saħħa u lill-ambjent naturali, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni tal-għelejjel effettiva u effiċjenti; jenfasizza li biex dan jirnexxi, jeħtieġ li jissaħħu l-inċentivi ekonomiċi għall-bdiewa biex jagħżlu dawn l-opzjonijiet;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jpoġġu aktar enfasi fuq il-promozzjoni tal-iżvilupp, tar-riċerka, tar-reġistrazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta' alternattivi b'riskju baxx u bijoloġiċi, inkluż billi jżidu opportunitajiet ta' finanzjament fi ħdan Orizzont Ewropa u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027; ifakkar fl-importanza li jkunu ppreferuti metodi bijoloġiċi, fiżiċi u mhux kimiċi sostenibbli oħrajn għal pestiċidi kimiċi jekk dawn jipprovdu kontroll sodisfaċenti tal-organiżmi ta' ħsara; ifakkar fl-importanza tal-valur miżjud ta' tekniki ekoloġikament sostenibbli u siguri għall-protezzjoni tal-pjanti;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni, biex mingħajr aktar dewmien, twettaq l-impenn tagħha skont is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali biex tressaq strateġija tal-Unjoni għal ambjent mhux tossiku li jwassal għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' sostituti sostenibbli inklużi soluzzjonijiet mhux kimiċi; jistenna li l-Kummissjoni tqis b'mod partikolari f'din l-istrateġija l-impatti tal-pestiċidi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem;

49.

Jinkoraġġixxi aktar enfasi fuq it-tnaqqis tar-riskju, bħall-użu estensiv ta' sustanzi b'riskju baxx li jistgħu jkunu aktar ta' ħsara mill-użu limitat ta' sustanzi b'riskju għoli;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw koerenza aħjar tad-Direttiva u l-implimentazzjoni tagħha ma' leġiżlazzjoni u politiki relatati tal-UE, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet skont il-PAK u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u b'mod partikolari biex jintegraw il-prinċipji IPM bħala rekwiżiti legali skont il-PAK, f'konformità mal-Artikolu 14 tad-direttiva;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jillimitaw strettament in-numru ta' derogi għall-użu essenzjali skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u jaġġornaw id-dokumenti rilevanti ta' gwida sabiex jiżguraw li l-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tirrifletti l-esponiment u l-kundizzjonijiet tal-ħajja reali u tqis l-impatti possibbli kollha fuq is-saħħa u l-ambjent;

52.

Jirrakkomanda li tingħata lill-Istati Membri l-flessibbiltà biex l-IPM tiġi applikata bħala parti mill-miżuri ekoloġiċi skont il-PAK;

53.

Jilqa' l-adozzjoni reċenti tal-indikaturi tar-riskju armonizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (Kumitat PAFF) u jappella lill-Istati Membri jimxu 'l quddiem bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' indikaturi tar-riskju armonizzati kif reċentement propost mill-Kummissjoni, sabiex jiġi mmonitorjat kif xieraq it-tnaqqis tal-impatti tal-pestiċidi;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema kompletament operattiva u trasparenti għall-ġbir regolari ta' data statistika dwar l-użu tal-pestiċidi, l-impatti ta' esponiment okkupazzjonali u mhux okkupazzjonali għall-pestiċidi fuq saħħet il-bniedem u l-annimali, u l-preżenza ta' residwi ta' pestiċidi fl-ambjent, speċjalment fil-ħamrija u fl-ilma;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu programmi ta' riċerka mmirati lejn id-determinazzjoni tal-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem, filwaqt li jqisu l-firxa sħiħa ta' effetti tossikoloġiċi u fit-tul, inkluża l-immunotossiċità, it-tfixkil endokrinali u t-tossiċità tal-iżvilupp newroloġiku, u filwaqt li ssir enfasi fuq l-effetti tal-esponiment għal pestiċidi qabel it-twelid fuq is-saħħa tat-tfal;

56.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-ġestjoni u l-użu tal-PPPs l-aktar użati li jkunu ġġustifikati permezz ta' evidenza xjentifika indipendenti u rieżaminata bejn il-pari;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta qabel it-tmiem tal-mandat attwali tagħha proposta leġiżlattiva speċifika li temenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009, barra mir-reviżjoni ġenerali f'konnessjoni mal-inizjattiva REFIT, bil-għan li żżid definizzjoni u kategorija separata għal “sustanzi li jinsabu fin-natura” u “sustanzi identiċi għal dawk naturali”, li l-kriterju tagħhom għandu jkun il-preżenza eżistenti u l-esponiment tas-sustanza fin-natura, kif ukoll li tistabbilixxi proċedura ta' evalwazzjoni, awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni rapida u rigoruża għal pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx, f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Frar 2017 dwar pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx u mar-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (KE) Nru 1107/2009;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi tal-Unjoni skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira tal-1979 u l-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes tal-2004, b'hekk iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġu eliminati l-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-pestiċidi tal-POPs, flimkien mal-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet dwar ir-rimi tal-iskart li jkun fih jew li jkun ikkontaminat minn kwalunkwe waħda minn dawn is-sustanzi;

59.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li servizzi konsultattivi professjonalment ikkwalifikati u indipendenti jkunu disponibbli biex jiġi pprovdut parir u taħriġ lill-utenti finali dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, u b'mod partikolari dwar l-IPM;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar enfasi fuq aktar investiment u riċerka fl-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ta' preċiżjoni u biedja diġitali sabiex il-PPPs isiru aktar effiċjenti u b'hekk inaqqsu b'mod sinifikanti d-dipendenza fuq il-pestiċidi, skont l-għanijiet tad-direttiva, u b'hekk jitnaqqas l-esponiment kemm tal-utenti professjonali kif ukoll tal-pubbliku ġenerali; iqis li l-użu tad-diġitizzazzjoni jew il-biedja bi preċiżjoni m'għandux iwassal għal dipendenza fuq l-inputs jew id-dejn finanzjarju għall-bdiewa;

61.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jibqgħux jippermettu l-użu ta' PPPs f'żoni użati mill-pubbliku ġenerali jew minn gruppi vulnerabbli kif definit fl-Artikolu 3(14) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

62.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli, kif definit mill-Artikolu 3(14) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, filwaqt li jikkunsidraw b'mod speċjali n-nuqqas eżistenti ta' protezzjoni ta' residenti rurali li jgħixu fil-viċinanza tal-għelejjel; jappella għaldaqstant lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu projbizzjonijiet immedjati fuq l-użu ta' pestiċidi minn distanzi sostanzjali mid-djar tar-residenti, skejjel, playgrounds, nurseries u sptarijiet;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu f'aktar riċerka dwar l-impatt tal-pestiċidi fuq speċijiet mhux fil-mira u biex jieħdu azzjoni immedjata biex dan jiġi imminimizzat;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu mudell ta' agrikoltura, li tiddependi fuq strateġiji għall-protezzjoni tal-pjanti preventivi u indiretti mmirati lejn it-tnaqqis tal-użu ta' inputs esterni, u fuq sustanzi multifunzjonali li jinsabu fin-natura; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar riċerka u żvilupp ta' strateġiji tal-kura tas-saħħa tal-pjanti agroekoloġiċi preventivi u indiretti;

65.

Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-investiment tagħhom fi prattiki ta' adattament li jipprevjenu lis-sustanzi agrokimiċi milli jilħqu l-ilma tal-wiċċ u tal-fond, kif ukoll f'miżuri mmirati lejn it-trażżin ta' lissija possibbli ta' dawn is-sustanzi fil-korsiji tal-ilma, ix-xmajjar u l-ibħra; jirrakkomanda li l-użu tagħhom ikun ipprojbit fil-ħamrija li potenzjalment tiskula fl-ilma ta' taħt l-art;

66.

Jenfasizza l-ħtieġa essenzjali għal valutazzjoni regolari tal-proporzjonalità bejn il-kwantità ta' pestiċidi mibjugħa u ż-żona agrikola ta' applikazzjoni, abbażi ta' bażijiet tad-data tal-utenti u r-rekords tal-bejgħ;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa u uniformi tal-kriterji ta' limitu bbażati fuq il-periklu għal sustanzi attivi li huma mutaġeniċi, karċinoġeniċi, jew tossiċi għar-riproduzzjoni, jew li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali;

68.

Jistieden lill-Istati Membri jsegwu b'mod strett il-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' pestiċidi pprojbiti fl-UE minn pajjiżi terzi, u biex iżidu l-kontrolli fuq l-ikel importat;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis b'attenzjoni l-miżuri kollha disponibbli sabiex tiżgura konformità, inkluż il-varar ta' azzjonijiet għal ksur kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jimplimentaw id-Direttiva bis-sħiħ;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni b'saħħitha kontra l-Istati Membri li qed jabbużaw b'mod sistematiku d-derogi kontra pestiċidi pprojbiti li fihom in-neonikotinojdi;

71.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipju “min iniġġes iħallas” jiġi implimentat b'mod sħiħ u infurzat b'mod effettiv fir-rigward tal-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma;

72.

Jistieden lill-Orizzont Ewropa jipprovdi finanzjament suffiċjenti biex jippromwovi l-iżvilupp ta' strateġiji tal-kura tas-saħħa tal-pjanti abbażi ta' approċċ sistematiku li jikkombina tekniki agroekoloġiċi innovattivi u miżuri preventivi biex jitnaqqas għal livell minimu l-użu ta' inputs esterni;

73.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma pan-Ewropea dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi li ġġib flimkien partijiet ikkonċernati settorjali u rappreżentanti f'livell lokali u reġjonali sabiex ikunu ffaċilitati l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fit-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi;

o

o o

74.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u

(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.

(2)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7.

(3)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.

(5)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(6)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(7)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11.

(8)  ĠU L 229, 29.6.2004, p. 23.

(9)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(10)  ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.

(11)  ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.

(12)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(13)  ĠU L 201, 1.8.2009, p. 36.

(14)  ĠU L 310, 25.11.2009, p. 29.

(15)  ĠU L 226, 24.8.2013, p. 1.

(16)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:52006DC0372

(17)  ĠU C 86, 6.3.2018, p. 62.

(18)  ĠU C 86, 6.3.2018, p. 51.

(19)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 184.

(20)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 117.

(21)  Testi adottati, P8_TA(2018)0057.

(22)  Testi adottati, P8_TA(2018)0356.

(23)  ĠU L 324, 10.12.2009, p. 1

(24)  http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=114

(25)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.

(26)  http://www.pan-uk.org/site/wp-content/uploads/United-Nations-Report-of-the-Special-Rapporteur-on-the-right-to-food.pdf

(27)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10041-2016-ADD-1/en/pdf

(28)  http://www.senat.fr/leg/ppr16-477.html

(29)  Testi adottati, P8_TA(2019)0023.

(30)  Caspar A. Hallmann et al., “More than 75 % decline over 27 years in total flying insect biomass in protected areas” (Tnaqqis ta' aktar minn 75 % fuq perjodu ta' 27 sena fil-bijomassa totali ta' insetti li jtiru f'żoni protetti), PLOS, 18 ta' Ottubru 2017 – https://journals.plos.org/plosone/article?id=10.1371/journal.pone.0185809

(31)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.

(32)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(33)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel, ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(34)  https://journals.plos.org/plosone/article?id=10.1371/journal.pone.0185809

(35)  https://esdac.jrc.ec.europa.eu/public_path/shared_folder/doc_pub/EUR27607.pdf


Top