Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0604

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020

    COM/2016/0604 final - 2016/0283 (APP)

    Brussell, 14.9.2016

    COM(2016) 604 final

    2016/0283(APP)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fl-ewwel snin tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għas-snin 2014–2020, l-Unjoni qed tiffaċċja sfidi mhux mistennija ta’ skala mingħajr preċedent li jirriżultaw mill-instabilità fil-viċinat tagħha li jagħtu lok għal theddid għas-sigurtà u movimenti migratorji tal-massa.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar "l-Analiżi/ir-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020 – Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati" 1 , il-Kummissjoni vvalutat il-funzjonament u l-użu ta’ strumenti speċjali fl-ewwel sentejn tlieta mill-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali.

    Sabiex timmobilizza mezzi finanzjarji addizzjonali għal miżuri li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi msemmija hawn fuq, sar użu wiesa’ tad-disponibbiltajiet baġitarji kollha, inklużi r-riallokazzjonijiet, il-marġni u l-istrumenti speċjali, u strumenti ġodda, bħal Fondi Fiduċjarji tal-Unjoni Ewropea u l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, ġew stabbiliti biex jiġbdu finanzjament addizzjonali filwaqt li jirrispettaw il-limiti stabbiliti mill-QFP. Apparagun tal-perjodu preċedenti, l-istrumenti speċjali previsti fir-Regolament Nru 1311/2013 2 ("ir-Regolament dwar il-QFP") żdiedu b’mod konsiderevoli l-flessibbiltà tal-QFP, u ppermettew lill-Unjoni biex tieħu azzjoni deċiżiva. Madankollu, peress li dawn l-isfidi jippersistu, hija mhedda l-kapaċità kontinwa tal-Unjoni li tirreaġixxi b’mod rapidu f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

    F’dan l-isfond, il-Parlament Ewropew appella għal passi kuraġġużi biex titjieb il-flessibbiltà tal-baġit tal-Unjoni 3 , filwaqt li d-diskussjonijiet informali tal-Kunsill indikaw ukoll il-ħtieġa li titjieb il-kapaċità tal-QFP attwali biex jirrispondi għaċ-ċirkostanzi mhux mistennija 4 .

    2.IL-BAŻI LEGALI U L-KONTENUT TAL-PROPOSTA

    Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 2 tar-Regolament QFP li jipprevedi li r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-QFP għandu, skont il-każ, ikun akkumpanjat minn proposta leġislattiva għar-reviżjoni ta’ dan ir-Regolament. Tali reviżjoni ma tnaqqasx il-pakketti nazzjonali allokati minn qabel, mingħajr preġudizzju għall-aġġustament tal-pakketti tal-politika ta’ koeżjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament QFP 5 .

    Filwaqt li jittieħed kont tal-użu tal-istrumenti speċjali sa mill-bidu tal-perjodu tal-QFP u tal-isfidi l-ġodda li l-Unjoni kellha tiffaċċja u għadha qed tħabbat wiċċha magħhom, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat ir-Regolament dwar il-QFP sabiex jiżdiedu l-ammonti massimi annwali stabbiliti għar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza (l-Artikolu 9) u għall-Istrument ta’ Flessibbiltà (l-Artikolu 11), u biex jiġi introdott strument speċjali ġdid ħalli titwaqqaf Riżerva għall-Kriżijiet tal-Unjoni Ewropea ffinanzjata minn approprjazzjonijiet diżimpenjati li jippermettu lill-Unjoni biex tirreaġixxi malajr għall-kriżijiet, bħal pereżempju l-kriżi attwali tal-migrazzjoni, kif ukoll għal sitwazzjonijiet b’implikazzjonijiet serji umanitarji jew ta’ sigurtà. B’mod parallel ma’ din il-proposta, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat il-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba 6 sabiex tiġi rregolata l-proċedura ta’ mobilizzazzjoni tar-Riżerva għall-Kriżijiet il-ġdida.

    Barra minn hekk, qed jiġi propost li jitneħħew il-limitazzjonijiet fiż-żmien u fil-kamp ta' applikazzjoni tal-marġni globali għall-impenji(l-Artikolu 14).

    Dwar il-marġni globali għall-pagamenti, qed jiġi propost li jitneħħew il-limiti massimi annwali stabbiliti għall-2018-2020 (l-Artikolu 5.2) sabiex tkun tista' sseħħ il-mobilizzazzjoni sħiħa, fl-aħħar snin tal-QFP, tal-marġni kbar fil-pagamenti mhux użati fl-2016 u l-2017 jekk ikun meħtieġ, u b'hekk tiġi żgurata l-flessibbiltà massima u speċifika.

    3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja immedjata. L-istrumenti speċjali jiġu mmobilizzati u l-approprjazzjonijiet jiddaħħlu fil-baġit annwali skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament dwar il-QFP, l-atti bażiċi rilevanti (ara l-Artikolu 3, il-paragrafu 2 ta' dan ir-Regolament) u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonjiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba.

    2016/0283 (APP)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

    Billi:

    (1)Fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014–2020 (QFP) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 7 , l-istrumenti speċjali ntużaw b’mod estensiv biex jindirizzaw sfidi ġodda li qamu fil-Viċinat Ewropew u li kienu jeħtieġu azzjoni rapida u komprensiva tal-Unjoni sabiex jiġu ttrattati l-implikazzjonijiet umanitarji estensivi u ta’ sigurtà tagħhom.

    (2)Iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dawn il-miżuri straordinarji u għall-ħtieġa li tittieħed aktar azzjoni jippersistu, kif muri mill-użu li sar għal darba oħra, permezz tal-abbozz tal-baġit għas-sena 2017, mill-marġni u l-istrumenti speċjali, li jnaqqsu d-disponibbiltajiet baġitarji biex jiġu ffaċċjati sitwazzjonijiet ta' dan it-tip fil-perjodu li jifdal tal-QFP.

    (3)Sabiex tiġi implimentata flessibbiltà speċifika u massima, u sabiex jiġi żgurat li l-limiti tal-pagamenti jkunu suffiċjenti biex l-Unjoni tkun tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 323 tat-Trattat, il-limitazzjonijiet stabbiliti għall-aġġustament tal-limiti ta’ pagament għas-snin 2018–2020 għandhom jitneħħew.

    (4)Ir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u l-Istrument ta’ Flessibilità hemm bżonn li jiġu msaħħin, u r-restrizzjonijiet rigward l-marġni globali għall-impenji u għall-pagamenti hemm bżonn li jitneħħew sabiex tinżamm kapaċità suffiċjenti għall-Unjoni biex tirreaġixxi kontra ċirkostanzi mhux previsti.

    (5)Għandu jitwaqqaf strument speċjali ġdid li jistabbilixxi Riżerva għall-Kriżijiet tal-Unjoni Ewropea ffinanzjata minn approprjazzjonijiet diżimpenjati, sabiex l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi fis għall-kriżijiet, bħal pereżempju l-kriżi attwali tal-migrazzjoni, kif ukoll għal sitwazzjonijiet b’implikazzjonijiet umanitarji u ta' sigurtà serji.

    (6)Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 għaldaqstant jinħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    (2)"2.    L-istrumenti speċjali previsti fl-Artikoli 9 sa 15 jiżguraw il-flessibbiltà tal-QFP, u għandhom ikunu stabbiliti sabiex jippermettu li l-proċedura baġitarja taħdem bla xkiel. L-approprjazzjonijiet għall-impenji jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi tal-intestaturi rilevanti stabbiliti fil-QFP fejn huwa neċessarju li jintużaw ir-riżorsi mir-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza, mill-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, mill-Istrument tal-Flessibbiltà, mill-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, mill-Marġni ta' Kontinġenza, mir-Riżerva għall-Kriżijiet tal-Unjoni Ewropea, mill-flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex tissaħħaħ ir-riċerka u l-marġni globali għall-impenji, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 8 , ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 , u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba 10 .".

    (3)Fl-Artikolu 5, jitħassar il-paragrafu 2.

    (4)Fl-Artikolu 6 (1), jiżdied il-punt (f) li ġej:

    "(f)il-kalkolu tal-approprjazzjonijiet diżimpenjati magħmula fis-sena n-2 li għandhom ikunu disponibbli fir-Riżerva għall-Kriżijiet tal-Unjoni Ewropea, kif previst fl-Artikolu 13a.".

    (5)Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "2.    L-ammont annwali tar-Riżerva huwa stabbilit għal EUR 500 miljun (bil-prezzijiet tal-2011) u jista' jintuża sas-sena n+1 f'konformità mar-Regolament Finanzjarju. Din ir-Riżerva għandha tiddaħħal bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tintuża l-ewwel il-parti tal-ammont annwali li ġej mis-sena preċedenti. Dik il-parti tal-ammont annwali mis-sena n li ma tintużax fis-sena n+1 tiġi annulata.".

    (6)Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "1.    L-Istrument ta’ Flessibbiltà hu maħsub biex jippermetti l-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari, ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tkun iffinanzjata fil-limiti massimi disponibbli ta' intestatura waħda jew ta' aktar. Għall-Istrument ta’ Flessibbiltà għandu jkun hemm limitu ta’ EUR 1000 miljun (bil-prezzijiet tal-2011) fuq l-ammont annwali disponibbli.".

    (7)Jiddaħħal l-Artikolu 13 a li ġej:

    "Artikolu 13 a

    Riżerva għall-Kriżijiet tal-Unjoni Ewropea

    1.    Ir-Riżerva għall-Kriżijiet tal-Unjoni Ewropea għandha l-għan li tippermetti lill-Unjoni biex tirreaġixxi b’mod rapidu għall-kriżijiet, kif ukoll għal sitwazzjonijiet li għandhom implikazzjonijiet umanitarji u ta’ sigurtà serji.

    2.    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu [178] tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet diżimpenjati magħmula matul is-sena n-2 se jkunu disponibbli għar-Riżerva għall-Kriżijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-proċedura baġitarja għas-sena n. Ir-Riżerva tiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni. L-ammont annwali disponibbli għandu jintuża sas-sena n+1 f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. Il-parti tal-ammont annwali li ġej mis-sena n għandu jintuża l-ewwel. Dik il-parti tal-ammont annwali mis-sena n li ma tintużax fis-sena n+1 tiġi annulata.".

    (8)L-Artikolu 14 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "Artikolu 14

    Marġni globali għall-impenji

    1.Il-marġni li għadhom disponibbli taħt il-limitu massimu tal-QFP għal approprjazzjonijiet ta' impenn għandhom jikkostitwixxu Marġni Globali tal-QFP għall-impenji, li għandhom isiru disponibbli lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin mill-2016 sal-2020.

    2.Kull sena, bħala parti mill-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont disponibbli. Il-Marġni Globali tal-QFP jew parti minnu jista' jiġi mmobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja skont l-Artikolu 314 tat-TFUE.".

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) COM(2016)603 tal-14.09.2016.
    (2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
    (3)

       Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar it-tħejjija ta' reviżjoni postelettorali tal-QFP 2020–2014: Il-kontribut tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni (2015/2353(INI)), P8_TA-PROV(2016)0309.

    (4) Ir-rapport tal-Presidenza Olandiża: Lejn Qafas Finanzjarju Pluriennali flessibbli u li jħares 'l quddiem, it-30.5.2016, https://www.rijksoverheid.nl/binaries/rijksoverheid/documenten/kamerstukken/2016/05/30/voorzitterschapsverslag-over-mfk/voorzitterschapsverslag-over-mfk.pdf .
    (5) Għal dan l-aġġustament, ara: Aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għall-2017 f’konformità mal-movimenti fl-ING u mal-aġġustament tal-pakketti tal-politika ta' koeżjoni, COM(2016) 311 final, 30.6.2016.
    (6) Ftehim Interistituzzjonali bejn il- Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ta' 2 ta' Diċembru 2013 dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).
    (7) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
    (8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).
    (9) Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
    (10) Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).
    Top