Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0078

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-setgħa ta' kontroll politiku tal-Parlament fuq il-Kummissjoni (2018/2113(INI))

    ĠU C 449, 23.12.2020, p. 22–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 449/22


    P8_TA(2019)0078

    Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-setgħa ta' kontroll politiku tal-Parlament fuq il-Kummissjoni

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-setgħa ta' kontroll politiku tal-Parlament fuq il-Kummissjoni (2018/2113(INI))

    (2020/C 449/04)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-sorveljanza politika tal-Parlament Ewropew fuq il-Kummissjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 14, 17 u 25 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 121, 159, 161, 175, 190, 225, 226, 230, 233, 234, 249, 290, 291, 319 u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tat-TUE, li jafda f'idejn il-Kummissjoni l-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni u monopolju fuq it-teħid ta' inizjattivi “għal dak l-għan”,

    wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-ftehim interistituzzjonali (FII) dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tal-2016 u l-ftehim interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba tal-2013,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli fl-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea (2),

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, u b'mod speċjali l-paragrafi 2 u 8 tiegħu, li jerġgħu jaffermaw b'mod ulterjuri li l-proċess ta' Spitzenkandidaten huwa prattika kostituzzjonali u politika ta' suċċess li tirrifletti l-bilanċ interistituzzjonali previst fit-Trattati (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-16 ta' April 2014 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew u li jibdel id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (4), u n-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin;

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Ombudsman Ewropew dwar il-Laqgħat u l-Ispezzjoni tad-Dokumenti – Ilmenti Konġunti 488/2018/KR u 514/2018/KR dwar il-ħatra mill-Kummissjoni ta' Segretarju Ġenerali ġdid, u r-rakkomandazzjoni tagħha dwar dawn il-każijiet,

    wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tiegħu, inkluż l-Artikolu 52, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0033/2019),

    A.

    billi l-qafas istituzzjonali tal-Unjoni kif minqux fit-Trattati jikkonferixxi lill-Parlament, bħala korp leġiżlattiv tal-Unjoni, ir-responsabbiltà tas-sorveljanza politika fuq il-Kummissjoni;

    B.

    billi l-Parlament għandu għad-dispożizzjoni tiegħu sett ta' strumenti li jżommu lill-Kummissjoni responsabbli, bħal pereżempju l-mozzjoni ta' ċensura (l-Artikoli 17 tat-TUE u 234 tat-TFUE), il-ħila li jitlob lill-President tal-Kummissjoni jirtira l-fiduċja tiegħu f'membru individwali tal-Kummissjoni (l-Artikolu 118(10) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament), id-dritt ta' inkjesta (l-Artikolu 226 tal-TFUE), il-kompetenza ta' skrutinju fuq l-atti delegati u ta' implimentazzjoni (l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE), id-dritt li jagħmel mistoqsijiet orali u bil-miktub (l-Artikolu 230(2) tat-TFUE), u d-dritt li jibda proċedimenti legali kontra l-Kummissjoni dwar kwistjoni ta' legalità (l-Artikolu 263 tat-TFUE) jew fil-każ ta' nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni;

    C.

    billi, apparti dawk l-istrumenti, il-Parlament għandu firxa ta' għodod għas-sorveljanza, li bis-saħħa tagħhom jista' jfassal b'mod proattiv l-aġenda politika Ewropea;

    D.

    billi l-baġit huwa l-aktar għodda importanti tal-Unjoni Ewropea għall-kisba tal-objettivi u l-istrateġiji tagħha, u għalhekk il-kontroll baġitarju huwa tal-akbar importanza;

    E.

    billi l-proċess ta' Spitzenkandidaten jirrifletti l-bilanċ interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, u b'hekk ikkonsolida u saħħaħ b'mod sostanzjali r-rabta bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, u dan wassal għal politiċizzazzjoni akbar tal-Kummissjoni, li għandha tissarraf f'aktar skrutinju parlamentari tal-funzjonijiet eżekuttivi tagħha;

    F.

    billi l-Artikolu 17 tat-TUE jipprevedi li l-President tal-Kummissjoni jiġi elett mill-Parlament fuq proposta mill-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej u l-konsultazzjonijiet mal-Parlament; billi l-Artikolu 17 tat-TUE jipprevedi wkoll li l-istess proċedura għandha tiġi segwita f'każ li l-Parlament jirrifjuta l-kandidat propost, inkluża l-konsultazzjoni tal-Parlament;

    G.

    billi l-kummissarji nnominati huma soġġetti għal seduta ta' smigħ qabel l-investitura tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, u billi matul il-mandat tiegħu l-Parlament jista' jagħmel rieżami tal-impenji u l-prijoritajiet espressi mill-kummissarji nnominati waqt is-seduti ta' smigħ tal-ħatra tagħhom, inkluża evalwazzjoni ta' jekk l-isfondi personali tagħhom jikkwalifikawhomx biex iwettqu r-rekwiżiti tal-kariga;

    H.

    billi t-Trattati jagħtu lill-Parlament id-dritt li jivvota fuq mozzjoni ta' ċensura kontra l-Kummissjoni kollha kemm hi iżda mhux li jirtira l-fiduċja f'Kummissarju individwali;

    I.

    billi minkejja r-responsabbiltà kollettiva tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, il-Parlament għandu jiżgura sorveljanza politika effettiva tal-ħidma individwali ta' kull Kummissarju;

    J.

    billi l-ħatra reċenti tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Kummissjoni qajmet tħassib serju dwar ir-rwol u l-influwenza politika eżerċitata mill-uffiċjali anzjani tal-Kummissjoni;

    K.

    billi meta jinħatru l-President il-ġdid tal-Kummissjoni u l-Kummissarji l-ġodda fl-2019 għandha tintuża proċedura ġdida u li tosserva r-regoli biex timtela l-kariga tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni;

    L.

    billi l-Kummissjoni għandha obbligi legali msejsa fuq it-Trattati li tirrapporta regolarment lill-Parlament: kull sena dwar l-attivitajiet ġenerali tal-Unjoni (l-Artikolu 249 tat-TFUE); kull tliet snin dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' nondiskriminazzjoni u ċittadinanza tal-Unjoni (l-Artikolu 25 tat-TFUE); dwar ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali fil-politika ekonomika (l-Artikolu 121(5) tat-TFUE); kull tliet snin dwar il-progress li jkun sar fil-politika soċjali (l-Artikoli 159 u 161 tat-TFUE); kull tliet snin dwar il-progress li jkun sar fil-politika soċjali (l-Artikoli 159 u 175 tat-TFUE); kull sena dwar l-attivitajiet ta' riċerka fl-Unjoni (l-Artikoli 190 tat-TFUE); kull sena dwar il-ġlieda kontra l-frodi (l-Artikolu 325 tat-TFUE); u meta jsiru negozjati ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Artikolu 207 tat-TFUE);

    M.

    billi, barra minn hekk, f'dak li għandu x'jaqsam mal-leġiżlazzjoni sekondarja, il-Kummissjoni għandha struzzjonijiet biex tagħmel rieżami u tevalwa diversi direttivi u regolamenti, u tirrapporta dwar is-sejbiet tagħha;

    N.

    billi bl-adozzjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament kiseb influwenza addizzjonali fit-tfassil tal-aġenda leġiżlattiva kif propost mill-Kummissjoni kull sena fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni

    O.

    billi mill-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona l-Parlament sar koleġiżlatur ġenwin fil-qasam baġitarju u għandu r-responsabbiltà li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni;

    P.

    billi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona l-Parlament wessa' l-influwenza tiegħu fuq l-iskrutinju tal-politiki esterni tal-UE, billi kiseb is-setgħa ta' approvazzjoni fuq il-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali u, għalhekk, id-dritt li jkun infurmat immedjatament u għalkollox mill-Kummissjoni fl-istadji kollha tan-negozjati ta' tali ftehimiet (l-Artikolu 218 tat-TFUE, l-Artikolu 50 tat-TUE);

    Q.

    billi l-kundizzjonijiet li bihom saru n-negozjati mar-Renju Unit dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea kienu eżemplari f'termini tat-trasparenza tagħhom u tal-involviment tal-Parlament;

    R.

    billi l-livell tad-drittijiet ta' skrutinju tal-Parlament ivarjaw ħafna bejn l-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni; billi l-Parlament għandu d-dritt ta' veto fuq att delegat u/jew li jirrevoka d-delega, iżda fil-każ ta' atti ta' implimentazzjoni, l-involviment tiegħu mhuwiex daqstant wiesa';

    S.

    billi l-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni u n-nuqqas ta' definizzjoni preċiża tal-eżekuttiv fit-Trattati jagħmlu l-kunċett tal-eżekuttiv tal-UE kumpless u mferrex fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali;

    T.

    billi kooperazzjoni aktar qawwi bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali u reġjonali, skont il-kompetenzi kostituzzjonali rispettivi tagħhom u f'konformità mal-Artikolu 10(2) tat-TUE, hi kruċjali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kontroll parlamentari tal-funzjonijiet eżekuttivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

    U.

    billi t-trasparenza u l-involviment qawwi tal-Parlament fin-negozjati mar-Renju Unit kellhom impatt pożittiv fuq ir-riżultat tagħhom, u ħolqu klima ta' fiduċja u għaqda, u għalhekk għandhom iservu ta' ispirazzjoni għal prattiki ta' negozjati internazzjonali ġejjiena;

    Konklużjonijiet prinċipali

    1.

    Ifakkar li l-iskrutinju fuq il-korpi tal-UE huwa wieħed mir-rwoli ewlenin tal-Parlament Ewropew u li l-obbligu ta' rendikont tal-Kummissjoni lejn il-Parlament huwa prinċipju bażiku tal-funzjonament tal-UE u tal-kontroll demokratiku intern;

    2.

    Jemmen li l-Parlament mhux qed jagħmel użu sħiħ mill-istrumenti kollha tiegħu ta' kontroll politiku fuq l-eżekuttiv, għal diversi raġunijiet, li wħud minnhom huma inerenti għall-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni u oħrajn huma, pereżempju, ir-riżultati tad-dinamiki interistituzzjonali li qed jinbidlu, li għamlu wħud mill-istrumenti diffiċli biex jiġu applikati jew mhux effettivi biżżejjed;

    3.

    Jirrikonoxxi l-potenzjal u l-implimentazzjoni b'suċċess tal-proċess ta' Spitzenkandidaten, fejn iċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom vuċi diretta fl-għażla tal-President tal-Kummissjoni permezz ta' votazzjoni għal lista mmexxija mill-kandidat preferut tagħhom; għalhekk jappoġġja bil-qawwa t-tkomplija ta' din il-prattika għall-elezzjonijiet Ewropej futuri, u jħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha jipparteċipaw f'dan il-proċess;

    4.

    Ifakkar li r-rabta politika aktar b'saħħitha maħluqa bejn il-Parlament u l-Kummissjoni bħala riżultat tal-proċess ta' Spitzenkandidaten m'għandhiex tagħmel lill-Kummissjoni soġġetta għal sorveljanza parlamentari anqas stretta;

    5.

    Ifakkar li l-intenzjoni tas-soll stabbilit fit-Trattati għal mozzjoni ta' ċensura hi li jiġi ppreservat l-użu effettiv ta' dan l-istrument għal każijiet serji; jirrikonoxxi li, bħal f'ħafna demokraziji parlamentari, il-possibilità ta' mozzjoni ta' ċensura taħdem fil-parti l-kbira bħala deterrent; jipproponi, madankollu, fil-kuntest ta' tibdil fit-Trattati fil-futur, li jiġu studjati possibiltajiet biex is-soll jitnaqqas b'mod imkejjel, filwaqt li jinżamm il-bilanċ istituzzjonali maħsub mit-Trattati;

    6.

    Jirrimarka li l-politiċizzazzjoni tal-Kummissjoni hija konsegwenza diretta tal-bidliet introdotti mit-Trattat ta' Lisbona; jinnota li dawn il-bidliet ma jinkludux l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet li jippermettu li kummissarji individwali jinżammu responsabbli/jintalbu jagħtu rendikont;

    7.

    Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li fi kliem l-Ombudsman, il-Kummissjoni naqset milli tikkonforma la mal-kelma u lanqas mal-ispirtu tar-regoli rilevanti meta ħatret is-Segretarju Ġenerali tagħha;

    8.

    Jirrimarka li t-Trattati ma jipprovdux definizzjoni ċara tal-eżekuttiv tal-UE u li l-istituzzjonijiet responsabbli jvarjaw bejn id-diversi oqsma ta' politika, skont jekk humiex ikkunsidrati li jappartjenu għall-kompetenzi kondiviżi jew esklużivi tal-Unjoni;

    9.

    Iqis li huwa meħtieġ li tiġi stabbilita sistema leġiżlattiva ġenwinament bikamerali li tinvolvi lill-Kunsill u lill-Parlament, bil-Kummissjoni taġixxi bħala l-eżekuttiv;

    10.

    Jirrimarka li r-rwol ta' sorveljanza tal-Parlament fir-rigward tal-eżekuttiv huwa kumplimentat b'kompetenzi simili tal-parlamenti nazzjonali fuq l-eżekuttivi tagħhom meta jittrattaw affarijiet Ewropej; huwa tal-fehma li dan l-obbligu ta' rendikont huwa l-element ċentrali tar-rwol tal-kmamar parlamentari nazzjonali fl-Unjoni Ewropea;

    11.

    Iqis li l-eżerċizzju ta' kontroll mill-Parlament fuq l-eżekuttiv skont l-Artikolu 14 tat-TUE qed jiġi ostakolat, jekk mhux kultant impossibbli, minħabba n-nuqqas ta' katalgu ċar tal-kompetenzi u l-politiki tal-Unjoni u l-attribuzzjoni b'diversi saffi tal-kompetenzi bejn l-eżekuttivi Ewropej, nazzjonali u reġjonali;

    12.

    Ifakkar li t-Trattati ma jagħtu l-ebda funzjoni leġiżlattiva jew dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva lill-Kunsill Ewropew; jinsab imħasseb li f'dawn l-aħħar snin il-Kunsill Ewropew, kontra l-ispirtu u l-kelma tat-Trattati, ħa għadd ta' deċiżjonijiet politiċi importanti barra mill-qafas tat-Trattat, u b'hekk de facto eskluda dawk id-deċiżjonijiet mis-sorveljanza tal-Parlament u dgħajjef ir-responsabilità demokratika li hija essenzjali fir-rigward ta' politiki Ewropej bħal dawn;

    13.

    Ifakkar li t-Trattat jipprovdi lill-Parlament setgħat sinifikanti ta' kontroll politiku permezz tal-proċeduri annwali baġitarji u ta' kwittanza;

    14.

    Ifakkar li l-kwittanza hija proċedura politika annwali li tiggarantixxi kontroll demokratiku ex-post tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea mill-Kummissjoni, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess u b'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

    15.

    Jirrimarka li l-proċedura ta' kwittanza wriet li hija għodda b'saħħitha u li kellha impatt fuq l-evoluzzjoni tas-sistema baġitarja tal-UE, fuq il-ġestjoni finanzjarja, fuq it-tfassil tal-aġenda u fuq il-mod li bih il-politiki tal-UE huma definiti u implimentati, u li tikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir tal-influwenza politika tal-Parlament;

    16.

    Jisħaq li l-Artikolu 318 tat-TFUE jżid strument ġdid mas-sett ta' għodod tal-kwittanza baġitarja: l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba.

    17.

    Jinnota bi tħassib li ebda sanzjoni legali reali ma hija disponibbli jekk il-Parlament jiddeċiedi li ma jagħtix il-kwittanza lill-Kummissjoni; iqis, madankollu, li n-nuqqas ta' għoti tal-kwittanza jagħti sinjal politiku qawwi, peress li jimplika li l-Parlament ma għandux kunfidenza biżżejjed fil-kontabilità tal-Kummissjoni, u għalhekk il-Kummissjoni ma għandhiex tibqa' bla reazzjoni iżda tirreaġixxi permezz ta' azzjoni ta' segwitu definittiva mfassla biex ittejjeb is-sitwazzjoni;

    18.

    Jiddispjaċih dwar il-fatt li fin-nuqqas ta' kooperazzjoni sinċiera min-naħa tal-Kunsill, mhuwiex possibbli li jiġi skrutinizzat il-baġit tal-Kunsill permezz tal-prattika istituzzjonali ta' kwittanza baġitarja mill-Parlament, u li din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi nuqqas serju ta' konformità mal-obbligi tat-Trattat li jistipulaw li l-Parlament għandu jeżamina l-baġit kollu tal-Unjoni;

    19.

    Jissuġġerixxi, bil-għan li s-setgħa ta' kontroll baġitarju tal-Parlament tiġi estiża għall-baġit kollu tal-Unjoni, li jiġu varati negozjati bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament sabiex jiġi żgurat li l-Parlament ikollu d-dritt ta' aċċess għal informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit min-naħa tal-Kunsill, jew direttament jew permezz tal-Kummissjoni, u li l-Kunsill iwieġeb il-mistoqsijiet bil-miktub mill-Parlament u jattendi seduti ta' smigħ u dibattiti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu; huwa tal-fehma li, jekk dawn in-negozjati jfallu, il-Parlament għandu jagħti kwittanza lill-Kummissjoni biss u jinkludi, fil-kwittanza ġenerali, riżoluzzjonijiet separati dwar id-diversi istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni, biex b'hekk jiġi żgurat li l-ebda taqsima tal-baġit tal-UE ma tiġi implimentata mingħajr skrutinju xieraq;

    20.

    Ifakkar li l-istituzzjonijiet għadhom ma wettqux l-impenn tagħhom li jistabbilixxu kriterji għad-delinjazzjoni tal-użu ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni, għalkemm permezz tal-FII dwar tfassil aħjar tal-liġijiet tejbu t-trasparenza tal-proċedura tal-atti delegati;

    21.

    Ifakkar li skont l-Artikolu 247 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni trid tikkomunika lill-Parlament, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju tas-sena finanzjarja ta' wara, sett integrat ta' rapporti finanzjarji u l-obbligu ta' rendikont inklużi, b'mod partikolari, il-kontijiet konsolidati finali, ir-rapport annwali ta' ġestjoni u ta' prestazzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni fuq il-finanzi tal-Unjoni bbażata fuq ir-riżultati miksuba kif imsemmi fl-Artikolu 318 tat-TFUE; jinsisti li r-rapport annwali tal-ġestjoni u tal-prestazzjoni għandu jinkludi valutazzjoni tal-miżuri preventivi u korrettivi kollha meħuda kontra finanzjament li jisfa vittma ta' korruzzjoni jew kunflitti ta' interess;

    Rakkomandazzjonijiet

    22.

    Jissuġġerixxi li l-istrumenti biex il-Kummissjoni tinżamm responsabbli u dawk għall-orjentazzjoni tal-iskrutinju għandhom ikunu kkombinati sabiex tiġi massimizzata l-effettività tat-tnejn li huma;

    23.

    Jinsisti li s-setgħat leġiżlattivi u d-drittijiet ta' sorveljanza tal-Parlament għandhom jiġu ggarantiti, ikkonsolidati u msaħħa, fosthom permezz ta' ftehimiet interistituzzjonali u bl-użu tal-bażi legali korrispondenti mill-Kummissjoni;

    24.

    Iqis li jeħtieġ li l-Parlament jirriforma l-metodi ta' ħidma tiegħu sabiex jissaħħaħ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta' kontroll politiku fuq il-Kummissjoni;

    25.

    Jistieden lill-Kummissjoni tqis b'aktar serjetà l-inizjattivi leġiżlattivi varati mill-Parlament skont l-Artikolu 225 tat-TFUE; jistieden lill-President li jmiss tal-Kummissjoni jimpenja ruħu għal dan l-objettiv u jilqa' d-dikjarazzjonijiet rispettivi tas-Spitzenkandidaten f'dan ir-rigward; jixtieq jara aktar inizjattivi jirriżultaw fi proposti leġiżlattivi; ifakkar li skont l-Artikolu 10 tal-FII dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, il-Kummissjoni hija marbuta li tqis minnufih u b'mod dettaljat it-talbiet għal proposti għal atti tal-Unjoni;

    26.

    Ifaħħar lill-Kummissjoni għas-segwitu pożittiv tagħha għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona;

    27.

    Iqis li għalkemm il-Parlament m'għandux dritt formali ta' inizjattiva leġiżlattiva taħt it-Trattati attwali, il-possibilità li jingħata d-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva fil-kuntest ta' tibdil fit-Trattati fil-futur għandha titqies b'serjetà;

    28.

    Jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aqwa prassi fl-iskrutinju parlamentari bejn il-parlamenti nazzjonali, bħall-organizzazzjoni ta' dibattiti regolari bejn il-ministri rispettivi u l-kumitati speċjalizzati fil-parlamenti nazzjonali qabel u wara l-laqgħat tal-Kunsill, u mal-Kummissarji f'ambjent u qafas ta' żmien xierqa, kif ukoll laqgħat bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' skambji regolari ta' uffiċjali tal-istituzzjonijiet u l-persunal tal-gruppi politiċi bejn l-amministrazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u r-reġjuni tal-Istati Membri li għandhom kompetenzi leġiżlattivi;

    29.

    Jemmen li l-istabbiliment ta' ġimgħa Ewropea annwali tippermetti lill-MPE u lill-Kummissarji, partikolarment il-Viċi Presidenti inkarigati mir-Raggruppamenti, li jidhru quddiem l-assemblej parlamentari nazzjonali kollha sabiex jiddiskutu u jispjegaw l-aġenda Ewropea flimkien mal-Membri Parlamentari u r-rappreżentanti mis-soċjetà ċivili; jissuġġerixxi li din l-inizjattiva jaf issaħħaħ l-obbligu ta' rendikont demokratiku tal-Kummissjoni meħtieġ mit-Trattat ta' Lisbona;

    30.

    Jistieden lill-Parlament isaħħaħ il-kapaċità tiegħu għall-iskrutinju tat-tħejjija u tal-implimentazzjoni tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni;

    31.

    Jilqa' l-isforzi li qed jittieħdu fil-preżent mit-tliet istituzzjonijiet biex jistabbilixxu kriterji ċari biex jiddelinjaw kif għandhom jintużaw l-atti delegati u ta' implimentazzjoni; jitlob li dawn il-kriterji jiġi applikati malajr kemm jista' jkun;

    32.

    Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-parlamenti reġjonali fejn xieraq, biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jiskrutinizzaw lill-eżekuttivi tagħhom meta jieħdu deċiżjonijiet jew jipproponu regolamenti sabiex jimplimentaw jew jiddelegaw il-leġiżlazzjoni Ewropea;

    33.

    Iqis li jeħtieġ, f'bidla futura fit-Trattat, li jiġu mtejba l-istrumenti biex il-kummissarji individwali ikunu obbligati jagħtu rendikont lill-Parlament matul il-mandat tagħhom, billi jiġu żviluppati id-dispożizzjonijiet pjuttost limitati li jeżistu diġà fil-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;

    34.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, f'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni ġusta, biex jistabbilixxu djalogu politiku dwar il-proposta tal-Parlament għal regolament dwar id-dritt ta' inkjesta, sabiex il-Parlament jingħata setgħat effettivi li jippermettulu li jeżerċita dan l-istrument parlamentari bażiku ta' kontroll fuq l-eżekuttiv, li hu assolutament indispensabbli fis-sistemi parlamentari mad-dinja kollha;

    35.

    Jinsab konvint mis-siwi tal-mistoqsijiet parlamentari bħala għodda ta sorveljanza; iqis, għalhekk, li jeħtieġ li ssir valutazzjoni fil-fond tal-kwalità tat-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Membri kif ukoll tal-kwantità u l-kwalità tal-mistoqsijiet magħmula mill-Membri;

    36.

    Iqis il-ħin għall-mistoqsijiet bħala element importanti tal-iskrutinju parlamentari fuq l-eżekuttiv; jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti biex terġa' ddaħħal il-ħin għall-mistoqsijiet fuq l-aġenda tal-plenarja, b'konformità mal-Artikolu 129 tar-Regoli ta' Proċedura;

    37.

    Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-proċeduri amministrattivi tagħha għall-ħatra tas-Segretarju Ġenerali, Diretturi-Ġenerali u Diretturi tagħha, bil-għan li tiżgura għalkollox li jintgħażlu l-aħjar kandidati f'qafas ta' trasparenza massima u opportunitajiet indaqs;

    o

    o o

    38.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    (1)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.

    (2)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.

    (3)  ĠU C 463, 21.12.2018, p. 89.

    (4)  ĠU C 443, 22.12.2017, p. 39.


    Top